EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2131

Regolament (UE) 2023/2131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni diġitali f'każijiet ta' terroriżmu

PE/74/2022/REV/1

ĠU L, 2023/2131, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2131/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2131/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2131

11.10.2023

REGOLAMENT (UE) 2023/2131 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta’ Ottubru 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni diġitali f'każijiet ta' terroriżmu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 85 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) stabbilixxa l-Eurojust u jistipula l-kompiti, il-kompetenza u l-funzjonijiet tagħha.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (3) tistipula li, sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu, huwa essenzjali li s-servizzi rilevanti jkollhom l-informazzjoni l-aktar kompleta u aġġornata possibbli. Dik id-Deċiżjoni tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jipprovdu lill-Eurojust informazzjoni dwar prosekuzzjonijiet u kundanni għal reati terroristiċi li jolqtu jew jistgħu jolqtu żewġ Stati Membri jew aktar.

(3)

Bħala riżultat ta' inkonsistenzi fl-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI, f'xi każijiet l-informazzjoni ma tiġix kondiviża fi żmien xieraq, l-informazzjoni sempliċiment ma tiġix kondiviża, jew mhux l-informazzjoni rilevanti kollha tiġi kondiviża. Jeħtieġ li l-Eurojust tirċievi biżżejjed informazzjoni sabiex tidentifika rabtiet bejn investigazzjonijiet transfruntiera.

(4)

Skont ir-Regolament (UE) 2018/1727, kompitu importanti tal-Eurojust huwa li tassisti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jiżguraw l-aħjar koordinazzjoni possibbli ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, inkluż l-identifikazzjoni ta' rabtiet bejn dawn l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet. Dak ir-Regolament jippermetti li l-Eurojust tieħu approċċ aktar proattiv u li tipprovdi servizzi aħjar lill-Istati Membri, pereżempju billi tissuġġerixxi l-bidu ta' investigazzjonijiet u tidentifika l-ħtiġijiet ta' koordinazzjoni, każijiet li potenzjalment jiksru l-prinċipju ta' ne bis in idem u lakuni fil-prosekuzzjonijiet.

(5)

F'Settembru 2019, il-Eurojust stabbiliet ir-Reġistru Ġudizzjarju Ewropew Kontra t-Terroriżmu abbażi tad-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI bl-objettiv speċifiku li jiġu identifikati rabtiet potenzjali bejn il-proċedimenti ġudizzjarji kontra persuni suspettati b’reati terroristiċi u l-ħtiġijiet possibbli ta' koordinazzjoni li jirriżultaw minn dawn ir-rabtiet.

(6)

Ir-Reġistru Ġudizzjarju Ewropew Kontra t-Terroriżmu ġie stabbilit wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1727, u konsegwentement dak ir-Reġistru mhuwiex integrat sew fl-infrastruttura teknika tal-Eurojust, u lanqas ma hemm referenza għal dak ir-Reġistru fir-Regolament (UE) 2018/1727. Għalhekk, jeħtieġ li dik is-sitwazzjoni titranġa.

(7)

Sabiex it-terroriżmu jiġi miġġieled b'mod effettiv, l-iskambju effiċjenti ta' informazzjoni għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-aġenziji tal-Unjoni huwa kruċjali. Huwa essenzjali li jkun hemm l-aktar informazzjoni kompluta u aġġornata possibbli.

(8)

L-organizzazzjonijiet terroristiċi huma dejjem aktar involuti f'forom oħra ta' kriminalità serja u spiss jagħmlu parti minn networks organizzati. Involviment bħal dan jikkonċerna reati serji bħat-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tad-droga, il-kriminalità finanzjarja u l-ħasil tal-flus. Jeħtieġ li l-proċedimenti ġudizzjarji kontra reati serji bħal dawn jiġu kontroverifikati.

(9)

Sabiex il-Eurojust tkun tista' tidentifika rabtiet bejn proċedimenti ġudizzjarji transfruntiera kontra persuni suspettati b’reati terroristiċi kif ukoll rabtiet bejn proċedimenti ġudizzjarji kontra persuni suspettati b’reati terroristiċi u informazzjoni pproċessata fil-Eurojust relatata ma' każijiet oħra ta' reati serji, huwa essenzjali li l-Eurojust tirċievi mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-aktar fis possibbli, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament, l-informazzjoni li tkun meħtieġa sabiex il-Eurojust tkun tista' tidentifika dawk ir-rabtiet permezz ta' kontroverifiki.

(10)

Sabiex jipprovdu data lill-Eurojust, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jeħtieġ li jkunu jafu eżatt x'tip ta' informazzjoni għandhom jibgħatu, f'liema stadju tal-proċedimenti kriminali nazzjonali u f'liema każijiet. Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jibgħatu l-informazzjoni lill-Eurojust b'mod strutturat, organizzat, sistematiku u semiawtomatizzat. Mod semiawtomatizzat huwa mod li fih il-modalità użata biex tintbagħat l-informazzjoni tkun parzjalment awtomatizzata u parzjalment taħt kontroll uman. Dak il-mod ta' trażmissjoni huwa mistenni li jżid b'mod sinifikanti l-kwalità u r-rilevanza tal-informazzjoni li tirċievi l-Eurojust.

(11)

Il-kondiviżjoni, il-ħżin u l-kontroverifika tad-data ser iżidu b'mod sinifikanti l-ammont ta' data pproċessata mill-Eurojust. Jenħtieġ li dawk l-elementi jitqiesu meta jiġu ddeterminati, fi ħdan il-proċeduri u l-oqfsa eżistenti, ir-riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi meħtieġa mill-Eurojust.

(12)

Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif trasposta fil-liġi nazzjonali, hija l-punt ta' referenza biex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddefinixxu reati terroristiċi.

