EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0444

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/444 tas-16 ta’ Diċembru 2022 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112” (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/9394

ĠU L 65, 2.3.2023, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 02/03/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/444/oj

2.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/444

tas-16 ta’ Diċembru 2022

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112”

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 109(8) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 109(8) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112” fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, bl-ewwel att bħal dan li għandu jiġi adottat sal-21 ta’ Diċembru 2022. Dawn l-atti delegati għandhom jissupplimentaw il-paragrafi 2, 5 u 6 tal-Artikolu 109 tad-Direttiva dwar il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà, il-kwalità, l-affidabbiltà u l-kontinwità tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza fl-Unjoni fir-rigward tas-soluzzjonijiet ta’ informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata, l-aċċess għall-utenti finali b’diżabbiltà u r-rotot lejn l-aktar ċentru li jirċievi t-telefonati ta’ emerġenza (PSAP) xieraq.

(2)

Il-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza huma element importanti għat-twettiq tas-sikurezza, is-sigurtà u s-saħħa pubblika. Għal aktar minn 30 sena, iċ-ċittadini tal-Unjoni ddependew fuq l-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza bl-użu tan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112”. Dawn jenħtieġ li jkomplu jkunu jistgħu jagħmlu dan fid-dinja diġitali. Iċ-ċittadini jenħtieġ li jibbenefikaw minn forniment komprensiv u f’waqtu ta’ informazzjoni kuntestwali meħtieġa biex tiġi indirizzata sitwazzjoni ta’ emerġenza. Il-livell għoli ta’ konnettività li huwa mmirat mit-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa, kif huwa rifless fid-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Perkors għad-Deċennju Diġitali 2030 (2), qed iwassal għal migrazzjoni teknoloġika għat-teknoloġiji għalkollox bl-IP tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika użati miċ-ċittadini, b’mod partikolari minn persuni b’diżabbiltà. Il-migrazzjoni minn teknoloġiji circuit-switched għal teknoloġiji packet-switched fin-networks ta’ komunikazzjoni elettronika tiskatta l-implimentazzjoni ta’ servizzi tal-vuċi permezz ta’ teknoloġiji fissi u mobbli tal-VoIP ibbażati fuq Subsistema Multimedjali tal-IP bħall-Vuċi fuq Evoluzzjoni fit-Tul (VoLTE), il-Vuċi fuq Radju Ġdid (VoNR fil-5G) u l-Vuċi fuq il-Wi-Fi (VoWiFi). It-teknoloġiji packet-switched jippermettu wkoll servizzi tat-test u tal-vidjo bħal test f’ħin reali u servizzi ta’ konverżazzjoni totali. Dawk is-servizzi ta’ komunikazzjoni bbażati fuq l-IP ma jistgħux jiġu appoġġati min-networks circuit-switched antiki, bħan-networks 2G u 3G li jinsabu fil-proċess li jiġu dekummissjonati. Għalhekk, hemm il-ħtieġa li l-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza jinbidlu għal teknoloġiji packet-switched ukoll. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura li f’dan il-proċess ta’ trasformazzjoni jiġu żgurati l-kwalità u l-affidabbiltà tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza.

(3)

L-għan tas-servizzi ta’ emerġenza huwa li jiġu evitati, imnaqqsa jew ġestiti l-effetti ta’ inċidenti ta’ emerġenza permezz ta’ intervent ta’ emerġenza. Iż-żmien meħtieġ għall-intervent ta’ emerġenza għandu impatt fundamentali fuq l-eżitu ta’ inċidenti ta’ emerġenza. Intervent ta’ emerġenza effettiv jirrikjedi mobilizzazzjoni rapida tar-riżorsi ta’ intervent li jistgħu jindirizzaw b’mod effettiv l-inċident ta’ emerġenza, u l-wasla rapida fix-xena ta’ intervent.

