Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0111

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/111 tat-18 ta’ Jannar 2023 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu xaħmi li joriġina mill-Indoneżja

    C/2023/259

    ĠU L 18, 19.1.2023, p. 1–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/111/oj

    19.1.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 18/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/111

    tat-18 ta’ Jannar 2023

    li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu xaħmi li joriġina mill-Indoneżja

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Bidu

    (1)

    Fit-30 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ aċidu xaħmi li joriġina mill-Indoneżja (“il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

    (2)

    Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fit-18 ta’ Ottubru 2021 mill-Koalizzjoni kontra l-Kummerċ Inġust fl-Aċidu Xaħmi (“l-ilmentatur” jew “CUTFA”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni ta’ aċidu xaħmi fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

    (3)

    Fit-13 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ aċidu xaħmi li joriġina mill-Indoneżja. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

    1.2.   Partijiet interessati

    (4)

    Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat speċifikament lill-ilmentatur, lil produtturi magħrufa oħrajn tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-Indoneżja, u lill-importaturi u l-utenti magħrufa, dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

    (5)

    Il-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti kummerċjali.

    (6)

    Saru seduti ta’ smigħ ma’ produttur tal-bijodiżil, Campa Iberia SAU (“Campa”) u l-kumpanija relatata tagħha, IM Biofuel Italy S.r.l. (“IMBI”), (kollettivament imsejħa “Campa/IMBI”), u produttur tal-Unjoni fil-kampjun, AAK AB (“AAK”).

    1.3.   Kummenti dwar il-bidu

    (7)

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar il-bidu mingħand il-produtturi esportaturi P.T. Musim Mas (“Musim Mas”) u l-esportatur relatat tiegħu P.T. Intibenua Perkasatama (“IBP”) (kollettivament imsejħa “il-grupp Musim Mas”), P.T. Wilmar Nabati Indonesia (“Wilmar”), P.T. Nubika Jaya u P.T. Permata Hijau Palm Oleo (kollettivament imsejħa “il-grupp Permata”), u l-Gvern tal-Indoneżja (“GOI”).

    (8)

    Il-grupp Musim Mas, Wilmar u l-GOI affermaw li d-definizzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat fl-ilment kienet wiesgħa wisq, minħabba li kienet tinkludi aċidi xaħmin li ma kinux il-mira tal-ilment (bħall-aċidu xaħmi użat għall-produzzjoni tal-bijodiżil, l-aċidi palmitiċi użati għall-għalf tal-annimali, l-aċidu olejku veġetali użat għall-ikel u l-aċidi xaħmin derivati miż-żejt tal-ġewż tal-indi). Il-GOI afferma li n-nuqqas tal-ilmentatur li jiddefinixxi b’mod korrett il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott fl-ilment ikollu effett fuq il-validità tal-ilment u l-ġustifikazzjoni biex tinbeda l-investigazzjoni.

    (9)

    Ġie affermat ukoll li minħabba d-definizzjoni wiesgħa tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, id-data fl-ilment (bħall-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-impjiegi, il-bejgħ, is-sehem mis-suq, il-profitt, il-kawżalità u l-industrija tal-Unjoni) ma kinitx kompluta, minħabba li din ġiet ikkompilata biss għat-tipi ta’ aċidu xaħmi li kienu fil-mira tal-ilmentatur.

    (10)

    Barra minn hekk, il-grupp Musim Mas u Wilmar affermaw li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu stmati żżejjed fl-ilment, minħabba li jinkludu l-aċidu xaħmi importat fl-Unjoni għall-produzzjoni tal-bijodiżil u aċidi xaħmin oħrajn mhux użati fl-ikel, fil-kożmetiċi, fil-kura personali u f’applikazzjonijiet farmaċewtiċi bħall-aċidi palmitiċi. B’riżultat ta’ dan, il-konsum u l-ishma mis-suq iddikjarati fl-ilment ma kinux korretti.

    (11)

    Barra minn hekk, ġie affermat li l-prezz tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja fl-ilment ma kienx stmat biżżejjed, minħabba li kien jinkludi aċidu xaħmi bi prezz aktar baxx prodott minn skart u prodotti sekondarji li jintużaw għall-produzzjoni tal-bijodiżil. Konsegwentement, il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz ukoll ma kinux korretti.

    (12)

    Fl-aħħar nett, il-grupp Musim Mas u l-GOI affermaw li minħabba l-kwistjonijiet bil-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-bidu tal-investigazzjoni kien ibbażat fuq informazzjoni mhux affidabbli, mhux kompluta u mhux preċiża. Konsegwentement, anke l-investigazzjoni ssofri mill-istess kwistjonijiet bħall-ilment u, għalhekk, jenħtieġ li l-investigazzjoni tintemm.

    (13)

    Id-definizzjoni tal-prodott fl-ilment u fin-Notifika ta’ Bidu kienet ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli għall-ilmentatur fiż-żmien meta tħejja u ġie ppreżentat l-ilment. F’dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda informazzjoni li l-prodott kif definit jista’ jkopri tipi ta’ aċidu xaħmi mhux prodotti mill-industrija li għamlet l-ilment. Din il-kwistjoni inqalgħet wara l-bidu u ġiet indirizzata b’mod adegwat kif spjegat hawn taħt fil-premessi (91) sa (102) u (108) sa (124). Fir-rigward tad-data dwar id-dannu li tinsab fl-ilment, l-allegazzjonijiet miġbura fil-qosor fil-premessa (9) huma fattwalment żbaljati jew ibbażati fuq fehim ħażin. Tabilħaqq, id-data dwar id-dannu fl-ilment tirrigwardja l-prodott ikkonċernat. Id-definizzjoni tal-prodott kienet ibbażata fuq il-prodott manifatturat mill-ilmentatur u kienet tirrifletti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott fil-mira. L-analiżi tad-dannu kienet ibbażata fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott fil-mira, li kien il-prodott attwali li l-ilmentatur ried ikopri. Għalhekk, id-data fl-ilment fir-rigward tal-analiżi tad-dannu kienet kompluta, li ġiet ikkonfermata mill-investigazzjoni.

    (14)

    Iċ-ċifri tal-importazzjoni Indoneżjani riflessi fl-ilment kienu bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli għall-ilmentatur f’dak iż-żmien. Il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa l-akkuratezza u l-adegwatezza tal-informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur u waslet għall-konklużjoni li t-tipi differenti ta’ aċidu xaħmi kellhom l-istess karatteristiċi bażiċi, li jfisser li jappartjenu għall-istess kategorija ta’ prodotti. Fl-istess ħin, il-karatteristiċi bażiċi tal-prodott ikkonċernat ippermettew li dan jiġi sseparat minn tipi oħrajn ta’ prodotti sal-punt li dawn jistgħu jitqiesu li huma differenti u jappartjenu għal kategorija oħra ta’ aċidu xaħmi. Għalhekk, fl-istadju tal-bidu, deher li d-definizzjoni tal-prodott proposta mill-ilmentatur kienet tissodisfa r-rekwiżiti statutorji rilevanti kollha.

    (15)

    Ma hemm l-ebda dubju dwar dan mill-fatt li l-informazzjoni u l-evidenza miġbura wara l-bidu taw lok għal kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott wara l-bidu, kif ukoll għall-esklużjoni xierqa tal-prodott kif iddikjarat fil-premessi (94) sa (124). Id-data fl-ilment kienet konformi mal-kjarifiki pprovduti mill-Kummissjoni fil-premessa (91). Għalhekk, l-affermazzjonijiet ma ntlaqgħux.

