This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023R0372
Commission Implementing Regulation (EU) 2023/372 of 17 February 2023 laying down rules on the recording, storing and sharing of written records of official controls performed on livestock vessels, on contingency plans for livestock vessels in the event of emergencies, on the approval of livestock vessels and on minimum requirements applicable to exit points (Text with EEA relevance)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/372 tas-17 ta’ Frar 2023 li jistabbilixxi regoli dwar ir-reġistrazzjoni, il-ħżin u l-kondiviżjoni ta’ rekords bil-miktub tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq bastimenti tal-bhejjem, dwar pjanijiet ta’ kontinġenza għall-bastimenti tal-bhejjem fil-każ ta’ emerġenzi, dwar l-approvazzjoni ta’ bastimenti tal-bhejjem u dwar ir-rekwiżiti minimi applikabbli għall-punti ta’ ħruġ (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/372 tas-17 ta’ Frar 2023 li jistabbilixxi regoli dwar ir-reġistrazzjoni, il-ħżin u l-kondiviżjoni ta’ rekords bil-miktub tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq bastimenti tal-bhejjem, dwar pjanijiet ta’ kontinġenza għall-bastimenti tal-bhejjem fil-każ ta’ emerġenzi, dwar l-approvazzjoni ta’ bastimenti tal-bhejjem u dwar ir-rekwiżiti minimi applikabbli għall-punti ta’ ħruġ (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2023/801
ĠU L 51, 20.2.2023, p. 32–39
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
20.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 51/32 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/372
tas-17 ta’ Frar 2023
li jistabbilixxi regoli dwar ir-reġistrazzjoni, il-ħżin u l-kondiviżjoni ta’ rekords bil-miktub tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq bastimenti tal-bhejjem, dwar pjanijiet ta’ kontinġenza għall-bastimenti tal-bhejjem fil-każ ta’ emerġenzi, dwar l-approvazzjoni ta’ bastimenti tal-bhejjem u dwar ir-rekwiżiti minimi applikabbli għall-punti ta’ ħruġ
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jispezzjonaw il-bastimenti tal-bhejjem qabel kwalunkwe tqandil ta’ annimali domestiċi. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti jridu jivverifikaw li l-bastimenti jinbnew u jkunu mgħammra għan-numru u għat-tip ta’ annimali li għandhom jiġu ttrasportati u li l-apparat imsemmi fil-Kapitolu IV tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament jibqa’ fi stat ta’ ħidma tajba. |
(2) |
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bħalissa jirreġistraw iċ-ċertifikazzjonijiet tal-approvazzjoni tal-vetturi tal-bhejjem fil-bażijiet tad-data elettroniċi tagħhom stess, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn ma għandhomx aċċess għalihom. Filwaqt li verifika dokumentarja ma tistax tissostitwixxi l-ispezzjoni fiżika tal-bastiment innifsu, eżami, bħala parti minn kontroll uffiċjali, tad-dettalji taċ-ċertifikazzjoni miżmuma fiċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni ta’ bastiment, jista’ jipprovdi xi informazzjoni dwar il-konformità tal-bastiment mar-rekwiżiti tal-Kapitolu IV, it-Taqsima 1, tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1/2005. Għalhekk, l-applowdjar u l-ħżin taċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni flimkien ma’ kwalunkwe dettall taċ-ċertifikazzjoni f’bażi tad-data elettronika komuni jenħtieġ li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jaċċessaw din l-informazzjoni sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv u jiffaċilitaw ix-xogħol tagħhom meta jwettqu kontroll uffiċjali. |
(3) |
Id-dettalji taċ-ċertifikazzjoni, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jirreġistraw fil-bażi tad-data elettronika unika, jenħtieġ li jinkludu d-data ta’ skadenza taċ-ċertifikati, l-informazzjoni dwar l-erja massima tal-wiċċ disponibbli għall-annimali u t-tip ta’ annimali li jistgħu jittrasportaw il-bastimenti. Dak jenħtieġ li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu kontrolli uffiċjali jivvalutaw jekk l-approvazzjoni hijiex valida fiż-żmien tal-kontroll u jekk il-bastiment huwiex tajjeb għat-trasport tal-annimali inkwistjoni. |
(4) |
Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jintegra f’qafas leġiżlattiv uniku r-regoli applikabbli għall-kontrolli uffiċjali fuq l-annimali sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari. |
(5) |