(4)

L-għan tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza huwa li l-utenti finali jkunu jistgħu jaċċessaw servizzi ta’ emerġenza biex jitolbu u jirċievu għajnuna ta’ emerġenza minn servizzi ta’ emerġenza. Filwaqt li hemm stabbiliti komunikazzjonijiet ta’ emerġenza bejn l-utent finali u l-PSAP, jenħtieġ li jkun ir-rwol tal-aktar PSAP xieraq li jipproċessa l-informazzjoni riċevuta u jwassal it-talba lis-servizzi ta’ emerġenza, u b’hekk jiżgura l-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza. Skont l-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi tal-PSAPs u tas-sistemi tas-servizzi ta’ emerġenza, il-PSAPs u s-servizzi ta’ emerġenza jistgħu jkunu entitajiet sovrapposti jew awtonomi.

(5)

Sabiex ikun jista’ jsir aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza, jenħtieġ li komunikazzjonijiet effettivi ta’ emerġenza jiżguraw kemm il-komunikazzjoni f’waqtha bejn l-utent finali u l-aktar PSAP xieraq kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni fil-ħin ta’ informazzjoni kuntestwali, inkluża informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata. L-informazzjoni kuntestwali tikkontribwixxi għad-deskrizzjoni tal-inċident ta’ emerġenza, pereżempju, l-ambjent fiżiku, il-kundizzjoni u l-kapaċitajiet tal-persuni involuti, il-lokalizzazzjoni tal-inċident, eċċ. Id-disponibbiltà u l-preċiżjoni tal-informazzjoni kuntestwali jippermettu l-identifikazzjoni f’waqtha tar-riżorsi ta’ intervent xierqa u l-wasla rapida fix-xena tal-intervent, eż. meta jkun disponibbli post akkurat minn fejn toriġina t-telefonata. Din l-informazzjoni tista’ tintbagħat lis-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza mill-utent finali, jew tiġi dderivata awtomatikament mill-apparat tal-utent finali jew tan-network.

(6)

Il-post fejn toriġina t-telefonata huwa wieħed mill-aktar tipi importanti ta’ informazzjoni kuntestwali assoċjata mal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza u għandu impatt kbir fuq l-effettività tagħhom. Il-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata jinfluwenzaw il-ħin meħtieġ biex jiġi identifikat is-sit tal-emerġenza u l-wasla fuq il-post tas-servizzi ta’ emerġenza.

(7)

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tirrikjedi li l-awtoritajiet regolatorji kompetenti jistabbilixxu l-kriterji dwar il-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-post minn fejn toriġina t-telefonata. Dawk il-kriterji jirrappreżentaw il-livelli minimi ta’ preċiżjoni u affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata li jridu jiġu implimentati fit-territorju tal-Istat Membru permezz ta’ teknoloġiji bbażati fuq in-network u derivati mill-handset. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (3), il-kriterji jenħtieġ li jiżguraw, fil-limiti tal-fattibbiltà teknika, li l-pożizzjoni tal-utent finali tkun tinsab b’mod affidabbli u akkurat kif ikun meħtieġ biex is-servizzi ta’ emerġenza jkunu jistgħu jmorru b’mod utli għall-assistenza tal-utent finali. It-taħlita ta’ dawn it-teknoloġiji tiżgura li anke meta soluzzjoni ta’ post minn fejn toriġina t-telefonata derivata mill-handset tonqos milli tagħmel l-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata disponibbli għall-aktar PSAP xieraq, is-servizzi ta’ emerġenza jistgħu jibbażaw fuq post ibbażat fuq in-network biex, b’mod utli, jmorru għall-assistenza tal-utent finali, f’konformità mal-kriterji dwar il-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-post minn fejn toriġina t-telefonata stabbiliti mill-Istati Membri. Il-kriterji tal-post minn fejn toriġina t-telefonata, li ma jippermettux l-istabbiliment ta’ livelli minimi ta’ preċiżjoni u affidabbiltà jistgħu jwasslu għal implimentazzjoni li ma tiżgurax li s-servizzi ta’ emerġenza jirċievu informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata, li jistgħu jużaw b’mod effettiv. Jenħtieġ li jkun f’idejn l-Istati Membri li jivvalutaw l-effett ikkombinat tas-soluzzjonijiet teknikament fattibbli tal-post minn fejn toriġina t-telefonata, u li jistabbilixxu kriterji minimi kemm għall-preċiżjoni kif ukoll għall-affidabbiltà tal-post minn fejn toriġina t-telefonata, li, jekk jiġu implimentati, jippermettu li s-servizzi ta’ emerġenza jintervjenu b’mod utli. L-utilità tal-preċiżjoni tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata tista’ tvarja skont iż-żona li minnha toriġina l-komunikazzjoni ta’ emerġenza (eż. urbana jew rurali) u tista’ tiġi riflessa kif xieraq fil-kriterji stabbiliti. Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat fl-Unjoni għall-istabbiliment tal-kriterji ta’ preċiżjoni u affidabbiltà li jiżgura livell minimu ta’ informazzjoni kuntestwali, huwa meħtieġ li jiġu ddefiniti l-parametri li l-awtoritajiet regolatorji kompetenti jenħtieġ li jqisu meta jistabbilixxu dawn il-kriterji. Barra minn hekk, huwa importanti li jitfakkar li skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jikkooperaw bejniethom meta jistabbilixxu l-kriterji għall-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post mnejn toriġina t-telefonata billi jikkonsultaw lill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) jew fora rilevanti oħra kompetenti biex jipprovdu gwida f’dan ir-rigward, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-Artikolu 109(6) tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(8)

