EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0823

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/823 tat-13 ta’ April 2023 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE fir-rigward tal-valutazzjoni u d-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-informazzjoni fi ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni

C/2023/2352

ĠU L 103, 18.4.2023, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/823/oj

18.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/823

tat-13 ta’ April 2023

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE fir-rigward tal-valutazzjoni u d-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-informazzjoni fi ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8ac(7), l-ewwel subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/16/UE ġiet emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2021/514 (2) biex ittejjeb id-dispożizzjonijiet relatati mal-forom kollha ta’ skambji ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni amministrattiva billi tipprevedi l-iskambju awtomatiku obbligatorju tal-informazzjoni li jkunu rrapportaw l-operaturi tal-pjattaformi.

(2)

Minħabba n-natura u l-flessibbiltà tal-pjattaformi diġitali, l-obbligu ta’ rapportar jestendi għal dawk l-operaturi tal-pjattaformi, kif iddefiniti fl-Anness V, it-Taqsima IA, il-punt 4(b) tad-Direttiva 2011/16/UE, li jwettqu attività kummerċjali fl-Unjoni iżda li la huma residenti għall-finijiet tat-taxxa, la huma inkorporati jew ġestiti, u lanqas ma għandhom stabbiliment permanenti f’xi Stat Membru (“operaturi ta’ pjattaformi barranin”). Dan jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi ta’ pjattaformi diġitali kollha irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħhom u jipprevjeni kompetizzjoni inġusta fl-Unjoni.

(3)

Id-Direttiva 2011/16/UE tistabbilixxi miżuri li huma maħsuba biex inaqqsu l-piż amministrattiv fuq l-operaturi ta’ pjattaformi barranin u fuq l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, f’każijiet fejn jeżistu arranġamenti adegwati, li jiżguraw li tiġi skambjata informazzjoni ekwivalenti bejn ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni u Stat Membru.

(4)

L-Artikolu 8ac(7), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2011/16/UE jipprevedi li l-Kummissjoni, wara talba motivata minn Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha, għandha tiddetermina jekk l-informazzjoni li għandha tasal awtomatikament għand Stat Membru tkunx ekwivalenti għal dik speċifikata fit-Taqsima III, il-paragrafu B, tal-Anness V ta’ dik id-Direttiva. L-Artikolu 8ac(7) jipprevedi wkoll li din l-istess proċedura jenħtieġ li tapplika meta jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat li l-informazzjoni ma tkunx għadha ekwivalenti.

(5)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji għall-valutazzjoni u d-determinazzjoni tal-punt sa fejn id-dritt nazzjonali ta’ ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni u ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u ta’ ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni jiżguraw li l-informazzjoni li għandha tasal awtomatikament għand dak l-Istat Membru tkun relatata mal-attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/16/UE u tkun ekwivalenti għall-informazzjoni meħtieġa skont ir-regoli ta’ rapportar stabbiliti f’dik id-Direttiva.

(6)

Fil-livell internazzjonali, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ippubblikat id-dokument “Model Rules for Reporting by Platform Operators with respect to Sellers in the Sharing and Gig Economy” (3) (“Regoli Mudell”) fit-3 ta’ Lulju 2020, u ppubblikat ukoll Modulu Fakultattiv li jestendi r-Regoli Mudell għall-bejgħ ta’ oġġetti u l-kiri ta’ mezzi ta’ trasport (4) (“Modulu Fakultattiv”) fit-22 ta’ Ġunju 2021. Ir-Regoli Mudell u l-Modulu Fakultattiv mhumiex standards minimi, u għaldaqstant, jistgħu jiġu implimentati b’modi diversi mill-ġuriżdizzjonijiet. Għalhekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta d-dritt nazzjonali li jittrasponi r-Regoli Mudell u l-Modulu Fakultattiv tal-ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni fuq bażi ta’ każ b’każ, biex tiddetermina l-punt sa fejn l-attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni u l-informazzjoni meħtieġa skont ir-regoli ta’ rapportar ta’ dak id-dritt nazzjonali huma ekwivalenti għall-attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/16/UE u għall-informazzjoni meħtieġa skont dik id-Direttiva. Jenħtieġ li jibqa’ possibbli wkoll li tiġi ddeterminata l-ekwivalenza, fejn xieraq, fir-rigward ta’ strument bilaterali jew tar-relazzjoni ta’ skambju ma’ ġuriżdizzjoni individwali mhux tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali tagħha.

(7)

Il-valutazzjoni u d-determinazzjoni ta’ tali ekwivalenza jenħtieġ li jieħdu approċċ li jiżgura li l-Istati Membri jirċievu l-informazzjoni meħtieġa u jipprevjeni piż eċċessiv fuq l-operaturi ta’ pjattaforma li jkunu diġà rrapportaw l-informazzjoni rilevanti f’ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq il-valutazzjoni f’konformità mal-kriterji korrispondenti, kif iddefinit fl-Artikolu 8ac(7) u se jiġu kkunsidrati b’mod xieraq l-esklużjonijiet fakultattivi offruti skont ir-Regoli Mudell u l-Modulu Fakultattiv.

(8)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat dwar il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva għat-Tassazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kriterji għall-valutazzjoni u d-determinazzjoni tal-ekwivalenza

Il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 7 ta’ dan ir-Regolament meta tkun qed tiddetermina jekk l-informazzjoni li jeħtieġ li tiġi skambjata awtomatikament skont ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni hijiex, skont it-tifsira tas-subparagrafu A(7) tat-Taqsima I, tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE, ekwivalenti għal dik speċifikata fil-paragrafu B tat-Taqsima III tal-Anness V, ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 2

Operatur ta’ Pjattaforma Rapportanti

1.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-definizzjonijiet dwar l-operatur ta’ pjattaforma rapportanti stabbiliti fid-dritt nazzjonali ta’ ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni u skont ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u tal-ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni, biex tiddetermina l-ekwivalenza tagħhom mad-definizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima I, is-subparagrafi A(1) sa A(4) tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE.

