Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0398

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/398 tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward tal-estensjoni tal-possibbiltajiet biex id-dikjarazzjonijiet doganali bil-fomm jew permezz ta’ xi att ieħor jitqiesu bħala dikjarazzjoni doganali, tal-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet f’każijiet speċifiċi, u tal-ispeċifikazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni għad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/9254

ĠU L 54, 22.2.2023, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/398/oj

22.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 54/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/398

tal-14 ta’ Diċembru 2022

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward tal-estensjoni tal-possibbiltajiet biex id-dikjarazzjonijiet doganali bil-fomm jew permezz ta’ xi att ieħor jitqiesu bħala dikjarazzjoni doganali, tal-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet f’każijiet speċifiċi, u tal-ispeċifikazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni għad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 131, il-punt (c) u l-Artikoli 160 u 175 tiegħu,

Billi:

(1)

L-implimentazzjoni prattika tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (“il-Kodiċi”) flimkien mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (2) uriet li jeħtieġ isiru xi emendi lil dak ir-Regolament Delegat sabiex jiġi aġġustat aħjar għall-ħtiġijiet tal-operaturi ekonomiċi u tal-awtoritajiet doganali kif ukoll biex jitqiesu l-iżviluppi rigward it-tnedija li ġejja tal-ħarġiet 2 u 3 tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni (ICS2).

(2)

Sabiex jiġi ċċarat li fil-każ ta’ kunsinni postali trażbordati fl-Unjoni, f’ċerti sitwazzjonijiet l-obbligu li tiġi pprovduta d-data tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul huwa tal-operatur postali f’pajjiż terz minn fejn il-merkanzija tkun intbagħtet, f’konformità mal-Artikolu 127(6) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, jeħtieġ li tiġi introdotta definizzjoni ġdida ta’ “operatur postali ta’ pajjiż terz”.

(3)

Mid-data stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 (3) għat-tnedija tal-ħarġa 3 tal-ICS2, jeħtieġ ikun possibbli li persuni differenti involuti fil-proċess tat-trasport bil-ferrovija tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni, jippreżentaw partijiet mill-informazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, jiġifieri preżentazzjoni multipla. Għalhekk, jenħtieġ li jiżdied Artikolu 112a ġdid mar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 biex jipprevedi din il-possibbiltà.

(4)

Sabiex isir obbligatorju li l-operaturi postali ta’ pajjiż terz jippreżentaw id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għall-merkanzija trażbordata fit-territorju doganali tal-Unjoni, meta dak l-operatur postali ma jkunx ipprovda dawk id-dettalji lit-trasportatur, jenħtieġ li l-Artikolu 113a tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jiġi emendat.

(5)

Il-pakketti li jkollhom marka permanenti li tidentifika persuna, li jkunu importati temporanjament mimlija u riesportati mimlija jew vojta, jistgħu jiġu ddikjarati permezz ta’ dikjarazzjoni bil-fomm jew permezz ta’ kwalunkwe att ieħor imsemmi fl-Artikolu 141 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446. Peress li dan jista’ jsir biss għall-pakketti importati minn persuni stabbiliti barra t-territorju doganali tal-Unjoni, jeħtieġ li tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ dik il-formalità doganali simplifikata għall-pakketti importati vojta mill-persuni, irrispettivament minn fejn huma stabbiliti dawk il-persuni.

(6)

Il-possibbiltà ta’ ħlas lura tad-dazju fuq l-importazzjoni jenħtieġ li jiġi introdott f’sitwazzjonijiet speċifiċi fejn il-merkanzija tiġi kkonsenjata mingħajr ħlas lill-organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi. Dan jenħtieġ li jsir billi tiżdied raġuni ġdida għall-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali wara r-rilaxx tal-merkanzija, li jagħmilha possibbli li jitħallas lura d-dazju fuq l-importazzjoni mħallas f’konformità mal-Artikolu 116(1) tal-Kodiċi.

(7)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, tiżdied id-definizzjoni li ġejja:

“(54)   ‘operatur postali ta’ pajjiż terz’ tfisser operatur stabbilit f’pajjiż terz u deżinjat minnu biex jipprovdi s-servizzi internazzjonali rregolati mill-Konvenzjoni Postali Universali.”

;

(2)

fit-Titolu IV, il-Kapitolu 1, jiddaħħal l-Artikolu 112a li ġej:

“Artikolu 112a

Forniment tad-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul minn persuni oħra f’każijiet speċifiċi rigward it-trasport bil-ferrovija

(l-Artikolu 127(6) tal-Kodiċi)

1.   Meta, fil-każ ta’ trasport bil-ferrovija, għall-istess merkanzija, ikun ġie konkluż kuntratt addizzjonali wieħed jew iktar kopert minn nota ta’ kunsinna waħda jew iktar minn persuna waħda jew iktar għajr it-trasportatur, u l-persuna li toħroġ in-nota ta’ kunsinna ma tqegħidx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għad-dispożizzjoni tas-sieħeb kuntrattwali tagħha li joħroġ nota ta’ kunsinna lilha jew lis-sieħeb kuntrattwali li miegħu kkonkludiet arranġament ta’ tagħbija kondiviża ta’ merkanzija, il-persuna li ma tqegħidx id-dettalji meħtieġa għad-dispożizzjoni għandha tipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul f’konformità mal-Artikolu 127(6) tal-Kodiċi.

