Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1498

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1498 tal-20 ta’ Lulju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

    ĠU L 183I, 20.7.2023, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1498/oj

    20.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 183/27


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1498

    tal-20 ta’ Lulju 2023

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-18 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012.

    (2)

    Il-Kunsill jibqa’ mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja. Wara aktar minn deċennju, il-kunflitt fis-Sirja għadu ’l bogħod milli jintemm u għadu sors ta’ tbatija u instabbiltà.

    (3)

    Il-Kunsill jinnota li r-reġim Sirjan qed ikompli jsegwi l-politika ta’ repressjoni tiegħu. Il-Kunsill jqis li hu meħtieġ li jżomm u jiżgura l-effettività tal-miżuri restrittivi stabbiliti, billi jkompli jiżviluppahom waqt li jżomm l-approċċ immirat u differenzjat tagħhom filwaqt li jqis il-kundizzjonijiet umanitarji tal-popolazzjoni Sirjana. Il-Kunsill iqis li ċerti kategoriji ta’ persuni u entitajiet huma ta’ rilevanza partikolari għall-effettività ta’ dawk il-miżuri restrittivi, minħabba l-kuntest speċifiku dominanti fis-Sirja.

    (4)

    Il-Kunsill ivvaluta li l-Iran jipprovdi appoġġ militari lir-reġim Sirjan. Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li persuna waħda involuta fl-iżvilupp u t-twassil ta’ sistemi ta’ difiża tal-ajru lis-Sirja tiżdied mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 36/2012 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1.


    ANNESS

    L-entrata li ġejja tiżdied mal-lista li tinsab fit-Taqsima A (Persuni) tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012:

     

    Isem

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “352

    Fereydoun Mohammadi SAGHAEI

    فریدون محمدی سقایی

    Data tat-twelid: 1964;

    Nazzjonalità: Iranjana;

    Sess: raġel

    Fereydoun Mohammadi Saghaei huwa l-viċi kmandant tal-Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC). Huwa responsabbli għall-proġett ta’ difiża tal-ajru tal-IRGC fis-Sirja. Dak il-proġett qed iseħħ fil-kuntest tal-appoġġ mogħti mill-Iran lir-reġim Sirjan permezz tat-twassil ta’tagħmir u persunal militari lis-Sirja. Għaldaqstant, Fereydoun Mohammadi Saghaei qed jappoġġa lir-reġim Sirjan.

    20.7.2023”.


    Top