2.   Meta ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni ma tqisx bħala operatur ta’ pjattaforma rapportanti, Operatur ta’ Pjattaforma li jiffaċilita l-forniment ta’ attivitajiet rilevanti li għalihom, matul is-sena kalendarja preċedenti, il-korrispettiv aggregat fil-livell tal-pjattaforma jkun inqas minn EUR 1 miljun, jew inqas minn ammont bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal EUR 1 miljun fil-munita lokali ta’ dik il-ġuriżdizzjoni, id-determinazzjoni tal-ekwivalenza għandha tapplika biss għall-operaturi ta’ pjattaformi rapportanti kif iddefinit fid-dritt nazzjonali tal-ġuriżdizzjoni rilevanti mhux tal-Unjoni.

Artikolu 3

Bejjiegħa Rapportabbli

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-definizzjonijiet dwar il-bejjiegħa rapportabbli stabbiliti fid-dritt nazzjonali ta’ ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni u skont ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u dawk tal-ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni, biex tiddetermina l-ekwivalenza tagħhom mad-definizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima I, is-subparagrafi B(1) sa B(4), u C(1) u C(2), tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE.

Artikolu 4

Attività Rilevanti

1.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-definizzjonijiet ta’ attività rilevanti stabbiliti fid-dritt nazzjonali ta’ ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni u skont ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u tal-ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni, biex tiddetermina l-ekwivalenza tagħhom mad-definizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima I, is-subparagrafi A(8), A(10), A(11), u C(9), tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE.

2.   Meta ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni ma tinkludix, fid-dritt nazzjonali tagħha, waħda jew aktar mill-attivitajiet rilevanti kif iddefinit fit-Taqsima I, is-subparagrafu A(8) tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE bħala attività rilevanti, id-determinazzjoni tal-ekwivalenza għandha tapplika biss għall-informazzjoni fir-rigward ta’ attività rilevanti kif iddefinita fid-dritt nazzjonali ta’ dik il-ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni.

Artikolu 5

Proċeduri ta’ diliġenza dovuta

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-proċeduri ta’ diliġenza dovuta stabbiliti fid-dritt nazzjonali ta’ ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni u skont ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u tal-ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni, biex tiddetermina l-ekwivalenza tagħhom mal-proċeduri ta’ diliġenza dovuta stabbiliti fit-Taqsima II tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE u mad-definizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima I, is-subparagrafi C(3) sa C(7), tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE.

Artikolu 6

Rekwiżiti ta’ rapportar

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fid-dritt nazzjonali ta’ ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni u skont ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u tal-ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni, biex tiddetermina l-ekwivalenza tagħhom mar-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fit-Taqsima III, is-subparagrafi A(1), A(2), A(5), A(6) u A(7), u l-paragrafu B, tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE, u mad-definizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima I, is-subparagrafi C(3) sa C(8), tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE.

Artikolu 7

Implimentazzjoni effettiva

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-regoli u l-proċeduri amministrattivi stabbiliti fid-dritt nazzjonali ta’ ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni u skont ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u tal-ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni, biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-proċeduri ta’ diliġenza dovuta u tar-rekwiżiti ta’ rapportar u l-konformità magħhom, u biex tiddetermina l-ekwivalenza tagħhom mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima IV, il-paragrafi A sa D tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE.

Artikolu 8

Determinazzjoni tal-ekwivalenza

Meta l-kriterji msemmija fl-Artikolu 1 u vvalutati f’konformità mal-Artikoli 2 sa 7 jiġu ssodisfati, l-informazzjoni li jeħtieġ li tiġi skambjata awtomatikament skont ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u tal-ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni kkonċernata għandha titqies bħala ekwivalenti. Dik id-determinazzjoni tal-ekwivalenza għandha tapplika għall-istess ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor u l-ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni kkonċernata.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(2), Operatur ta’ Pjattaforma Rapportanti kif iddefinit fit-Taqsima I, is-subparagrafu A(4), il-punt (b), tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE li ma jitqiesx bħala operatur ta’ pjattaforma rapportanti skont id-dritt nazzjonali tal-ġuriżdizzjoni rilevanti mhux tal-Unjoni, għandu jkun obbligat jirreġistra u jirrapporta l-informazzjoni lil Stat Membru wieħed f’konformità mal-Artikolu 8ac(4) u mat-Taqsima IV, is-subparagrafu F(1) tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), operatur ta’ pjattaforma rapportanti kif iddefinit fit-Taqsima I, is-subparagrafu A(4), il-punt (b), tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE, li jiffaċilita t-twettiq ta’ xi attività rilevanti li ma titqiesx bħala attività rilevanti skont id-dritt nazzjonali tal-ġuriżdizzjoni rilevanti mhux tal-Unjoni, għandu jkun obbligat jirreġistra u jirrapporta l-informazzjoni dwar il-Bejjiegħa Rapportabbli fir-rigward ta’ tali attività rilevanti lil Stat Membru wieħed, f’konformità mal-Artikolu 8ac(4) u mat-Taqsima IV, is-subparagrafu F(1) tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 104, 25.3.2021, p. 1.

(3)  L-OECD (3 ta' Lulju 2020). “Model Rules for Reporting by Platform Operators with respect to Sellers in the Sharing and Gig Economy”.

(4)  L-OECD (22 ta’ Ġunju 2021). “Model Reporting Rules for Digital Platforms: International Exchange Framework and Optional Module for Sale of Goods”.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


Top