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jfasslu rekords ta’ kull kontroll uffiċjali mwettaq bil-karta jew f’forma elettronika. Dan jelenka wkoll l-informazzjoni li dawn ir-rekords għandhom jinkludu. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu rreġistrati l-ispezzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 qabel it-tqandil ta’ ekwidi domestiċi u annimali domestiċi ta’ speċijiet bovini, ovini, kaprini jew porċini fuq bastimenti tal-bhejjem. |
(6) |
L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kontrolli uffiċjali filwaqt li jqisu, fost affarijiet oħrajn, ir-rekord tal-passat tal-operaturi fir-rigward tal-eżitu tal-kontrolli uffiċjali u l-konformità tagħhom mar-regoli tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament (KE) Nru 1/2005. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx aċċess għall-eżitu tal-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn. Madankollu, dawn ir-rekords huma meħtieġa sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati tajjeb meta jitwettqu spezzjonijiet għall-finijiet tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005. Għalhekk, għall-implimentazzjoni xierqa tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita bażi tad-data elettronika komuni li tiġbor u tikkondividi d-dettalji taċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni tal-bastimenti tal-bhejjem u l-eżitu tal-istorja tal-ispezzjoni tagħhom. Dan jenħtieġ li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jaċċessaw malajr din l-informazzjoni, inaqqsu l-piż amministrattiv u jiffaċilitaw ix-xogħol tagħhom meta jwettqu kontroll uffiċjali. |
(7) |
Skont id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istati Membri kollha b’portijiet marittimi għandhom l-obbligu li jwettqu spezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port tal-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tagħhom. Ir-riżultati tal-ispezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port huma oġġettivi u verifikabbli, u jistgħu jkunu rilevanti għall-ispezzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, bħal nuqqasijiet identifikati relatati mal-impermeabbiltà, mal-ventilazzjoni, mal-kapaċità ta’ żamma f’wiċċ l-ilma jew mat-tagħmir tat-tifi tan-nar. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu inklużi r-riżultati rilevanti disponibbli pubblikament tal-ispezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port fil-bażi tad-data elettronika komuni. |
(8) |
Il-Kummissjoni wettqet sensiela ta’ awditi fuq is-sistemi ta’ kontroll uffiċjali tal-Istati Membri sabiex tipproteġi l-benessri tal-annimali matul it-trasport bil-baħar lejn pajjiżi terzi li jużaw bastimenti tal-bhejjem. Wara l-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet fis-sistemi tal-Istati Membri ta’ kontrolli uffiċjali fuq l-awtorizzazzjoni tat-trasportaturi tal-baħar bħala riżultat ta’ dawn l-awditi, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiżguraw li l-pjanijiet ta’ kontinġenza ppreżentati mit-trasportaturi skont l-Artikolu 11(1), il-punt (b)(iv), tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 jiġu adattati sabiex jittrattaw l-emerġenzi ewlenin li jistgħu jiffaċċjaw matul il-vjaġġ ikkonċernat. |
(9) |
Sabiex ikun hemm biżżejjed żmien sabiex tiġi vvalutata l-informazzjoni li tinsab fid-dokumentazzjoni li tkun waslet mingħand applikant għal ċertifikat ta’ approvazzjoni previst fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, sabiex issir tħejjija għal spezzjoni fiżika bir-reqqa ta’ bastiment tal-bhejjem u sabiex jiġi vverifikat jekk bastiment tal-bhejjem jikkonformax mar-rekwiżiti għall-għoti ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni, l-applikant jenħtieġ li jissottometti lill-awtoritajiet kompetenti l-applikazzjoni għall-approvazzjoni mill-inqas 20 jum qabel id-data tal-ispezzjoni tal-bastiment tal-bhejjem. |
(10) |
Abbażi tal-esperjenza tagħhom tat-trasport tal-annimali bil-bastimenti tal-bhejjem, l-esperti tal-Istati Membri, inklużi l-punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport, fl-2014 żviluppaw dokument tan-network (4), sabiex jipprovdi gwida għall-kontrolli uffiċjali tal-benessri tal-annimali waqt l-esportazzjoni minn bastimenti tal-bhejjem, kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 1/2005 (“id-dokument tan-network”). Il-linji gwida fid-dokument tan-network ġew aġġornati f’Jannar 2020 fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tad-dokument tan-network u tal-awditi tal-Kummissjoni. |