Il-preċiżjoni tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata tista’ tiġi espressa bħala raġġ massimu taż-żona tat-tiftix għall-intervent li jiġi ppreżentat lis-servizzi ta’ emerġenza. Il-ħinijiet ta’ intervent ta’ emerġenza jistgħu jitnaqqsu b’mod sinifikanti meta informazzjoni akkurata u affidabbli dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata bbażata fuq in-network u derivata mill-handset tkun disponibbli għall-aktar PSAP xieraq, speċjalment meta l-utenti finali li jitolbu assistenza ta’ emerġenza ma jkunux jistgħu jispeċifikaw il-post tagħhom. Għalhekk, għal networks fissi, l-Istati Membri jenħtieġ li jesprimu l-livelli minimi ta’ preċiżjoni li għandhom jiġu implimentati fit-territorju tagħhom bħala informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata relatata mal-indirizz fiżiku tal-punt tat-terminazzjoni tan-network, pereżempju b’referenza għall-indirizz tat-triq konkret, l-appartament, is-sular jew informazzjoni simili. Għan-networks mobbli, il-livelli minimi ta’ preċiżjoni jenħtieġ li jiġu espressi f’metri biex jindikaw ir-raġġ massimu taż-żona ta’ tiftix orizzontali li hija ppreżentata lis-servizzi ta’ emerġenza għal finijiet ta’ intervent. Jekk applikabbli u teknikament fattibbli, il-kriterju tal-preċiżjoni tal-elevazzjoni jew dik vertikali jenħtieġ li jiġi espress f’metri wkoll. L-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw jekk dawn il-parametri humiex fattibbli biex jiġu applikati għall-fornituri indipendenti tan-network ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali bbażati fuq in-numri meta dawn jintużaw f’networks fissi jew mobbli.

(9)

L-affidabbiltà tal-post minn fejn toriġina t-telefonata jenħtieġ li tkun relatata ma’ żewġ aspetti tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata: l-istabbiliment u t-trażmissjoni. L-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata jenħtieġ li tiġi stabbilita skont il-kejl statistiku li jindika r-rata ta’ suċċess li biha l-post attwali tal-apparat li joriġina l-komunikazzjoni ta’ emerġenza jaqbel maż-żona fiżika indikata abbażi tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata. Komunikazzjoni ta’ emerġenza jenħtieġ li tiskatta kemm informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata bbażata fuq in-network kif ukoll derivata mill-handset, meta din tal-aħħar tkun disponibbli. L-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata għas-servizzi ta’ emerġenza jenħtieġ li tiġi stabbilita bħala effett ikkombinat ta’ dawn iż-żewġ teknoloġiji. L-affidabbiltà tat-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata jenħtieġ li tiġi espressa bħala r-rata ta’ suċċess tas-soluzzjoni teknika biex l-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata tiġi trażmessa lill-aktar PSAP xieraq. Ir-rata ta’ suċċess tiddependi fuq il-kapaċitajiet tan-network li jwassal l-informazzjoni, fil-każ ta’ post minn fejn toriġina t-telefonata bbażat fuq in-network, jew l-interoperabbiltà bejn il-handset u r-riżorsi tan-network biex tkun tista’ ssir it-trażmissjoni, fil-każ ta’ post minn fejn toriġina t-telefonata derivat mill-handset, kif ukoll l-aktar kapaċitajiet xierqa tal-PSAP biex jirċievu l-informazzjoni.

