Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1465

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1465 tal-14 ta’ Lulju 2023 li jipprovdi għal appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn problemi speċifiċi b’impatt fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-produtturi agrikoli

    C/2023/4854

    ĠU L 180, 17.7.2023, p. 21–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1465/oj

    17.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 180/21


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1465

    tal-14 ta’ Lulju 2023

    li jipprovdi għal appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn problemi speċifiċi b’impatt fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-produtturi agrikoli

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-pandemija tal-COVID-19, l-impatt tagħha fuq il-ktajjen tal-provvista tal-ikel, u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-inputs agrikoli sa mill-ħarifa tal-2021 qed ipoġġu s-settur agrikolu taħt pressjoni. Il-prezzijiet tal-input żdiedu b’mod sinifikanti fis-setturi agrikoli kollha. Il-kostijiet tal-enerġija u tal-fertilizzanti żdiedu minħabba l-iżviluppi ġeopolitiċi u ġeoekonomiċi saħansitra qabel il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna li aggravat is-sitwazzjoni u kellha impatt negattiv sinifikanti ulterjuri fuq l-aspettattivi tas-suq.

    (2)

    B’riżultat ta’ dan, is-sehem tal-kostijiet tal-enerġija u tal-fertilizzanti fil-konsum intermedju totali kien żdied b’mod sinifikanti fl-2022, bl-akbar żieda osservata għall-azjendi agrikoli tal-għelejjel tal-għelieqi u tal-għelejjel permanenti, fiż-żewġ każijiet minħabba li ġew esposti għall-kostijiet tal-fertilizzanti. Il-prezzijiet tal-fertilizzanti għadhom f’livelli għoljin ħafna storikament. Id-data tissuġġerixxi li l-bdiewa rreaġixxew billi naqqsu l-użu tagħhom tal-fertilizzanti b’konsegwenzi negattivi inċerti fuq ir-rendimenti u l-kwalità tal-prodotti tal-ikel u tal-għalf.

    (3)

    Il-prezzijiet ta’ inputs oħra għall-bdiewa u għall-operaturi tal-katina alimentari bħal pereżempju l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u t-trattamenti tas-saħħa tal-annimali, il-makkinarju u l-imballaġġ żdiedu f’konformità mal-inflazzjoni ġenerali.

    (4)

    Il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli żdiedu wkoll fl-2022 fl-isfond tal-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u t-tħassib dwar provvisti globali suffiċjenti wara l-attakk tar-Russja fuq l-Ukrajna. Madankollu, f’ċerti setturi bħas-setturi tal-ħalib, tal-inbid jew tal-frott u l-ħxejjex, dawn il-prezzijiet għoljin ma kinux kapaċi jikkumpensaw għall-eżiti tan-negozju li kienu sejrin għall-agħar minħabba l-kostijiet ogħla tal-input.

    (5)

    Dan l-aħħar, il-prezzijiet għall-biċċa l-kbira tal-prodotti agrikoli bħaċ-ċereali, iż-żrieragħ żejtnin, il-prodotti tal-ħalib jew l-inbid qed jonqsu b’mod sinifikanti. F’ċerti Stati Membri u reġjuni, is-sitwazzjoni saret partikolarment diffiċli peress li l-proporzjon bejn il-prezzijiet tal-input u l-prezzijiet tal-prodotti agrikoli marret għall-agħar.

    (6)

    Iż-żieda fil-kostijiet għall-produtturi wasslet għal prezzijiet għoljin għall-konsumatur fuq prodotti tal-ikel fl-Unjoni kollha, u dan kellu konsegwenzi fuq l-affordabbiltà tal-ikel. L-aktar ċifri reċenti juru inflazzjoni persistentement għolja fil-prezzijiet tal-ikel għall-konsumaturi ta’ aktar minn 15 % fl-Unjoni kollha. F’ċerti Stati Membri, il-valuri jilħqu kważi 40 %. Hemm evidenza li l-prezzijiet għoljin qed jaffettwaw il-livell ta’ konsum f’ċerti setturi tal-ikel, bħal-laħam, l-inbid jew il-frott u l-ħxejjex. Il-konsumaturi qed iċaqilqu d-domanda għal ikel irħas u lil hinn minn ikel bħal ikel organiku, inbid u ikel protett minn denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi. Tali ċaqliq fid-domanda x’aktarx li jkollu impatt negattiv fuq ir-redditi fuq l-investiment li jakkumulaw għall-produtturi.

