Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0255

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/255 tas-6 ta’ Frar 2023 li jikkonċerna t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tan-narinġin bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 870/2012 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/777

    ĠU L 35, 7.2.2023, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/255/oj

    7.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 35/11


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/255

    tas-6 ta’ Frar 2023

    li jikkonċerna t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tan-narinġin bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 870/2012

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu tal-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ tali awtorizzazzjoni.

    (2)

    In-narinġin kien ġie awtorizzat għal 10 snin bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 870/2012 (2).

    (3)

    Tressqet applikazzjoni, bi qbil mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tan-narinġin bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija “addittivi sensorjali” u fil-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”. Ma’ din l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) ta’ dak ir-Regolament.

    (4)

    Fl-opinjoni tagħha tal-24 ta’ Marzu 2022 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-applikant ipprovda evidenza li l-addittiv għadu sikur għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, għall-konsumaturi u għall-ambjent skont il-kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati bħalissa. Ikkonkludiet ukoll li n-narinġin ma jikkawżax irritazzjoni jew korrużjoni severa għall-għajnejn, mhuwiex irritanti għall-ġilda u mhuwiex ikklassifikat bħala sensitizzatur dermali, iżda fin-nuqqas ta’ data ma setgħetx tikkonkludi dwar is-sensitizzazzjoni respiratorja possibbli tal-addittiv.

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 5(4), il-punt (c), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (4), il-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 qies li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet milħuqa fil-valutazzjoni preċedenti huma applikabbli għall-applikazzjoni attwali.

    (6)

    Il-valutazzjoni tan-narinġin turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma sodisfatti. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ dak l-addittiv tiġġedded.

    (7)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-utenti tal-addittiv. Dawk il-miżuri protettivi jenħtieġ li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ħaddiema.

    (8)

    Jenħtieġ li jiġu previsti ċerti kundizzjonijiet għal kontroll aħjar. B’mod partikolari, jenħtieġ li jkun indikat kontenut massimu rakkomandat fuq it-tikketta tal-addittiv. Meta dan il-kontenut jinqabeż, jenħtieġ li ċerta informazzjoni tiġi indikata fuq it-tikketta tat-taħlitiet lesti minn qabel.

    (9)

    B’riżultat tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tan-narinġin bħala addittiv tal-għalf, jenħtieġ li jitħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 870/2012.

    (10)

    Billi l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tan-narinġin mhijiex meħtieġa minħabba raġunijiet ta’ sikurezza, jixraq li jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mit-tiġdid tal-awtorizzazzjoni.

    (11)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Tiġdid tal-awtorizzazzjoni

    L-awtorizzazzjoni tal-addittiv speċifikat fl-Anness tal-kategorija ta’ addittivi “addittivi sensorjali” u tal-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”, hija mġedda soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Tħassir

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 870/2012 jitħassar.

    Artikolu 3

    Miżuri tranżitorji

    1.   Is-sustanza speċifikata fl-Anness u t-taħlitiet lesti minn qabel li jkun fihom minn dik is-sustanza, li huma prodotti u ttikkettati qabel is-27 ta’ Awwissu 2023 skont ir-regoli applikabbli qabel is-27 ta’ Frar 2023 jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

    2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza speċifikat fl-Anness, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-27 ta’ Frar 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-27 ta’ Frar 2023 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk ikunu maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

    3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanzi speċifikat fl-Anness, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-27 ta’ Frar 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-27 ta’ Frar 2023 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk ikunu maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 870/2012 tal-24 ta' Settembru 2012 dwar l-awtorizzazzjoni tas-sustanza narinġin bħala addittiv fl-għalf għal kull speċi tal-annimali (ĠU L 257, 25.9.2012, p. 10).

    (3)  EFSA Journal 2022;20(4):7267.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 tal-4 ta' Marzu 2005 dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta' Referenza Komunitarju fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta' addittivi fl-għalf tal-annimali (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8).


    ANNESS

    Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

    Addittiv

    Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

    Speċi jew kategorija ta’ annimal

    Età massima

    Kontenut minimu

    Kontenut massimu

    Dispożizzjonijiet oħrajn

    Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

    mg ta’ sustanza attiva /kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

    Kategorija: Addittivi sensorjali. Grupp funzjonali: Komposti li jagħtu t-togħma.

    2b16058

    Narinġin

    Kompożizzjoni tal-addittiv

    Narinġin

    Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

    Narinġin

    Estratt mill-frott taċ-Ċitru

    Purità: ≥ 90%

    (2S)-4H-1-Benzopiran-4-on,7-((2-O-(6-deossi-alfa-L-mannopiranosil)-beta-D-glukopiranosil) ossi)-2,3-diidro-5- idrossi-2-(4-idrossifenil)

    Formula kimika: C27H32O14

    Numru CAS: 10236-47-2

    Numru FLAVIS: 16.058

    Metodu analitiku  (1)

    Għad-determinazzjoni tan-narinġin fl-addittiv tal-għalf:

    Il-metodu High Performance Liquid Chromatography (HPLC) konness mal-UV detector (il-monografija tal-Farmakopea Ewropea 2.2.29).

    L-ispeċijiet kollha tal-annimali

    1.

    L-addittiv għandu jkun inkorporat fl-għalf fil-forma ta’ premixxela.

    2.

    Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

    3.

    Fuq it-tikketta tal-addittiv għandu jiġi indikat dan li ġej:

    “Kontenut massimu rrakkomandat tas-sustanza attiva f’kull kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %: 5 mg.”

    4.

    Fuq it-tikketta tat-taħlitiet lesti minn qabel irid ikun hemm indikati l-grupp funzjonali, in-numru ta’ identifikazzjoni, l-isem u l-ammont tas-sustanza attiva miżjuda meta l-livell tal-użu fuq it-tikketta tat-taħlita lesta minn qabel tkun tirriżulta li jinqabeż il-livell imsemmi fil-punt 3.

    5.

    Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew jitnaqqsu għall-minimu bi proċeduri u b'miżuri ta' dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b'apparat ta' protezzjoni personali, inkluż il-protezzjoni tan-nifs.

    is-27 ta’ Frar 2033


    (1)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


    Top