(10)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-kriterji dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata stabbiliti f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw dwar l-adozzjoni tal-kriterji u jispjegaw kif qiesu l-parametri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(11)

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tirrikjedi li l-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għall-utenti finali b’diżabbiltà jkun ekwivalenti għal dak li jgawdu utenti finali oħrajn. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jimplika li l-utenti finali b’diżabbiltà jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza b’mod funzjonalment ekwivalenti għal dak li fih utenti finali oħrajn jaċċessaw servizzi ta’ emerġenza, b’mod partikolari billi jċemplu fuq in-numru “112” permezz ta’ servizzi bbażati fuq il-vuċi. Peress li ma hemm l-ebda fehim komuni tar-rekwiżiti tal-ekwivalenza funzjonali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti li jirreplikaw il-funzjonalitajiet tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza li jgawdu minnhom utenti finali oħrajn, prinċipalment is-servizzi bbażati fuq il-vuċi. Jekk għal raġunijiet tekniċi, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza funzjonali stabbiliti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-raġunijiet speċifiċi għaliex dan ma huwiex possibbli. L-Istati Membri jenħtieġ li jinformaw lill-Kummissjoni meta d-disinn tekniku tal-mezzi obbligatorji ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza ma jkunx jirrikjedi jew ma jkunx jippermetti l-użu tan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112”, u kif jiġi żgurat li l-istess għarfien jew aktar jintlaħaq fost l-utenti finali b’diżabbiltà fir-rigward ta’ dak il-mezz ta’ aċċess.

(12)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-kompatibbiltà, il-kwalità, l-affidabbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità tal-mezzi ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza għall-utenti finali b’diżabbiltà, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw il-mezzi ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza awtorizzati fil-ġuriżdizzjoni tagħhom għall-utenti finali b’diżabbiltà, inklużi dawk li jużaw is-servizzi tar-roaming. Ir-rapport jenħtieġ li jkun fih l-ewwel valutazzjoni tal-konformità tal-mezzi ta’ aċċess rapportati mar-rekwiżiti tal-ekwivalenza funzjonali f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-migrazzjoni għal networks għalkollox bl-IP se tippermetti l-implimentazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni ġodda u aċċessibbli bħal test f’ħin reali u servizzi ta’ konverżazzjoni totali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà, kompatibbiltà jew kontinwità li wieħed jiltaqa’ magħhom meta dawn is-servizzi jiġu implimentati, b’mod partikolari għall-utenti finali tar-roaming. Sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jirrapportaw lill-BEREC il-mezzi ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza li huma obbligatorji fl-Istat Membru tagħhom u li huma teknikament fattibbli biex jintużaw mill-klijenti tar-roaming, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew awtoritajiet kompetenti oħrajn jenħtieġ li jistabbilixxu, jekk applikabbli, ir-raġunijiet tekniċi għan-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-servizz ta’ komunikazzjoni ta’ emerġenza għall-utenti finali tar-roaming meta dawk is-servizzi jkunu disponibbli għall-utenti finali domestiċi. L-ewwel rapport, kif ukoll l-informazzjoni pprovduta fis-snin ta’ wara, se jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li tadotta miżuri ulterjuri, inklużi mandati ta’ standardizzazzjoni, biex tindirizza kwistjonijiet bħal dawn.