    (7)

    F’ċerti setturi agrikoli u f’ċerti Stati Membri dan ix-xenarju ġenerali ta’ diffikultà ekonomika ġie aggravat minn sfidi urġenti speċifiċi għas-settur.

    (8)

    Avvenimenti meteoroloġiċi avversi reġjonali eċċezzjonali reċenti bħan-nixfa (Spanja, l-Italja u l-Portugall) u l-għargħar (l-Italja) ikkawżaw ħsara sinifikanti lill-produtturi agrikoli li tipperikola l-vijabbiltà ekonomika tagħhom. Filwaqt li hemm indikazzjonijiet li avvenimenti bħal dawn iseħħu f’kuntest ġenerali ta’ żieda fir-riskji għall-agrikoltura relatati mat-tibdil fil-klima, l-intensità ta’ dawk l-avvenimenti kienet straordinarja.

    (9)

    Fir-rigward tas-settur taċ-ċereali u ż-żrieragħ żejtnin, l-avvenimenti estremi tat-temp li jolqtu diversi reġjuni tal-Unjoni li jipproduċu qed jikkompromettu serjament l-għelejjel tar-rebbiegħa u tas-sajf, f’termini ta’ volum u kwalità. Is-settur qed jiffaċċja prezzijiet li qed jonqsu. Meta mqabbla mas-sena l-oħra, il-prezzijiet taċ-ċereali naqsu b’madwar 40 %. Dan joħloq problemi għall-bdiewa, peress li ħafna kienu xtraw inputs għaljin f’dawn l-aħħar xhur u issa qed jiffaċċjaw prezzijiet tas-suq għall-prodotti tagħhom li bilkemm, jew f’xi każijiet ma jkoprux il-kostijiet tagħhom. Barra minn hekk, xi bdiewa ma setgħux jiżirgħu l-għelieqi tagħhom minħabba l-livelli baxxi ta’ umdità fil-ħamrija u d-disponibbiltajiet baxxi tal-ilma għat-tisqija, li se jwassal għal tnaqqis fil-produzzjoni u fir-rendimenti. Dan huwa partikolarment il-każ fiċ-Ċekja, fid-Danimarka, fl-Irlanda, fi Spanja, fi Franza, f’Ċipru, fil-Latvja, fl-Awstrija, fil-Portugall, fis-Slovenja u fl-Iżvezja.

    (10)

    Is-sitwazzjoni tas-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex hija diffiċli ħafna, minħabba l-inflazzjoni għolja li taffettwa l-konsum, li huwa stmat li naqas mill-inqas b’10 %, aggravat minn kost għoli tal-enerġija. L-enerġija hija fattur ta’ kost importanti fil-produzzjoni tas-serer u fil-loġistika ta’ wara l-ħsad. Minħabba f’hekk, il-produtturi għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ pressjoni rigward il-marġnijiet tagħhom minkejja ż-żieda fil-prezzijiet agrikoli. Is-settur tal-ħops qed jiffaċċja sfidi simili. Is-sitwazzjoni qed taffettwa diversi Stati Membri, b’mod partikolari l-Belġju, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, in-Netherlands, is-Slovenja u l-Finlandja.

    (11)

    Fis-settur tal-annimali, il-prezzijiet għoljin tal-għalf flimkien mal-prezz tal-enerġija u l-inflazzjoni ġenerali qed jikkawżaw diffikultajiet serji għall-produtturi. Minkejja l-livelli ġenerali favorevoli tal-prezzijiet għaċ-ċanga, il-laħam tal-majjal u l-pollam, il-produtturi għandhom problemi biex ikopru l-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom. Dawn huma saħansitra aktar evidenti fis-settur tal-ħalib, peress li l-prezzijiet bdew jonqsu b’mod sinifikanti mill-ogħla livelli tagħhom fi tmiem l-2022. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-konsumatur għall-prodotti tal-ikel jaffettwaw id-domanda tal-konsumatur għal prodotti ta’ kwalità, li jikkostitwixxu sehem kbir mill-introjtu tal-bdiewa f’dawk is-setturi. Is-settur tal-ħalib fil-Latvja u l-Litwanja jinsab f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli peress li l-prezzijiet nazzjonali tal-ħalib naqsu aktar milli fi Stati Membri oħra. Iżda wkoll fil-Belġju, fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fil-Kroazja, fl-Italja, f’Ċipru, fil-Lussemburgu, f’Malta, fl-Awstrija, fis-Slovenja u fil-Finlandja, is-setturi tal-bhejjem isibu ruħhom fid-diffikultajiet imsemmija hawn fuq.

