Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1535

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1535 tal-24 ta’ Lulju 2023 li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 u (UE) 2020/1213 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Acer campestre, l-Acer palmatum, l-Acer platanoides u l-Acer pseudoplatanus li joriġinaw mir-Renju Unit

    C/2023/4909

    ĠU L 187, 26.7.2023, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1535/oj

    26.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 187/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1535

    tal-24 ta’ Lulju 2023

    li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 u (UE) 2020/1213 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Acer campestre, l-Acer palmatum, l-Acer platanoides u l-Acer pseudoplatanus li joriġinaw mir-Renju Unit

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskji, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2) jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

    (2)

    Wara valutazzjoni preliminari, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 ġew elenkati b’mod proviżorju 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħala pjanti ta’ riskju għoli. Wieħed mill-ġeneri elenkati huwa l-Acer L.

    (3)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (3) jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, iżda li r-riskji fitosanitarji tagħhom għadhom ma ġewx ivvalutati bis-sħiħ. Dan għaliex wieħed jew aktar mill-pesti li jgħixu f’dawk il-pjanti għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (4), iżda jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi wara valutazzjoni tar-riskji kompluta ulterjuri.

    (4)

    Fit-3 ta’ Mejju 2022, ir-Renju Unit (5) ippreżenta talbiet lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-pjanti għat-tħawwil (“il-pjanti rilevanti”) li ġejjin:

    pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn ħmistax-il sena b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 88 mm tal-Acer campestre;

    pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm tal-Acer palmatum;

    pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm tal-Acer platanoides; u

    pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 88 mm tal-Acer pseudoplatanus.

    Dawk it-talbiet kienu sostnuti mid-dossier tekniku rilevanti.

    (5)

    Fl-24 ta’ Mejju 2023, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat erba’ opinjonijiet xjentifiċi fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskji tal-pjanti rilevanti li joriġinaw mir-Renju Unit (6)(7)(8)(9). L-Awtorità identifikat il-Bemisia tabaci, il-Coniella castaneicola, il-Cryphonectria parasitica, l-Entoleuca mammata, l-Eulecanium excrescens, il-Meloidogyne fallax, il-Meloidogyne mali, il-Phytophthora ramorum, is-Scirtothrips dorsalis u t-Takahashia japonica bħala l-pesti rilevanti għal kull waħda mill-ispeċijiet tal-pjanti rilevanti.

    (6)

    L-Awtorità evalwat il-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossiers u stmat il-probabbiltà tal-ħelsien tal-pjanti rilevanti minn dawk il-pesti. Ikkonkludiet li l-probabbiltà li l-pjanti rilevanti jkunu ħielsa minn dawk il-pesti hija għolja.

    (7)

    Abbażi ta’ dawk l-opinjonijiet, huwa kkunsidrat li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fit-territorju tal-Unjoni jitnaqqas għal livell aċċettabbli, dment li jiġu applikati miżuri xierqa li jindirizzaw ir-riskju tal-pesti relatati ma’ dawk il-pjanti.

    (8)

    Il-miżuri deskritti mir-Renju Unit fid-dossiers tekniċi huma kkunsidrati suffiċjenti biex ir-riskju mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fit-territorju tal-Unjoni jitnaqqas għal livell aċċettabbli. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji għall-importazzjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fih.

    (9)

    Konsegwentement, jenħtieġ li l-pjanti rilevanti ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli.

    (10)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, il-Bemisia tabaci, il-Cryphonectria parasitica u l-Entoleuca mammata huma elenkati bħala pest tal-kwarantina f’żona protetta, għal ċerti żoni protetti fit-territorju tal-Unjoni. Fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, il-Meloidogyne fallax, il-Phytophthora ramorum u s-Scirtothrips dorsalis huma elenkati bħala pesti tal-kwarantina fl-Unjoni.

    (12)

    Il-Colletotrichum aenigma, l-Eulecanium excrescens u t-Takahashia japonica għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. Jeħtieġ li ssir disponibbli valutazzjoni tar-riskji kompluta dwar dawk il-pesti, sabiex jiġi stabbilit jekk dawk il-pesti jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex jiġu elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 u jekk il-pjanti rilevanti, li joriġinaw mir-Renju Unit, għandhomx jiġu elenkati fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, flimkien mal-miżuri rispettivi.

    (13)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jiġi emendat skont dan.