    (16)

    Wilmar affermat li l-ilment kien fih evidenza insuffiċjenti b’appoġġ għal sejba ta’ dannu materjali jew theddida tiegħu għall-produtturi tal-Unjoni. B’mod partikolari, ġie ddikjarat li l-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità ma wrewx dannu, kif ukoll li l-impjiegi u l-investimenti żdiedu u ma jirriflettux id-dannu. Barra minn hekk, ġie affermat li l-allegazzjonijiet ta’ twaqqigħ tal-prezz fl-ilment ma kinux konklużivi, minħabba li l-produtturi tal-Unjoni żiedu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom b’mod sostanzjali. Ġie ddikjarat ukoll li l-ilment kien sieket dwar id-data tal-profittabbiltà tal-ilmentatur. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li ma kien hemm ukoll l-ebda theddida ta’ dannu, minħabba li l-kapaċitajiet Indoneżjani kienu ddikjarati żżejjed u d-domanda domestika kienet qed tiżdied.

    (17)

    Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li lment ikun fih informazzjoni dwar il-bidliet fil-volum tal-importazzjonijiet li allegatament huma oġġett ta’ dumping, l-effett ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti tal-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni, kif muri minn fatturi u indiċijiet rilevanti (mhux neċessarjament kollha) li jaffettwaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni, bħal dawk elenkati fl-Artikoli 3(3) u 3(5) tar-Regolament bażiku, kif raġonevolment disponibbli għall-ilmentatur. Mhux il-fatturi kollha jridu juru deterjorament sabiex jiġi stabbilit li hemm dannu materjali.

    (18)

    F’dak ir-rigward, l-ilment wera xejra dannuża ġenerali kemm fl-indikaturi makro kif ukoll f’dawk mikro. L-analiżi indikat tnaqqis fil-produzzjoni u fl-użu tal-kapaċità. Fir-rigward taż-żidiet fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni qieset li tali żidiet ma jkunux biżżejjed biex iqajmu dubji dwar l-affermazzjonijiet tal-ilmentaturi dwar it-twaqqigħ tal-prezz, u li dawn kienu jirriflettu parzjalment iż-żieda fil-kost tal-materja prima. Fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-profittabbiltà tal-ilmentatur, l-affermazzjoni ta’ Wilmar kienet fattwalment żbaljata. L-ilment kien jinkludi biżżejjed informazzjoni, fil-forma ta’ indiċijiet, dwar l-evoluzzjoni negattiva tal-marġnijiet ta’ profitt tal-industrija tal-Unjoni. L-informazzjoni tqieset kunfidenzjali minħabba l-għadd limitat ta’ produtturi tal-Unjoni li jilmentaw u li jappoġġaw, u s-sensittività kummerċjali għolja ta’ tali data. Barra minn hekk, l-ilment stabbilixxa li r-raġuni għaż-żieda fl-investiment ma kinitx marbuta mal-bini tal-kapaċità, iżda mar-rekwiżiti ambjentali nazzjonali. Minkejja li l-impjiegi żdiedu marġinalment, il-Kummissjoni qieset li, b’mod ġenerali, l-ilment ipprovda biżżejjed evidenza li għandha t-tendenza li turi l-eżistenza ta’ sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kapaċitajiet Indoneżjani u d-domanda domestika, l-ilmentatur ipprovda evidenza li l-produzzjoni Indoneżjana kienet akbar mid-domanda u l-konsum lokali tiegħu. Barra minn hekk, livell aktar baxx ta’ kapaċitajiet u domanda domestika li qed tiżdied ma jkunux biżżejjed biex tiġi miċħuda l-eżistenza ta’ dannu materjali. Għalhekk, l-affermazzjonijiet ma ntlaqgħux.

    (19)

    Il-grupp Musim Mas u Wilmar affermaw ukoll li l-ilment ma kienx rappreżentattiv tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-aċidu xaħmi, minħabba li hija ma kienet tinkludi l-ebda data mill-produtturi tal-bijodiżil tal-Unjoni li jipproduċu wkoll aċidi xaħmin fi kwantitajiet sostanzjali.

    (20)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-aċidu xaħmi prodott bħala prodott sekondarju tal-produzzjoni tal-bijodiżil ma kienx inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni. Nota li tiċċara dan il-punt ġiet inkluża fil-fajl mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Jannar 2022. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda kwistjoni fir-rigward tar-rappreżentattività tal-industrija tal-Unjoni fl-ilment. Għaldaqstant, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (21)

    Il-grupp Musim Mas u Wilmar affermaw ukoll li l-produtturi tal-Unjoni li kienu relatati mal-produtturi Indoneżjani tal-aċidu xaħmi jew mal-esportaturi Malażjani tal-aċidu xaħmi lejn l-Unjoni jenħtieġ li jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, minħabba li tali kumpaniji kienu soġġetti għal kunflitt ta’ interess u, f’dan il-każ, ġie ddikjarat li jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid jekk l-ilmentaturi li jifdal jilħqux il-livell limitu meħtieġ għall-ilment.

    (22)

    Il-Kummissjoni tinnota li fl-analiżi ta’ qabel il-bidu, ma nstabet l-ebda raġuni għall-esklużjoni ta’ kwalunkwe produttur fl-Unjoni. Fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni relatati mal-esportaturi Malażjani tal-aċidu xaħmi, il-grupp Musim Mas u Wilmar ma spjegawx x’inhi n-natura tal-allegat “kunflitt ta’ interess”, għaliex jenħtieġ li dan iwassal għal esklużjoni ta’ dawn il-produtturi mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, u xi tkun il-bażi ġuridika għal tali esklużjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (23)

    Il-grupp Musim Mas afferma wkoll li l-gvernijiet tal-Malażja u tal-Indoneżja adottaw politika simili dwar id-dazju fuq l-esportazzjoni fuq iż-żejt tal-palm mhux raffinat (“CPO”) u ż-żejt tal-qalba tal-palm mhux raffinat (“CPKO”) u jekk din il-politika kienet qed tikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni, mela jenħtieġ li l-investigazzjoni tkopri wkoll lill-Malażja. Ġie affermat ukoll li l-objettiv tal-ilmentatur kien li jimblokka l-importazzjonijiet mill-Indoneżja għall-vantaġġ tal-kumpaniji Malażjani li huma relatati mal-produtturi tal-Unjoni.