    (12)

    It-tnaqqis fid-domanda minħabba l-inflazzjoni, inkluż fis-swieq tal-esportazzjoni, flimkien ma’ livelli għoljin ta’ provvista, jaffettwaw b’mod partikolari s-settur tal-inbid f’ċerti reġjuni, speċjalment fir-rigward tal-inbejjed ħomor u rożè. In-nuqqas ta’ ċertezza fis-suq tal-inbid ġie xprunat ukoll minn żieda fil-kostijiet tal-input u minn avvenimenti tat-temp irregolari. Il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall huma partikolarment affettwati minn dan l-iżvilupp.

    (13)

    Huwa possibbli li l-miżura temporanja ta’ distillazzjoni ta’ kriżi introdotta fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1225 (2) li tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid mhux se tkun biżżejjed biex tindirizza s-sitwazzjoni minħabba l-limitazzjoni finanzjarja tal-programmi. Jenħtieġ għalhekk, li l-Istati Membri jitħallew jużaw aktar riżorsi finanzjarji biex isaħħu l-allokazzjonijiet baġitarji tagħhom għall-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid bil-ħsieb li jiffinanzjaw aktar operazzjonijiet ta’ distillazzjoni soġġetti għall-istess rekwiżiti ta’ eliġibbiltà u kundizzjonijiet ta’ appoġġ, bl-eċċezzjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni li għandha tiġi adattata għall-operazzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament. Jekk Stat Membru jagħżel li jagħmel użu minn din il-possibbiltà, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni prevista minn dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun disponibbli flimkien mal-allokazzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għas-snin finanzjarji 2023 u 2024.

    (14)

    Il-prezzijiet tal-input li għadhom għoljin ħafna, it-tnaqqis fil-prezzijiet għall-prodotti agrikoli, kif ukoll il-problemi li jaffettwaw ċerti setturi u Stati Membri jistgħu jikkawżaw problemi ta’ likwidità għall-produtturi agrikoli. L-Istati Membri qed jirrikorru għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat f’attentat biex jindirizzaw is-sitwazzjoni.

    (15)

    Il-Kummissjoni ddeċidiet dwar żewġ pakketti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-agrikoltura li minnhom jibbenefikaw ċerti Stati Membri biex jikkumpensaw lill-bdiewa fis-setturi l-aktar affettwati taċ-ċereali u ż-żrieragħ żejtnin: Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/739 (4) u (UE) 2023/1343 (5) kellhom il-mira li jindirizzaw l-effetti negattivi kkawżati mill-pressjoni fuq il-prezzijiet fis-setturi msemmija. It-tielet pakkett ta’ appoġġ ta’ emerġenza preżenti jikkonċerna l-bdiewa fi Stati Membri oħra li jbatu minn problemi speċifiċi li għandhom impatt fuq il-vijabbiltà tal-produzzjoni agrikola.

    (16)

    Għalhekk jenħtieġ li tiġi adottata miżura eċċezzjonali biex tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-problemi speċifiċi identifikati u biex jiġi evitat deterjorament rapidu tal-produzzjoni f’dawk l-Istati Membri li ma kinux benefiċjarji taż-żewġ pakketti ta’ appoġġ agrikolu reċenti stabbiliti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/739 u (UE) 2023/1343.

    (17)

    Id-diffikultajiet imsemmija jikkostitwixxu problemi speċifiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Ma jistgħux jiġu indirizzati faċilment mill-miżuri meħuda skont l-Artikoli 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament. Is-sitwazzjoni mhijiex marbuta speċifikament ma’ tfixkil partikolari eżistenti fis-suq jew ma’ theddida preċiża tiegħu. Mhijiex marbuta la ma’ miżuri li jikkombattu t-tixrid tal-mard tal-annimali, u lanqas ma’ telf fil-fiduċja tal-konsumaturi minħabba r-riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti.