(13)

Il-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza u l-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata għandhom jiġu indirizzati lejn l-aktar PSAP xieraq biex il-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza jkunu jistgħu jitwieġbu u jiġu ttrattati b’mod xieraq. Jenħtieġ li tiġi żgurata r-rotta effettiva tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza wkoll fil-kuntest tal-migrazzjoni teknoloġika minn teknoloġiji circuit-switched għal dawk packet-switched. L-aktar PSAP xieraq normalment jiġi ddeterminat mill-Istat Membru abbażi ta’ kompetenza territorjali biex jiġu ttrattati komunikazzjonijiet ta’ emerġenza jew il-kompetenza biex jiġi ttrattat ċertu tip ta’ komunikazzjoni, pereżempju PSAP mgħammar biex jittratta test f’ħin reali jew komunikazzjoni bil-lingwa tas-sinjali. Is-servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali provduti permezz ta’ teknoloġiji packet-switched li jipprovdu l-vuċi, it-test – inkluż it-test f’ħin reali – u l-vidjo jistgħu jiġu diretti fid-dominju tan-network pubbliku jew fid-dominju tal-PSAP. Skont l-organizzazzjoni nazzjonali tal-PSAPs, filwaqt li l-komunikazzjoni ta’ emerġenza tilħaq is-sistema tal-PSAP permezz tan-networks pubbliċi, jista’ jkun hemm bżonn ta’ rotot ulterjuri fi ħdan id-dominju tal-PSAPs biex jintlaħaq l-aktar PSAP xieraq. Sabiex tiġi ggarantita d-disponibbiltà ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza effettivi għall-benefiċċju tal-utenti finali kollha, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw il-puntwalità tar-rotot lejn l-aktar PSAP xieraq tat-tipi kollha ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza u tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata li jkollha l-mandat fit-territorju tagħhom.

(14)

L-effettività tal-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza tiddependi fuq il-puntwalità tal-forniment tal-informazzjoni kuntestwali lis-servizzi ta’ emerġenza. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-aktar PSAP xieraq li għalih tiġi indirizzata l-komunikazzjoni ta’ emerġenza, ikun teknikament kapaċi jittrażmetti f’waqtha l-informazzjoni kuntestwali lis-servizzi ta’ emerġenza mill-mument li dawk is-servizzi jiġu avżati minn dak il-PSAP. Skont l-organizzazzjoni nazzjonali tal-PSAPs, l-aktar PSAP xieraq jista’ jivvaluta l-utilità tad-data kuntestwali u jiffiltra l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-servizzi ta’ emerġenza.

(15)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-effettività tar-rotot lejn l-aktar PSAP xieraq, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw dwar il-prestazzjoni tar-rotta tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza lejn l-aktar PSAP xieraq f’termini tal-puntwalità tagħhom, inkluż meta jużaw servizzi tal-vuċi, tat-test, jew tal-vidjo.

(16)

L-iżgurar ta’ aċċess bla xkiel għas-servizzi ta’ emerġenza, mingħajr prereġistrazzjoni, għall-utenti finali, inklużi l-utenti finali b’diżabbiltà, li jivvjaġġaw fi Stat Membru ieħor jista’ ma jkunx taħt il-kontroll uniku ta’ Stat Membru u jkun jirrikjedi konformità mar-rekwiżiti ta’ interoperabbiltà miftiehma b’mod komuni. Mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni ta’ test f’ħin reali u servizzi ta’ konverżazzjoni totali skont id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi implimentat l-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ servizzi bil-vuċi, bit-test jew bil-vidjo permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza permezz ta’ applikazzjonijiet għall-apparati mobbli. L-applikazzjonijiet għall-apparati mobbli jistgħu jippermettu t-trażmissjoni ta’ data kuntestwali rikka lill-aktar PSAP xieraq. Ladarba applikazzjoni għall-apparati mobbli titniżżel u tiġi installata, l-utent finali jista’ jikkomunika mal-aktar PSAP xieraq madwar l-Unjoni, jekk ir-rekwiżiti komuni tal-interoperabbiltà jagħmluha possibbli, u l-fornituri tal-applikazzjonijiet għall-apparati mobbli u s-sistemi nazzjonali tal-PSAPs jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw mal-Kummissjoni b’rieda tajba biex jidentifikaw ir-rekwiżiti komuni tal-interoperabbiltà li l-implimentazzjoni tagħhom tippermetti l-użu ta’ dawn il-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għall-aktar PSAP xieraq permezz ta’ applikazzjonijiet għall-apparati mobbli madwar l-Unjoni.

