Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0825

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/825 tas-17 ta’ April 2023 li jestendi d-dazju anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1408 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja għall-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana kkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le

C/2023/2397

ĠU L 103, 18.4.2023, p. 12–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/825/oj

18.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/825

tas-17 ta’ April 2023

li jestendi d-dazju anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1408 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja għall-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana kkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

F’Ottubru 2020, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1408 (2), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana (hot rolled stainless steel sheets and coils, “SSHR”) li joriġinaw mill-Indoneżja, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) u mit-Tajwan. Id-dazji anti-dumping fis-seħħ ivarjaw bejn id-9,2 % u d-19 % għall-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ, bejn l-4,1 % u s-7,5 % għall-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajwan u ġew stabbiliti għal 17,3 % għall-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indoneżja. L-investigazzjoni li wasslet għal dawn id-dazji (“l-investigazzjoni oriġinali”) inbdiet f’Awwissu 2019 (3).

1.2.   Talba

(2)

Fis-17 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, biex tinvestiga ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ u tagħmel l-importazzjonijiet ta’ SSHR ikkonsenjati mir-Repubblika tat-Turkija (“it-Turkija”), kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le, soġġetti għal reġistrazzjoni.

(3)

It-talba ġiet ippreżentata mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar “EUROFER” (“l-applikant”).

(4)

It-talba kien fiha biżżejjed evidenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi esportazzjonijiet mill-Indoneżja u mit-Turkija lejn l-Unjoni, li tkun seħħet wara li ġew imposti l-miżuri fuq l-SSHR. Id-data pprovduta fit-talba wriet bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ inkluża żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli, il-materja prima ewlenija għall-produzzjoni ta’ SSHR, mill-Indoneżja lejn it-Turkija u żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet ta’ SSHR mit-Turkija lejn l-Unjoni. Din il-bidla dehret li rriżultat mill-kunsinna ta’ SSHR mit-Turkija lill-Unjoni, wara li jkunu għaddew minn operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni fit-Turkija. L-evidenza wriet li tali operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni bdew fi żmien il-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping li wasslet għad-dazji fis-seħħ, u li ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju għall-prattika inkwistjoni.

(5)

Barra minn hekk, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza li turi li ċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Indoneżja kienu jikkostitwixxu aktar minn 60 % tal-valur totali tal-partijiet tal-SSHR, u li l-valur miżjud mal-partijiet matul l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni kien inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura.

(6)

Barra minn hekk, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza li turi li l-prattika, il-proċess jew il-ħidma kienet qed timmina l-effetti ta’ rimedju tad-dazji anti-dumping fis-seħħ f’termini ta’ kwantità u prezzijiet. Deher li kienu daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet ta’ SSHR fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, kien hemm biżżejjed evidenza li għandha tendenza turi li l-importazzjonijiet ta’ SSHR saru bi prezzijiet dannużi.

(7)

Fl-aħħar nett, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet ta’ SSHR saru bi prezzijiet oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel.

1.3.   Prodott ikkonċernat u prodott investigat

(8)

Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti, kemm jekk ikunu f’kojls kif ukoll jekk le (inklużi prodotti maqtugħa skont id-daqs u li jkunu strixxi dojoq), li ma jinħadmux aktar wara li jiġu llaminati bis-sħana u bl-esklużjoni ta’ prodotti, mhux f’kojls, b’wisa’ ta’ 600 mm jew aktar u bi ħxuna li taqbeż 10 mm, ikklassifikati fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1408 skont il-kodiċijiet SA 7219 11, 7219 12, 7219 13, 7219 14, 7219 22, 7219 23, 7219 24, 7220 11 u 7220 12 u li joriġinaw mill-Indoneżja (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li japplikaw għalih il-miżuri fis-seħħ bħalissa.

(9)

Il-prodott investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet SA 7219 11, 7219 12, 7219 13, 7219 14, 7219 22, 7219 23, 7219 24, 7220 11 u 7220 12, iżda kkonsenjat mit-Turkija, kemm jekk iddikjarat li joriġina mit-Turkija kif ukoll jekk le (il-kodiċijiet TARIC 7219110010, 7219121010, 7219129010, 7219131010, 7219139010, 7219141010, 7219149010, 7219221010, 7219229010, 7219230010, 7219240010, 7220110010 u 7220120010) (“il-prodott investigat”).

(10)

L-investigazzjoni wriet li l-SSHR esportati mill-Indoneżja lejn l-Unjoni u l-SSHR ikkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi, u għalhekk jitqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

(11)

Wara l-iżvelar, Marcegaglia Specialties S.P.A. (“Marcegaglia”), importatur u utent Ewropew tal-SSHR, affermat li l-importazzjonijiet ta’ SSHR Torok tagħha kollha magħmula minn ċangaturi Indoneżjani kienu kojls suwed tal-SSHR li għalihom ma kien hemm kważi l-ebda suq ħieles fl-Unjoni. Il-kumpanija għamlet distinzjoni bejn l-SSHR bojod u l-SSHR suwed fil-prodott ikkonċernat. Il-kojls suwed tal-SSHR jeħtieġ li jitnaddfu u jiġu ttemprati qabel l-ipproċessar ulterjuri, u b’hekk l-użu tagħhom jiġi limitat esklużivament għar-riromblaturi. Marcegaglia affermat li hija l-uniku riromblu indipendenti, mhux integrat vertikalment, fl-Unjoni. B’hekk, peress li l-prodott importat mit-Turkija kien limitat għal kojls suwed tal-SSHR, ma kien hemm l-ebda kompetizzjoni mal-SSHR bojod immanifatturati u mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni fis-suq ħieles.

(12)

Il-Kummissjoni fakkret li l-għan ta’ din l-investigazzjoni kien li jiġi determinat jekk kienx hemm ċirkomvenzjoni. Ma kien hemm l-ebda bażi ġuridika biex jiġi rivedut l-ambitu tal-prodott tal-miżuri fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni. L-ambitu tal-prodott ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u ġew inklużi l-kojls tal-SSHR kollha fid-definizzjoni tal-prodott. B’mod speċifiku, fl-investigazzjoni oriġinali ġie konkluż li l-kojls suwed u l-kojls bojod għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi, li huma interkambjabbli u jaqgħu fl-ambitu tal-prodott (4). Għalhekk, ġiet miċħuda l-affermazzjoni.

(13)

Wara l-iżvelar, Çolakoğlu Metalurji A.Ş. (“Çolakoğlu”), produttur esportatur Tork, u l-Gvern tar-Repubblika tat-Turkija affermaw li l-Kummissjoni missha estendiet l-ambitu tal-investigazzjoni biex tinkludi l-ipproċessar ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli Indoneżjani f’SSHR fl-Unjoni.

(14)

Kif spjegat fil-premessa (31), il-Kummissjoni fakkret li, filwaqt li din il-prattika kienet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-investigazzjoni, ħadet nota tal-affermazzjoni u se tkompli tanalizza jekk jenħtieġ li din il-prattika, jekk ikkonfermata, tkunx teħtieġ azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni.

1.4.   Bidu

(15)

Billi, wara li infurmat lill-Istati Membri, iddeterminat li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni u għamlet l-importazzjonijiet ta’ SSHR ikkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarat li joriġina mit-Turkija kif ukoll jekk le, soġġetti għal reġistrazzjoni, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1310 (5) (“ir-Regolament tal-bidu”).

1.5.   Kummenti dwar il-bidu

(16)

Çolakoğlu argumentat li l-bidu tal-investigazzjoni ma kienx iġġustifikat minħabba nuqqas ta’ evidenza suffiċjenti, u għalhekk jenħtieġ li tintemm l-investigazzjoni.

(17)

Çolakoğlu affermat li hemm nuqqas ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ peress li, fin-nuqqas ta’ tnaqqis fl-importazzjonijiet ta’ SSHR mill-Indoneżja, iż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ SSHR mit-Turkija, fiha nnifisha, li ma setgħetx possibbilment tissostitwixxi l-importazzjonijiet mill-Indoneżja, ma wrietx l-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ.

(18)

Huwa argumenta wkoll li l-prattika, il-proċess jew il-ħidma li qed isseħħ fit-Turkija ma kienet taqa’ fl-ebda waħda mill-kategoriji tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, ma kien hemm l-ebda evidenza pożittiva li seħħet kunsinna ta’ SSHR li toriġina mill-Indoneżja permezz tat-Turkija lill-Unjoni, u lanqas evidenza ta’ riorganizzazzjoni tax-xejriet u l-kanali tal-bejgħ. Barra minn hekk, il-prattika, il-proċess jew il-ħidma ma tistax tiġi kkwalifikata bħala modifika żgħira, billi l-prodott investigat huwa prodott downstream u, bħala tali, prodott differenti mill-materjali ta’ input tiegħu jew operazzjoni ta’ assemblaġġ, b’mod partikolari peress li l-prodott investigat u ċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli mhumiex ikklassifikati taħt l-istess intestaturi tariffarji.

(19)

Çolakoğlu affermat li kien hemm ġustifikazzjoni ekonomika biex isir investiment f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-azzar inossidabbli minħabba d-domanda għal prodotti tal-azzar inossidabbli fit-Turkija.