(11) |
L-ispetturi mill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu spezzjonijiet fuq il-bastimenti tal-bhejjem huma fil-biċċa l-kbira veterinarji uffiċjali. Il-kompetenza veterinarja waħedha ma hijiex biżżejjed biex jiġi vverifikat il-funzjonament tas-sistemi mekkaniċi u ta’ ġestjoni tal-bastimenti tal-bhejjem li jista’ jkollhom impatt fuq il-benessri tal-annimali li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati. Kif propost fid-dokument tan-network, it-timijiet li jwettqu spezzjonijiet għall-fini tal-għoti ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni, previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, jenħtieġ li jikkonsistu minn veterinarji uffiċjali u minn esperti marittimi b’għarfien espert xieraq dwar dawk is-sistemi mekkaniċi u ta’ ġestjoni u esperjenza prattika tat-tħaddim tal-bastimenti tal-bhejjem. |
(12) |
L-approvazzjoni ta’ bastiment tal-bhejjem prevista fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 jew it-tiġdid ta’ tali approvazzjoni jenħtieġ li jkun soġġett għar-riżultati ta’ spezzjoni minn veterinarju uffiċjali abbord l-ewwel vjaġġ b’kunsinni ta’ annimali sabiex jiġi vverifikat li s-sistemi mekkaniċi u ta’ ġestjoni tal-bastiment tal-bhejjem ma humiex ta’ detriment għall-benessri tal-annimali abbord matul il-vjaġġ. |
(13) |
Sabiex jiġi żgurat li l-annimali ttrasportati jew minn Stati Membri oħrajn jew fi vjaġġi twal bit-triq mill-post tat-tluq tagħhom sal-punti tal-ħruġ fil-portijiet tal-baħar ikunu jistgħu jinħattu b’mod sikur u jiġu mitmugħa, jingħataw l-ilma u jitħallew jistrieħu, jenħtieġ li jkun disponibbli tal-anqas post ta’ kontroll wieħed imsemmi fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 (5) fil-punti ta’ ħruġ fil-portijiet tal-baħar, jew f’distanza ta’ sagħtejn bit-triq mill-punt ta’ ħruġ ikkonċernat. |
(14) |
Sabiex l-Istati Membri jallokaw persunal u riżorsi għall-kompiti u għall-obbligi l-ġodda stabbiliti f’dan ir-Regolament, biex jiżguraw adattament bla xkiel u uniformi għar-regoli l-ġodda, u biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jibnu postijiet ta’ kontroll fil-punti ta’ ħruġ, jekk ikun meħtieġ, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, dwar il-preżenza ta’ veterinarju abbord, u l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament, dwar il-postijiet ta’ kontroll fil-punti ta’ ħruġ, għandhom japplikaw biss mill-1 ta’ Jannar 2024. |
(15) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament:
(a) |
jistabbilixxi regoli dettaljati meħtieġa għat-twettiq tal-ispezzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005; |
(b) |
jispeċifika l-kontenut tal-pjanijiet ta’ kontinġenza msemmija fl-Artikolu 11(1), il-punt (b)(iv), tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 meta dawn jirreferu għall-bastimenti tal-bhejjem; |
(c) |
jispeċifika r-rekwiżiti minimi għall-punti ta’ ħruġ meta dawn ikunu portijiet tal-baħar. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “spezzjoni ta’ kontroll mill-Istat tal-port” tfisser spezzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-port f’konformità mad-Direttiva 2009/16/KE.
Artikolu 3
Bażi tad- data elettronika
1. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u tiżgura l-funzjonament, il-manutenzjoni, l-appoġġ u kwalunkwe aġġornament jew żvilupp ulterjuri meħtieġ ta’ bażi tad-data elettronika.
2. Il-bażi tad-data elettronika għandu jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa għall-ispezzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, inkluż:
(a) |
id-dettalji taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni tal-bastimenti tal-bhejjem b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jidentifikaw malajr il-bastimenti tal-bhejjem; |
(b) |
ir-rekords tal-ispezzjonijiet tal-passat imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq il-bastimenti tal-bhejjem għall-finijiet tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005; |
(c) |
informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar l-eżitu tal-ispezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port. |
3. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri aċċess għall-bażi tad-data elettronika għall-finijiet tal-Artikoli 4, 5 u 6.