(13)

Huwa kruċjali li tiġi skambjata data ta' identifikazzjoni affidabbli sabiex l-Eurojust tidentifika rabtiet bejn investigazzjonijiet ta' terroriżmu u proċedimenti ġudizzjarji kontra persuni suspettati ta' reati terroristiċi. Huwa kruċjali wkoll għall-Eurojust li jkollha u li taħżen sett ta' data li jiżgura li l-individwi li jkunu soġġetti għal investigazzjonijiet ta' terroriżmu jew proċedimenti ġudizzjarji bħal dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati b'mod affidabbli. L-użu ta' data bijometrika huwa għalhekk importanti, meta jitqiesu l-inċertezzi rigward id-data alfanumerika, speċjalment għal ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-fatt li l-persuni suspettati xi drabi jużaw identitajiet foloz jew doppji, u l-fatt li din id-data bijometrika spiss tkun l-unika rabta mal-persuni suspettati fil-fażi investigattiva. Għalhekk, meta, skont il-liġi nazzjonali dwar il-proċedimenti kriminali jew dwar id-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jaħżnu u jiġbru data bijometrika u jkunu awtorizzati jibagħtuha, jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiskambjaw din id-data mal-Eurojust, meta din tkun disponibbli. Minħabba n-natura sensittiva tad-data bijometrika u l-impatt li l-ipproċessar tad-data bijometrika għandu fuq ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data personali, kif minquxa fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li din id-data tintbagħat b'mod li jikkonforma b'mod rigoruż mal-prinċipji tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-limitazzjoni tal-iskop u tintbagħat biss għall-fini tal-identifikazzjoni ta' individwi li jkunu soġġetti għal proċedimenti kriminali relatati ma' reati ta' terroriżmu.

(14)

Peress li l-informazzjoni dwar rabtiet eżistenti ma' proċedimenti ġudizzjarji oħra hija l-aktar utli fi stadju bikri tal-investigazzjoni, jeħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jipprovdu informazzjoni lill-Eurojust hekk kif il-każ jiġi riferut lil awtorità ġudizzjarja f'konformità mal-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li każ jitqies li jkun ġie riferut lil awtorità ġudizzjarja meta, pereżempju, l-awtorità ġudizzjarja tiġi infurmata b'investigazzjoni li tkun għaddejja, tapprova jew tordna miżura ta' investigazzjoni, jew tiddeċiedi li twettaq prosekuzzjoni, skont il-liġi nazzjonali applikabbli. Jekk awtorità nazzjonali kompetenti tkun diġà konxja mir-rabtiet bejn il-proċedimenti kriminali fl-Istat Membru tagħha u l-proċedimenti kriminali fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li tinforma lill-Eurojust b'dan.

(15)

Meta jitqies il-fatt li fit-tradizzjonijiet u s-sistemi legali ta' xi Stati Membri awtorità ġudizzjarja ma tissorveljax l-investigazzjonijiet u tkun involuta biss fi stadji aktar tard tal-proċedimenti, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jipprevjenix lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jipprovdu informazzjoni dwar investigazzjonijiet ta' terroriżmu lill-membri nazzjonali tagħhom fi stadju aktar bikri f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom.

(16)

Sabiex tiġi żgurata l-preċiżjoni tad-data fir-Reġistru Ġudizzjarju Ewropew Kontra t-Terroriżmu, sabiex jiġu identifikati rabtiet jew tiġi aċċertata l-identità ta' persuna suspettata kemm jista' jkun kmieni f'investigazzjoni u sabiex jiġi żgurat li l-limiti ta' żmien jiġu rispettati, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jaġġornaw l-informazzjoni li jkunu pprovdew. Jenħtieġ li dawn l-aġġornamenti jinkludu informazzjoni ġdida relatata mal-persuna taħt investigazzjoni, deċiżjonijiet ġudizzjarji bħall-arrest preventiv, il-ftuħ ta' proċedimenti ġudizzjarji, il-liberazzjoni u deċiżjonijiet finali li ma ssirx prosekuzzjoni, kif ukoll talbiet għal kooperazzjoni ġudizzjarja jew rabtiet identifikati ma' ġuriżdizzjonijiet oħra.

(17)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jkunux obbligati jikkondividu informazzjoni dwar reati terroristiċi mal-Eurojust fl-aktar stadju bikri fejn dan jikkomprometti l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin jew is-sikurezza ta' individwu jew dan imur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat. Jenħtieġ li derogi bħal dawn mill-obbligu li tiġi kondiviża l-informazzjoni jiġu applikati biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u fuq bażi ta' każ b'każ. Meta jkunu qed jikkunsidraw jekk tingħatax deroga minn dak l-obbligu, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqisu, b'mod li jkun xieraq, il-fatt li l-Eurojust tittratta l-informazzjoni pprovduta minn dawn l-awtoritajiet f'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, u l-kunfidenzjalità tal-proċedimenti ġudizzjarji.

(18)

Għall-finijiet tal-iskambju ta' data sensittiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Eurojust u tal-ipproċessar ta' din id-data, jenħtieġ li jintużaw kanali ta' komunikazzjoni siguri, bħal sistema tal-IT deċentralizzata jew il-konnessjoni ta’ telekomunikazzjoni sigura msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI (5), sabiex din id-data tiġi protetta kontra żvelar mhux awtorizzat u attakki ċibernetiċi. Jenħtieġ li dan l-użu jkun mingħajr preġudizzju għall-iżviluppi teknoloġiċi futuri.

(19)

Sabiex id-data tiġi skambjata b'mod sigur u tiġi protetta l-integrità tal-komunikazzjoni u l-iskambju tad-data, jenħtieġ li s-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet tkun konnessa ma' kanali ta' komunikazzjoni siguri u tissodisfa standards għolja taċ-ċibersigurtà. Tali kanali ta' komunikazzjoni siguri jistgħu jintużaw ukoll biex is-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet tiġi konnessa ma' sistemi tal-informazzjoni oħra tal-Unjoni dment li l-atti legali li jistabbilixxu dawk is-sistemi jipprevedu l-aċċess mill-Eurojust.