(20)

Çolakoğlu argumentat ukoll in-nuqqas ta’ dannu u li l-effetti ta’ rimedju ma kinux qed jiddgħajfu peress li i) b’sehem mis-suq ta’ 1 %, l-importazzjonijiet Torok ma kinux sinifikanti biex idgħajfu l-effett ta’ rimedju tad-dazju u ii) jekk jiddgħajfu l-effetti ta’ rimedju tad-dazju, dan ma jkunx minħabba l-importazzjonijiet ta’ SSHR mit-Turkija iżda pjuttost minħabba l-importazzjonijiet ta’ SSHR mill-Indoneżja, li komplew wara l-impożizzjoni tal-miżuri, u l-SSHR ipproċessati mill-produtturi tal-Unjoni minn ċangaturi tal-azzar importati mill-Indoneżja.

(21)

Barra minn hekk, Çolakoğlu argumentat li l-estensjoni tal-miżuri għat-Turkija tmur kontra l-interess tal-Unjoni, peress li dan iwassal għal żieda ulterjuri fil-prezzijiet, li fl-aħħar mill-aħħar taffettwa b’mod negattiv lill-utenti finali u l-konsumaturi.

(22)

Fl-aħħar nett, Çolakoğlu affermat li l-produtturi tal-Unjoni wettqu l-istess operazzjonijiet, jiġifieri l-ipproċessar ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli Indoneżjani f’SSHR fl-Unjoni, saħansitra b’mod aktar wiesa’ mill-operazzjonijiet li qed iseħħu fit-Turkija. Għalhekk, talab li tintemm l-investigazzjoni jew, alternattivament, li l-ambitu tal-investigazzjoni jiġi estiż biex jinkludi l-ipproċessar ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli Indoneżjani f’SSHR fl-Unjoni.

(23)

Kummenti simili waslu minn Marcegaglia, u mill-Gvern tar-Repubblika tat-Turkija.

(24)

Barra minn hekk, Marcegaglia affermat li l-importazzjoni ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja għall-ipproċessar ulterjuri fit-Turkija kienet tikkostitwixxi operazzjoni ekonomikament iġġustifikata bil-għan li tiddiversifika s-sorsi ta’ provvista tagħha.

(25)

Il-Kummissjoni qieset li t-talba kien fiha biżżejjed evidenza li seħħet bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mill-Indoneżja u mit-Turkija lejn l-Unjoni wara l-bidu tal-investigazzjoni oriġinali u l-impożizzjoni ta’ miżuri. B’mod speċifiku, it-talba kien fiha data li turi bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli, il-materja prima ewlenija għall-produzzjoni ta’ SSHR, mill-Indoneżja lejn it-Turkija u żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet ta’ SSHR mit-Turkija lejn l-Unjoni.

(26)

Fir-rigward tal-prattika, il-proċess jew il-ħidma li qed issir fit-Turkija, il-Kummissjoni qieset li t-talba kien fiha biżżejjed evidenza tal-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni, waħda mill-prattiki speċifikament imsemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, fit-Turkija, u li dawn l-operazzjonijiet kienu bbażati fuq l-użu ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli, il-materjal ta’ input ewlieni, mill-Indoneżja. Il-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodott investigat u tal-materjali ta’ input ewlenin tiegħu, jew il-bidla tagħhom, hija irrilevanti biex jiġi determinat jekk operazzjoni ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni tikkostitwixxix ċirkomvenzjoni.

(27)

Barra minn hekk, it-talba pprovdiet biżżejjed evidenza rigward in-nuqqas apparenti ta’ ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazji, b’mod partikolari billi l-operazzjonijiet wasslu għal żieda fil-kumplessità tal-kostijiet ta’ operazzjonijiet loġistiċi u ta’ tariffi tas-servizzi. L-affermazzjonijiet li saru minn Çolakoğlu u Marcegaglia ġew analizzati aktar matul l-investigazzjoni u indirizzati fit-taqsima 2.4 hawn taħt.

(28)

Il-Kummissjoni qieset li t-talba pprovdiet ukoll biżżejjed evidenza li tissuġġerixxi li minħabba dawn il-prattiki, l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq l-SSHR kienu qed jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ prezzijiet. B’mod partikolari, it-talba pprovdiet biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet ta’ SSHR saru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Dawn l-affermazzjonijiet, inklużi l-argumenti dwar is-sehem tal-importazzjonijiet Torok, ġew analizzati aktar matul l-investigazzjoni.

(29)

Fir-rigward tal-affermazzjonijiet dwar l-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni fakkret li l-interess tal-Unjoni mhuwiex kunsiderazzjoni għal bidu skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

(30)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjonijiet li t-talba ma kienx fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

(31)

Fir-rigward tal-kummenti ta’ Çolakoğlu li l-importazzjonijiet ta’ ċangaturi Indoneżjani fl-Unjoni jistgħu jiġu pproċessati f’SSHR fl-Unjoni, il-Kummissjoni nnotat li din il-prattika kienet taqa’ barra mill-ambitu ta’ din l-investigazzjoni. Fil-fatt, ir-Regolament tal-bidu limita l-investigazzjoni għall-importazzjonijiet ta’ SSHR fl-Unjoni mit-Turkija u għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar li jseħħu fit-Turkija. Madankollu, il-Kummissjoni ħadet nota tal-affermazzjoni pprovduta minn Çolakoğlu, u se tkompli tanalizza jekk l-importazzjonijiet ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja fl-Unjoni jistgħux ikunu element ta’ prattiki ta’ ċirkomvenzjoni distinti. Il-Kummissjoni bdiet timmonitorja l-importazzjonijiet ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja fl-Unjoni u, skont l-Eurostat, dawn l-importazzjonijiet waqfu f’Ottubru 2022.

1.6.   Drittijiet tad-difiża

(32)

Wara l-iżvelar, Çolakoğlu affermat li l-Kummissjoni kisret id-dritt tiegħu tad-difiża skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku, l-Artikolu 296 TFUE kif ukoll id-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba f’konformità mal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi naqset milli tikkunsidra ħafna mill-argumenti li ġew ippreżentati matul l-investigazzjoni. B’mod partikolari, Çolakoğlu qieset li d-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba nkiser minħabba li l-Kummissjoni ma estendietx l-ambitu tal-investigazzjoni biex tinkludi ċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja importati direttament fl-Unjoni.

(33)

Il-Kummissjoni fakkret li, fit-30 ta’ Jannar 2023, hija żvelat lill-partijiet interessati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġew bbażati l-konklużjonijiet tagħha. Il-partijiet kollha ngħataw 15-il jum biex jikkummentaw. L-argumenti kollha magħmula minn Çolakoğlu u partijiet interessati oħra ġew ikkunsidrati, iżda dan ma jfissirx li kull argument ippreżentat kien jeħtieġ li jiġi indirizzat b’mod espliċitu fid-dokument ta’ żvelar (6). Jeħtieġ li l-Kummissjoni tiġġustifika u tispjega fid-dettall kif xieraq is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħha, kif għamlet fid-dokument ta’ żvelar. Wara l-iżvelar, Çolakoğlu ppreżentat il-kummenti u ngħatat seduta ta’ smigħ. Il-Kummissjoni qieset kif xieraq il-kummenti kollha li saru, kif speċifikat hawn taħt. Fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli Indoneżjani fl-Unjoni, il-Kummissjoni fakkret li hija spjegat kif xieraq fl-iżvelar, riflessi fil-premessa (31) hawn fuq, ir-raġunijiet għaliex din l-allegata prattika kienet taqa’ barra mill-ambitu tal-investigazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li affermat Çolakoğlu, il-Kummissjoni ma eżerċitat l-ebda diskrezzjoni billi r-Regolament tal-bidu ppermettielha biss tinvestiga prattiki ta’ ċirkomvenzjoni possibbli oħra li jseħħu barra mill-Unjoni, b’mod partikolari fit-Turkija. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li d-drittijet tad-difiża ta’ Çolakoğlu ġew irrispettati bis-sħiħ u ċaħdet l-affermazzjoni.

1.7.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu ta’ rappurtar

(34)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-30 ta’ Ġunju 2022 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). Inġabret data biex il-perjodu ta’ investigazzjoni jinvestiga, fost l-oħrajn, l-allegata bidla fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, u l-eżistenza ta’ prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Inġabret data aktar dettaljata għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2022 (“il-perjodu ta’ rappurtar” jew “PR”) sabiex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kinux qed idgħajfu l-effett ta’ rimedju tal-miżuri fis-seħħ f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet u l-eżistenza tad-dumping.

1.8.   Investigazzjoni

(35)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-awtoritajiet tal-Indoneżja u tat-Turkija, lill-produtturi esportaturi magħrufa f’dawk il-pajjiżi, lill-industrija tal-Unjoni u lill-President tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija dwar il-bidu tal-investigazzjoni.

(36)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tat-Turkija għall-Unjoni Ewropea tipprovdiha l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi esportaturi u/jew tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni flimkien mal-produtturi esportaturi Torok, li kienu ġew identifikati fit-talba mill-applikant.

(37)

Formoli ta’ talba għal eżenzjoni għall-produtturi/esportaturi fit-Turkija, kwestjonarji għall-produtturi/esportaturi fl-Indoneżja, u għall-importaturi fl-Unjoni kienu saru disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ TRADE.

