Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0407

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/407 tat-23 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

    ST/6382/2023/INIT

    ĠU L 56I, 23.2.2023, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/407/oj

    23.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 56/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/407

    tat-23 ta’ Frar 2023

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-18 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (1) u r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (2) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, skont l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill li fihom il-Kunsill ikkundanna l-vjolenza u l-ksur gravi mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja.

    (2)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar fis-Sirja u l-ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż l-użu ta’ armi kimiċi kontra l-popolazzjoni ċivili, il-Kunsill kompla jżid l-ismijiet mal-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    (3)

    It-terremot traġiku tas-6 ta’ Frar 2023 iggrava l-kundizzjonijiet imwiegħra u żied it-tbatija tal-popolazzjoni Sirjana.

    (4)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Frar 2023, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid ir-rieda tal-Unjoni li tipprovdi aktar assistenza biex ittaffi t-tbatija fir-reġjuni affettwati kollha. Huwa appella lil kulħadd biex jiżgura l-aċċess umanitarju għall-vittmi tat-terremot fis-Sirja irrispettivament minn fejn jinsabu u appella lill-komunità umanitarja, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, biex tiżgura t-twassil rapidu tal-għajnuna.

    (5)

    Il-miżuri restrittivi tal-Unjoni, inklużi dawk adottati fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, mhumiex maħsuba biex jostakolaw u lanqas jimpedixxu l-provvista ta’ għajnuna umanitarja lil persuni fil-bżonn. Il-kummerċ fil-maġġoranza tas-setturi bejn l-Unjoni u s-Sirja – inkluż fl-ikel u l-mediċini – mhuwiex ristrett mill-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ miżuri individwali, hemm eċċezzjonijiet fis-seħħ biex jippermettu li fondi u riżorsi ekonomiċi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni u l-entitajiet ddeżinjati, meta tali fondi u riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa biss għall-fini ta’ għoti tal-għajnuna umanitarja fis-Sirja jew tal-assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. F’ċerti każijiet, hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti.

    (6)

    Sabiex ikun hemm rispons għall-urġenza tal-kriżi umanitarja fis-Sirja aggravata mit-terremot u bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat it-twassil rapidu tal-għajnuna, huwa xieraq li tiġi introdotta eżenzjoni għall-iffriżar tal-assi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-entitajiet ddeżinjati, u għar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi lilhom, għall-benefiċċju ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ċerti kategoriji definiti ta’ atturi involuti fl-attivitajiet umanitarji u għal perjodu inizjali ta’ sitt xhur.

    (7)

    L-emendi inklużi f’dan ir-Regolament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn jiġu implimentati, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi żgurat l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha.

    (8)

    Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 16a tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 16a

    1.   Il-projbizzjonijiet stabbilti fl-Artikolu 14(1) u (2) ma għandhomx japplikaw sal-25 ta’ Awwissu 2023 għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi neċessarji biex jiġi żgurat it-twassil fil-ħin tal-assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem meta tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:

    (a)

    in-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-programmi, il-fondi u l-entitajiet u l-korpi l-oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzajonijiet relatati tagħha;

    (b)

    organizzazzjonijiet internazzjonali;

    (c)

    organizzazzjonijiet umanitarji li jkollhom status ta’ osservatur fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji;

    (d)

    organizzazzjonijiet nongovernattivi ffinanzjati b’mod bilaterali jew multilaterali li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati, appelli oħra tan-Nazzjonijiet Uniti jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (United Nations Office for the Coordination of Humanitarian Affairs, OCHA);

    (e)

    korpi pubbliċi jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jirċievu finanzjament pubbliku mill-Unjoni jew mill-Istati Membri biex jiżguraw it-twassil fil-ħin tal-assistenza umanitarja jew biex jappoġġaw attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem għall-popolazzjoni ċivili fis-Sirja;

    (f)

    meta mhux koperti mill-paragrafi (a) sa (d), l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji li huma vvalutati skont il-pilastri mill-Unjoni u li magħhom l-Unjoni tkun iffirmat ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja li abbażi tiegħu l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni;

    (g)

    l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali;

    (h)

    aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri; jew minn

    (i)

    l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji, jew is-sħab ta’ implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (h) waqt li, u sa fejn, ikunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.

    2.   Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 14(2) ma għandhiex tapplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi mqiegħda għad-dispożizzjoni minn korpi pubbliċi jew minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jirċievu finanzjament pubbliku mill-Unjoni jew mill-Istati Membri biex jipprovdu l-għajnuna umanitarja fis-Sirja jew l-assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja meta l-provvista ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi hija f’konformità mal-Artikolu 6a(1).

    3.   Fil-każijiet mhux koperti mill-paragrafi 1 u 2, u permezz ta’ deroga mill-Artikolu 14(2), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, kif identifikata fis-siti web elenkati fl-Anness III, tista’ tawtorizza t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li tqis xierqa, dment li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għall-għan uniku li tingħata l-għajnuna umanitarja fis-Sirja jew l-assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja.

    4.   Fil-każijiet mhux koperti mill-paragrafi 1 u 2, u permezz ta’ deroga mill-Artikolu 14(1), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, kif identifikata fis-siti web elenkati fl-Anness III, tista’ tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, skont it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li tqis xierqa, dment li:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għall-għan uniku li tingħata l-għajnuna umanitarja fis-Sirja jew l-assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja; u

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jiġu rilaxxati lin-NU għall-fini tat-twassil jew il-faċilitazzjoni tal-assistenza fis-Sirja f’konformità mal-Pjan ta’ Rispons Umanitarju Sirjan jew kull pjan suċċessur ikkoordinat min-NU.

    5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn minn kull awtorizzazzjoni mogħtija.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ROSWALL


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li tħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1).


    Top