(20)

Jenħtieġ li s-sistema tal-IT deċentralizzata tippermetti skambji siguri ta' data bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Eurojust, mingħajr l-involviment ta' kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni fil-mertu ta' skambji bħal dawn. Jenħtieġ li s-sistema tal-IT deċentralizzata tkun magħmula minn sistemi tal-IT back-end tal-Istati Membri u l-Eurojust li jkunu interkonnessi permezz ta' punti ta' aċċess interoperabbli. Jenħtieġ li l-punti ta' aċċess tas-sistema tal-IT deċentralizzata jkunu bbażati fuq e-CODEX.

(21)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-istabbiliment u l-użu tas-sistema tal-IT deċentralizzata għall-każijiet koperti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(22)

It-trażmissjoni ta' data mhux strutturata toħloq il-ħtieġa ta' intervent manwali, toħloq piż amministrattiv addizzjonali, u tnaqqas il-kwalità tar-riżultati tal-kontroverifika. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jibgħatu data b'mod strutturat filwaqt li jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi tal-interoperabbiltà kif definiti fil-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà msemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2017 bit-titolu “Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà - Strateġija ta’ Implimentazzjoni”. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-trasferiment tad-data jiġi awtomatizzat kemm jista' jkun sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u jiġi żgurat li d-data meħtieġa tiġi pprovduta regolarment u malajr.

(23)

Sistema modernizzata ta' ġestjoni tal-każijiet hija meħtieġa biex il-Eurojust tipproċessa data personali sensittiva b'mod sigur. Is-sistema l-ġdida jeħtieġ li tintegra u tippermetti l-funzjonalitajiet tar-Reġistru Ġudizzjarju Ewropew Kontra t-Terroriżmu u ttejjeb il-kapaċità tal-Eurojust li tidentifika rabtiet filwaqt li, bħala regola, tisfrutta b'mod sħiħ il-mekkaniżmi eżistenti nazzjonali u tal-Unjoni għat-tqabbil tad-data bijometrika.

(24)

Huwa importanti li jinżammu l-kontroll u r-responsabbiltà tal-membri nazzjonali għad-data li jirċievu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-ebda data personali operazzjonali ma għandha tiġi kondiviża ma' Stat Membru ieħor b'mod awtomatiku. Jenħtieġ li d-data personali operazzjonali tiġi kondiviża biss sakemm l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jawtorizzaw l-iskambju tad-data. Sabiex jiġi diġitalizzat u jitħaffef is-segwitu tar-rabtiet potenzjali filwaqt li jiġi żgurat kontroll sħiħ fuq id-data, jenħtieġ li jiġu introdotti kodiċijiet ta' trattament.

(25)

It-terroriżmu u l-kriminalità serja u organizzata tal-lum il-ġurnata huma fenomeni dinamiċi u globalizzati ħafna, li spiss jaffettwaw żewġ Stati Membri jew aktar. Għalkemm it-terroriżmu diġà kellu komponent tranżnazzjonali qawwi b'riżultat tal-użu u d-disponibbiltà tal-komunikazzjoni elettronika, il-kollaborazzjoni tranżnazzjonali bejn l-awturi ta' reati terroristiċi żdiedet b'mod sinifikanti. Il-karattru tranżnazzjonali ta' reat terroristiku jista' ma jkunx magħruf meta l-każ jiġi riferut lil awtorità ġudizzjarja iżda jista' jiġi żvelat matul il-kontroverifika tad-data mill-Eurojust. Għalhekk, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi teħtieġ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni jew prosekuzzjoni fuq bażi komuni, kif prevista fl-Artikolu 85 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar każijiet ta' terroriżmu tiġi skambjata mal-Eurojust fi żmien opportun, sakemm iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ ma jindikawx b'mod ċar li għandu karattru purament nazzjonali.

(26)

L-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet f'każijiet ta' terroriżmu spiss jiġu mxekkla min-nuqqas ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni. Sabiex l-investigazzjonijiet terroristiċi ġodda jkunu jistgħu jiġu kontroverifikati wkoll ma' investigazzjonijiet preċedenti u jiġu identifikati rabtiet potenzjali, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-perjodu ta' żamma tad-data dwar kwalunkwe investigazzjoni u kundanna preċedenti jkun adegwat għall-attivitajiet operazzjonali. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu estiżi l-limiti ta' żmien għall-ħżin ta' data fir-Reġistru Ġudizzjarju Ewropew Kontra t-Terroriżmu.

(27)

Il-possibbiltà li investigazzjonijiet ġodda ta' terroriżmu jiġu kontroverifikati ma' investigazzjonijiet preċedenti tista' tidentifika rabtiet potenzjali u twassal għall-ħtieġa ta' kooperazzjoni. Din il-kontroverifika tista' tiżvela li persuna suspettata jew imħarrka f'każ li jkun għaddej fi Stat Membru kienet suspettata jew imħarrka f'każ konkluż fi Stat Membru ieħor. Tista' wkoll tidentifika rabtiet bejn investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet li jkunu għaddejjin li altrimenti setgħu kienu moħbija. Dan huwa l-każ anki meta investigazzjonijiet preċedenti jkunu ntemmu f'liberazzjoni jew f'deċiżjoni finali li ma ssirx prosekuzzjoni. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li tinħażen id-data dwar kull investigazzjoni preċedenti, mhux biss dwar il-kundanni.

(28)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li d-data minn investigazzjonijiet li jkunu ntemmu f'liberazzjoni jew f'deċiżjoni finali li ma ssirx prosekuzzjoni tiġi pproċessata għal finijiet ta' prosekuzzjoni biss. Tali data ma tistax tintuża għal finijiet oħra għajr l-identifikazzjoni ta' rabtiet ma' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li jkunu għaddejjin u għall-appoġġ għal dawk l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet. Sakemm l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tiddeċidix mod ieħor, fuq bażi ta' każ b'każ, jenħtieġ li l-Eurojust tkun tista' tkompli tipproċessa tali data operazzjonali. Fejn, wara li d-deċiżjoni dwar il-liberazzjoni jew li ma ssirx prosekuzzjoni ssir finali, l-awtorità nazzjonali kompetenti tiddeċiedi li l-ipproċessar tad-data ta' persuni lliberati jew mhux imħarrka ma jkunx meħtieġ, inkluż minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-każ jew ir-raġunijiet għal-liberazzjoni jew in-nonprosekuzzjoni, jenħtieġ li dik id-data titħassar.