(38)

Ħames kumpaniji stabbiliti fit-Turkija ppreżentaw formoli ta’ talba għal eżenzjoni. Dawn kienu:

Saritas Celik San.ve tic. A.S. (“Saritas”)

Üças Paslanmaz Çelik iç ve tic. A.S. (“UCAS”)

AST Turkey Metal Sanayi ve tic. A.S.. (“AST”)

Poyraz Paslanmaz Sanayi ve diş ticaret Limited Sirk (“Poyraz”)

Çolakoğlu Metalurji A.Ş. (“Çolakoğlu”),

(39)

Barra minn hekk, importatur u utent tal-Unjoni, Marcegaglia, issottomettiet tweġiba għall-kwestjonarju.

(40)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu ta’ żmien stabbilit fir-Regolament tal-bidu. Il-partijiet kollha ġew informati li n-nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha jew il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni mhux kompluta, falza jew qarrieqa tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal sejbiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(41)

Fl-4 ta’ Ottubru 2022, saret seduta ta’ smigħ ma’ Marcegaglia.

(42)

Wara l-iżvelar fit-30 ta’ Jannar 2023, saru seduti ta’ smigħ ma’ Marcegaglia fit-8 ta’ Frar 2023 u ma’ Çolakoğlu fl-10 ta’ Frar 2023.

2.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(43)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu analizzati l-elementi li ġejjin sabiex tiġi valutata ċirkomvenzjoni possibbli:

jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn l-Indoneżja, it-Turkija u l-Unjoni,

jekk din il-bidla rriżultatx minn prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ,

jekk hemmx evidenza ta’ dannu jew jekk l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ kinux qed jiddgħajfu f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott investigat, u

jekk hemmx evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali stabbiliti qabel għall-prodott ikkonċernat.

(44)

It-talba allegat il-kunsinna tal-prodott ikkonċernat mit-Turkija lill-Unjoni wara li jkun għadda minn operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni fit-Turkija. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni analizzat speċifikament jekk il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ġewx issodisfati, b’mod partikolari:

jekk l-operazzjoni ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni bdietx jew żdiditx sostanzjalment mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping, jew eżatt qabilha, u jekk il-partijiet ikkonċernati humiex mill-pajjiż soġġett għal miżuri, u

jekk il-partijiet jikkostitwixxux 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat u jekk il-valur miżjud tal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, kienx akbar minn 25 % tal-kostijiet tal-manifattura.

2.2.   Kooperazzjoni u status tal-produtturi esportaturi

(45)

Kif indikat fil-premessa (38), ħames kumpaniji stabbiliti fit-Turkija talbu li jiġu eżentati mill-miżuri, jekk jiġu estiżi għat-Turkija.

(46)

Tlieta minnhom, Saritas, UCAS u AST, tqiesu li ma kinux produtturi esportaturi. Wara l-analiżi tal-informazzjoni pprovduta fit-talbiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni kkonkludiet li, filwaqt li l-kumpaniji kienu involuti fix-xiri u l-bejgħ mill-ġdid tal-prodott investigat, huma la pproduċewh u lanqas immanifatturawh. Il-prodott investigat inxtara minn entitajiet oħra, li kienu l-produtturi reali. Konsegwentement, dawn il-kumpaniji ma setgħux jiġu kklassifikati bħala produtturi. L-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku jipprovdi l-possibbiltà għall-produtturi biss li japplikaw għal eżenzjoni mill-estensjoni tad-dazji anti-dumping. Dan ġie rifless fil-premessa (27) tar-Regolament tal-bidu, li espliċitament speċifika li l-eżenzjonijiet jistgħu jingħataw biss lill-produtturi tal-prodott investigat fit-Turkija. Peress li dawn il-kumpaniji nstabu li ma kinux produtturi, għalhekk ma kinux intitolati li japplikaw għal eżenzjoni.

(47)

Fir-rigward ta’ Poyraz, il-Kummissjoni rċeviet tweġiba insodisfaċenti ħafna b’partijiet kbar mill-formola ta’ talba għal eżenzjoni li twieġeb għall-kwestjonarju kompletament nieqsa jew mhux kompluti. Wara ittra ta’ defiċjenza, il-kumpanija ppreżentat tweġiba li fiha l-informazzjoni meħtieġa kienet għadha jew insodisfaċenti ħafna inkella nieqsa. Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-kumpanija li kien beħsiebha tapplika l-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku meta tiddetermina jekk din il-kumpanija kinitx produttur skont it-tifsira tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku. Fit-tweġiba tagħha, il-kumpanija spjegat għaliex ma pprovdietx informazzjoni aktar kompluta u stiednet lill-Kummissjoni tiġbor aktar data fil-bini tagħha. Il-kumpanija ma ppreżentat l-ebda informazzjoni ulterjuri li tirrettifika jew tikkompleta l-partijiet insodisfaċenti tat-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju.

(48)

Minkejja li ma kinitx kompluta, it-tweġiba kkonfermat li Poyraz kienet qed tixtri kojls tal-SSHR b’mod predominanti fl-Indoneżja, u mbagħad tbigħhom mill-ġdid (possibbilment maqtugħa u ta’ daqs) parzjalment fis-suq tal-Unjoni. Filwaqt li l-kumpanija ma setgħetx tipprovdi lill-Kummissjoni l-kostijiet tat-trasformazzjoni, jekk kien hemm, jew lista dettaljata tal-bejgħ lill-Unjoni, jidher ċar mit-tweġiba li Poyraz kienet qed tixtri u tbigħ mill-ġdid il-prodott ikkonċernat. Billi Poyraz ma setgħatx titqies bħala produttur fit-tifsira tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku u b’hekk ma setgħatx tibbenefika minn eżenzjoni. It-talba għal eżenzjoni għalhekk ġiet irrifjutata.

(49)

Çolakoğlu kkooperat matul l-investigazzjoni kollha billi ppreżentat il-formoli ta’ talba għal eżenzjoni u billi pprovdiet tweġibiet għall-ittri ta’ defiċjenza li ntbagħtulha. B’riżultat ta’ dan, il-livell ġenerali ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Torok kien relattivament għoli, billi l-volumi tal-esportazzjoni ta’ SSHR ta’ Çolakoğlu lejn l-Unjoni ammontaw għal [minn 88 % sa 93 %] tal-volumi totali tal-importazzjonijiet Torok matul il-perjodu ta’ rappurtar, kif irrappurtat fl-istatistika tal-importazzjoni tal-Eurostat.

(50)

Il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika fil-bini ta’ Çolakoğlu, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku. Çolakoğlu importat kważi l-materjal ta’ input ewlieni kollu tagħha (ċangaturi tal-azzar inossidabbli) mill-Indoneżja.

(51)

L-importatur u l-utent tal-Unjoni Marcegaglia kkooperat ukoll u pprovdiet informazzjoni dwar ix-xiri ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli Indoneżjani, l-ipproċessar sussegwenti fit-Turkija u l-importazzjonijiet ta’ SSHR fl-Unjoni. Marcegaglia talbet li tiġi ttrattata bħala produttur esportatur. Huwa ġġustifika t-talba tiegħu abbażi tan-natura tal-operazzjonijiet tiegħu peress li kien involut fix-xiri taċ-ċangaturi mill-Indoneżja, sussegwentement llamina bis-sħana dawn iċ-ċangaturi skont ftehim ta’ tolling ma’ Çolakoğlu fit-Turkija, u aktar tard importa l-kojls (SSHR) fl-Unjoni. Għaldaqstant, Marcegaglia kienet is-sid tal-materja prima (ċangaturi) u tal-prodott finali (SSHR) matul l-operazzjoni kollha, li ġie kkonfermat mill-investigazzjoni. Madankollu, minħabba li l-attivitajiet attwali ta’ produzzjoni/ipproċessar seħħew fil-bini ta’ Çolakoğlu (7) fit-Turkija, il-Kummissjoni kkonkludiet li Marcegaglia ma setgħetx titqies bħala produttur esportatur intitolat li jitlob eżenzjoni.

2.3.   Bidla fix-xejra tal-kummerċ

2.3.1.   Importazzjonijiet ta’ SSHR

(52)

It-Tabella 1 ta’ hawn taħt turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet ta’ SSHR mill-Indoneżja u mit-Turkija fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

Tabella 1

Importazzjonijiet ta’ SSHR fl-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni (f’tunnellati)

 

2018

2019

2020

2021

Perjodu ta’ rappurtar

L-Indoneżja

44 647

81 041

3 695

105 784

128 191

indiċi (bażi = 2018)

100

182

8

237

287

 

 

 

 

 

 

It-Turkija

1 611

2 137

21 500

33 236

50 015

indiċi (bażi = 2018)

100

133

1 335

2 064

3 106

Sors: Eurostat.