    (18)

    L-ammonti disponibbli għall-Istati Membri benefiċjarji jenħtieġ li jiġu ddeterminati, filwaqt li jitqies b’mod partikolari l-piż rispettiv tagħhom fis-settur agrikolu tal-Unjoni, abbażi tal-limiti massimi netti għall-pagamenti diretti stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). L-ammonti għal Spanja, l-Italja u l-Portugall jenħtieġ li jqisu li dawn il-pajjiżi huma l-Istati Membri ewlenin affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi eċċezzjonali. L-ammonti għal-Latvja u l-Litwanja jenħtieġ li jqisu li dawn il-pajjiżi jiffaċċjaw sitwazzjoni partikolarment ta’ sfida fis-settur tal-ħalib.

    (19)

    L-Istati Membri benefiċjarji jenħtieġ li jqassmu l-għajnuna permezz tal-aktar mezzi effettivi abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li jqisu l-kobor tad-diffikultajiet u d-danni ekonomiċi li jiffaċċaw il-bdiewa kkonċernati. Jenħtieġ li jiżguraw li l-bdiewa jkunu l-benefiċjarji aħħarin tal-għajnuna u jevitaw kwalunkwe distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni.

    (20)

    Minħabba li l-ammonti allokati lill-Istati Membri benefiċjarji jindirizzaw biss b’mod parzjali d-diffikultajiet ekonomiċi mġarrba mill-bdiewa, jenħtieġ li dawn l-Istati Membri jitħallew jagħtu appoġġ nazzjonali addizzjonali lill-produtturi, skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti ta’ żmien stabbilit minn dan ir-Regolament.

    (21)

    Sabiex l-Istati Membri benefiċjarji jingħataw il-flessibbiltà biex iqassmu l-għajnuna skont il-ħtieġa taċ-ċirkustanzi tal-bdiewa kkonċernati, jenħtieġ li jkunu jistgħu jakkumulaw din l-għajnuna ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, mingħajr ma jagħtu kumpens żejjed lill-bdiewa.

    (22)

    Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, jenħtieġ li l-Istati Membri benefiċjarji jqisu l-appoġġ mogħti fil-qafas ta’ strumenti oħra ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni jew skemi privati biex jirrispondu għat-telf ekonomiku kkonċernat.

    (23)

    Peress li l-għajnuna tal-Unjoni hija stabbilita bl-euro, u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi u simultanja, jeħtieġ li tiġi ffissata data għall-konverżjoni tal-ammont allokat lill-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita nazzjonali tagħhom, kif inhu l-każ taċ-Ċekja, id-Danimarka u l-Iżvezja. Billi dan ir-Regolament ma jipprevedix skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, jixraq li, għall-finijiet tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (7), titqies id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament bħala l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju fir-rigward tal-ammonti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (24)

    Għal raġunijiet baġitarji, jenħtieġ li l-Unjoni tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri benefiċjarji biss meta tali nefqa ssir sa ċerta data ta’ eliġibbiltà. Għalhekk l-appoġġ għal din il-miżura eċċezzjonali jenħtieġ li jitħallas sal-31 ta’ Jannar 2024.

    (25)

    L-Istati Membri benefiċjarji jenħtieġ li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex l-Unjoni tkun tista’ timmonitorja l-effiċjenza tal-miżura introdotta b’dan ir-Regolament.

    (26)

    Sabiex ikun żgurat li l-bdiewa jirċievu l-għajnuna malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li l-Istati Membri benefiċjarji jkunu jistgħu jimplimentaw dan ir-Regolament mingħajr dewmien. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (27)

    Il-miżura prevista f’dan ir-Regolament hija skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-għajnuna tal-Unjoni ta’ ammont totali ta’ EUR 330 000 000 għandha tkun disponibbli għall-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja, biex tipprovdi appoġġ eċċezzjonali lill-bdiewa soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    2.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jużaw l-ammonti msemmija fl-Artikolu 3 għal miżuri li għandhom l-għan li jikkumpensaw lill-bdiewa fis-setturi l-aktar affettwati bħas-setturi tal-annimali, tal-frott u l-ħxejjex, tal-inbid, taċ-ċereali u taż-żrieragħ żejtnin, għat-telf ekonomiku li jkollu impatt fuq il-vijabbiltà tal-produtturi agrikoli.