    (14)

    Il-Meloidogyne mali mhuwiex inkluż fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni. Analiżi tar-riskju tal-pesti għal dak il-pest ġiet ippubblikata mill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti (EPPO) f’Settembru 2017 (10). Abbażi tad-diskussjonijiet mal-Istati Membri, ġie konkluż li ma jenħtieġx li jiġi rregolat bħala pest tal-kwarantina fl-Unjoni u lanqas bħala pest irregolat mhux tal-kwarantina fl-Unjoni, minħabba li għalkemm dak il-pest ilu preżenti f’ċerti Stati Membri għal żmien twil mingħajr miżuri ta’ kontroll uffiċjali, l-impatt tiegħu f’dawk l-Istati Membri huwa meqjus baxx. Għal dik ir-raġuni, ma huma meħtieġa l-ebda rekwiżiti għall-importazzjoni fir-rigward ta’ dak il-pest.

    (15)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

    (5)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-att, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.

    (6)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2023. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Acer campestre plants from the UK. EFSA Journal 2023;21(7):8071, 291 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.8071

    (7)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2023. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Acer palmatum plants from the UK. EFSA Journal 2023;21(7):8075, 228 pp. https://doi. org/10.2903/j.efsa.2023.8075

    (8)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2023. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Acer platanoides plants from the UK. EFSA Journal 2023;21(7):8073, 268 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.8073

    (9)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2023. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Acer psuedoplatanus plants from the UK. EFSA Journal 2023;21(7):8074, 271 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.8074

    (10)  EPPO (2017) Pest risk analysis for Meloidogyne mali. EPPO, Pariġi. Disponibbli fuq http://www.eppo.int/QUARANTINE/Pest_Risk_Analysis/PRA_intro.htm u https://gd.eppo.int/taxon/MELGMA.


    ANNESS I

    Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fit-tabella tal-punt 1, fit-tieni kolonna “Deskrizzjoni”, l-entrata għall-“Acer L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

    Acer L., għajr:

    pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u tliet snin, bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq, imlaqqma jew imraħħma, tal-Acer japonicum Thunberg, tal-Acer palmatum Thunberg, u tal-Acer shirasawanum Koidzumi, li joriġinaw minn New Zealand;

    pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn ħmistax-il sena b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 88 mm tal-Acer campestre, li joriġinaw mir-Renju Unit;

    pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm tal-Acer palmatum, li joriġinaw mir-Renju Unit;

    pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm tal-Acer platanoides, li joriġinaw mir-Renju Unit; u

    pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 88 mm tal-Acer pseudoplatanus, li joriġinaw mir-Renju Unit.”


    ANNESS II

    Fit-Tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213, l-entrata li ġejja tiżdied qabel “Acer japonicum Thunberg, Acer palmatum Thunberg u Acer shirasawanum Koidzumi, bl-għeruq mikxufa, inattivi, ħielsa mill-weraq, imlaqqma jew imraħħma, pjanti li għandhom minn sena sa tliet snin għat-tħawwil”, li joriġinaw minn New Zealand:

    Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

    Kodiċi NM

    Pajjiżi terzi tal-oriġini

    Miżuri

    “—

    Acer campestre, pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn ħmistax-il sena b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 88 mm;

    Acer palmatum, pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm;

    Acer platanoides, pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm; u

    Acer pseudoplatanus, pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 88 mm.

    ex 0602 90 41 ex 0602 90 45 ex 0602 90 46 ex 0602 90 48

    Ir-Renju Unit

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa mill-Coniella castaneicola, mill-Eulecanium excrescens u mit-Takahashia japonica;

    (ii)

    waqt l-ispezzjonijiet uffiċjali li saru fiż-żminijiet ix-xierqa, mill-bidu tal-aħħar staġun tat-tkabbir, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Coniella castaneicola, mill-Eulecanium excrescens, u mit-Takahashia japonica;

    (iii)

    twaqqfet sistema biex tiżgura li, qabel ma jiddaħħlu fis-sit tal-produzzjoni, l-għodod u l-makkinarju jkunu tnaddfu għalkollox mill-ħamrija u minn biċċiet tal-pjanti u ġew diżinfettati biex jinħelsu mill-Coniella castaneicola; u

    (iv)

    eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Eulecanium excrescens u tat-Takahashia japonica, b’tali daqs tal-kampjun li jkun jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 % b’livell ta’ kunfidenza ta’ 99 %, u spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Coniella castaneicola, inkluż il-kampjunar u l-ittestjar aleatorju tal-pjanti;

    (b)

    taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: ‘Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213’; u

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”


    Top