(53)

It-Tabella 1 turi li l-volum tal-importazzjonijiet ta’ SSHR mit-Turkija fl-Unjoni żdied minn 1 611 tunnellata fl-2018 għal 50 015 tunnellata fil-perjodu ta’ rappurtar. L-aktar żieda sinifikanti fil-volum tal-importazzjonijiet seħħet mill-2019 sal-2020, meta l-volum immultiplika aktar minn għaxar darbiet, minn 2 137 tunnellata fl-2019 għal 21 500 tunnellata fl-2020. Din iż-żieda kkoinċidiet fiż-żmien mal-bidu tal-investigazzjoni oriġinali, f’Awwissu 2019, u l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi f’Ottubru 2020. Mill-2020, il-volum tal-importazzjonijiet mit-Turkija kompla jiżdied b’mod qawwi biex laħaq 50 015-il tunnellata matul il-perjodu ta’ rappurtar. B’mod ġenerali, il-volum tal-importazzjonijiet mit-Turkija żdied aktar minn 30 darba matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(54)

Fl-istess ħin, il-volum tal-importazzjonijiet ta’ SSHR mill-Indoneżja żdied minn 44 647 tunnellata fl-2018 għal 128 191 tunnellata fil-perjodu ta’ rappurtar. Il-volum tal-importazzjonijiet żdied b’82 % mill-2018 għall-2019. Mill-2018 sal-2020, matul l-investigazzjoni oriġinali, il-volum tal-importazzjonijiet ta’ SSHR mill-Indoneżja naqas b’mod sinifikanti. Fl-2020, il-volum tal-importazzjonijiet naqas għal inqas minn wieħed minn kull għoxrin tal-volum tal-2019. Mill-2021 sal-perjodu ta’ rappurtar, il-volum tal-importazzjonijiet ta’ SSHR mill-Indoneżja rkupra u reġa’ beda jiżdied (b’aktar minn 50 %) meta mqabbel mal-livelli tal-2019. B’mod ġenerali, il-volum tal-importazzjonijiet ta’ SSHR mill-Indoneżja fl-Unjoni kważi ttrippla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, iżda dik iż-żieda kienet, f’termini relattivi, ferm inqas sinifikanti miż-żieda tal-importazzjonijiet mit-Turkija.

2.3.2.   Volumi tal-esportazzjoni ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja lejn it-Turkija

(55)

It-tabella 2 ta’ hawn taħt turi l-iżvilupp tal-volum tal-importazzjonijiet taċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja fit-Turkija, abbażi tal-istatistika tal-importazzjoni Torka mill-bażi tad-data GTA (8).

Tabella 2

Importazzjonijiet ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja fit-Turkija fil-perjodu ta’ investigazzjoni (f’tunnellati)

 

2018

2019

2020

2021

Rappurtar perjodu

L-Indoneżja

0

6 368

14 172

60 684

40 513

indiċi (bażi = 2019)

0

100

223

953

636

Sors: GTA.

(56)

Il-materjal ta’ input ewlieni għall-produzzjoni ta’ SSHR huwa ċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli. Dan il-materjal ta’ input imbagħad jiġi pproċessat ulterjorment, jiġifieri llaminat bis-sħana, biex jiġi prodott l-SSHR. L-evidenza disponibbli għall-Kummissjoni wriet li l-SSHR esportat lejn l-Unjoni mit-Turkija ġie prodott prinċipalment miċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli.

(57)

It-Tabella 2 turi li l-importazzjonijiet taċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja fit-Turkija żdiedu sostanzjalment, minn żero fl-2018 għal 40 513 tunnellata fil-perjodu ta’ rappurtar. L-importazzjonijiet mill-Indoneżja rrappreżentaw madwar 99.9 % tal-volum totali tal-importazzjonijiet ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli fit-Turkija kull sena fil-perjodu mill-2019 sal-perjodu ta’ rappurtar. Barra minn hekk, iż-żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja fit-Turkija kkoinċidiet ukoll fiż-żmien mal-bidu tal-provvista minn Çolakoğlu lill-klijent tiegħu tal-Unjoni (Marcegaglia) mill-2019 ’il quddiem, li wassal għal żieda fil-konsum ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli fit-Turkija għall-produzzjoni ta’ SSHR. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet li t-totalità tal-importazzjonijiet ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja fit-Turkija waslet fil-bini ta’ Çolakoğlu.

(58)

Iż-żieda sinifikanti fil-volumi ta’ importazzjonijiet taċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja fit-Turkija indikat żieda fid-domanda għal tali materjali ta’ input fit-Turkija, li tista’, fil-biċċa l-kbira, tiġi spjegata miż-żieda fil-produzzjoni u fl-esportazzjonijiet ta’ SSHR mit-Turkija matul il-perjodu ta’ rappurtar. Dan kien ikkorroborat ukoll mill-informazzjoni pprovduta mingħand Çolakoğlu.

(59)

Wara l-iżvelar, Çolakoğlu affermat li ma kien hemm l-ebda bidla fix-xejra tal-kummerċ, minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet Indoneżjani u n-nuqqas ta’ sostituzzjoni tal-importazzjonijiet ta’ SSHR Indoneżjani mill-importazzjonijiet ta’ SSHR Torok. Hija affermat ukoll li, fin-nuqqas ta’ sostituzzjoni tal-importazzjoni, il-Kummissjoni ddevjat mill-prattika normali tagħha fl-istabbiliment tal-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ.

(60)

Il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku ma jirrikjedix sostituzzjoni sħiħa tal-importazzjonijiet mill-pajjiż soġġett għal miżuri b’importazzjonijiet minn sorsi oħra sabiex tiġi stabbilita bidla fix-xejra tal-kummerċ. Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ ma ddevjatx mill-prattika normali tal-Kummissjoni, peress li f’xi każijiet preċedenti l-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ ġiet stabbilita wkoll, minkejja żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiż soġġett għall-miżuri anti-dumping (9).

2.3.3.   Konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(61)

Filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ SSHR mit-Turkija ma ssostitwewx l-importazzjonijiet mill-Indoneżja, li esperjenzaw ukoll żieda, l-investigazzjoni stabbiliet li l-volumi sinifikanti ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli importati mill-Indoneżja, komplew jiġu pproċessati f’SSHR fit-Turkija biex aktar tard jiġu esportati lejn l-Unjoni. Iż-żieda fl-esportazzjonijiet ta’ SSHR mit-Turkija lejn l-Unjoni li tidher fit-Tabella 1, flimkien maż-żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja lejn it-Turkija fil-perjodu ta’ investigazzjoni, kif muri fit-Tabella 2, ikkostitwew bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn l-Indoneżja, it-Turkija u l-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

2.4.   Prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti, għajr dik tal-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping

(62)

L-investigazzjoni żvelat l-eżistenza ta’ ftehim ta’ tolling bejn Marcegaglia u Çolakoğlu li skontu Marcegaglia xtrat ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja, ittrasportathom lejn it-Turkija sabiex ikomplu jiġu pproċessati f’SSHR minn Çolakoğlu, biex imbagħad jiġu importati fl-Unjoni minn Marcegaglia. Dan il-ftehim ta’ tolling ġie nnegozjat fi tmiem l-2018, qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali.

(63)

It-tabella 3 turi l-evoluzzjoni tal-esportazzjonijiet ta’ Çolakoğlu ta’ SSHR lejn l-Unjoni skont il-ftehim ta’ tolling ma’ Marcegaglia.

Tabella 3

Esportazzjonijiet ta’ SSHR ta’ Çolakoğlu lejn l-Unjoni (f’tunnellati)

 

2018

2019

2020

2021

RP

Esportazzjonijiet ta’ Çolakoğlu ta’ SSHR lejn l-Unjoni

0

5 –10

10 000 –15 000

25 000 –30 000

40 000 –50 000

Sors: data ta’ kumpaniji verifikati.

(64)

It-Tabella 3 turi li l-esportazzjonijiet ta’ Çolakoğlu żdiedu sostanzjalment, minn żero fl-2018 għal aktar minn 40 000 tunnellata fil-perjodu ta’ rappurtar.

(65)

L-investigazzjoni żvelat ukoll li kważi l-esportazzjonijiet kollha ta’ Çolakoğlu lejn l-Unjoni saru skont il-ftehim ta’ tolling ma’ Marcegaglia. Bl-istess mod, kważi t-totalità taċ-ċangaturi importati fit-Turkija mill-Indoneżja komplew jiġu ttrasformati f’SSHR minn Çolakoğlu skont il-ftehim ta’ tolling stabbilit bejn iż-żewġ kumpaniji.

(66)

Għalkemm seta’ kien hemm raġunijiet oħra biex tiġi stabbilita l-iskema għajr il-miżuri fis-seħħ, jiġifieri biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista għal Marcegaglia, u biex jiġi fornut is-suq tal-azzar inossidabbli fit-Turkija, elementi oħra jindikaw bil-qawwa konnessjoni mal-impożizzjoni tad-dazji:

Il-ftehim ta’ tolling, għalkemm innegozjat qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali, kien għadu ma mmaterjalizzax kompletament qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali.

Il-prattika skont il-ftehim ta’ tolling żdiedet sostanzjalment biss wara l-bidu tal-investigazzjoni oriġinali u żdiedet b’mod sinifikanti wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi.

(67)

Il-Kummissjoni nnotat li l-ftehim ta’ tolling ġie stabbilit bil-ħsieb li jforni s-suq tal-Unjoni u mhux is-suq domestiku Tork. Fil-fatt, Çolakoğlu biegħet inqas minn 2 % tal-SSHR, prodotti minn ċangaturi importati mill-Indoneżja, fis-suq domestiku Tork.