    (24)

    L-ilment ivvaluta l-importazzjonijiet mill-Malażja. Madankollu, skont l-informazzjoni disponibbli għall-ilmentatur, il-volum tal-importazzjoni mill-Malażja kien ħafna aktar baxx mill-volum mill-Indoneżja u wera tnaqqis żgħir mill-2018 sa Marzu 2021. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet mill-Malażja saru bi prezz ogħla mill-prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni u ma setgħu kkawżaw l-ebda dannu. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (25)

    Il-grupp Musim Mas u Wilmar affermaw ukoll li l-ilmentatur attribwixxa b’mod żbaljat l-allegat dannu kollu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni għall-importazzjonijiet mill-Indoneżja. Barra minn hekk, il-grupp Musim MAS sostna li kwalunkwe rabta kawżali bejn id-dannu allegat imġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienet affettwata wkoll mill-kwistjonijiet imsemmija fil-premessa (8). Wilmar affermat li kawżi oħrajn ta’ dannu kisru r-rabta kawżali li l-ilment ipprova jistabbilixxi, bħal: (1) iż-żieda tal-materja prima ewlenija tal-produtturi tal-Unjoni, ix-xaħam tad-dam, fil-produzzjoni tal-bijofjuwils, (2) l-impatt tal-pandemija tal-Covid-19 fuq is-setturi tal-karozzi, (3) l-ineffiċjenzi fl-industrija tal-Unjoni kkawżati minn nuqqas ta’ investimenti f’tagħmir ġdid u aħjar, (4) il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni f’termini ta’ puntwalità u kwalità, (5) il-kostijiet eċċessivi tal-produzzjoni bħala riżultat tal-kostijiet lavorattivi miżjuda, (6) il-post ġeografikament żvantaġġat tal-faċilitajiet tal-produzzjoni, li żiedu l-kost tal-aċċess għall-materja prima u affettwaw l-opportunitajiet tal-esportazzjoni, u (7) l-iżviluppi regolatorji, inkluż id-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti legali ta’ 3-MCPD.

    (26)

    L-ilment kien jinkludi analiżi ta’ fatturi oħrajn li setgħu affettwaw ir-rabta kawżali bejn l-allegati importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Indoneżja u s-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni, jiġifieri importazzjonijiet oħrajn, il-kost tal-materja prima, u l-esportazzjonijiet mill-industrija tal-Unjoni. Madankollu, l-ebda wieħed mill-fatturi l-oħrajn ma attenwa r-rabta kawżali fl-ilment. Din kienet biżżejjed evidenza raġonevolment disponibbli għall-ilmentatur li għandha t-tendenza li turi li d-dannu materjali apparenti ma kienx ikkawżat minn fatturi oħrajn. Matul l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu offruti l-opportunità li jippreżentaw affermazzjonijiet aktar dettaljati dwar fatturi oħrajn li setgħu affettwaw ir-rabta kawżali u li jiġu vvalutati mill-Kummissjoni.

    (27)

    Il-grupp Musim Mas iddikjara wkoll li minħabba d-definizzjoni ħażina tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili korrispondenti, l-ilment ma kkunsidrax l-interess tal-Unjoni fir-rigward tal-produtturi, l-utenti u l-importaturi tal-aċidi xaħmin li ma jikkompetux mal-aċidi xaħmin manifatturati mill-ilmentatur (bħall-industrija tal-bijodiżil tal-Unjoni u l-konsumaturi tal-aċidi xaħmin importati li ma jintużawx fl-ikel, fil-kożmetiċi, fil-kura personali u fl-applikazzjonijiet farmaċewtiċi, inklużi l-aċidi palmitiċi u l-aċidi xaħmin prodotti miż-żejt tal-ġewż tal-Indi).

    (28)

    L-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku ma jirrikjedix li l-ilmentatur jinkludi informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fl-ilment, u t-test tal-interess tal-Unjoni ma huwiex rilevanti għall-bidu tal-investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, kif iddikjarat fil-premessa (20), l-aċidu xaħmi manifatturat bħala prodott sekondarju tal-produzzjoni tal-bijodiżil ma kienx kopert mill-ilment/investigazzjoni.

    (29)

    Wilmar affermat li l-ilment ma kienx jinkludi biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, hija ddikjarat li l-imposta fuq l-esportazzjoni, introdotta bl-iskop li tiffinanzja l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm għaż-Żejt, serviet bħala taxxa leġittima li tiġġenera d-dħul fuq komoditajiet kompetittivi u l-allegazzjoni tal-ilmentatur li l-imposta fuq l-esportazzjoni kellha effett ta’ distorsjoni tal-prezz fuq il-prezzijiet tas-CPO u tas-CPKO kienet infondata. Barra minn hekk, hija sostniet li l-ilment naqas milli jistabbilixxi li t-taxxa fuq l-esportazzjoni u l-imposta fuq l-esportazzjoni jaħdmu bħala sistema doppja li tiffunzjona bħala restrizzjoni fuq l-esportazzjoni, u li l-prezz massimu allegat tas-CPO u tas-CPKO u s-sistema tal-offerti organizzata mill-kumpaniji tal-Istat bl-isem ta’ P.T. Perkebunan Nusantara (kollettivament imsejħa “PTPN”) ma ddepprezzawx il-prezzijiet domestiċi tas-CPO. Il-prezzijiet aċċettati minn PTPN irriżultaw minn offerti kompetittivi u s-sistema ta’ offerti kienet tammonta għal mekkaniżmu ta’ prezzijiet trasparenti simili għal swieq oħrajn innegozjati fil-borża. Skont dawn, ma kien hemm l-ebda evidenza li PTPN intenzjonalment stabbilew prezzijiet artifiċjalment baxxi. PTPN ibigħu lill-ogħla offerent u l-prezzijiet li PTPN jistgħu jiksbu fis-sejħiet għall-offerti pubbliċi mhux biss se jiddependu fuq il-prezz li bih jixtiequ jbigħu PTPN, iżda wkoll il-prezz li x-xerrejja huma lesti li jħallsu. Għalhekk, Wilmar affermat li l-prezz, li PTPN eventwalment aċċettaw, kien prezz tas-suq, li jirrifletti l-provvista u d-domanda fl-Indoneżja. Barra minn hekk, il-fatt li l-prezzijiet tas-CPO fl-Indoneżja kienu aktar baxxi milli fi swieq internazzjonali oħrajn ma weriex li l-prezzijiet kienu artifiċjalment baxxi, hekk kif l-Indoneżja kienet l-akbar produttur tas-CPO fid-dinja. Fl-aħħar nett, ġie ddikjarat li l-allegati differenzi fil-prezzijiet bejn il-prezzijiet domestiċi għas-CPO u għas-CPKO u l-prezzijiet internazzjonali kienu ggwidati ħażin, minħabba li l-ilmentatur uża żewġ parametri referenzjarji differenti u inkonsistenti, jiġifieri l-prezz domestiku tal-Malażja għas-CPO u l-prezzijiet CIF tal-port ta’ Rotterdam għas-CPKO. Wilmar u l-grupp Musim Mas iddikjaraw li l-ilmentatur kellu juża parametru referenzjarju wieħed kemm għas-CPO kif ukoll għas-CPKO. Wilmar iddikjarat li l-allegati differenzi fil-prezzijiet ta’ 14 % għas-CPO u ta’ 11 % għas-CPKO ma laħqux il-livell limitu “ferm aktar baxx” meħtieġ mill-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

    (30)

    Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. L-ilmentatur ma kienx meħtieġ jistabbilixxi li t-taxxa fuq l-esportazzjoni u l-imposta fuq l-esportazzjoni joperaw bħala sistema doppja li ffunzjonat bħala restrizzjoni fuq l-esportazzjoni. It-taxxa fuq l-esportazzjoni hija waħda mid-distorsjonijiet fuq il-materja prima msemmija fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-parametri referenzjarji, l-ilmentatur uża l-aktar parametru referenzjarju rappreżentattiv disponibbli għalih, li tqies xieraq mill-Kummissjoni fl-istadju tal-ilment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li d-differenza fil-prezz f’dan il-każ kif ippreżentata fl-ilment kienet “ferm aktar baxxa” skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (31)

    Il-grupp Permata afferma li l-ilmentatur żbalja meta ddikjara li l-għan tat-taxxa fuq l-esportazzjoni kien li tikkontribwixxi għall-politika tal-Indoneżja mmirata lejn it-tranżizzjoni tal-ekonomija tal-Indoneżja lejn il-produzzjoni ta’ oġġetti ta’ valur għoli, bħal prodotti oleokimiċi. Skont il-grupp Permata, it-taxxa fuq l-esportazzjoni ġiet introdotta bl-iskop speċifiku li tiġi garantita d-domanda lokali għaż-żejt tat-tisjir u li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-prezz tiegħu. Għalhekk, il-grupp Permata sostna li ma kien hemm l-ebda distorsjoni fil-materja prima skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku minħabba li t-taxxa fuq l-esportazzjoni ma kinitx imfassla jew introdotta bl-iskop li l-prezzijiet tas-CPO u tas-CPKO jinżammu f’livell artifiċjalment baxx għall-benefiċċju tal-prodotti oleokimiċi.

