EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1779

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1779 tal-15 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

ST/12623/2023/INIT

ĠU L 228I, 15.9.2023, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1779/oj

15.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 228/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1779

tal-15 ta’ Settembru 2023

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

(2)

Fil-25 ta' Settembru 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li tikkundanna l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani kontra dimostranti mhux vjolenti, filwaqt li tinnota li dan kien wassal għal imwiet u għadd kbir ta' persuni midruba. Id-dikjarazzjoni stqarret ukoll li dawk responsabbli għall-qtil ta' Mahsa Amini jridu jinżammu responsabbli, u appellat lill-awtoritajiet Iranjani biex jiżguraw investigazzjonijiet trasparenti u kredibbli biex jiċċaraw l-għadd ta' persuni mejta u arrestati, biex jeħilsu lid-dimostranti mhux vjolenti kollha u biex jipprovdu proċess xieraq lid-detenuti kollha. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni enfasizzat li d-deċiżjoni tal-Iran li jirrestrinġi severament l-aċċess għall-internet u jimblokka pjattaformi ta' messaġġi istantanji tikser b'mod sfaċċat il-libertà tal-espressjoni. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni stqarret li l-Unjoni ser tikkunsidra l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza l-qtil ta' Mahsa Amini u l-mod kif il-forzi tas-sigurtà Iranjani wieġbu għad-dimostrazzjonijiet li segwew.

(3)

F'dak il-kuntest, u f'konformità mal-impenn tal-Unjoni li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta' tħassib mal-Iran, fosthom is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif ikkonfermat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2022, jenħtieġ li erba' persuni u sitt entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011.

(4)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 359/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huwa emendat f'konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1.


ANNESS

Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“234.

PARVAR Gholamhossein Gheib

Funzjoni: Deputat għall-Kap Kmandant tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) fl-Imam Ali Central Security Headquarters

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Gholamhossein Gheib Parvar huwa d-Deputat għall-Kap Kmandant tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) fl-Imam Ali Central Security Headquarters. F'din il-kapaċità fl-Imam Ali Central Security Headquarters, li ġiet iffurmata bil-għan li jitrażżnu l-protesti popolari, huwa kien responsabbli għall-qtil u t-trażżin ta' protestanti waqt il-protesti li saru mal-pajjiż kollu f'Novembru 2019. Fil-funzjoni li kellu qabel, bħala l-kap tal-Basij Organisation, huwa kien responsabbli mill-qtil u mit-trażżin brutali tal-protestanti minn forzi taħt il-kmand tiegħu waqt il-protesti li saru mal-pajjiż kollu fl-Iran minn Diċembru 2017sa Jannar 2018.

Għaldaqstant, Gholamhossein Gheib Parvar huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

15.9.2023

235.

SHAHRESTANI Hassan Mofakhami

حسن مفخمی شهرستانی

(magħruf ukoll bħala: MOFAKHAMI-SHAHRESTANI Hassan; MOFAKHAMISHAHRESRANI Hassan )

Funzjoni: Kmandant tal-Pulizija fil-Provinċja ta' Mazandaran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Hassan Mofakhami Shahrestani huwa l-kmandant tal-pulizija fil-Provinċja ta' Mazandaran. Il-passat tiegħu jmur lura għal żmien twil b'funzjonijiet marbuta mat-trażżin vjolenti ta' protesti paċifiċi. F'Ġunju 2023, huwa ta ordni espliċita lil persuni biex lil dawk li jippruvaw jisfidaw ir-regoli tal-ħiġab jiksrulhom għonqhom.

Għaldaqstant, Hassan Mofakhami Shahrestani huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

15.9.2023

236.

HABIBI Roham Bakhsh

رهام بخش حبیبی

(magħruf ukoll bħala: HABIBI Roham-Bakhsh; HABIBI Rohambakhsh )

Funzjoni: Kmandant tal-Pulizija fil-Provinċja ta' Fars

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Roham Bakhsh Habibi huwa l-kmandant tal-pulizija fil-Provinċja ta' Fars u fil-passat kellu episodji marbuta mat-trażżin vjolenti ta' protesti paċifiċi. Bħala l-kmandant tal-pulizija fil-Provinċja ta' Fars, huwa responsabbli għall-arrest tal-massa tal-protestanti u għall-ordni li jintużaw armi letali kontra protestanti mhux armati f'din il-provinċja waqt il-protesti mal-pajjiż kollu ta' Novembru 2019. Huwa rrappurtat li l-forzi taħt il-kmand tiegħu fil-Provinċja ta' Fars rażżnu bi vjolenza il-protesti f'Novembru 2019 u qatlu lin-nies.

Għaldaqstant, Roham Bakhsh Habibi huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

15.9.2023

237.

TAHAMI Seyyed Javad

سید جواد تهامی

(magħruf ukoll bħala: TAHAMI Seyed Javad

(magħruf ukoll bħala سید جوادتهامی)

Funzjoni: Uffiċjal tal-ħabs f'Fardis Prison/ Kachui Prison

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Seyyed Javad Tahami huwa l-kap ta' Kachui Prison magħruf ukoll bħala Fardis Prison u, f'dik il-kapaċità, huwa jissorvelja l-attivitajiet kollha fil-ħabs. Kachui Prison huwa istituzzjoni kkontrollata mill-Prison Division of the Judiciary u li sikwit jintuża biex fih jinżammu priġunieri politiċi u fejn il-kundizzjonijiet ta' fejn jitqiegħdu huma inadegwati tant li jiksru d-drittijiet tal-bniedem tagħhom. Barra minn hekk, l-evidenza tikkonferma li f'dan il-ħabs saru eżekuzzjonijiet.