Meta d-destinatarju indikat fuq in-nota ta’ kunsinna, li ma jkollha ebda nota ta’ kunsinna sottostanti, ma jqegħidx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għad-dispożizzjoni tal-persuna li toħroġ in-nota ta’ kunsinna, dan għandu jipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

2.   Sad-data stabbilita f’konformità mal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151 għat-tnedija tal-ħarġa 3 tas-sistema msemmija fl-Artikolu 182(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika.”

;

(3)

fl-Artikolu 113a, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Mid-data stabbilita f’konformità mal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151 għat-tnedija tal-ħarġa 2 tas-sistema msemmija fl-Artikolu 182(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, meta l-operatur postali ta’ pajjiż terz ma jqegħidx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ta’ kunsinni postali għad-dispożizzjoni ta’ trasportatur li huwa obbligat li jirreġistra l-bqija tad-dettalji tad-dikjarazzjoni permezz ta’ dik is-sistema, l-operatur postali tal-pajjiż tad-dispaċċ, jekk il-merkanzija tiġi trażbordata fl-Unjoni, għandu jipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul f’konformità mal-Artikolu 127(6) tal-Kodiċi.”

;

(4)

fl-Artikolu 136(1), il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(j)

pakketti importati mimlija jew vojta u maħsuba għar-riesportazzjoni, kemm jekk mimlija jew vojta, li jkollhom marki permanenti, li ma jitħassrux, li jidentifikaw persuna stabbilita barra t-territorju doganali tal-Unjoni jew fih;”;

(5)

fl-Artikolu 138, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

merkanzija kif imsemmija fl-Artikolu 136(1), il-punti (a) u (j), ta’ dan ir-Regolament li tibbenefika minn eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni bħala merkanzija rritornata f’konformità mal-Artikolu 203 tal-Kodiċi;”.

(6)

fl-Artikolu 139, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Meta ma tkunx iddikjarata permezz ta’ mezzi oħra, il-merkanzija msemmija fl-Artikolu 136(1), il-punti (a) sa (d), (h), (i) u (j), għandha titqies li tkun iddikjarata għal dħul temporanju f’konformità mal-Artikolu 141.

2.   Meta ma tkunx iddikjarata permezz ta’ mezzi oħra, il-merkanzija msemmija fl-Artikolu 136(1), il-punti (a) sa (d), (h), (i) u (j) għandha titqies li tkun iddikjarata għar-riesportazzjoni f’konformità mal-Artikolu 141 dwar ir-rilaxx tal-proċedura ta’ dħul temporanju.”

;

(7)

fl-Artikolu 141, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Fir-rigward tal-merkanzija kif imsemmija fl-Artikolu 138, il-punti (a) sa (d) u l-punt (h), l-Artikolu 139 u l-Artikolu 140(1), kwalunkwe mill-atti li ġejjin għandu jitqies bħala dikjarazzjoni doganali jew ta’ riesportazzjoni:”;

(b)

fil-punt (d), il-punti (iv) u (v) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(iv)

meta l-merkanzija kif imsemmija fl-Artikolu 136(1), il-punti (a) u (j) ta’ dan ir-Regolament, titqies li hija ddikjarata għal dħul temporanju f’konformità mal-Artikolu 139(1) ta’ dan ir-Regolament;

(v)

meta l-merkanzija kif imsemmija fl-Artikolu 136(1), il-punti (a) sa (j), ta’ dan ir-Regolament, li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 203 tal-Kodiċi, titwassal fit-territorju doganali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 138, il-punt (c) ta’ dan ir-Regolament.”;

(8)

fl-Artikolu 148(4), jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f)

meta l-merkanzija tkun ġiet rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera u tingħata evidenza li tissodisfa lill-awtoritajiet doganali li l-merkanzija ma ntużatx jew ma ġietx ikkunsmata fit-territorju doganali tal-Unjoni dment li:

(i)

l-applikazzjoni ssir fi żmien sena mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali;

(ii)

il-merkanzija ngħatat mingħajr ħlas lill-organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fit-territorju doganali tal-Unjoni, u fil-mument li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni doganali msemmija fil-punt (iii), il-merkanzija tkun eliġibbli għal eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni jekk tiġi rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera; kif ukoll

(iii)

dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera b’eżenzjoni totali mid-dazju fuq l-importazzjoni għall-merkanzija inkwistjoni tkun ġiet irreġistrata minn dawk l-organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi jew f’isimhom fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-punt (i).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168).


Top