(17)

Is-sistemi tal-PSAPs li ġew żviluppati biex iwieġbu u jimmaniġġaw il-komunikazzjonijiet circuit-switched jistgħu ma jkunux jistgħu jwieġbu, jimmaniġġaw u jipproċessaw il-karatteristiċi kollha tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza mibdija permezz ta’ teknoloġija packet-switched. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-fornituri tan-network, kif ukoll sabiex jiġi żgurat aġġornament koerenti u f’waqtu tas-sistemi tal-PSAPs fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jħejju pjan direzzjonali għall-aġġornament tal-kapaċitajiet tas-sistemi tal-PSAPs tagħhom biex iwieġbu, jimmaniġġaw u jipproċessaw il-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza pprovduti permezz ta’ teknoloġiji packet-switched. Il-pjan direzzjonali jenħtieġ li jkun fih l-iskeda ta’ żmien u d-data mistennija tal-implimentazzjoni ta’ mezzi ġodda ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza li jaħdmu b’teknoloġiji packet-switched, kemm jekk dawn ikunu permessi fin-network ewlieni bħala servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali bbażati fuq in-numri, kif ukoll jekk ikunu implimentati permezz ta’ applikazzjoni għall-apparati mobbli. Il-pjan direzzjonali jenħtieġ li jkun fih informazzjoni dwar l-iskeda ta’ żmien tal-aġġornament tal-kapaċitajiet tas-sistemi tal-PSAP, filwaqt li jitqiesu l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/882 u l-iskadenzi legali provduti fiha. Dan jikkonċerna b’mod partikolari t-tweġib xieraq mill-aktar PSAP xieraq għall-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112”, bl-użu ta’ vuċi u test sinkronizzati (inkluż test f’ħin reali), jew, fejn jiġi pprovdut il-vidjo, il-vuċi, it-test (inkluż test f’ħin reali) u l-vidjo sinkronizzati bħala konverżazzjoni totali. Jekk applikabbli, jenħtieġ li jiġi indikat il-mandat legali mistenni biex jiġu implimentati komunikazzjonijiet ta’ emerġenza permezz ta’ teknoloġiji packet-switched skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-pjan direzzjonali jenħtieġ li jirreferi għall-istadji importanti intermedjarji, pereżempju l-konsultazzjonijiet pubbliċi u mal-partijiet ikkonċernati, il-miżuri leġiżlattivi, l-interoperabbiltà, l-ittestjar tal-kontinwità u tal-affidabbiltà, l-akkwist pubbliku, eċċ. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu l-pjan direzzjonali lill-Kummissjoni u jipprovdu aġġornamenti dwar l-implimentazzjoni tiegħu. L-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw ukoll il-kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà u kontinwità li ltaqgħu magħhom fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika użati għall-aċċess ta’ servizzi ta’ emerġenza sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-ħtieġa li tadotta miżuri ulterjuri, inklużi mandati ta’ standardizzazzjoni, li jindirizzaw konġestjonijiet bħal dawn.

(18)

Huwa meħtieġ ġbir regolari u strutturat ta’ informazzjoni mill-Istati Membri fir-rigward ta’ diversi aspetti relatati mal-effettività tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza fl-Unjoni sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-implimentazzjoni u l-konformità tagħhom mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 109 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, kif issupplimentat minn dan ir-Regolament. Wara l-ewwel rapport kif previst f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni aġġornata kif mitlub fil-kuntest ta’ kull ġbir ta’ data li l-Kummissjoni tibda għall-finijiet li tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 109(4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(19)

Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 109(8) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 u ta opinjoni fl-14 ta’ Ottubru 2022.