Għaldaqstant, Seyyed Javad Tahami huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

15.9.2023”

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“38.

Tasnim Cultural Institution Organization

(magħruf ukoll bħala: Tasnim News Agency)

خبرگزاری تسنیم

Tip ta' entità: Entità tal-media

Post ta' reġistrazzjoni: Iran

Data ta' reġistrazzjoni: 30 ta' Ġunju 2012

Tasnim News agency hija l-akbar entità tal-media affiljata mal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) u sservi ta' magna tal-propaganda tar-reġim Iranjan li x-xandiriet tagħha sikwit jirriflettu fehmiet Iranjani estremi.L-entità tal-media hija responsabbli għall-pubblikazzjoni ta' konfessjonijiet foloz ta' protestanti fuq is-sit web tagħha u fuq il-kontijiet tal-media soċjali kif ukoll għall-pubblikazzjoni ta' ritratti tal-protestanti fuq il-media soċjali b'talbiet għall-qarrejja biex jgħinu jidentifkawhom.

Għaldaqstant, Tasmin News hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

15.9.2023

39.

Supreme Council of Cyberspace (SCC)

Tip ta' entità: Entità tal-Gvern

Post ta' reġistrazzjoni: Iran

Data ta' reġistrazzjoni: 2012

Is-Supreme Council of Cyberspace (SCC) huwa responsabbli għar-restrizzjoni tal-aċċess għall-internet tal-poplu Iranjan sabiex jiġu prevenuti jew imrażżna l-protesti u jiġi limitat l-aċċess għal informazzjoni miftuħa u ħielsa, u b’hekk bi ksur tal-libertà li persuna jkollha opinjonijiet mingħajr indħil u li tfittex, tirċievi u taqsam informazzjoni u idejat bi kwalunkwe mezz u irrispettivament mill-fruntieri.

Għaldaqstant, l-SCC huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

15.9.2023

40.

Sanandaj Central Prison

زندان مرکزی سنندج

Tip ta' entità: Ħabs

Post ta' reġistrazzjoni: Kordestan, majjistral tal-Iran

Sanandaj Central Prison huwa istituzzjoni kkontrollata mill-Prison Division of the Judiciary, li sikwit jintuża biex fih jinżammu priġunieri politiċi u fejn il-kundizzjonijiet ta' fejn jitqiegħdu huma inadegwati tant li jiksru d-drittijiet tal-bniedem tagħhom. Barra minn hekk, l-evidenza tikkonferma li f'dan il-ħabs saru għadd ta' eżekuzzjonijiet.

Għaldaqstant, Sanandaj Central Prison huwa responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

15.9.2023

41.

Zahedan Prison

زندان مرکزی زاهدان

Tip ta' entità: Ħabs

Post ta' reġistrazzjoni: Zahedan, Iran

Zahedan Prison huwa istituzzjoni kkontrollata mill-Prison Division of the Judiciary, li sikwit jintuża biex fih jinżammu priġunieri politiċi u fejn il-kondizzjonijiet ta' fejn jitqiegħdu huma inadegwati tant li jiksru d-drittijiet tal-bniedem tagħhom. Barra minn hekk, l-evidenza tikkonferma li f'dan il-ħabs saru għadd ta' eżekuzzjonijiet tal-massa.

Għaldaqstant, Zahedan Prison huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

15.9.2023

42.

Isfahan Central Prison

(magħruf ukoll bħala: Dastgerd Prison; Prison of Isfahan; Esfahan Prison; Isfahan Prison

Tip ta' entità: Ħabs

Post ta' reġistrazzjoni: Isfahan, Iran

Isfahan Central Prison huwa istituzzjoni kkontrollata mill-Prison Division of the Judiciary, li sikwit jintuża biex fih jinżammu priġunieri politiċi u fejn il-kundizzjonijiet ta' fejn jitqiegħdu huma inadegwati tant li jiksru d-drittijiet tal-bniedem tagħhom. Barra minn hekk, l-evidenza tikkonferma li f'dan il-ħabs saru għadd ta' eżekuzzjonijiet.

Għaldaqstant, Isfahan Central Prison huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

15.9.2023

43.

Kachui Prison

(magħruf ukoll bħala: Kachouii Prison; Kechoui Prison; Kachuyi Prison; Fardis Prison

Tip ta' entità: Ħabs

Post ta' reġistrazzjoni: Karaj, Provinċja ta' Alborz, Iran

Kachui Prison huwa istituzzjoni kkontrollata mill-Prison Division of the Judiciary, li sikwit jintuża biex fih jinżammu priġunieri politiċi u fejn il-kundizzjonijiet ta' fejn jitqiegħdu huma inadegwati tant li jiksru d-drittijiet tal-bniedem tagħhom. Barra minn hekk, l-evidenza tikkonferma li f'dan il-ħabs saru eżekuzzjonijiet.

Għaldaqstant, Kachui Prison huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

15.9.2023”


Top