(29)

Il-Eurojust ikkonkludiet 12-il ftehim ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, li jippermettu t-trasferiment ta' data personali operazzjonali u s-sekondar ta' prosekutur ta' kollegament ta' pajjiż terz lill-Eurojust. Barra minn hekk, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (7) jippermetti s-sekondar ta' prosekutur ta' kollegament. F'Marzu 2021, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn il-Eurojust u 13-il stat terz ieħor, jiġifieri l-Alġerija, l-Arġentina, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Brażil, il-Kolombja, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija.

(30)

Filwaqt li r-Regolament (UE) 2018/1727 jipprevedi bażi legali għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' data ma' pajjiżi terzi, ma fih l-ebda regola dwar l-aspetti formali u tekniċi tal-kooperazzjoni mal-prosekuturi ta' kollegament ta' pajjiżi terzi ssekondati lill-Eurojust, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess tagħhom għas-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet. Fl-interess taċ-ċertezza legali, ir-Regolament (UE) 2018/1727 għandu jipprevedi bażi legali espliċita għall-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-prosekuturi ta' kollegament ta' pajjiżi terzi u għall-aċċess tagħhom għas-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet. Jenħtieġ li l-Eurojust timplimenta salvagwardji u miżuri ta' sigurtà adegwati għall-protezzjoni tad-data u tad-drittijiet fundamentali permezz tal-istruttura teknika aġġornata u regoli interni stretti.

(31)

Meta tipproċessa data personali operazzjonali f'konformità ma' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Eurojust tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-data. Għall-ipproċessar ta' data personali operazzjonali, il-Eurojust hija soġġetta għall-Artikolu 3 u l-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), kif ukoll għal regoli speċifiċi dwar l-ipproċessar ta' data personali operazzjonali previsti fir-Regolament (UE) 2018/1727 kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/838 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u dan ir-Regolament. Dawk id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali operazzjonali kollha pproċessata mill-Eurojust. B'mod partikolari, japplikaw għad-data personali operazzjonali kollha pproċessata fis-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet, irrispettivament minn jekk id-data tiġix ipproċessata minn membri nazzjonali, korrispondenti nazzjonali, prosekuturi ta' kollegament jew persuni awtorizzati oħra f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1727.

(32)

Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet dwar jekk il-Eurojust għandhiex tappoġġa l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' investigazzjoni u ta' prosekuzzjoni u kif għandha tagħmel dan jibqgħu esklużivament f'idejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, soġġetti għal-liġi nazzjonali applikabbli, il-liġi tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali, inkluż konvenzjonijiet jew ftehimiet internazzjonali oħra dwar l-assistenza reċiproka f'materji kriminali.

(33)

Fl-interess taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li r-relazzjoni bejn l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar każijiet ta' terroriżmu mal-Eurojust skont id-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI u r-Regolament (UE) 2018/1727 tiġi ċċarata. Għalhekk, jenħtieġ li id-dispożizzjonijiet rilevanti jitħassru mid-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI u jenħtieġ li jiżdiedu fir-Regolament (UE) 2018/1727.

(34)

Filwaqt li xi awtoritajiet nazzjonali kompetenti diġà huma konnessi mal-konnessjoni ta' telekomunikazzjoni sigura msemmija fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2008/976/ĠAI, ħafna awtoritajiet nazzjonali kompetenti għadhom mhumiex konnessi ma' dik il-konnessjoni ta' telekomunikazzjoni sigura jew ma' kanali ta' komunikazzjoni siguri. Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien sabiex jipprovdu din il-konnessjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jenħtieġ li jingħata perjodu tranżizzjonali għall-implimentazzjoni.

(35)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu parti fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(36)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u t-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu parti fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(37)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fis-26 ta' Jannar 2022,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1727

Ir-Regolament (UE) 2018/1727 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-Eurojust tista' wkoll tassisti fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet li jaffettwaw biss Stat Membru u pajjiż terz jew Stat Membru u organizzazzjoni internazzjonali, dment li jkun ġie konkluż ftehim ta' kooperazzjoni jew arranġament li jistabbilixxi kooperazzjoni skont l-Artikolu 52 ma' dak il-pajjiż terz jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali, jew dment li f'każ speċifiku jkun hemm interess essenzjali fl-għoti ta' tali assistenza.

Id-deċiżjoni dwar jekk l-Istati Membri jipprovdux assistenza ġudizzjarja lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali u kif jagħmlu dan għandha tibqa' esklużivament f'idejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, soġġett għal-liġi nazzjonali applikabbli, il-liġi tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali.”

;

(2)

l-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità nazzjonali kompetenti bħala korrispondent nazzjonali tal-Eurojust għal kwistjonijiet ta' terroriżmu. Dak il-korrispondent nazzjonali għal kwistjonijiet ta' terroriżmu għandu jkun awtorità ġudizzjarja jew awtorità kompetenti oħra. Għandu jkun possibbli li Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità nazzjonali kompetenti waħda bħala korrispondent nazzjonali tal-Eurojust għal kwistjonijiet ta' terroriżmu, meta s-sistema legali nazzjonali tirrikjedi dan. Il-korrispondent nazzjonali għal kwistjonijiet ta' terroriżmu għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha skont l-Artikolu 21a(1). Għandu jkollu l-kompetenza biex jiġbor dik l-informazzjoni u jibgħatha lill-Eurojust, f'konformità mal-liġi nazzjonali u l-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-liġi kriminali proċedurali u r-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.”