(20)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta l-opinjoni tiegħu fil-15 ta’ Novembru 2022.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza fir-rigward ta’ soluzzjonijiet ta’ informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata, aċċess għall-utenti finali b’diżabbiltà u rotot għall-aktar PSAP xieraq.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“komunikazzjoni effettiva ta’ emerġenza” tfisser komunikazzjoni ta’ emerġenza kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (38) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 li tiżgura:

(a)

komunikazzjoni f’waqtha bejn l-utent finali u l-aktar PSAP xieraq, u

(b)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod f’waqtu ta’ informazzjoni kuntestwali, inkluża informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata;

(2)

“informazzjoni kuntestwali” tfisser l-informazzjoni mogħtija permezz ta’ komunikazzjoni ta’ emerġenza mill-utent finali jew derivata u trażmessa awtomatikament mill-apparat tal-utent finali jew min-network rilevanti sabiex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni f’waqtha tar-riżorsi ta’ intervent tas-servizzi ta’ emerġenza u l-wasla rapida tas-servizzi tal-emerġenza fix-xena tal-intervent.

KAPITOLU 2

INFORMAZZJONI DWAR IL-POST MINN FEJN TORIĠINA T-TELEFONATA

Artikolu 3

1.   Meta jistabbilixxu kriterji għall-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata skont l-Artikolu 109(6) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jiżguraw, fil-limiti tal-fattibbiltà teknika, li l-pożizzjoni tal-utent finali tkun tinsab b’mod affidabbli u akkurat kif ikun meħtieġ biex is-servizzi ta’ emerġenza jkunu jistgħu jassistu lill-utent finali. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jistabbilixxu l-kriterji filwaqt li jqisu l-parametri speċifikati fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fir-rigward tan-networks fissi:

(a)

il-kriterju tal-preċiżjoni għall-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata għandu jiġi espress bħala informazzjoni relatata mal-indirizz fiżiku tal-punt tat-terminazzjoni tan-network;

(b)

il-kriterju tal-affidabbiltà għall-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata għandu jiġi espress bħala r-rata ta’ suċċess, f’perċentwal, tas-soluzzjoni teknika jew tat-taħlita ta’ soluzzjonijiet tekniċi biex tiġi stabbilita u trażmessa lill-aktar PSAP xieraq informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata li tikkorrispondi għall-kriterju tal-preċiżjoni.

3.   Fir-rigward tan-networks mobbli:

(a)

il-kriterju tal-preċiżjoni għall-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata għandu jiġi espress f’metri. Jekk applikabbli, il-kriterju tal-akkuratezza tal-elevazzjoni jew ta’ dik vertikali għandu jiġi espress f’metri wkoll;

(b)

il-kriterju tal-affidabbiltà għall-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata għandu jiġi espress bħala r-rata ta’ suċċess, f’perċentwal, tas-soluzzjoni teknika jew tat-taħlita ta’ soluzzjonijiet tekniċi biex tiġi stabbilita u trażmessa lill-aktar PSAP xieraq żona ta’ tiftix li tikkorrispondi għall-kriterju tal-preċiżjoni.

KAPITOLU 3

AĊĊESS GĦAL SERVIZZI TA’ EMERĠENZA GĦALL-UTENTI FINALI B’DIŻABBILTÀ

Artikolu 4

Meta jimplimentaw mezzi ta’ aċċess għal servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għall-utenti finali b’diżabbiltà, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, soġġett għall-fattibbiltà teknika, jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ ekwivalenza funzjonali li ġejjin:

(a)

il-komunikazzjoni ta’ emerġenza tippermetti komunikazzjoni interattiva bidirezzjonali bejn l-utent finali b’diżabbiltà u l-PSAP;

(b)

il-komunikazzjoni ta’ emerġenza hija disponibbli mingħajr xkiel, mingħajr prereġistrazzjoni, għall-utenti finali b’diżabbiltà li jivvjaġġaw fi Stat Membru ieħor;