    (32)

    Il-Kummissjoni nnotat li l-analiżi dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima tqis l-effetti tad-distorsjonijiet fuq il-prezz tal-materja prima, irrispettivament mill-iskop tal-miżuri li jikkawżaw id-distorsjonijiet. Għaldaqstant, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (33)

    Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni fakkret li l-istandard legali ta’ evidenza meħtieġ għal ilment jagħmilha ċara li l-kwantità u l-kwalità tal-informazzjoni fl-ilment ma humiex l-istess bħal dawk meħtieġa għal determinazzjoni definittiva fi tmiem investigazzjoni. Kif spjegat fil-premessa (13), fl-istadju tal-bidu, id-definizzjoni tal-prodott proposta mill-ilmentatur tqieset li kienet tissodisfa r-rekwiżiti statutorji rilevanti kollha. L-eżistenza tal-elementi meħtieġa biex tiġi adottata miżura jew biex jintemm proċediment imbagħad tiġi kkonfermata gradwalment hekk kif l-investigazzjoni timxi ’l quddiem. Għalhekk, ma huwiex eskluż li jsiru bidliet bejn l-istadju tal-ilment u l-konklużjoni tal-investigazzjoni. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ma qablitx li kien hemm xi kwistjonijiet relatati mal-informazzjoni pprovduta fl-ilment li jistħoqqilhom it-terminazzjoni tal-investigazzjoni.

    (34)

    B’mod ġenerali, l-analiżi tal-Kummissjoni kkonfermat li l-ebda wieħed mill-elementi msemmija hawn fuq, kemm jekk fattwalment korrett kif ukoll jekk le, ma kien biżżejjed biex ipoġġi f’dubju l-konklużjoni li l-ilment kien fih biżżejjed evidenza li għandha t-tendenza li turi l-eżistenza ta’ dumping ta’ aċidi xaħmin importati mill-Indoneżja li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Dawn l-aspetti ġew stabbiliti abbażi tal-aħjar evidenza disponibbli għall-ilmentatur fiż-żmien meta tressaq l-ilment, u nstabu li kienu rappreżentattivi u affidabbli biżżejjed għall-finijiet tal-bidu ta’ investigazzjoni.

    1.4.   Kampjunar

    (35)

    Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista’ tieħu kampjun tal-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    1.4.1.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

    (36)

    Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ħabbret li hi kienet għażlet proviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, li jistabbilixxi bħala kriterji ewlenin ir-rappreżentattività f’termini tal-volum tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott simili fl-Unjoni fil-perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2020 u t-30 ta’ Settembru 2021. Dan il-kampjun kien jikkonsisti f’erba’ produtturi tal-Unjoni, li kienu jirrappreżentaw 61 % tal-volum totali stmat tal-produzzjoni u 63 % tal-bejgħ. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju u ma rċeviet l-ebda kumment. Il-kampjun ġie kkonfermat u tqies li huwa rappreżentattiv tal-Industrija tal-Unjoni.

    1.4.2.   Kampjunar tal-importaturi

    (37)

    Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lil importaturi mhux relatati jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.

    (38)

    L-ebda wieħed mill-importaturi mhux relatati ma pprovda l-informazzjoni mitluba u ma qabel li jiġi inkluż fil-kampjun. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ tweġibiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ.

    1.4.3.   Kampjunar tal-produtturi esportaturi fl-Indoneżja

    (39)

    Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fl-Indoneżja jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tal-Indoneżja biex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

    (40)

    Sittax-il produttur esportatur fil-pajjiż ikkonċernat, li jappartjenu għal tmien gruppi, ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ tliet produtturi esportaturi, li jappartjenu għal żewġ gruppi, abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li seta’ jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa kollha kkonċernati u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma wasal l-ebda kumment.

    1.5.   Eżami individwali

    (41)

    Disa’ produtturi esportaturi fl-Indoneżja, li jappartjenu għal seba’ gruppi, talbu eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni informat lill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li huma kienu meħtieġa jipprovdu tweġiba għall-kwestjonarju jekk xtaqu li jiġu eżaminati individwalment. Żewġ gruppi mhux inklużi fil-kampjun ta’ produtturi esportaturi pprovdew tweġiba għall-kwestjonarju.

    (42)

    Minħabba l-kumplessità tal-investigazzjoni u l-istruttura kumplessa tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun (4) (wieħed miż-żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi kien jinkludi żewġ produtturi fl-Indoneżja u negozjant f’Singapore, filwaqt li l-ieħor kien parti minn korporazzjoni multinazzjonali b’kanal ta’ distribuzzjoni kumpless) il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx possibbli li jsir eżami individwali u li l-investigazzjoni tiġi ffinalizzata sal-iskadenza statutorja.

    (43)

    Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali (kif definit fil-premessa (57)), il-grupp Permata sostna li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6.10.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping (“ADA”). B’mod partikolari, il-grupp Permata sostna li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tiegħu għal eżami individwali minħabba l-kumplessità tal-investigazzjoni u l-istruttura kumplessa tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, u mhux minħabba n-numru ta’ esportaturi jew produtturi li talbu l-eżami individwali, li jagħmel l-eżamijiet individwali piż bla bżonn u ma jippermettix li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin. Barra minn hekk, il-grupp Permata argumenta li l-eżami individwali tiegħu ma jkunx ta’ piż bla bżonn u ma jfixkilx l-investigazzjoni milli titlesta fil-ħin peress li l-Kummissjoni kien għad fadlilha ħames xhur sal-iskadenza għall-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi. Barra minn hekk, il-grupp Permata żied li d-dewmien inizjali fl-investigazzjoni minħabba d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott ma kienx dovut għall-grupp Permata u ma setax iwassal għaċ-ċaħda tad-drittijiet proċedurali tal-grupp Permata.