;

(b)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.   Biex jilħqu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, il-persuni msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a), (b) u (c), ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu konnessi mas-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet f'konformità ma' dan l-Artikolu u mal-Artikoli 23, 24, 25 u 34. L-ispiża tal-konnessjoni mas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet għandha titħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.”

;

(3)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“9.   Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa obbligi oħra rigward it-trażmissjoni ta' informazzjoni lill-Eurojust.”

;

(b)

il-paragrafu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“10.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx jiġu obbligati jipprovdu informazzjoni kif imsemmi f'dan l-Artikolu fejn din l-informazzjoni tkun diġà ntbagħtet lill-Eurojust f'konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament.”

;

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 21a

Skambju ta' informazzjoni dwar każijiet ta' terroriżmu

1.   Fir-rigward ta' reati terroristiċi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinfurmaw lill-membri nazzjonali tagħhom dwar kwalunkwe investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja jew li tkun ġiet konkluża taħt superviżjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji hekk kif il-każ jiġi riferut lill-awtoritajiet ġudizzjarji f'konformità mal-liġi nazzjonali, b'mod partikolari l-liġi proċedurali kriminali nazzjonali, dwar kwalunkwe prosekuzzjoni u proċediment tal-qorti li jkunu għaddejjin jew li jkunu ġew konklużi, u dwar kwalunkwe deċiżjoni tal-qorti dwar reati terroristiċi. Dak l-obbligu għandu japplika għall-investigazzjonijiet kriminali kollha relatati ma' reati terroristiċi irrispettivament minn jekk ikunx hemm rabta magħrufa ma' Stat Membru ieħor jew pajjiż terz sakemm l-investigazzjoni kriminali, minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħha, ma taffettwax b'mod ċar lil Stat Membru wieħed biss.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika meta:

(a)

il-kondiviżjoni tal-informazzjoni tipperikola investigazzjoni li tkun għaddejja jew is-sikurezza ta' individwu; jew

(b)

il-kondiviżjoni tal-informazzjoni tmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat.

3.   Ir-reati terroristiċi għall-fini ta' dan l-Artikolu huma r-reati msemmija fid-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

4.   L-informazzjoni mibgħuta f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tinkludi d-data personali u d-data mhux personali operazzjonali elenkati fl-Anness III. Din l-informazzjoni tista' tinkludi data personali f'konformità mal-Anness III, il-punt (d), iżda biss f'każ li dik id-data personali tinżamm mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew tkun tista' tiġi kkomunikata lilhom f'konformità mal-liġi nazzjonali u f'każ li t-trażmissjoni ta' dik id-data tkun meħtieġa biex jiġi identifikat b'mod affidabbli suġġett tad-data skont l-Artikolu 27(5).

5.   Soġġett għall-paragrafu 2, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinfurmaw lill-membri nazzjonali tagħhom dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni mibgħuta skont il-paragrafu 1 mingħajr dewmien żejjed u, fejn possibbli, mhux aktar tard minn għaxart ijiem tax-xogħol wara tali bidliet.

6.   L-awtorità nazzjonali kompetenti ma għandhiex tiġi obbligata tipprovdi tali informazzjoni jekk din tkun diġà ntbagħtet lill-Eurojust.

7.   L-awtorità nazzjonali kompetenti tista', fi kwalunkwe stadju, titlob l-appoġġ tal-Eurojust fl-azzjoni ta' segwitu fir-rigward tar-rabtiet identifikati abbażi tal-informazzjoni pprovduta skont dan l-Artikolu.

(*1)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).”;"

(5)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 22 a

Komunikazzjoni diġitali sigura u skambju ta' data bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Eurojust

1.   Il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Eurojust skont dan ir-Regolament għandha titwettaq permezz tas-sistema tal-IT deċentralizzata. Is-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 23 għandha tkun konnessa ma’ network ta' sistemi tal-IT u punti ta' aċċess e-CODEX interoperabbli, li joperaw taħt ir-responsabbiltà u l-ġestjoni individwali ta' kull Stat Membru u l-Eurojust, filwaqt li jippermettu l-iskambju transfruntier sigur u affidabbli ta' informazzjoni (“is-sistema tal-IT deċentralizzata”).

2.   Fejn l-iskambju ta' informazzjoni f'konformità mal-paragrafu 1 ma jkunx possibbli minħabba n-nuqqas ta' disponibbiltà tas-sistema tal-IT deċentralizzata jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, dan għandu jitwettaq bl-aktar mezz alternattiv rapidu u xieraq. L-Istati Membri u l-Eurojust għandhom jiżguraw li l-mezzi alternattivi ta' komunikazzjoni jkunu affidabbli u jipprovdu livell ekwivalenti ta' sigurtà u protezzjoni tad-data.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jibgħatu l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 21 u 21a ta' dan ir-Regolament lill-Eurojust b'mod semiawtomatizzat u strutturat mir-reġistri nazzjonali. L-arranġamenti għal tali trażmissjoni għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni, f'konsultazzjoni mal-Eurojust, f'att ta' implimentazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 22b ta' dan ir-Regolament. B'mod partikolari, dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiddetermina l-format tad-data trażmessa skont l-Anness III, il-punt (d), ta' dan ir-Regolament u l-istandards tekniċi meħtieġa fir-rigward tat-trażmissjoni ta' tali data, u għandu jistabbilixxi l-istandards proċedurali diġitali kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt 9, tar-Regolament (UE) 2022/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli li toħloq, iżżomm u tiżviluppa software ta' implimentazzjoni ta' referenza li l-Istati Membri u l-Eurojust jistgħu jagħżlu li japplikaw bħala s-sistema back-end tagħhom. Dak is-software ta' implimentazzjoni ta' referenza għandu jkun ibbażat fuq konfigurazzjoni modulari, li jfisser li s-software jiġi ppakkjat u kkonsenjat b'mod separat mill-komponenti e-CODEX meħtieġa biex is-software jiġi konness mas-sistema tal-IT deċentralizzata. Dik il-konfigurazzjoni għandha tippermetti lill-Istati Membri jużaw mill-ġdid jew itejbu l-infrastrutturi ta' komunikazzjoni ġudizzjarja nazzjonali eżistenti tagħhom bl-għan li jintużaw b'mod transfruntier u tippermetti lill-Eurojust tikkollega s-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet tagħha mas-sistema tal-IT deċentralizzata.