4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jaħtru tal-anqas amministratur nazzjonali kull wieħed u jikkomunikaw dik il-ħatra u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu lill-Kummissjoni. Dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih bi kwalunkwe bidla fir-rigward tal-amministraturi nazzjonali.
5. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għad-data u għad-dokumenti li jdaħħlu jew jipproduċu fil-bażi tad-data.
Artikolu 4
Reġistrazzjoni taċ-ċertifikazzjonijiet tal-approvazzjoni tal-bastimenti tal-bhejjem
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirreġistraw iċ-ċertifikazzjonijiet tal-approvazzjoni tal-bastimenti tal-bhejjem imsemmija fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 fil-bażi tad-data elettronika msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
2. Iċ-ċertifikazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu d-data ta’ skadenza taċ-ċertifikati, informazzjoni dwar l-erja massima tal-wiċċ disponibbli għall-annimali għal kull gverta u t-tip ta’ annimali li jistgħu jittrasportaw il-bastimenti.
Artikolu 5
Reġistrazzjoni tal-ispezzjonijiet
1. Wara spezzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirreġistraw, mingħajr dewmien żejjed, l-ispezzjoni imwettqa fuq il-bastimenti tal-bhejjem skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 fil-bażi tad-data elettronika msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
2. Ir-rekords tal-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fihom l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2017/625.
Artikolu 6
Aċċess għaċ-ċertifikati tal-approvazzjoni tal-bastimenti tal-bhejjem u r-rekords ta’ spezzjoni preċedenti
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-bażi tad-data elettronika msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament tagħmilha possibbli li tiġi rkuprata kwalunkwe data rilevanti rreġistrata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005.
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha rreġistrata fil-bażi tad-data elettronika meħtieġa biex:
(a) |
jivverifikaw li l-bastimenti tal-bhejjem ikollhom ċertifikat ta’ approvazzjoni validu; |
(b) |
iwettqu deċiżjonijiet infurmati sew meta jispezzjonaw il-bastimenti tal-bhejjem matul it-tqandil għall-finijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005. |
Artikolu 7
Pjanijiet ta’ kontinġenza f’każ ta’ emerġenzi għall-bastimenti tal-bhejjem
Il-pjanijiet ta’ kontinġenza fil-każ ta’ emerġenzi, sottomessi minn trasportaturi li beħsiebhom jittrasportaw annimali bil-baħar permezz ta’ bastimenti tal-bhejjem skont l-Artikolu 11(1), il-punt (b)(iv), tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, għandhom jinkludu analiżi tar-riskju tal-perikli l-aktar probabbli għall-benessri tal-annimali relatati ma’ tali vjaġġi.
Artikolu 8
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ bastimenti tal-bhejjem
L-applikant għandu jibgħat lill-awtoritajiet jew lill-korp kompetenti rilevanti maħtura minn Stat Membru l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni għal bastiment tal-bhejjem f’konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 mill-inqas 20 jum tax-xogħol qabel id-data tal-ispezzjoni msemmija fl-Artikolu 19(1), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 9
Timijiet ta’ spetturi għall-bastimenti tal-bhejjem
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet għall-fini tal-għoti ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni, previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, jitwettqu minn tim ta’ spetturi.
2. Tim ta’ spetturi għandu jinkludi mill-inqas:
(a) |
veterinarju uffiċjali; u |
(b) |
espert marittimu awtorizzat mill-awtoritajiet marittimi tal-Istat Membru. |
3. L-espert marittimu msemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b), għandu jissodisfa, bħala minimu, wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:
(a) |
kwalifiki xierqa minn istituzzjoni tal-baħar jew nawtika rikonoxxuta mill-Istati Membri u esperjenza ta’ tbaħħir rilevanti bħala uffiċjal tal-bastiment ċertifikat li jkollu ċertifikat validu ta’ kompetenza STCW II/2 jew III/2 previst fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW) u li ma humiex limitati fir-rigward taż-żona operazzjonali, tal-qawwa tal-propulsjoni jew tat-tunnellaġġ; |
(b) |
eżami komplet bħala perit navali, inġinier mekkaniku jew inġinier relatat mal-qasam marittimu, li huwa rikonoxxut mill-awtoritajiet marittimi responsabbli, u li ħadem f’dik il-kapaċità għal mill-inqas ħames snin; jew |
(c) |
grad universitarju rilevanti jew grad ekwivalenti minn istituzzjoni terzjarja, f’qasam rilevanti tal-inġinerija jew tax-xjenza, rikonoxxut mill-Istat Membru. |
Artikolu 10
Kontrolli uffiċjali minn veterinarju uffiċjali abbord il-bastimenti tal-bhejjem
1. Il-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq kontrolli uffiċjali abbord bastiment tal-bhejjem matul l-ewwel vjaġġ sħiħ tal-bastiment b’kunsinni ta’ annimali wara l-approvazzjoni tal-bastiment tal-bhejjem prevista fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u qabel it-tiġdid ta’ tali approvazzjoni.