(68)

Il-Kummissjoni analizzat ukoll l-affermazzjoni ta’ Marcegaglia li l-ftehim ta’ tolling ġie stabbilit biex jiżgura s-sigurtà tal-provvista, minħabba li d-domanda żdiedet b’mod sinifikanti u ma setgħetx tiġi ssodisfata mill-industrija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ġie stabbilit li l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni fit-Turkija nbdew f’volumi sinifikanti biss wara l-bidu tal-investigazzjoni oriġinali kontra l-Indoneżja. Il-ftehim ma kienx jikkonċerna sempliċiment l-iżgurar ta’ provvista mit-Turkija, iżda minħabba n-natura ta’ tolling tiegħu, iffoka speċifikament fuq li jibbaża dik il-provvista fuq ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja — il-pajjiż taħt miżuri. Barra minn hekk, il-produttur Indoneżjan ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli kien ukoll il-fornitur ta’ SSHR. Normalment, wieħed ma jitlax pass ’il fuq fil-katina tal-valur tal-fornitur integrat vertikalment tiegħu għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista. Sakemm, naturalment, it-theddid li qed jiġi indirizzat ma jkunx miżuri potenzjali li jaffettwaw il-pass aktar baxx f’dik il-katina tal-valur — f’dan il-każ id-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ SSHR mill-Indoneżja.

(69)

Wara l-iżvelar, Marcegaglia u Çolakoğlu affermaw li r-relazzjoni kummerċjali tagħhom ma kinitx dipendenti fuq l-eżistenza tad-dazju anti-dumping kontra l-importazzjonijiet ta’ SSHR mill-Indoneżja. Iż-żewġ kumpaniji argumentaw li l-ftehim ta’ tolling bejn Marcegaglia u Çolakoğlu ġie nnegozjat qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali, u li ż-żewġ kumpaniji kellhom relazzjoni kummerċjali fit-tul, li bdiet aktar minn għaxar snin ilu. Il-ftehim ta’ tolling tagħhom kien parti minn ftehim usa’, li permezz tiegħu Çolakoğlu tipproċessa kemm prodotti tal-azzar inossidabbli kif ukoll prodotti tal-azzar bil-karbonju.

(70)

Il-Kummissjoni nnotat li, anki meta jitqies li Marcegaglia u Çolakoğlu kellhom relazzjoni kummerċjali għal aktar minn għaxar snin u allegatament il-ftehim ta’ tolling tagħhom kien parti minn ftehim usa’, kif indikat ukoll fil-premessa (66) ta’ hawn fuq, il-prattika soġġetta għal din l-investigazzjoni, jiġifieri li jiġu pproċessati ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja għal SSHR fit-Turkija li sussegwentement ġew esportati lejn l-Unjoni, ma mmaterjalizzatx kompletament qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali. Il-prattika żdiedet wara l-bidu tal-investigazzjoni oriġinali u kompliet tiżdied b’mod sinifikanti wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi. Fi kliem ieħor, il-bidu tal-prattika inkwistjoni, minkejja r-relazzjoni li ilha teżisti, ikkoinċida fiż-żmien mal-bidu tal-investigazzjonijiet oriġinali u l-impożizzjoni aktar tard ta’ miżuri, u ma mmaterjalizza fl-ebda stadju aktar bikri. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat din l-affermazzjoni.

(71)

Çolakoğlu affermat li hemm ġustifikazzjoni ekonomika b’rabta mal-eżistenza tad-domanda għal SSHR Torok, kemm fl-UE kif ukoll fit-Turkija. Din id-domanda tiġġustifika l-investimenti, li saru qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali, biex tiġi żviluppata l-produzzjoni ta’ SSHR fit-Turkija.

(72)

Il-Kummissjoni nnotat mill-bidu nett li l-prattika li nstabet li kienet qed tevita d-dazji anti-dumping fis-seħħ ma kinitx il-produzzjoni ta’ SSHR fit-Turkija bħala tali. Il-prattika li nstabet li kienet qed tevita kienet l-importazzjoni ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja fit-Turkija, il-laminazzjoni tagħhom f’SSHR u l-bejgħ tagħhom fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, jekk l-investimenti fl-iżvilupp tal-kapaċità ma kinux ekonomikament iġġustifikati kien immaterjali mill-perspettiva tas-sejbiet ta’ ċirkomvenzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li, filwaqt li Çolakoğlu żviluppat il-kapaċità li tipproduċi ċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli tiegħu stess fit-Turkija, din il-produzzjoni kienet limitata ħafna. Fil-fatt, kif iddikjarat fil-premessa (91) ta’ hawn taħt, iċ-ċangaturi ta’ oriġini Torka kienu jammontaw, fil-perjodu ta’ rappurtar, għal inqas minn 0,5 % taċ-ċangaturi użati minn Çolakoğlu għall-produzzjoni ta’ SSHR esportati lejn l-Unjoni. Għalhekk, irrispettivament minn jekk kienx hemm raġunijiet għall-investimenti ta’ Çolakoğlu f’faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-azzar inossidabbli għajr biex jiġu evitati l-miżuri, l-investimenti inkwistjoni ma ntużawx għall-provvista ta’ SSHR lill-Unjoni prodotti minn ċangaturi ta’ oriġini Torka peress li kważi l-esportazzjonijiet kollha ta’ Çolakoğlu kienu bbażati fuq SSHR prodotti minn ċangaturi Indoneżjani matul il-perjodu ta’ rappurtar. Għalhekk, ġiet miċħuda l-affermazzjoni.

(73)

Wara l-iżvelar, Marcegaglia affermat li kien hemm ġustifikazzjoni ekonomika minħabba l-mudell ta’ negozju tagħha, li kien ibbażat, l-ewwel nett, fuq id-diversifikazzjoni ta’ sorsi tal-provvista u, it-tieni, fuq il-ħtieġa ta’ flessibbiltà biex tlaħħaq mad-disponibbiltà ta’ SSHR fis-suq skont il-fluttwazzjonijiet tad-domanda għal prodotti downstream. Il-fatt li kien hemm disponibbiltà limitata ta’ SSHR suwed fis-suq tal-Unjoni, inkluż mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, allegatament iġġustifika l-istrateġija ta’ Marcegaglia li tixtri ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja biex jiġu pproċessati f’SSHR suwed permezz ta’ ftehimiet ta’ tolling. Barra minn hekk, Marcegaglia argumentat li l-Kummissjoni ma indirizzatx il-fatt li l-Indoneżja għandha l-akbar kapaċità ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli fid-dinja u, għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, hija lesta li tipprovdi l-kwalità u l-kwantitajiet ta’ ċangaturi meħtieġa minn Marcegaglia. Allegatament, pajjiżi oħra jew jiffukaw fuq l-SSHR inkella għandhom domanda qawwija ta’ SSHR għal prodotti downstream.

(74)

Il-Kummissjoni nnotat li, filwaqt li qieset il-mudell ta’ negozju kif deskritt hawn fuq, din l-affermazzjoni ma rrendietx l-argumenti stabbiliti hawn fuq fil-premessi minn (66) sa (68) invalidi. Barra minn hekk, l-SSHR Indoneżjani kienu disponibbli fis-suq tal-Unjoni wara l-ħlas tad-dazji anti-dumping, li ntwera miż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Indoneżja. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda evidenza li l-allegati fluttwazzjonijiet tad-disponibbiltà ta’ prodotti downstream jaffettwaw biss id-disponibbiltà ta’ SSHR, iżda mhux l-input upstream immedjat tagħhom, iċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli, li jirriżulta f’abbundanza ta’ ċangaturi Indoneżjani u skarsezza tal-SSHR Indoneżjani. Barra minn hekk, l-allegazzjoni li l-pajjiżi l-oħra kollha, ħlief l-Indoneżja, ma setgħux jew ma kinux lesti li jipprovdu biżżejjed kwantitajiet ta’ ċangaturi ta’ kwalità lil Marcegaglia ma kienet sostnuta mill-ebda evidenza. Għalhekk, ġiet miċħuda din l-affermazzjoni.

(75)

Wara l-iżvelar, Marcegaglia argumentat li l-ġustifikazzjoni ekonomika tal-ftehim ta’ tolling ma’ Çolakoğlu ġiet ikkonfermata mill-investimenti sinifikanti reċenti magħmula minn Marcegaglia. F’Jannar 2023, Marcegaglia akkwistat mitħna tal-azzar fir-Renju Unit. Marcegaglia affermat li dan l-akkwist ta’ impjant għall-produzzjoni ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli kien xprunat mill-ħtieġa li jiġi żgurat sors proprju affidabbli u stabbli tal-provvista ta’ SSHR. Madankollu, peress li l-mitħna tal-azzar akkwistata tipproduċi ċangaturi tal-azzar inossidabbli iżda ma għandhiex faċilitajiet għal-laminazzjoni fis-sħana, Marcegaglia argumentat li fil-futur ikollu bżonn is-sħubija ta’ impjant ieħor sabiex jipproċessa ċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli prodotti fir-Renju Unit f’SSHR, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha. F’dan ir-rigward, Çolakoğlu wriet li hija sieħeb affidabbli u effiċjenti li potenzjalment jista’ jintuża wkoll għall-ipproċessar ta’ ċangaturi prodotti fir-Renju Unit f’SSHR. Barra minn hekk, Marcegaglia indikat li, peress li dalwaqt tkun tista’ tissodisfa d-domanda tagħha ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli permezz tal-produzzjoni ta’ ċangaturi fir-Renju Unit, l-ebda SSHR ieħor ta’ ċangaturi mill-Indoneżja ma tista’ tkun mistennija fil-futur.