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi, iżżomm u tappoġġa s-software ta' implimentazzjoni ta' referenza mingħajr ħlas. Il-ħolqien, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-software ta' implimentazzjoni ta' referenza għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

6.   L-Istati Membri u l-Eurojust għandhom iġarrbu l-ispejjeż rispettivi tagħhom għall-istabbiliment u t-tħaddim ta' punt ta' aċċess e-CODEX awtorizzat kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 3, tar-Regolament (UE) 2022/850, u għall-istabbiliment u l-aġġustament tas-sistemi tal-IT rilevanti tagħhom biex jagħmluhom interoperabbli mal-punti ta' aċċess.

Artikolu 22b

Adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta' implimentazzjoni meħtieġa għall-istabbiliment u l-użu tas-sistema tal-IT deċentralizzata għall-komunikazzjoni skont dan ir-Regolament, li jistabbilixxu dan li ġej:

(a)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jiddefinixxu l-metodi ta' komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi għall-finijiet tas-sistema tal-IT deċentralizzata;

(b)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-protokolli ta' komunikazzjoni;

(c)

l-objettivi tas-sigurtà tal-informazzjoni u l-miżuri tekniċi rilevanti li jiżguraw l-istandards minimi ta' sigurtà tal-informazzjoni u livell għoli ta' ċibersigurtà għall-ipproċessar u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni fis-sistema tal-IT deċentralizzata;

(d)

l-objettivi ta' disponibbiltà minima u r-rekwiżiti tekniċi relatati possibbli għas-servizzi pprovduti mis-sistema tal-IT deċentralizzata;

(e)

l-istabbiliment ta' kumitat ta' tmexxija li fih rappreżentanti tal-Istati Membri biex jiġu żgurati t-tħaddim u l-manutenzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament.

2.   L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati sa tal-1 ta' Novembru 2025 [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju] f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22c(2).

Artikolu 22c

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2022/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2022 dwar sistema kompjuterizzata għall-iskambju elettroniku transfruntier ta' data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali (is-sistema e-CODEX), u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 150, 1.6.2022, p. 1)."

(*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

(6)

l-Artikoli 23, 24 u 25 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 23

Sistema ta' ġestjoni tal-każijiet

1.   Il-Eurojust għandha tistabbilixxi sistema ta' ġestjoni tal-każijiet għall-ipproċessar ta' data personali operazzjonali elenkata fl-Anness II, data elenkata fl-Anness III u data mhux personali.

2.   L-għanijiet tas-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet għandhom ikunu li:

(a)

tappoġġa l-ġestjoni u l-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li għalihom l-Eurojust qed tipprovdi assistenza;

(b)

tiżgura aċċess sigur għal informazzjoni dwar investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet pendenti u l-iskambju tagħha;

(c)

tippermetti l-kontroverifika tal-informazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ rabtiet;

(d)

tippermetti l-estrazzjoni ta' data għal finijiet operazzjonali u statistiċi;

(e)

tiffaċilita l-monitoraġġ sabiex tiżgura li l-ipproċessar ta' data personali operazzjonali jkun legali u jikkonforma ma' dan ir-regolament u mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

3.   Is-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet tista' tkun marbuta mal-konnessjoni tat-telekomunikazzjoni sigura msemmija fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI (*4) u kanali ta' komunikazzjoni siguri oħra f'konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

4.   Meta l-Eurojust tkun ingħatat aċċess għal data fi jew minn sistemi tal-informazzjoni oħra tal-Unjoni stabbiliti fl-ambitu ta' atti legali oħra tal-Unjoni, tista' tuża s-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet biex taċċessa data f'tali sistemi tal-informazzjoni jew tikkonnettja magħhom għall-fini ta' rkupru u pproċessar ta' informazzjoni, inkluż data personali, dment li tkun meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietha u tkun f'konformità mal-atti legali tal-Unjoni li jistabbilixxu tali sistemi tal-informazzjoni.

5.   Il-paragrafi 3 u 4 ma jestendux id-drittijiet ta' aċċess mogħtija lill-Eurojust għal sistemi tal-informazzjoni oħra tal-Unjoni skont l-atti legali tal-Unjoni li jistabbilixxu dawk is-sistemi.

6.   Fit-twettiq ta' dmirijiethom, il-membri nazzjonali jistgħu jipproċessaw data personali dwar il-każijiet individwali li jkunu qed jaħdmu fuqhom, f'konformità ma' dan ir-Regolament jew ma' strumenti applikabbli oħra. Huma għandhom jippermettu lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jkollu aċċess għad-data personali pproċessata fis-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet.

7.   Għall-ipproċessar ta' data personali operazzjonali, il-Eurojust ma għandha tistabbilixxi l-ebda fajl ta' data awtomatizzat għajr is-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet.

Il-membri nazzjonali jistgħu jaħżnu b'mod temporanju u janalizzaw data personali sabiex jiġi determinat jekk tali data tkunx rilevanti għall-kompiti tal-Eurojust u tistax tiġi inkluża fis-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet. Dik id-data tista' tinżamm sa tliet xhur.

Artikolu 24

Ġestjoni tal-informazzjoni fis-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet

1.   Il-membru nazzjonali għandu jaħżen l-informazzjoni trażmessa lil dak il-membru nazzjonali f'konformità ma' dan ir-Regolament jew strumenti oħra applikabbli fis-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet.

Il-membru nazzjonali għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni tad-data pproċessata minn dak il-membru nazzjonali.