    (44)

    Il-Kummissjoni nnotat li tabilħaqq hija ċaħdet iż-żewġ talbiet għal eżami individwali minħabba l-fatt li dawn l-eżamijiet individwali kienu jkunu ta’ piż bla bżonn. Fil-fatt, minkejja r-referenza żbaljata għal “produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun” fil-premessa (42), kien ċar mill-kuntest u s-sentenzi immedjatament qabel u wara, li r-referenza korretta kienet għaż-żewġ “produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun” li talbu eżami individwali, u l-premessa (42) trid tinqara hekk. Is-sentenza fil-parentesi fl-istess premessa ċċarat li l-produtturi esportaturi msemmija kienu tabilħaqq il-grupp Permata (“wieħed miż-żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi kien jinkludi żewġ produtturi fl-Indoneżja u negozjant f’Singapore”) u P.T. Unilever Oleochemical Indonesia (“Unilever Indonesia” — “l-ieħor kien parti minn korporazzjoni multinazzjonali b’kanal ta’ distribuzzjoni kumpless”), li t-tnejn talbu eżami individwali. Għalhekk, il-Kummissjoni applikat it-test legali t-tajjeb fil-valutazzjoni tagħha u kkonfermat li ma kienx possibbli li jsir eżami individwali minħabba l-kumplessità tal-investigazzjoni u l-istruttura kumplessa tal-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li talbu eżami individwali, li kien jagħmel l-eżami individwali oneruż bla bżonn, u b’hekk kien jiġi kompromess il-fatt li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

    (45)

    Fil-fatt, il-Kummissjoni nnotat ukoll li, minkejja li l-għadd ta’ gruppi ta’ produtturi esportaturi li ppreżentaw it-tweġiba għall-kwestjonarju għal eżami individwali kien ta’ tnejn biss, l-istruttura kumplessa tagħhom kienet tinvolvi l-verifika ta’ diversi entitajiet. Sabiex twettaq eżami individwali, il-Kummissjoni kien ikollha tivverifika l-produtturi, in-negozjanti relatati u l-importaturi kollha involuti fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-Unjoni u tanalizza l-kanali ta’ distribuzzjoni kollha tagħhom, kif għamlet għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Irrispettivament mid-dewmien inizjali fl-investigazzjoni minħabba d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, tali verifika u analiżi, b’mod partikolari li jinvolvu aktar minn grupp wieħed bi struttura kumplessa, kienu jkunu ta’ piż bla bżonn. Tabilħaqq, il-ħames xhur imsemmija mill-grupp Permata fil-premessa (43) ma humiex iddedikati kollha għall-istadju tal-investigazzjoni u s-sejbiet tal-proċedura, peress li tali proċeduri jinkludu diversi xhur ta’ proċedimenti amministrattivi (l-ipproċessar tal-kummenti, seduti ta’ smigħ, approvazzjonijiet interni, konsultazzjonijiet ma’ servizzi oħrajn tal-Kummissjoni, traduzzjoni, eċċ.). Dawn il-fatturi kollha kif ukoll il-kumplessità tal-kumpaniji involuti (li jiddettaw iż-żmien meħtieġ biex issir analiżi xierqa ta’ kull produttur esportatur) iridu jitqiesu flimkien. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, irid jitqies li ż-żewġ kumpaniji inklużi fil-kampjun kellhom ukoll strutturi kumplessi ħafna li kienu jirrikjedu d-dedikazzjoni ta’ riżorsi investigattivi u amministrattivi sinifikanti sabiex jittieħed kampjun tagħhom u jinkisbu riżultati akkurati. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tingħata tort talli ddeċidiet li ma tqisx żewġ gruppi addizzjonali u tirriskja li ma tkunx tista’ tiffinalizza u tippubblika r-riżultati tal-investigazzjonijiet fil-ħin. Għalhekk, din l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (46)

    Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali (kif definit fil-premessa (58)), il-grupp Permata tenna l-kummenti preċedenti u ddikjara li Unilever Indonesia ma kienx għadu qed isegwi t-talba għal eżami individwali tiegħu. Għalhekk, l-ammont ta’ xogħol tal-Kummissjoni kien ikun saħansitra aktar limitat.

    (47)

    Il-Kummissjoni nnotat li din l-affermazzjoni kienet fattwalment skorretta u għalhekk ġiet miċħuda, peress li Unilever Indonesia tenna t-talba tiegħu sas-seduta wara d-divulgazzjoni finali, kif imfakkar fil-premessa li ġejja.

    (48)

    Matul is-seduta wara d-divulgazzjoni finali, Unilever Indonesia u Unilever Europe BV (“Unilever”) argumentaw li ż-żmien tal-investigazzjoni ma setax ikun raġuni għar-rifjut tat-talba ta’ Unilever Indonesia għal eżami individwali, minħabba l-effetti detrimentali li l-miżuri anti-dumping jista’ jkollhom fuq in-negozju ta’ Unilever fl-Ewropa.

    (49)

    Il-Kummissjoni nnotat li huwa dritt tagħha li tirrifjuta t-talbiet għal eżami individwali meta dawn ikunu ta’ piż bla bżonn u jipprevjenu li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin. Kif spjegat hawn fuq, l-għoti tal-eżami individwali lill-grupp Permata u lil Unilever Indonesia kien ikun tabilħaqq ta’ piż bla bżonn, b’mod li kien jinħoloq ir-riskju li l-investigazzjoni ma titlestiex fil-ħin.

    1.6.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika

    (50)

    L-ilmentatur ipprovda fl-ilment biżżejjed evidenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima fl-Indoneżja rigward il-prodott ikkonċernat. Għalhekk, kif tħabbar fin-Notifika ta’ Bidu, l-investigazzjoni kopriet dawk id-distorsjonijiet fil-materja prima biex tiddetermina jekk għandhomx jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) u 7(2b) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-Indoneżja. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji addizzjonali lill-Gvern tal-Indoneżja.

    (51)

    Il-Kummissjoni għamlet il-kwestjonarji disponibbli online (5) għall-produtturi, l-importaturi, l-utenti u l-produtturi esportaturi tal-Unjoni fil-jum tal-bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil CUTFA.

    (52)

    Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand CUTFA, il-GOI, erba’ produtturi tal-Unjoni: Oleon N.V. (“Oleon”), KLK Emmerich GmbH (“KLK”), AAK, Cailà & Parés S.A. (“Cailà & Parés”), erba’ utenti: Peter Greven Nederlands C.V., Peter Greven GmbH & Co. KG (kollettivament imsejħa l-“grupp Greven”), Schill + Seilacher “Struktol” GmbH u Schill + Seilacher GmbH (kollettivament imsejħa l-“grupp Schill + Seilacher”), tliet produtturi esportaturi fil-kampjun: Musim Mas, IBP u Wilmar, in-negozjanti relatati tagħhom: Inter-Continental Oils & Fats Pte. Ltd. (‘ICOF Singapore’), Wilmar Trading Pte. Ltd., Volac Wilmar Feed Ingredients Ltd., u l-importaturi relatati tagħhom: ICOF Europe GmbH, IMBI, u Wilmar Europe Trading B.V. (“WETBV”).

    (53)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset bħala neċessarja għad-determinazzjoni tad-dumping, tad-dannu li jirriżulta u tal-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku twettqu fil-bini tal-kumpaniji/organizzazzjonijiet li ġejjin:

     

    L-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Il-Koalizzjoni kontra l-Kummerċ Inġust fl-Aċidu Xaħmi

     

    Produtturi tal-Unjoni

    Oleon N.V., Ertvelde, il-Belġju

    KLK Emmerich GmbH, Emmerich am Rhein, il-Ġermanja

    AAK AB, Malmö, l-Iżvezja

    Cailà & Parés S.A., Barċellona, Spanja

     

    Produtturi esportaturi fl-Indoneżja

    P.T. Musim Mas u P.T. Intibenua Perkasatama, Medan u Dumai

    P.T. Wilmar Nabati Indonesia, Medan

     

    Negozjanti relatati f’Singapore

    Inter-Continental Oils & Fats Pte. Ltd., Singapore

    Wilmar Trading Pte. Ltd., Singapore

     

    Negozjant relatat fir-Renju Unit

    Volac Wilmar Feed Ingredients Ltd., Royston

     

    Importaturi relatati fl-Unjoni

    ICOF Europe GmbH, Hamburg, il-Ġermanja

    Wilmar Europe Trading B.V., Rotterdam, in-Netherlands.

