EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1462

Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1462 tas-17 ta’ Lulju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

ST/10990/2023/INIT

ĠU L 180, 17.7.2023, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1462/oj

17.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/8


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/1462

tas-17 ta’ Lulju 2023

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (1) u r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (2) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, skont l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill li fihom il-Kunsill ikkundanna l-vjolenza u l-ksur serju mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja.

(2)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fis-Sirja u l-ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż l-użu ta’ armi kimiċi kontra l-popolazzjoni ċivili, il-Kunsill kompla jżid ismijiet mal-listi ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni.

(3)

It-terremot traġiku tas-6 ta’ Frar 2023 aggrava l-kundizzjonijiet terribbli u żied it-tbatija tal-popolazzjoni Sirjana.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Frar 2023, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid ir-rieda tal-Unjoni li tipprovdi aktar assistenza biex ittaffi t-tbatija fir-reġjuni affettwati kollha. Huwa appella lil kulħadd biex jiżgura aċċess umanitarju għall-vittmi tat-terremot fis-Sirja irrispettivament minn fejn jinsabu u appella lill-komunità umanitarja, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, biex tiżgura t-twassil rapidu tal-għajnuna.

(5)

Il-miżuri restrittivi tal-Unjoni, inklużi dawk adottati fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, mhumiex maħsuba biex jimpedixxu l-provvista ta’ għajnuna umanitarja lil persuni fil-bżonn. Il-kummerċ fil-maġġoranza tas-setturi bejn l-Unjoni u s-Sirja – inkluż fl-ikel u l-mediċini – mhuwiex ristrett mill-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ miżuri individwali, hemm fis-seħħ eċċezzjonijiet li jippermettu li fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għal persuni u entitajiet deżinjati, fejn tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa biss għall-iskop li tingħata għajnuna umanitarja fis-Sirja jew assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. F’ċerti każijiet, hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti.

(6)

Fit-23 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/408 (3) u r-Regolament (UE) 2023/407 (4), li introduċew eżenzjoni għall-iffriżar tal-assi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi u entitajiet deżinjati, u għar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-Kunsill iddeċieda li jenħtieġ li din l-eżenzjoni tapplika għall-benefiċċju ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ċerti kategoriji definiti ta’ atturi involuti f’attivitajiet umanitarji u għal perjodu inizjali ta’ sitt xhur, jiġifieri, sal-24 ta’ Awwissu 2023.

(7)

Sabiex ikun hemm rispons għall-urġenza kontinwa tal-kriżi umanitarja fis-Sirja aggravata mit-terremot u bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat it-twassil rapidu tal-għajnuna, huwa xieraq li din l-eżenzjoni tiġi estiża sal-24 ta’ Frar 2024.

(8)

L-emendi inklużi f’dan ir-Regolament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat, u għalhekk hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha.

(9)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 16a(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012, id-data “25 ta’ Awwissu 2023” hija sostitwita b’ “24 ta’ Frar 2024”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

N. CALVIÑO SANTAMARÍA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/408 tas-23 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 56 I, 23.2.2023, p. 4).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/407 ta’ 23 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 56 I, 23.2.2023, p. 1).


Top