    3.   Il-miżuri għandhom jittieħdu abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li jqisu t-telf ekonomiku mġarrab mill-bdiewa affettwati u għandhom jiżguraw li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżaw ebda distorsjoni fis-suq jew fil-kompetizzjoni.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-bdiewa ma jkunux il-benefiċjarji diretti tal-pagamenti tal-għajnuna tal-Unjoni, il-benefiċċju ekonomiku tal-għajnuna tal-Unjoni jiġi mgħoddi lilhom b’mod sħiħ.

    5.   In-nefqa mġarrba mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-pagamenti għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni biss jekk dawk il-pagamenti jkunu saru sal-31 ta’ Jannar 2024.

    6.   Għall-finijiet tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju b’rabta mal-ammonti stipulati fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament għandu jkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    7.   Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jistgħu jiġu kumulati ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(1) li jimplimentaw il-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid jistgħu jużaw ukoll l-allokazzjonijiet finanzjarji tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament għall-fini tal-finanzjament tal-miżura temporanja ta’ distillazzjoni ta’ kriżi kif previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1225 f’konformità mal-istess rekwiżiti u kundizzjonijiet bħal dawk previsti fih, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6, l-ewwel subparagrafu tiegħu.

    2.   L-operazzjonijiet ta’ distillazzjoni ffinanzjati skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu implimentati aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2023. F’dan il-każ, l-Artikoli 39 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 kif ukoll l-Artikoli 4(1), il-punt (b), l-Artikolu 5, l-Artikolu 7(3), l-Artikolu 17, l-Artikoli 40 sa 43 u l-Artikoli 51, 52, 54, 59, 63 u 65 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) għandhom ikomplu japplikaw għal dawn l-operazzjonijiet u l-pagamenti magħmula fir-rigward tagħhom. Bl-istess mod, l-Artikoli 1 u 2, l-Artikolu 43, l-Artikoli 48 sa 54 u l-Artikolu 56 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (9), l-Artikoli 1, 2 u 3, l-Artikoli 19 sa 23, l-Artikoli 25 sa 31, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1), u l-Artikoli 33 sa 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (10) għandhom ikomplu japplikaw mutatis mutandis. Barra minn hekk, l-Artikolu 5, l-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu, u l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (11) għandhom ikomplu japplikaw għan-nefqa mġarrba u għall-pagamenti li jsiru għal dawn l-operazzjonijiet ta’ distillazzjoni.

    3.   L-operazzjonijiet ta’ distillazzjoni ffinanzjati skont dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati biżżejjed bil-quddiem biex ikunu jistgħu jsiru pagamenti f’konformità mad-data ta’ eliġibbiltà għall-pagamenti msemmija fl-Artikolu 1(5).

    4.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ nazzjonali addizzjonali għall-operazzjonijiet ta’ distillazzjoni ffinanzjati skont dan ir-Regolament sa massimu ta’ 200 % f’konformità mal-appoġġ nazzjonali addizzjonali msemmi fl-Artikolu 3(2).

    5.   L-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni mħallas għall-operazzjonijiet ta’ distillazzjoni ffinanzjati f’konformità mal-paragrafu 1 għandu jitqies bħala kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għas-sena finanzjarja li fiha jsiru l-pagamenti mill-Istati Membri.

    Artikolu 3

    1.   In-nefqa tal-Unjoni mġarrba f’konformità mal-Artikoli 1 u 2 ma għandhiex taqbeż l-ammont totali ta’:

    (a)

    EUR 3 912 118 għall-Belġju;

    (b)

    EUR 6 862 150 għaċ-Ċekja;

    (c)

    EUR 6 352 520 għad-Danimarka;

    (d)

    EUR 35 767 119 għall-Ġermanja;

    (e)

    EUR 1 722 597 għall-Estonja;

    (f)

    EUR 9 529 841 għall-Irlanda;

    (g)

    EUR 15 773 591 għall-Greċja;

    (h)

    EUR 81 082 911 għal Spanja;

    (i)

    EUR 53 100 820 għal Franza;

    (j)

    EUR 3 371 029 għall-Kroazja;

    (k)

    EUR 60 547 380 għall-Italja;