(76)

Il-Kummissjoni qieset li dan l-iżvilupp reċenti jista’ jirriżulta f’bidla fis-sorsi tal-provvista ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli fil-futur qrib. Madankollu, din l-akkwiżizzjoni seħħet f’Jannar 2023, jiġifieri wara l-perjodu ta’ rappurtar, u ma kien fiha l-ebda garanzija dwar jekk jew meta se tintemm il-prattika ta’ ċirkomvenzjoni stabbilita.

(77)

Fir-rigward tal-allegata bidla futura taċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni nnotat li, wara sena mill-estensjoni tal-miżuri, Marcegaglia jew Çolakoğlu setgħet titlob rieżami tal-miżura kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, f’każ li l-bidla tkun ta’ natura dejjiema. Fil-fatt, tali bidla tista’ tkun marbuta max-xiri ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli prodotti fir-Renju Unit li jissostitwixxu x-xiri ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli mill-Indoneżja, dment li jkun jista’ jintwera li tali bidla tkun ta’ natura dejjiema.

(78)

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, għall-operazzjoni ta’ kompletazzjoni minn Çolakoğlu. Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ kienet riżultat tal-fatt li l-operazzjoni bdiet u mbagħad żdiedet sostanzjalment wara li ġew imposti l-miżuri oriġinali.

2.5.   Bidu jew żieda sostanzjali tal-operazzjonijiet

(79)

L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni tkun bdiet jew żdiedet sostanzjalment mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping, jew eżatt qabilha, u l-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu ġejjin prinċipalment mill-pajjiżi soġġetti għal miżuri anti-dumping.

(80)

Kif deskritt fit-taqsima 2.4 ta’ hawn fuq, Çolakoğlu żiedet sostanzjalment il-bejgħ tal-esportazzjoni tagħha matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, u kważi x-xiri kollu tal-materjal ta’ input ewlieni, iċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli, ġew importati mill-Indoneżja.

(81)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni żdiedet sostanzjalment mill-bidu tal-investigazzjoni oriġinali, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku.

2.6.   Valur tal-partijiet u valur miżjud

(82)

L-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku jindika li, f’dak li għandu x’jaqsam mal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, kundizzjoni biex tiġi stabbilita ċ-ċirkomvenzjoni hija li l-partijiet mill-pajjiżi soġġetti għal miżuri jikkostitwixxu 60 % jew aktar mill-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat u li l-valur miżjud tal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, ikun inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura.

(83)

Wara l-iżvelar, Çolakoğlu tenniet l-affermazzjoni tagħha li l-prattika, il-proċess jew il-ħidma ma taqax fit-tifsira tal-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku peress li l-prodott investigat, l-SSHR, huwa prodott differenti mill-materjal ta’ input tiegħu, iċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli. Iċ-ċangaturi huma kklassifikati taħt intestaturi tariffarji differenti mill-SSHR billi l-operazzjonijiet ta’ pproċessar huma sostanzjali u jagħtu oriġini mhux preferenzjali Torka lill-SSHR. Barra minn hekk, Çolakoğlu argumentat li filwaqt li r-regoli tal-oriġini huma rregolati fil-livell tad-WTO, ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar iċ-ċirkomvenzjoni fil-livell tad-WTO. Għalhekk, deċiżjoni li jiġu estiżi l-miżuri eżistenti għall-importazzjonijiet ta’ SSHR mit-Turkija timmina l-pożizzjoni tal-Unjoni bħala proponent ewlieni tal-konverġenza kummerċjali globali. Barra minn hekk, Çolakoğlu rreferiet għall-kawża Steel Wire Ropes u Cables (l-Indja) (10), li fiha l-Kummissjoni kienet tal-fehma li r-regoli ta’ oriġini mhux preferenzjali kienu rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk id-dazji antidumping kinux japplikaw jew le.

(84)

Il-Kummissjoni qieset li l-klassifikazzjoni tariffarja u l-oriġini tal-prodott investigat u tal-materjali ta’ input ewlenin tiegħu, jew il-bidla tagħhom, hija irrilevanti biex jiġi ddeterminat jekk operazzjoni ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni tikkostitwixxix ċirkomvenzjoni. Il-bażi ġuridika għal investigazzjoni antiċirkomvenzjoni hija l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, u mhux il-leġiżlazzjoni doganali dwar l-oriġini. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-uniku għan ta’ Regolament li jestendi dazju anti-dumping huwa li jiżgura l-effettività ta’ dak id-dazju u jipprevjeni ċ-ċirkomvenzjoni tiegħu (11). Sabiex tivvaluta ċirkomvenzjoni possibbli, kif deskritta fil-premessa (82), il-Kummissjoni għalhekk analizzat jekk ġewx issodisfati l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari jekk il-partijiet jikkostitwixxux 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat u jekk il-valur miżjud tal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, kienx akbar minn 25 % tal-kostijiet tal-manifattura. Barra minn hekk, filwaqt li l-Membri tad-WTO rrikonoxxew b’mod espliċitu l-problema ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping (12), ma hemm l-ebda regola uniformi dwar iċ-ċirkomvenzjoni fil-livell tad-WTO li tirrendi r-regoli tal-Unjoni f’dan ir-rigward inkompatibbli. Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija minn Çolakoğlu ma kinitx tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 bħala tali, iżda pjuttost il-ġbir ta’ dazji anti-dumping f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mat-termini ta’ impenn. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ċċarat li l-użu ta’ “minn” aktar milli “oriġina minn” fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jimplika li “l-leġiżlatur tal-UE għażel deliberatament li jiddistanzja ruħu mir-regoli tal-oriġini skont il-liġi doganali u li, għalhekk, il-kunċett ta’ “minn” […] jippossjedi tifsira awtonoma u distinta minn dik tal-kunċett ta’ “oriġini” taħt il-liġi doganali”  (13). Għalhekk ġiet miċħuda l-affermazzjoni.

2.6.1.   Valur tal-partijiet

(85)

Il-materjal ta’ input ewlieni għall-produzzjoni tal-SSHR huwa ċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli. Kważi 100 % taċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli pproċessati minn Çolakoğlu ġew importati mill-Indoneżja. Permezz tal-proċess ta’ laminazzjoni fis-sħana mwettaq, li kien operazzjoni ta’ kompletazzjoni fit-Turkija, dawn iċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli komplew jiġu pproċessati f’SSHR. Skont l-informazzjoni ppreżentata u vverifikata minn Çolakoğlu, iċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli kkostitwew kważi 100 % tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat/kompletat skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku.

(86)

Wara l-iżvelar, Çolakoğlu tenniet l-affermazzjoni tagħha li l-manifattura ta’ SSHR minn ċangaturi tal-azzar inossidabbli ma tikkostitwixxix “assemblaġġ ta’ partijiet minn operazzjoni ta’ assemblaġġ” skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, peress li hemm biss parti waħda fil-produzzjoni ta’ SSHR. Huwa argumenta wkoll li r-referenza għal “kompletazzjoni tal-operazzjonijiet” fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku jenħtieġ li tinqara fil-kuntest tal-valur miżjud wara li jkun ġie konkluż l-assemblaġġ. Għalhekk, u minħabba li l-operazzjonijiet imwettqa minn Çolakoğlu ma kinux jikkwalifikaw bħala operazzjoni ta’ assemblaġġ, ma ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 13(2)(a) u 13(2)(b) tar-Regolament bażiku, skont Çolakoğlu.

(87)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet. Il-prattika deskritta fil-premessa (82) tqieset li hija operazzjoni ta’ kompletazzjoni li waqgħet fil-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, kif imsemmi wkoll fil-premessa (44). Barra minn hekk, tqiesu elementi oħra, kif spjegat hawn taħt.

(88)

Ir-Regolament bażiku ma jiddefinixxix it-termini “operazzjoni ta’ assemblaġġ” jew “operazzjoni ta’ kompletazzjoni”. Madankollu, il-mod kif inhu mfassal l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku jiffavorixxi interpretazzjoni tat-terminu “operazzjoni ta’ assemblaġġ” billi, skont l-Artikolu 13(2)(b), dan huwa maħsub ukoll biex jinkorpora espliċitament “operazzjoni ta’ kompletazzjoni”. Minn dan isegwi li “operazzjoni ta’ assemblaġġ” skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) hija maħsuba tkopri mhux biss operazzjonijiet li jikkonsistu mill-assemblaġġ ta’ partijiet ta’ oġġett kompost, iżda tista’ tinvolvi wkoll ipproċessar ulterjuri, jiġifieri l-kompletazzjoni ta’ prodott.

(89)

Kif innotat fil-premessa (84), l-għan tal-investigazzjonijiet imwettqa f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku huwa li tiġi żgurata l-effettività tad-dazji anti-dumping u li tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tagħhom. Konsegwentement, l-għan tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku huwa li jiġu identifikati l-prattiki, il-proċessi jew il-ħidmiet li jużaw b’mod predominanti partijiet mill-pajjiż li huwa soġġett għall-miżuri u li jarmahom jew ilestihom billi jżid valur limitat għal dawn il-partijiet.