(c)

il-komunikazzjoni ta’ emerġenza tiġi pprovduta lill-utenti finali b’diżabbiltà mingħajr ħlas;

(d)

il-komunikazzjoni ta’ emerġenza tiġi diretta mingħajr dewmien lejn l-aktar PSAP xieraq li jkun kwalifikat u mgħammar biex iwieġeb u jipproċessa b’mod xieraq il-komunikazzjoni ta’ emerġenza mill-utenti finali b’diżabbiltà;

(e)

livelli ekwivalenti ta’ preċiżjoni u affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata huma żgurati għall-komunikazzjoni ta’ emerġenza għall-utenti finali b’diżabbiltà bħal fil-każ ta’ telefonati ta’ emerġenza minn utenti finali oħrajn;

(f)

l-utenti finali b’diżabbiltà jistgħu jilħqu tal-anqas l-istess livell ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-mezzi ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza bħal utenti finali oħrajn dwar telefonati ta’ emerġenza lil “112”, jew bit-tfassil tal-mezzi ta’ aċċess jew permezz ta’ miżuri ta’ sensibilizzazzjoni.

KAPITOLU 4

IR-ROTTA LEJN L-AKTAR ĊENTRU LI JIRĊIEVI T-TELEFONATI TA’ EMERĠENZA XIERAQ

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza u l-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata jgħaddu mingħajr dewmien lill-aktar PSAP xieraq li jkun teknikament kapaċi jwassal l-informazzjoni kuntestwali lis-servizzi ta’ emerġenza meta javża lil dawk is-servizzi.

Artikolu 6

Għall-fini li tiġi żgurata l-fattibbiltà teknika tal-aċċess mingħajr xkiel għas-servizzi ta’ emerġenza kif previst fl-Artikolu 4(1), il-punt (b) ta’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/882, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jidentifikaw rekwiżiti komuni ta’ interoperabbiltà li jippermettu l-komunikazzjoni ta’ emerġenza lill-aktar PSAP xieraq permezz ta’ applikazzjoni għall-apparati mobbli fi kwalunkwe post fl-Unjoni.

KAPITOLU 5

RAPPORTAR

Artikolu 7

1.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni l-prestazzjoni tar-rotta lill-aktar PSAP xieraq skont l-Artikolu 5, implimentata għall-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza u għall-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata.

2.   L-Istati Membri għandhom iħejju u jirrapportaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Novembru 2023 pjan direzzjonali għall-aġġornament tas-sistema tal-PSAP nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jirċievu, iwieġbu u jipproċessaw komunikazzjonijiet ta’ emerġenza permezz ta’ teknoloġija packet-switched. Il-pjan direzzjonali għandu jindika d-data tal-implimentazzjoni mistennija ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza bbażati fuq il-vuċi, it-test jew il-vidjo permezz ta’ teknoloġiji packet-switched. Il-pjan direzzjonali għandu jinkludi wkoll id-data indikattiva sa meta l-PSAPs ikunu lesti li jirċievu dawn il-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza. L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni aġġornata dwar l-implimentazzjoni tal-istadji importanti intermedjarji tal-pjan direzzjonali f’konformità mal-Artikolu 8.

Artikolu 8

1.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Marzu 2024:

(a)

il-kriterji għall-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata espressa skont il-parametri msemmija fl-Artikolu 3,

(b)

il-mezzi ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza li għandhom jintużaw mill-utenti finali b’diżabbiltà, inklużi dawk li jużaw is-servizzi tar-roaming, u l-valutazzjoni tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza funzjonali fl-Artikolu 5.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni msemmija f’dan l-artikolu u fl-Artikolu 7 mingħajr preġudizzju għall-iskadenzi inizjali provduti fih, fil-kuntest ta’ kull ġbir ta’ data li l-Kummissjoni tibda għall-finijiet li tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 109(4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Perkors għad-Deċennju Diġitali 2030 (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4).

(3)  Il-Kawża C 417/18; Is-sentenza tal-Qorti (ir-Raba’ Awla) tal-5 ta’ Settembru 2019, AW u Oħrajn vs Lietuvos valstybė.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 1).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


Top