2. L-approvazzjoni tal-bastiment tal-bhejjem għandha tiġi sospiża sakemm:
(a) |
il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 juru li l-kostruzzjoni u l-apparat tal-bastiment tal-bhejjem ma humiex ta’ detriment għall-benessri tal-annimali abbord; u |
(b) |
jittieħdu miżuri korrettivi effettivi mit-trasportatur jekk ir-riżultati tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 jidentifikaw kwalunkwe nuqqas ieħor. |
3. Għat-twettiq tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1, il-veterinarju uffiċjali għandu jimla rapport tal-kontrolli mwettqa abbord matul il-vjaġġ, f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness.
Artikolu 11
Rekwiżiti minimi għall-postijiet ta’ kontroll fil-punti ta’ ħruġ fil-portijiet
Meta l-operazzjonijiet jinvolvu t-trasport ta’ annimali bit-triq minn Stati Membri oħrajn jew vjaġġi twal bit-triq mill-post tat-tluq lejn il-portijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-postijiet ta’ kontroll approvati għall-kategoriji rilevanti ta’ annimali, f’konformità mal-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1255/97, huma disponibbli f’punti ta’ ħruġ fil-portijiet tal-baħar jew jinsabu fi vjaġġ ta’ sagħtejn bit-triq mill-punt ta’ ħruġ ikkonċernat.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikoli 10 u 11 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).
(3) Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).
(4) Dokument tan-Network dwar il-Bastimenti tal-Bhejjem, disponibbli fuq https://circabc.europa.eu/ui/group/f41c4e1d-22a1-4e7b-aa31-cd16f126037d/library/d1bdd5a7-2e73-4f9a-97e2-c0975fc713a1/details
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 dwar kriterji tal-Komunità għal postijiet ta’ waqfien u li jemenda l-pjan ta’ rotta msemmi fl-Anness tad-Direttiva 91/628/KEE (ĠU L 174, 2.7.1997, p. 1).
ANNESS
RAPPORT TA’ KONTROLLI FIŻIĊI ABBORD MATUL IL-VJAĠĠ
(imsemmija fl-Artikolu 10)
|
|||||||||||||
Isem il-Bastiment |
In-Numru tal-IMO tal-bastiment |
||||||||||||
Il-pajjiż tal-approvazzjoni/tat-tiġdid tal-approvazzjoni |
Id-data tal-approvazzjoni/tat-tiġdid tal-approvazzjoni |
||||||||||||
Isem il-Kaptan |
In-Numru taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni |
||||||||||||
|
|||||||||||||
|
|||||||||||||
|
|||||||||||||
|
|
||||||||||||
|
|
|
|
||||||||||
|
|
||||||||||||
|
|||||||||||||
|
|||||||||||||
|
|
|
|||||||||||
|
|||||||||||||
|
Instabu anomaliji |
Miżuri korrettivi (jekk applikabbli) |
|||||||||||
|
Instabu anomaliji |
Miżuri korrettivi (jekk applikabbli) |
|||||||||||
|
Instabu anomaliji |
Miżuri korrettivi (jekk applikabbli) |
|||||||||||
|
Instabu anomaliji |
Miżuri korrettivi (jekk applikabbli) |
|||||||||||
|
Instabu anomaliji |
Miżuri korrettivi (jekk applikabbli) |
|||||||||||
|
Instabu anomaliji |
Miżuri korrettivi (jekk applikabbli) |
|||||||||||
|
Instabu anomaliji |
Miżuri korrettivi (jekk applikabbli) |
|||||||||||
|
Instabu anomaliji |
Miżuri korrettivi (jekk applikabbli) |
|||||||||||
|
|||||||||||||
|
|
||||||||||||
|
|
||||||||||||
|
|
||||||||||||
|
|