(90)

Wara l-iżvelar, Çolakoğlu affermat li l-SSHR prodotti b’ċangaturi ta’ oriġini Torka jaqgħu barra mill-ambitu tal-investigazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri tkun relatata biss mal-SSHR prodotti minn ċangaturi Indoneżjani u mhux mal-SSHR prodotti minn ċangaturi ta’ oriġini Torka. Çolakoğlu affermat ukoll li l-oriġini tista’ tiġi vverifikata mill-awtoritajiet doganali nazzjonali minħabba l-eżistenza ta’ mod vijabbli u prattikabbli biex tiġi vverifikata l-oriġini Torka tagħha. B’mod speċifiku, jenħtieġ li l-kisba ta’ Ċertifikat EUR.1, li jagħti oriġini preferenzjali, tipprovdi assigurazzjoni b’garanziji suffiċjenti li l-SSHR li kienu relatati miegħu kienu pproċessati minn ċangaturi ta’ oriġini Torka.

(91)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jipprevedi estensjoni tad-dazji għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi tal-prodott simili, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet. Skont l-Artikolu 13(4), eżenzjonijiet mill-estensjoni tal-miżuri jistgħu jingħataw lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat li jinstabu li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni. Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kienet marbuta tqis il-bejgħ kollu lill-Unjoni tal-prodott investigat mill-produttur esportatur inkwistjoni, inklużi dawk manifatturati minn ċangaturi ta’ oriġini Torka, u mhux biss il-bejgħ tal-prodott manifatturat b’ċangaturi Indoneżjani. F’dan ir-rigward, l-investigazzjoni kkonfermat li Çolakoğlu esportat lejn l-Unjoni SSHR manifatturati b’mod predominanti b’ċangaturi Indoneżjani. B’mod speċifiku, l-investigazzjoni stabbiliet li matul il-perjodu ta’ rappurtar, mill-[40 000–50 000] tunnellata ta’ SSHR esportati minn Çolakoğlu lejn l-Unjoni, [20–200] tunnellata biss kienu SSHR prodotti b’ċangaturi ta’ oriġini Torka, li jammontaw għal-livell massimu tagħhom ta’ 0,5 % tal-partijiet. Għaldaqstant, il-partijiet, iċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli, importati mill-Indoneżja, kienu jammontaw fil-perjodu ta’ rappurtar għal aktar minn 99,5 % tal-partijiet kollha użati fil-produzzjoni totali ta’ SSHR. Konsegwentement, ġiet miċħuda l-affermazzjoni.

(92)

Wara l-iżvelar, Çolakoğlu argumentat li nkisru d-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari l-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 296 TFUE minħabba li t-talba għal eżenzjoni inizjali tagħha kienet tikkonċerna mhux biss l-SSHR prodotti b’ċangaturi Indoneżjani iżda wkoll, separatament, l-SSHR prodotti b’ċangaturi ta’ oriġini Torka. Dan l-element ma kienx indirizzat fl-iżvelar, skont Çolakoğlu.

(93)

Kif indikat fil-premessa (85) ta’ hawn fuq, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, l-estensjoni tikkonċerna importazzjonijiet minn pajjiżi terzi tal-prodott simili u l-Artikolu 13(4) jippermetti eżenzjonijiet għal “produtturi […] li jinstabu li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni”. Il-Kummissjoni indikat fid-dokument ta’ żvelar li għall-fini tal-valutazzjoni tal-kriterju tas-60 %, hija qieset iċ-ċangaturi kollha pproċessati minn Çolakoğlu, u li kważi 100 % taċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli pproċessati minnu kienu importati mill-Indoneżja. B’hekk, dawk iċ-ċangaturi kkostitwixxew kważi 100 % tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat/lest skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, Çolakoğlu nstabet li kienet involuta fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku u b’hekk ma setgħetx tingħata eżenzjoni skont dik id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, wara l-iżvelar, fil-premessa (91) ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat li l-SSHR prodotti minn ċangaturi ta’ oriġini Torka kellhom jitqiesu fl-analiżi tagħha u ma setgħux jiġu esklużi mill-ambitu tal-investigazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li d-dritt tad-difiża ta’ Çolakoğlu ġie rrispettat bis-sħiħ u ċaħdet l-affermazzjoni.

(94)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li ġie ssodisfat il-kriterju tas-60 % stabbilit fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku.

2.6.2.   Valur miżjud

(95)

Il-valur miżjud medju stabbilit matul il-perjodu ta’ rappurtar instab li kien inqas minn 5 %, li huwa ħafna aktar baxx mill-limitu ta’ 25 % stabbilit mill-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, tul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, kien inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku biex dawn l-operazzjonijiet jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni.

2.7.   Imminar tal-effett ta’ rimedju tad-dazju anti-dumping

(96)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet tal-prodott investigat, kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet, imminawx l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri attwalment fis-seħħ.

(97)

Abbażi tad-data ppreżentata u vverifikata ta’ Çolakoğlu u ta’ Marcegaglia, Çolakoğlu esportat 40 000–50 000 tunnellata matul il-perjodu ta’ rappurtar. Fl-istess ħin, il-bejgħ ħieles tal-konsum tal-Unjoni ġie stmat mill-applikant li huwa madwar il-1 200 000 tunnellata għall-perjodu ta’ rappurtar. Għalhekk, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mit-Turkija kien jirrappreżenta madwar 4 % tal-bejgħ ħieles tal-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ rappurtar u aktar minn 3 % tal-bejgħ ħieles tal-konsum tal-Unjoni stabbilit fil-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. Barra minn hekk, billi l-Kummissjoni stabbiliet kapaċità ta’ riżerva sostantiva fil-mitħna tal-laminazzjoni fis-sħana ta’ Çolakoğlu, il-kumpanija setgħet iżżid b’mod sostanzjali l-volumi tal-esportazzjoni tagħha fil-futur.

(98)

Rigward il-prezzijiet, il-Kummissjoni qabblet il-prezz medju mhux dannuż, kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, mal-medja ponderata tal-prezzijiet tal-esportazzjoni CIF iddeterminata fuq il-bażi tal-istatistika tal-Eurostat, aġġustata kif dovut biex tinkludi l-kostijiet ta’ wara l-iżdoganar. Il-Kummissjoni użat l-istatistika tal-Eurostat peress li t-tranżazzjonijiet bejn Çolakoğlu u Marcegaglia kienu bbażati fuq ftehim ta’ tolling, u b’hekk kienu jikkostitwixxu tariffa tas-servizzi u ma jirriflettux prezz tas-suq. Dan it-tqabbil tal-prezzijiet wera li l-importazzjonijiet minn Çolakoğlu kienu inqas mill-prezzijiet tal-Unjoni b’aktar minn 13 %.

(99)

Wara l-iżvelar, Marcegaglia, Çolakoğlu u l-Gvern tar-Repubblika tat-Turkija affermaw li, minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Indoneżja, il-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet Indoneżjani ma kellhom l-ebda effett ta’ rimedju li jista’ potenzjalment jiġi mminat mill-importazzjonijiet mit-Turkija, li kienu konsiderevolment aktar baxxi f’termini assoluti.

(100)

Çolakoğlu affermat ukoll li, jekk xi importazzjonijiet ikunu qed jimminaw l-effetti ta’ rimedju, dawk ma jkunux l-importazzjonijiet mill-SSHR Torok, iżda pjuttost l-importazzjonijiet ta’ ċangaturi li allegatament jiġu pproċessati f’SSHR fl-Unjoni minħabba l-volumi sostanzjalment ogħla tagħhom.

(101)

Il-Kummissjoni fakkret li, filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ ċangaturi mill-Indoneżja fl-Unjoni kienu fil-fatt akbar fil-volum mill-SSHR mit-Turkija, dan, madankollu, ma jbiddilx is-sejbiet tal-investigazzjoni li l-importazzjonijiet ta’ SSHR mit-Turkija mminaw l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri, jiġifieri li dawn l-importazzjonijiet kienu jirrappreżentaw aktar minn 4 % tal-konsum totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ rappurtar u kienu inqas mill-prezzijiet tal-Unjoni b’aktar minn 13 %. Barra minn hekk, il-kontinwazzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ SSHR Indoneżjani ma implikatx li l-miżuri oriġinali kienu ineffiċjenti. Fil-fatt, l-għan tal-miżuri ma kienx li jitneħħew l-importazzjonijiet, iżda pjuttost li jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. L-importazzjonijiet ta’ SSHR Indoneżjani fl-Unjoni komplew u saħansitra żdiedu, iżda huma soġġetti għal dazju li huwa maħsub biex ineħħi l-effetti ta’ dumping dannuż.

(102)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet taċ-ċangaturi Indoneżjani fl-Unjoni, il-Kummissjoni nnotat li jekk kienx hemm fatturi oħra li jistgħu jimminaw l-effett ta’ rimedju tal-miżuri kien irrilevanti għas-sejbiet fil-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku ma jirrikjedix li l-Kummissjoni tanalizza fatturi oħra, jekk ikun hemm, li jistgħu addizzjonalment ikunu qed jimminaw l-effetti ta’ rimedju tad-dazju.