    (l)

    EUR 574 358 għal Ċipru;

    (m)

    EUR 6 796 780 għall-Latvja;

    (n)

    EUR 10 660 962 għal-Litwanja;

    (o)

    EUR 462 680 għal-Lussemburgu;

    (p)

    EUR 240 896 għal Malta;

    (q)

    EUR 4 995 081 għan-Netherlands;

    (r)

    EUR 5 529 091 għall-Awstrija;

    (s)

    EUR 11 619 548 għall-Portugall;

    (t)

    EUR 1 234 202 għas-Slovenja;

    (u)

    EUR 4 269 959 għall-Finlandja;

    (v)

    EUR 5 594 367 għall-Iżvezja.

    2.   L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(1) jistgħu jagħtu appoġġ nazzjonali addizzjonali għall-miżuri meħuda skont l-Artikolu 1(2) sa massimu ta’ 200 % tal-ammont korrispondenti stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, dment li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżawx distorsjonijiet fis-suq jew fil-kompetizzjoni.

    3.   L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(1) u dawk li jużaw l-allokazzjonijiet finanzjarji tagħhom għall-fini tal-finanzjament tal-miżura temporanja ta’ distillazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), għandhom iħallsu l-appoġġ addizzjonali msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2(4), rispettivament, sal-31 ta’ Jannar 2024.

    Artikolu 4

    Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, meta jingħata appoġġ skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom iqisu l-appoġġ mogħti fil-qafas ta’ strumenti oħra ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni jew skemi privati biex iwieġbu għat-telf ekonomiku kkonċernat.

    Artikolu 5

    1.   Mingħajr dewmien u mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2023, l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dawn li ġejjin b’rabta mal-miżuri implimentati skont l-Artikolu 1:

    (a)

    deskrizzjoni tal-miżuri li se jittieħdu;

    (b)

    il-kriterji li ntużaw biex jiġu ddeterminati l-metodi għall-għoti tal-għajnuna u r-raġunament għad-distribuzzjoni tal-għajnuna fost il-bdiewa;

    (c)

    l-impatt maħsub tal-miżuri bl-għan li l-bdiewa jiġu kkumpensati għat-telf ekonomiku;

    (d)

    l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġi vverifikat li jinkiseb l-impatt mixtieq tal-miżuri;

    (e)

    l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġu evitati d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kumpens żejjed;

    (f)

    il-previżjoni għall-pagamenti tan-nefqa tal-Unjoni imqassma kull xahar sal-31 ta’ Jannar 2024;

    (g)

    il-livell ta’ appoġġ addizzjonali mogħti skont l-Artikolu 3(2);

    (h)

    l-azzjonijiet meħuda biex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tal-bdiewa u biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    2.   Sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju 2024, l-Istati Membri msemmija fl-Artikoli 1(1) u 2(1) għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-ammonti totali li jkunu ħallsu għal kull miżura, fejn japplika mqassma skont l-għajnuna tal-Unjoni u l-għajnuna nazzjonali addizzjonali, l-għadd u t-tip ta’ benefiċjarji u l-valutazzjoni tal-effettività tal-miżura.

    Artikolu 6

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1225 tat-22 ta’ Ġunju 2023 dwar miżuri temporanji eċċezzjonali li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jindirizzaw id-disturb tas-suq fis-settur tal-inbid f’ċerti Stati Membri u li jidderogaw mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (ĠU L 160, 26.6.2023, p. 12).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/739 tal-4 ta’ April 2023 li jipprevedi miżura ta’ appoġġ ta’ emerġenza għas-setturi taċ-ċereali u taż-żrieragħ żejtnin fil-Bulgarija, fil-Polonja u fir-Rumanija (ĠU L 96, 5.4.2023, p. 80).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1343 tat-30 ta’ Ġunju 2023 li jipprevedi miżura ta’ appoġġ ta’ emerġenza għas-setturi taċ-ċereali u taż-żrieragħ żejtnin fil-Bulgarija, fl-Ungerija, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja (ĠU L 168, 3.7.2023, p. 22).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

    (7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95).

    (8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

    (9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 tal-15 ta’ April 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).

    (11)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tat-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, ġestjoni finanzjarja, approvazzjoni ta’ kontijiet, garanziji u użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).


    Top