2.   Il-membru nazzjonali għandu jiddeċiedi, fuq bażi ta' każ b'każ, jekk għandux iżomm l-aċċess għall-informazzjoni ristretta jew jagħtix aċċess għaliha jew għal partijiet minnha lil membri nazzjonali oħra, lill-prosekuturi ta' kollegament issekondati lill-Eurojust, lill-persunal awtorizzat tal-Eurojust jew lil kwalunkwe persuna oħra li taħdem f'isem il-Eurojust li tkun irċeviet l-awtorizzazzjoni meħtieġa mingħand id-Direttur Amministrattiv.

3.   Il-membru nazzjonali għandu jindika, f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, f'termini ġenerali jew speċifiċi, kwalunkwe restrizzjoni fuq it-trattament, l-aċċess u t-trasferiment ulterjuri tal-informazzjoni jekk tkun ġiet identifikata rabta kif imsemmija fl-Artikolu 23(2), il-punt (c).

Artikolu 25

Aċċess għas-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet fil-livell nazzjonali

1.   Il-persuni msemmija fl-Artikolu 20(3), il-punti (a), (b) u (c), għandu jkollhom aċċess għal mhux iktar minn din id-data li ġejja:

(a)

data kkontrollata mill-membru nazzjonali tal-Istat Membru tagħhom;

(b)

data kkontrollata minn membri nazzjonali ta' Stati Membri oħra u li għaliha l-membru nazzjonali tal-Istat Membru tagħhom ikun irċieva aċċess, sakemm il-membru nazzjonali li jikkontrolla d-data ma jkunx ċaħad tali aċċess.

2.   Il-membru nazzjonali għandu, fil-limitazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jiddeċiedi sa liema punt jingħata l-aċċess lill-persuni msemmija fl-Artikolu 20(3), il-punti (a), (b) u (c), fl-Istat Membru tagħhom.

3.   Id-data pprovduta f'konformità mal-Artikolu 21a tista’ tiġi aċċessata fil-livell nazzjonali mill-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust fi kwistjonijiet ta' terroriżmu biss kif imsemmija fl-Artikolu 20(3), il-punt (c).

4.   Kull Stat Membru jista' jiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-membru nazzjonali tiegħu, li l-persuni msemmija fl-Artikolu 20(3), il-punti (a), (b) u (c), jistgħu, fil-limiti previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, idaħħlu informazzjoni fis-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet li tikkonċerna l-Istat Membru tagħhom. Dak il-kontribut għandu jkun soġġett għall-validazzjoni mill-membru nazzjonali rispettiv. Il-Kulleġġ għandu jistabbilixxi d-dettalji tal-implimentazzjoni prattika ta' dan il-paragrafu. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Eurojust u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

(*4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar in-Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 130).”;"

(7)

l-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-Eurojust tista' tipproċessa kategoriji speċjali ta' data personali operazzjonali f'konformità mal-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Meta data oħra bħal din tirreferi għal xhieda jew vittmi skont it-tifsira tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, id-deċiżjoni li tiġi pproċessata għandha tittieħed mill-membri nazzjonali kkonċernati.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Meta data personali operazzjonali tintbagħat f'konformità mal-Artikolu 21a, il-Eurojust tista' tipproċessa d-data personali operazzjonali elenkata fl-Anness III tal-persuni li ġejjin:

(a)

persuni li għalihom, f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li huma wettqu jew waslu sabiex iwettqu reat kriminali li fir-rigward tiegħu l-Eurojust hija kompetenti;

(b)

persuni li ġew ikkundannati għal tali reat.

Dment li l-awtorità kompetenti nazzjonali ma tiddeċidix mod ieħor, fuq bażi ta' każ b'każ, il-Eurojust tista' tkompli tipproċessa d-data personali operazzjonali msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu anke wara li l-proċedimenti jkunu ġew konklużi skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, anke fil-każ ta' liberazzjoni jew ta' deċiżjoni finali li ma ssirx prosekuzzjoni. Fejn il-proċedimenti ma rriżultawx f'kundanna, l-ipproċessar tad-data personali operazzjonali għandu jsir biss sabiex jiġu identifikati rabtiet ma' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet pendenti, futuri jew konklużi kif imsemmi fl-Artikolu 23(2), il-punt (c).”;

(8)

l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-Eurojust ma għandhiex taħżen data personali operazzjonali trażmessa f'konformità mal-Artikolu 21a lil hinn mill-ewwel data mid-dati li ġejjin:

(a)

id-data li fiha l-prosekuzzjoni tkun preskritta skont l-istatut tal-preskrizzjoni tal-Istati Membri kollha kkonċernati bl-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni;

(b)

ħames snin wara d-data li fiha d-deċiżjoni ġudizzjarja tal-aħħar Stat Membru kkonċernat mill-investigazzjoni jew mill-prosekuzzjoni saret finali, jew sentejn fil-każ ta' liberazzjoni jew deċiżjoni finali li ma ssirx prosekuzzjoni;

(c)

id-data ta' meta l-Eurojust tiġi infurmata bid-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 27(5).”;

(b)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

“2.   L-osservanza tal-iskadenzi għall-ħżin imsemmija fil-paragrafi 1 u 1a għandha tiġi rieżaminata b'mod kostanti permezz ta' pproċessar awtomatizzat xieraq imwettaq mill-Eurojust, b'mod partikolari mill-mument li l-Eurojust ma tibqax tipprovdi appoġġ.

Għandu jsir ukoll rieżami tal-ħtieġa li tinħażen id-data kull tliet snin wara li tiddaħħal.

Jekk id-data personali operazzjonali msemmija fl-Artikolu 27(4) tinħażen għal perjodu li jaqbeż il-ħames snin, il-KEPD għandu jiġi infurmat b'dan.

3.   Qabel ma tiskadi waħda mill-iskadenzi għall-ħżin imsemmija fil-paragrafi 1 u 1a, il-Eurojust għandha tirrieżamina l-ħtieġa li d-data personali operazzjonali tkompli tinħażen fejn u sakemm dan ikun meħtieġ sabiex twettaq il-kompiti tagħha.