(103)

Wara l-iżvelar, Marcegaglia affermat li, minħabba s-suq limitat tiegħu, l-importazzjonijiet ta’ SSHR suwed mit-Turkija ma mminawx l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri fis-seħħ kontra l-importazzjonijiet ta’ SSHR Indoneżjani.

(104)

Kif indikat fil-premessa (12), il-Kummissjoni nnotat li fl-investigazzjoni oriġinali ġie konkluż li l-kojls suwed u bojod għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi, huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin u jaqgħu fl-ambitu tal-prodott. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(105)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri eżistenti kienu imminati f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet mill-importazzjonijiet mit-Turkija, soġġetti għal din l-investigazzjoni.

2.8.   Evidenza ta’ dumping

(106)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali stabbiliti minn qabel għall-prodott simili.

(107)

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet medji tal-esportazzjoni mit-Turkija, abbażi tal-istatistika tal-Eurostat, mal-valuri normali stabbiliti matul l-investigazzjoni oriġinali, aġġustati għaż-żieda fil-prezz tal-kojls SSHR fl-Indoneżja kif irrappurtat f’bażijiet tad-data pubbliċi (14). It-tqabbil tal-valuri normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni wera li l-SSHR ġew esportati bi prezzijiet oġġett ta’ dumping tul il-perjodu ta’ rappurtar.

3.   MIŻURI

(108)

Abbażi tas-sejbiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet qed issir ċirkomvenzjoni tad-dazju anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ SSHR li joriġinaw fl-Indoneżja minn importazzjonijiet tal-prodott investigat ikkonsenjat mit-Turkija minn Çolakoğlu.

(109)

Minħabba li l-livell ta’ kooperazzjoni kien għoli, billi l-bejgħ għall-esportazzjoni rrappurtat ta’ Çolakoğlu kien jirrappreżenta [minn 88 % sa 93 %] tal-volumi totali tal-importazzjoni mit-Turkija fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ rappurtar, u li l-ebda produttur Tork ieħor skont it-tifsira tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku ma ppreżenta ruħu biex jitlob eżenzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sejbiet ta’ prattiki ta’ ċirkomvenzjoni fir-rigward ta’ Çolakoğlu kienu rappreżentattivi fir-rigward tal-importazzjonijiet kollha mit-Turkija.

(110)

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ SSHR li joriġinaw mill-Indoneżja jenħtieġ li jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-prodott investigat.

(111)

Skont l-Artikolu 13(1), it-tieni paragrafu tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li l-miżura li għandha tiġi estiża tkun dik stabbilita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1408 għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”, li hija dazju antidumping definittiv ta’ 17,3 % applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju doganali.

(112)

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, li jipprevedi li kull miżura estiża jenħtieġ li tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni taħt reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu, għandhom jinġabru dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati tal-prodott investigat.

4.   TALBA GĦAL EŻENZJONI

(113)

Kif deskritt hawn fuq, instab li Çolakoğlu kienet involuta fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni. Għalhekk, ma setgħetx tingħata eżenzjoni, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lil din il-kumpanija.

(114)

Kif imsemmi fit-taqsima 2.2 hawn fuq, Saritas, UCAS u AST tqiesu li ma kinux produtturi esportaturi, u għalhekk mhumiex intitolati japplikaw għal eżenzjoni. Bl-istess mod, minħabba t-tweġiba insodisfaċenti tagħha, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi jekk Poyraz kinitx produttur ġenwin u b’hekk eliġibbli għal eżenzjoni.

(115)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ li l-ebda waħda mill-kumpaniji ma tiġi eżentata mill-estensjoni tal-miżuri.

5.   ŻVELAR

(116)

Fit-30 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni żvelat lill-partijiet interessati kollha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet ta’ hawn fuq u stednithom jikkummentaw. Waslu kummenti minn Çolakoğlu, Marcegaglia u l-Gvern tar-Repubblika tat-Turkija u ġew ikkunsidrati kif xieraq.

(117)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1408, fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti, kemm jekk ikunu f’kojls kif ukoll jekk le (inklużi prodotti maqtugħa skont id-daqs u li jkunu strixxi dojoq), li ma jinħadmux aktar wara li jiġu illaminati bis-sħana u bl-esklużjoni ta’ prodotti, mhux f’kojls, b’wisa’ ta’ 600 mm jew aktar u bi ħxuna li taqbeż 10 mm, li joriġinaw mill-Indoneżja, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan, huwa b’dan estiż għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti, kemm jekk ikunu f’kojls kif ukoll jekk le (inklużi prodotti maqtugħa skont id-daqs u li jkunu strixxi dojoq), li ma jinħadmux aktar wara li jiġu illaminati bis-sħana u bl-esklużjoni ta’ prodotti, mhux f’kojls, b’wisa’ ta’ 600 mm jew aktar u bi ħxuna li taqbeż 10 mm, attwalment ikklassifikati skont il-kodiċijiet SA 7219 11, 7219 12, 7219 13, 7219 14, 7219 22, 7219 23, 7219 24, 7220 11 u 7220 12, ikkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le (kodiċijiet TARIC 7219110010, 7219121010, 7219129010, 7219131010, 7219139010, 7219141010, 7219149010, 7219221010, 7219229010, 7219230010, 7219240010, 7220110010, u 7220120010).

2.   Id-dazju estiż huwa d-dazju anti-dumping ta’ 17,3 % applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” fl-Indoneżja (il-kodiċi addizzjonali TARIC C999).

3.   Id-dazju estiż bil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1310.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali huma ordnati ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1310, li b’dan huwa mħassar.

Artikolu 3

It-talbiet għal eżenzjoni ppreżentati minn Saritas Celik San.ve tic. A.S., Üças Paslanmaz Çelik iç ve tic. A.S., AST Turkey Metal Sanayi ve tic. A.S., Poyraz Paslanmaz Sanayi ve diş ticaret Limited Sirk u Çolakoğlu Metalurji A.Ş. huma miċħuda.

Artikolu 4

1.   It-talbiet għal eżenzjoni mid-dazju estiżi permezz tal-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jiġu ffirmati minn persuna awtorizzata biex tirrappreżenta lill-entità li titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Uffiċċju ta’ Direttorat G:

CHAR 04/39

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

2.   F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza l-eżenzjoni tal-importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jevadux il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1408, mid-dazju estiż bl-Artikolu 1.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ April 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1408 tas-6 ta’ Ottubru 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU L 325, 7.10.2020, p. 26).

(3)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mit-Tajwan u mill-Indoneżja (ĠU C 269 I, 12.8.2019, p. 1).

(4)  Ara l-premessi minn (44) sa (46) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508 tas-7 ta’ April 2020 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU L 110, 8.4.2020, p. 3), ikkonfermati fil-premessi minn (20) sa (28) u (31) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1408.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1310 tas-26 ta’ Lulju 2022 li jagħti bidu għal investigazzjoni li tikkonċerna ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1408 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja minn importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana kkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 198, 27.7.2022, p. 8).

(6)  Dwar dan il-punt ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2021, Acron vs Il-Kummissjoni, T-45/19, ECLI:EU:T:2021:238, paragrafu 95.

(7)  Ara għal konklużjoni simili d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju 2012 li ttemm il-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 168, 28.6.2012, p. 38), premessa (79).

(8)  https://www.gtis.com/gta/

(9)  Ara pereżempju, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/302 tal-24 ta’ Frar 2022 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta (“GFF”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) għall-importazzjonijiet ta’ GFF ikkonsenjati mill-Marokk, sew jekk humiex iddikjarati li joriġinaw mill-Marokk jew le, u li jtemm l-investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri antidumping imposti bir-Regolament (UE) 2020/492 fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġinaw fl-Eġittu minn importazzjonijiet ta’ GFF ikkonsenjati mill-Marokk, sew jekk humiex iddikjarati li joriġinaw mill-Marokk jew le (ĠU L 46, 25.2.2022, p. 49), premessi (50)-(54).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/38/KE tat-22 ta’ Diċembru 2005 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/572/KE li taċċetta impenji offruti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proċedimenti anti-dumping rigward importazzjonijiet ta’ ħbula tal-wajer tal-azzar u kejbils li joriġinaw, inter alia, mill-Indja (ĠU L 22, 26.1.2006, p. 54), il-premessi (42)–(44).

(11)  Is-Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Il-Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial, C-709/17 P, ECLI:EU:C:2019:717, paragrafu 96 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(12)  Il-Ftehim taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, id-Deċiżjoni Kontra ċ-Ċirkumvenzjoni.

(13)  Is-Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Il-Kummissjoni/Kolachi Raj Industrial, C-709/17 P, ECLI:EU:C:2019:717, paragrafu 90.

(14)  Il-Kummissjoni ħadet bħala referenzi ż-żieda fil-prezzijiet tal-kojls SSHR fl-Asja tal-Lvant skont Metal Bulletin, li fil-biċċa l-kbira jkopru l-prezzijiet tal-SSHR mill-Indoneżja. L-istess żieda fil-prezz ġiet ikkonfermata mid-data tal-GTA tal-importazzjonijiet dinjija ta’ SSHR mill-Indoneżja.


Top