EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0442

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/442 tat-28 ta’ Frar 2023 li jniedi rieżami ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1171 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, li jħassar id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

C/2023/1306

ĠU L 64, 1.3.2023, p. 12–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/442/oj

1.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/442

tat-28 ta’ Frar 2023

li jniedi rieżami ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1171 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, li jħassar id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 11(4) u 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   TALBA

(1)

Fis-26 ta’ April 2022, il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. It-talba ġiet aġġornata fl-14 ta’ Ottubru 2022.

(2)

It-talba saret minn Xinjiang Xinlianxin Energy Chemical Co., Ltd. (“l-applikant”), produttur esportatur tal-melamina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”).

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

(3)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-melamina, li bħalissa taqa’ taħt il-kodiċi NM 2933 61 00 u toriġina fir-RPĊ.

(4)

Il-melamina huwa trab kristallin abjad miksub mill-urea. Tintuża l-iktar fil-laminati, it-trabijiet għall-iffurmar, il-pjanċi abbażi tal-injam u r-reżina tal-kisi.

3.   MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 457/2011 (2), u estiż bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1171 (3). Id-dazju ġie impost fil-forma ta’ prezz minimu ta’ importazzjoni (“PMI”) għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u dazju fiss għal kull tunnellata għall-produtturi esportaturi l-oħra kollha.

(6)

Fl-1 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni tat bidu għal investigazzjoni tar-rieżami tal-iskadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-RPĊ, wara li saret talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (4).

4.   RAĠUNIJIET GĦAR-RIEŻAMI

(7)

L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li ma esportax il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri anti-dumping (mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009).

(8)

L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li ma huwa relatat mal-ebda produttur esportatur tal-prodott taħt rieżami li huwa soġġett għad-dazji anti-dumping fis-seħħ.

(9)

Fl-aħħar nett, l-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li beda jesporta l-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni wara tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri anti-dumping.

5.   PROĊEDURA

5.1.   Bidu

(10)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza disponibbli u kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika t-tnedija ta’ rieżami ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, bil-għan li jiġi ddeterminat marġni individwali ta’ dumping għall-applikant. Jekk jinstab li hemm dumping, il-Kummissjoni tiddetermina l-livell tad-dazju li jenħtieġ ikunu soġġetti għalih l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott mill-applikant.

(11)

Skont l-Artikoli 11(3) u 11(4) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-applikant għandu jiġi determinat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2(1) sa (6a) tar-Regolament bażiku, peress li l-aħħar rieżami tal-iskadenza tal-miżuri tnieda wara l-20 ta’ Diċembru 2017.

(12)

Fit-2 ta’ Diċembru 2022, il-produtturi tal-Unjoni li kien magħruf li huma kkonċernati ġew mgħarrfa bit-talba għal rieżami u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw sal-15 ta’ Diċembru 2022.

(13)

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara li faqqgħet il-COVID-19 ġie ppubblikat Avviż (5) dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.

5.2.   Ir-revoka tal-miżuri eżistenti u r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet

(14)

Skont Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott mill-applikant jitħassar. Fl-istess ħin, jenħtieġ li tali importazzjonijiet isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi żgurat li d-dazji anti-dumping ikunu jistgħu jiġu imposti mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet jekk ir-rieżami jikkonkludi fil-konferma ta’ dumping fir-rigward tal-applikant. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li mhuwiex possibbli, f’dan l-istadju, li tingħata stima affidabbli tal-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-ġejjieni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Jekk it-talba tiġi rtirata u jintemm ir-rieżami, l-ammont tal-obbligazzjoni għall-importazzjonijiet irreġistrati jibqa’ bbażat fuq ir-rata tad-dazju anti-dumping stabbilita mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1171 għall-“produtturi esportaturi l-oħrajn kollha”, li huma soġġetti għall-eżitu tal-investigazzjoni tar-rieżami tal-skadenza msemmija fil-premessa (6).

5.3.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

(15)

L-investigazzjoni tar-rieżami tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami”). Madankollu, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li teżamina wkoll jekk sarux tranżazzjonijiet f’perjodu sussegwenti, u tista’ temenda l-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami kif xieraq fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-investigazzjoni.

5.4.   L-investigazzjoni tal-applikant

(16)

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-applikant kwestjonarju fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2657. L-applikant irid jippreżenta l-kwestjonarju mimli fil-limitu taż-żmien speċifikat fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament.

5.5.   Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

(17)

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament.

5.6.   Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

(18)

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-limiti ta’ żmien speċifikati fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.   Struzzjonijiet għall-preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

(19)

L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom iħaddmu d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

(20)

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza li jipprovdu l-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (6). Il-partijiet interessati li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

(21)

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma obbligati jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (“Verżjoni għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati”). Jenħtieġ li dawn it-taqsiriet ikunu dettaljati biżżejjed biex is-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata kunfidenzjalment tkun tista’ tinftiehem b’mod adegwat.

(22)

Jekk parti li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni xierqa għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

(23)

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni.

(24)

Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jrid ikollhom kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed għandu jirreġistra u juża TRON.tdi huma disponibbli hawn: https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf.

(25)

Permezz ta’ TRON.tdi jew ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fis-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3.

(26)

Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għal preżentazzjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmijin hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/ Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi

Posta elettronika: TRADE-R791-MELAMINE@ec.europa.eu

6.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(27)

Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konstatazzjonijiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(28)

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(29)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u, għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(30)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta janalizza t-talbiet għal aċċess għall-file, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li tista’ tinqala’ matul il-proċediment.

(31)

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu kollha. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

(32)

Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament iqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

(33)

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en.

8.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(34)

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

9.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(35)

Kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(36)

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’dan qed jingħata bidu għal rieżami tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni UE) 2017/1171 skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jiġi impost dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet tal-melamina, li bħalissa hija kklassifikata fil-kodiċi NM 2933 61 00, li toriġina mir-RPĊ, prodotta għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn Xinjiang Xinlianxin Energy Chemical Co., Ltd. (Kodiċi TARIC addizzjonali 899B).

Artikolu 2

Id-dazju anti-dumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1171 huwa b’dan imħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikoli 11(4) u 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

1.   Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Sabiex l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, dawn iridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibgħatu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew xi tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data meta jiġi ppubblikat dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

3.   Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 457/2011 tal-10 ta’ Mejju 2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 124, 13.5.2011, p. 2).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1171 tat-30 ta’ Ġunju 2017 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 170, 1.7.2017, p. 62).

(4)  Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping li japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ melamina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 252, 1.7.2022, p. 6).

(5)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020XC0316%2802%29

(6)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


Top