Hija tista', permezz ta' deroga, tiddeċiedi li taħżen dik id-data sar-rieżami li jmiss. Ir-raġunijiet għat-tkomplija tal-ħżin għandhom jiġu ġġustifikati u rreġistrati. Jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar il-ħażna kontinwa ta' data personali operazzjonali fil-mument tar-rieżami, dik id-data għandha titħassar awtomatikament.”

;

(9)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 54a

Prosekuturi ta' kollegament ta' pajjiżi terzi

1.   Il-prosekutur ta' kollegament minn pajjiż terz jista' jiġi ssekondat lill-Eurojust abbażi ta' ftehim ta' kooperazzjoni konkluż qabel it-12 ta' Diċembru 2019 bejn il-Eurojust u dak il-pajjiż terz jew ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 TFUE li jippermetti s-sekondar ta' prosekutur ta' kollegament.

2.   Id-drittijiet u l-obbligi tal-prosekutur ta' kollegament għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim ta' kooperazzjoni jew fil-ftehim internazzjonali msemmi fil-paragrafu 1 jew f'arranġament ta' ħidma konkluż f'konformità mal-Artikolu 47(3).

3.   Il-prosekuturi ta' kollegament issekondati mal-Eurojust għandhom jingħataw aċċess għas-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet għall-iskambju sigur tad-data. F'konformità mal-Artikoli 45 u 46, il-Eurojust għandha tibqa' responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali mill-prosekuturi ta' kollegament fis-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet.

It-trasferimenti ta' data personali operazzjonali lil prosekuturi ta' kollegament ta' pajjiżi terzi permezz tas-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet jistgħu jsiru biss skont ir-regoli u l-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-regolament, fil-ftehim mal-pajjiż rispettiv jew fl-istrumenti legali applikabbli oħra.

L-Artikolu 24(1), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 24(2) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-prosekuturi ta' kollegament.

Il-Kulleġġ għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet dettaljati ta' aċċess.”;

(10)

fl-Artikolu 80, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“9.   Il-Eurojust tista' tkompli tuża s-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet magħmula minn fajls ta' ħidma temporanji u minn indiċi sa tas-1 ta' Diċembru 2025 [l-ewwel jum tax-xahar wara l-perjodu ta' sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], jekk is-sistema l-ġdida ta' ġestjoni tal-każijiet tkun għadha ma daħlitx fis-seħħ.

10.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Eurojust jistgħu jkomplu jużaw kanali ta' komunikazzjoni oħrajn minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 22a(1) sal-ewwel jum tax-xahar wara l-perjodu ta' sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 22b ta'dan ir-Regolament, jekk il-kanali ta' komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 22a(1) ikun għadhom ma humiex disponibbli għal skambju dirett bejniethom.

11.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jkomplu jipprovdu informazzjoni b'modi oħra li ma humiex semiawtomatiċi f'konformità mal-Artikolu 22a(3) sal-ewwel jum tax-xahar wara l-perjodu ta' sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 22b ta' dan ir-Regolament, jekk ir-rekwiżiti tekniċi jkunu għadhom ma humiex fis-seħħ.”

;

(11)

jiżdied l-Anness li ġej:

“ANNESS III:

(a)

informazzjoni sabiex tiġi identifikata l-persuna suspettata, akkużata, ikkundannata jew illiberata:

Għal persuna fiżika:

il-kunjom (isem il-familja);

l-ismijiet (ismijiet mogħtija);

kwalunkwe psewdonimu;

id-data tat-twelid;

il-post tat-twelid (belt u pajjiż);

in-nazzjonalità jew nazzjonalitajiet;

dokument ta' identifikazzjoni (tip u numru tad-dokument);

ġeneru;

il-post ta' residenza;

Għal persuna ġuridika:

l-isem tan-negozju;

il-forma ġuridika;

il-post tal-uffiċċju prinċipali;

Kemm għall-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi:

in-numri tat-telefon;

l-indirizzi tal-email;

id-dettalji tal-kontijiet miżmuma f'banek jew f'istituzzjonijiet finanzjarji oħra;

(b)

informazzjoni dwar ir-reat terroristiku:

informazzjoni dwar persuni ġuridiċi involuti fit-tħejjija jew fit-twettiq ta' reat terroristiku;

kwalifika legali tar-reat skont il-liġi nazzjonali;

il-forma applikabbli ta' reat serju mil-lista msemmija fl-Anness I;

kwalunkwe affiljazzjoni ma' grupp terroristiku;

it-tip ta' terroriżmu, pereżempju ġiħadist, separatist, tax-xellug jew tal-lemin;

sommarju qasir tal-każ;

(c)

informazzjoni dwar il-proċedimenti nazzjonali:

l-istatus ta' tali proċedimenti;

l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku responsabbli;

in-numru tal-każ;

id-data tal-ftuħ tal-proċedimenti ġudizzjarji formali;

rabtiet ma' każijiet rilevanti oħra;

(d)

informazzjoni addizzjonali biex tiġi identifikata l-persuna suspettata:

id-data tal-marki tas-swaba' li tkun inġabret f'konformità mal-liġi nazzjonali matul proċedimenti kriminali;

ritratti.

.

Artikolu 2

Emendi għad-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI

Id-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jitħassar il-punt (c);

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

jitħassar il-paragrafu 2;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 dwar investigazzjonijiet kriminali għal reati terroristiċi li jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw żewġ Stati Membri jew aktar, miġbura mill-awtorità rilevanti, tiġi trażmessa lill-Europol, f'konformità mal-liġi nazzjonali u mar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).”;"

(c)

jitħassar il-paragrafu 5.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, l-4 ta’ Ottubru 2023

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. M. ALBARES BUENO


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2023 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2023

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi (ĠU L 253, 29.09.2005, p. 22).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 130).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2022/838 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 fir-rigward tal-preservazzjoni, l-analiżi u l-ħżin fil-Eurojust ta' evidenza relatata ma' ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u reati kriminali relatati (ĠU L 148, 31.5.2022, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2131/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top