    1.7.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu taħt kunsiderazzjoni

    (54)

    L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2020 sat-30 ta’ Settembru 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

    1.8.   In-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji

    (55)

    Minħabba l-kumplessità teknika tal-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma timponix miżuri provviżorji u li tkompli bl-investigazzjoni.

    (56)

    Fl-1 ta’ Lulju 2022, f’konformità mal-Artikolu 19a(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati kollha li ma kien se jiġi impost l-ebda dazju provviżorju fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ aċidu xaħmi li joriġina mill-Indoneżja u li l-investigazzjoni kienet se tkompli.

    1.9.   Divulgazzjoni

    (57)

    Fl-1 ta’ Awwissu 2022, il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu xaħmi li joriġina mill-Indoneżja (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-GOI, il-produtturi esportaturi Musim Mas Group, Wilmar, P.T. Ecogreen Oleochemicals (“Ecogreen”), Unilever Indonesia, l-utenti IMBI, Procter & Gamble International Operations SA (“P&G”), il-grupp Greven, il-grupp Schill + Seilacher, Henkel Global Supply Chain B.V. (“Henkel”), Kapachim S.A. (“Kapachim”), Evonik Industries AG (“Evonik”), Quaker Chemical Corporation (“Quaker Houghton”), Omya GmbH (“Omya”), Stéarinerie Dubois Fils (“Stéarinerie Dubois”), il-Grupp NYCO (“NYCO”), DHW Deutsche Hydrierwerke GmbH Rodleben (“DHW”), E&S Chemie SAS (“E&S”) u Unilever.

    (58)

    Fuq il-bażi ta’ dawn il-kummenti, il-Kummissjoni mmodifikat xi wħud mill-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kienet beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv u infurmat lill-partijiet interessati kollha b’dan (id-“divulgazzjoni finali addizzjonali” u “t-tieni divulgazzjoni finali addizzjonali”) fl-4 ta’ Ottubru 2022 u fit-28 ta’ Novembru 2022 rispettivament.

    (59)

    Waslu kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali mingħand Wilmar, Musim Mas, il-grupp Permata, Stéarinerie Dubois u Henkel u dwar it-tieni divulgazzjoni finali addizzjonali mingħand Wilmar, Musim Mas u l-grupp Permata. Għalkemm il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati jipprovdu kummenti limitati esklużivament għad-divulgazzjoni finali addizzjonali, Musim Mas, il-grupp Permata, Wilmar, Henkel u Stéarinerie Dubois tennew l-affermazzjonijiet tagħhom ippreżentati wara d-divulgazzjoni finali.

    (60)

    Wara d-divulgazzjoni finali, il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jinstemgħu skont id-dispożizzjonijiet stipulati taħt il-punt 5.7 tan-Notifika ta’ Bidu. Saru seduti ta’ smigħ dwar id-divulgazzjoni finali mal-grupp Musim Mas, Wilmar, Ecogreen, Unilever, il-grupp Greven, il-grupp Schill + Seilacher u AAK. Barra minn hekk, wara t-talba tal-grupp Greven, saret seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Smigħ sab li d-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet interessati ġew irrispettati f’dawn il-proċedimenti.

    1.10.   Irtirar tal-ilment

    (61)

    Fl-24 ta’ Awwissu 2022, CUTFA rtirat l-ilment.

    (62)

    Waslu kummenti dwar l-irtirar tal-ilment mingħand il-GOI, Musim Mas, Wilmar, P.T. Soci Mas u P.T. Energi Sejahtera Mas (kollettivament imsejħa “SOCI/ESM”), Ecogreen, P&G, Omya u Stéarinerie Dubois.

    (63)

    Il-GOI ddikjara li minħabba l-irtirar tal-ilment, jenħtieġ li l-Kummissjoni ttemm minnufih l-investigazzjoni għal nuqqas ta’ pożizzjoni legali. F’dan ir-rigward, il-GOI rrefera għall-Artikolu 5.4 tal-ADA tad-WTO li allegatament jirrikjedi li tiġi ssodisfata l-pożizzjoni legali biex l-investigazzjoni tkun ġustifikata. Barra minn hekk, skont il-GOI, l-investigazzjoni ma tkunx appoġġata b’aktar minn 50 % tal-produzzjoni tal-prodott simili manifatturat mill-industrija tal-Unjoni, u saħansitra lanqas minn 25 % tal-produtturi totali tal-Unjoni tal-prodott simili, fid-dawl tal-irtirar tal-ilment u meta jitqies li KLK, wieħed mill-akbar produtturi tal-Unjoni, fl-ewwel ittra datata l-15 ta’ Awwissu 2022, ikkunsidra li d-dazji anti-dumping proposti setgħu joħolqu tfixkil fil-provvista tal-aċidu xaħmi mill-Asja, u mbagħad oppona għalkollox l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping fit-tieni ittra datata d-19 ta’ Awwissu 2022.

    (64)

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 5.4 tal-ADA tad-WTO jirreferi għall-bidu tal-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni jeħtieġ li jkollha pożizzjoni legali biss fil-bidu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-limitu ta’ 50 % u l-limitu ta’ 25 % fl-Artikolu 5.4 tal-ADA tad-WTO jirreferu għal gruppi differenti ta’ produtturi tal-Unjoni. Għall-kuntrarju ta’ dak li l-GOI ddikjara fis-sottomissjoni tiegħu, il-limitu ta’ 50 % huwa relatat biss mal-piż relattiv tal-produtturi tal-Unjoni li jappoġġaw l-ilment fi ħdan il-grupp ta’ produtturi tal-Unjoni li jappoġġawh jew jopponuh. Iżda l-limitu ta’ 25 % jirreferi għall-“produzzjoni totali tal-prodott simili li jsir mill-industrija tal-Unjoni” u huwa relatat mal-perċentwal tal-produtturi tal-Unjoni li jappoġġaw l-ilment minn dik il-produzzjoni totali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita (6), l-Artikolu 5.4 tal-ADA tad-WTO ma jobbliga lil ebda awtorità tal-proċedimenti ta’ Membru, f’dan il-każ il-Kummissjoni, li ttemm investigazzjoni anti-dumping li tkun għaddejja meta l-livell ta’ appoġġ għall-ilment jaqa’ taħt limitu minimu ta’ 25 % tal-produzzjoni domestika. Fil-fatt, dan l-artikolu jikkonċerna biss il-grad ta’ appoġġ għall-ilment meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tibda proċediment. A fortiori, dan japplika wkoll għal-limitu ta’ 50 %. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku dwar l-irtirar tal-ilment, li juża l-verb “jistgħu”. Għalhekk, anki jekk l-ilment jiġi rtirat mill-industrija Komunitarja, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata ttemm il-proċediment iżda kellha sempliċiment il-possibbiltà li tagħmel dan. Għalhekk, din l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx.

    (65)

    Barra minn hekk, il-GOI sostna li, minħabba l-irtirar tal-ilment u l-oppożizzjoni għall-miżuri minn KLK, l-analiżi tad-dannu mwettqa mill-Kummissjoni ma kinitx tkopri l-industrija tal-Unjoni, mifhuma bħala l-“industrija domestika” li, skont l-Artikolu 4(1) tal-ADA tad-WTO, jenħtieġ li tirreferi għall-produtturi domestiċi kollha tal-prodott simili jew għall-proporzjon maġġuri tal-produzzjoni domestika totali tal-prodott simili.

    (66)

    Il-Kummissjoni osservat li l-kunċett ta’ “industrija domestika” użat għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dannu mhux neċessarjament għandu jinkludi l-istess produtturi domestiċi bħal dawk li jiffurmaw l-industrija domestika li tqiesu sabiex jiġi aċċertat jekk l-ilment kienx igawdi biżżejjed appoġġ f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-ADA tad-WTO. Fil-fatt, l-Artikolu 5(4) tal-ADA tad-WTO jikkonċerna l-kwistjoni tal-pożizzjoni u ma jindirizzax il-kwistjoni separata ta’ x’jikkostitwixxi proporzjon maġġuri skont l-Artikolu 4(1) tal-ADA tad-WTO (7). Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) tal-ADA tad-WTO ma jipprekludix lill-produtturi li ma appoġġawx l-ilment jew li ma kkooperawx fl-investigazzjoni milli jiġu inklużi fid-definizzjoni tal-industrija domestika (8). Barra minn hekk, l-analiżi tad-dannu mwettqa mill-Kummissjoni kopriet l-industrija kollha tal-Unjoni irrispettivament mill-appoġġ jew mill-kooperazzjoni ta’ kull produttur individwali tal-Unjoni. Għalhekk, din l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (67)

    Il-GOI, Wilmar, Musim Mas, SOCI/ESM, Stéarinerie Dubois, P&G, u Omya argumentaw li l-ittri ta’ KLK u l-irtirar tal-ilment urew li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping tmur kontra l-interess tal-Unjoni. B’mod partikolari, Wilmar, P&G u Stéarinerie Dubois argumentaw li wara l-irtirar tal-ilment, il-Kummissjoni jenħtieġ li ttemm l-investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku peress li l-impożizzjoni tal-miżuri tmur kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, Wilmar irreferiet għal żewġ investigazzjonijiet (9) li ġew itterminati mill-Kummissjoni wara l-irtirar tal-ilment, kif ukoll għall-kawża Polyester staple fibres (PSF) (10), fejn il-Kummissjoni analizzat ħames fatturi qabel ma kkonkludiet li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tkompli l-investigazzjoni. Ecogreen iddikjarat li l-irtirar tal-ilment wera li t-terminazzjoni tal-investigazzjoni tkun fl-interess tal-Unjoni. Musim Mas iddikjarat li l-irtirar tal-ilment u ż-żewġ ittri ta’ KLK imsemmija fil-premessa (63), li jikkonfermaw li KLK ma ġarrbitx dannu mill-importazzjonijiet mill-Indoneżja, jikkonfermaw li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu mill-importazzjonijiet mill-Indoneżja.

    (68)

    Il-Kummissjoni fakkret li l-irtirar ta’ lment anti-dumping huwa rregolat mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, li jipprevedi li “(f)ejn l-ilment jiġi rtirat, il-proċedimenti jistgħu jiġu terminati sakemm tali terminazzjoni ma tkunx kontra l-interess tal-Unjoni” (enfasi miżjuda). Il-Qorti Ġenerali interpretat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, fost l-oħrajn, fis-sentenza f’Philips Lighting Poland u Philips Lighting vs Il-Kunsill, li ma ġietx ikkontestata b’appell (11). Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa biex ikomplu jew biex jitterminaw investigazzjoni wara rtirar u ċċarat li l-interess tal-Unjoni għandu jiġi kkunsidrat biss strettament jekk il-Kummissjoni tkun qed tikkunsidra t-terminazzjoni; fit-tali każ, il-Kummissjoni jeħtiġilha tivverifika li t-terminazzjoni ma tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-investigazzjonijiet reċenti li l-Kummissjoni ddeċidiet li ttemm wara l-irtirar tal-ilment ma għandhom l-ebda valur ġenerali ta’ preċedent vinkolanti u minflok jikkorrispondu għal analiżi każ b’każ. Barra minn hekk, l-analiżi tal-interess tal-Unjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni tal-PSF ma kinitx tikkonċerna l-kontinwazzjoni tal-każ iżda pjuttost it-terminazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, fl-investigazzjoni attwali, il-Kummissjoni wettqet analiżi tad-dannu tal-industrija kollha tal-Unjoni u l-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni kienet qed iġġarrab dannu materjali li kien ikkawżat mill-importazzjonijiet mill-Indoneżja bi prezzijiet li huma oġġett ta’ dumping kif iddikjarat fil-premessi (180) sa (372). Sempliċi dikjarazzjoni f’ittra minn produttur wieħed tal-Unjoni, mingħajr ebda evidenza ta’ sostenn, ma tikkontradixxix is-sejbiet tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

    (69)

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli l-investigazzjoni minkejja l-irtirar tal-ilment u li teżamina jekk il-kummenti li saru wara d-divulgazzjoni finali jinvalidawx is-sejbiet tagħha li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-miżuri ġew issodisfati. Kif spjegat aktar tard f’dan ir-regolament, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi għadhom issodisfati.

    2.   PRODOTT LI QED JIĠI INVESTIGAT, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

    2.1.   Prodott li qed jiġi investigat

    (70)

    Il-prodott li qiegħed jiġi investigat huwa aċidi xaħmin b’tul tal-katina tal-karbonju ta’ C6, C8, C10, C12, C14, C16 jew C18 b’valur ta’ jodju inqas minn 105 g/100 g u bi proporzjon ta’ aċidi xaħmin ħielsa għat-trigliċeridi (grad ta’ qsim — DoS) ta’ mill-inqas 97 %, inklużi:

    aċidu xaħmi singolu (imsejjaħ ukoll “qatgħa pura”); kif ukoll

    taħlitiet li fihom kombinazzjoni ta’ żewġ tulijiet jew aktar tal-katina tal-karbonju

    minbarra l-aċidu xaħmi iċċertifikat minn skema volontarja (12) għall-produzzjoni ta’ bijofjuwils, bijolikwidi u fjuwils tal-bijomassa sostenibbli rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 30(4) jew skema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 30(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 2915 70 40, ex 2915 70 50, ex 2915 90 30, ex 2915 90 70, ex 2916 15 00, ex 3823 11 00, ex 3823 12 00, ex 3823 19 10 u ex 3823 19 90 (kodiċijiet TARIC: 2915704095, 2915705010, 2915903095, 2915907095, 2916150010, 3823110020, 3823110070, 3823120020, 3823120070, 3823191030, 3823191070, 3823199070 u 3823199095)

    (71)

    Fin-Notifika ta’ Bidu, it-terminu DoS ma kienx inkluż fid-definizzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat. Madankollu, wara l-kummenti li waslu mingħand il-partijiet kif spjegat fil-premessi (80) sa (90), fil-21 ta’ Jannar 2022, permezz ta’ Nota għall-fajl, il-Kummissjoni kkonfermat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott kif definit fin-Notifika ta’ Bidu, filwaqt li ċċarat li l-aċidi xaħmin b’DoS ta’ mill-inqas 97 % biss kienu koperti mill-investigazzjoni.

    (72)

    L-aċidi xaħmin huma prodotti ta’ trasformazzjoni kimika ta’ kwalunkwe żejt veġetali, inklużi ż-żejt tal-qalba tal-palm u ż-żejt tal-palm, jew ix-xaħam tal-annimali. Bħala tali, huma rari jseħħu bħala molekuli ħielsa fin-natura, u minflok jinkisbu permezz tad-distillazzjoni u l-frazzjonament taż-żjut u tax-xaħmijiet.

    (73)

    L-aċidu xaħmi jintuża f’firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet, u jista’ b’hekk jinstab f’bosta prodotti komuni, pereżempju, diversi prodotti tal-ikel, għalf tal-annimali, sapun, deterġenti, farmaċewtiċi, kożmetiċi u prodotti oħrajn maħsuba għall-użu personali u għall-kura tad-dar.

    2.2.   Prodott ikkonċernat

    (74)

    Il-prodott ikkonċernat huwa l-prodott li qiegħed jiġi investigat li joriġina mill-Indoneżja (“il-prodott ikkonċernat”).

    2.3.   Prodott simili

    (75)

    L-investigazzjoni wriet li dawn il-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

    il-prodott ikkonċernat;

    il-prodott li qiegħed jiġi investigat manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat; kif ukoll

    il-prodott li qiegħed jiġi investigat manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

    (76)

    F’dan l-istadju, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma għalhekk prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    (77)

    Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, Stéarinerie Dubois argumentat li l-prodott ikkonċernat u l-prodott manifatturat u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni ma humiex prodotti simili, b’mod partikolari, minħabba li ma hemm l-ebda suq tal-Unjoni għall-prodott li qiegħed jiġi investigat immanifatturat mill-industrija tal-Unjoni li huwa konformi mar-rekwiżiti ta’ REACH (14), Kosher u Halal.

    (78)

    L-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku jiddikjara li l-“prodott simili” tfisser prodott li huwa identiku jew bħala karatteristiċi li jixbhu sew lil dawk tal-prodott taħt kunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni sabet li l-prodott manifatturat u mibjugħ fil-pajjiż ikkonċernat, u l-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni, jikkondividu l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi ewlenin. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni qed tipproduċi kwantitajiet kbar ta’ aċidu xaħmi li huma konformi mal-leġiżlazzjoni REACH u/jew mar-rekwiżiti Kosher u/jew Halal, kif iddikjarat fil-premessa (337). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonferma li l-prodott ikkonċernat u l-prodotti manifatturati u mibjugħin fis-suq tal-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni huma prodotti simili.

    2.4.   Affermazzjonijiet rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott

    (79)

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott mill-grupp Musim Mas, Wilmar, AAK, Campa/IMBI, l-EBB (il-Bord Ewropew tal-Bijodiżil), ASSITOL (assoċjazzjoni Taljana tal-produtturi tal-bijodiżil), APPA Biocarburantes (assoċjazzjoni Spanjola tal-produtturi tal-bijofjuwils), Neste (produttur tad-diżil rinnovabbli), u żewġ kumpaniji relatati ta’ Ecogreen, produttur Indoneżjan tal-alkoħol xaħmi: DHW, produttur ta’ polioli, esteri xaħmin, ammini xaħmin u alkoħol xaħmi mhux saturat, u E&S, produttur ta’ esteri tax-xaħam, etossilati u sulfonati. L-ilmentatur ipprovda wkoll kummenti f’dan ir-rigward.

    2.4.1.   Distillat tal-aċidu xaħmi tal-palm, effluwent minn imtieħen taż-żejt tal-palm, żejt tal-aċidu tal-palm u l-aċidu xaħmi bħala prodott sekondarju

    (80)

    Neste talbet konferma mill-Kummissjoni li d-distillat tal-aċidu xaħmi tal-palm (“PFAD”) ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni. Il-PFAD huwa materja prima ta’ skart u residwu b’bażi bijoloġika derivata mir-raffinar taż-żejt tal-palm ta’ grad alimentari użat għall-produzzjoni ta’ diżil rinnovabbli u prodotti rinnovabbli oħrajn.

    (81)

    Wilmar talbet kjarifiki dwar jekk l-effluwent minn imtieħen taż-żejt tal-palm (“POME”) kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-investigazzjoni. POME huwa fluss ta’ ilma mormi li jinħoloq mill-proċess tat-tħin fiżiku tal-produzzjoni taż-żejt tal-palm u huwa materja prima użata fil-produzzjoni tal-bijofjuwils. POME jikkonsisti l-aktar f’ilma u perċentwal żgħir ta’ żejt u materja solida.

    (82)

    AAK talbet l-esklużjoni taż-żejt tal-aċidu tal-palm mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni meta saret referenza għall-kodiċi NM 3823 19 90. B’mod partikolari, il-kumpanija affermat li ż-żejt tal-aċidu tal-palm, li jaqa’ taħt dak il-kodiċi NM, ma kienx l-istess bħal aċidu xaħmi, u li kien fih sehem sinifikanti ta’ żejt li ma jħallihx jintuża bħala aċidu xaħmi. Ġie spjegat li ż-żejt tal-aċidu tal-palm huwa prodott sekondarju tal-operazzjonijiet tar-raffineriji upstream u jintuża bħala input għall-produzzjoni tal-aċidi steariċi li kienu koperti mill-investigazzjoni.

    (83)

    Campa/IMBI u l-EBB iddikjaraw li l-produtturi tal-bijodiżil kienu wkoll produtturi tal-aċidu xaħmi, minħabba li pproduċew l-aċidu xaħmi bħala prodott sekondarju matul il-proċess tal-produzzjoni tal-bijodiżil. B’mod partikolari, ġie ddikjarat li l-proċess ta’ raffinar taż-żejt mhux maħdum iġġenera skart imsejjaħ “distillat tal-aċidu xaħmi”. Barra minn hekk, l-aċidu xaħmi jinkiseb bħala residwu meta l-bijodiżil jiġi manifatturat permezz tat-transesterifikazzjoni taż-żejt raffinat u tal-metanol.

    (84)

    Bi tweġiba għal dawn l-affermazzjonijiet, l-ilmentatur ikkonferma li t-tipi ta’ aċidu xaħmi użati fil-produzzjoni tal-bijodiżil ma kinux maħsuba biex jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, l-ilmentatur iddikjara li dawn l-aċidi xaħmin jistgħu jiġu ddifferenzjati minħabba d-differenzi fil-proċessi tal-produzzjoni (skopijiet oleokimiċi u mhux dawk relatati mal-produzzjoni tal-bijodiżil). Skont l-ilmentatur, iż-żewġ tipi ta’ aċidu xaħmi huma prodotti differenti li ma humiex f’kompetizzjoni ma’ xulxin u ma jistgħux jifformaw parti mill-prodott uniku kkonċernat.

    (85)

    Barra minn hekk, l-ilmentatur spjega li l-produzzjoni tal-aċidi xaħmin oleokimiċi kienet tinvolvi proċess ewlieni meħtieġ biex jitkissru t-trigliċeridi biex jiġu rilaxxati u sseparati l-aċidi xaħmin u l-gliċerini sabiex jinkiseb prodott ippurifikat ħafna ta’ mill-inqas 97 % ta’ aċidi xaħmin u massimu ta’ 3 % biss ta’ xaħam mhux maqsum. Dan il-proċess jissejjaħ “qsim”. Sabiex jinkiseb prodott pur ta’ kważi 100 %, l-aċidu xaħmi jiġi soġġett ukoll għal proċess ta’ distillazzjoni jew frazzjonament, li għandu l-għan li jelimina x-xaħam mhux maqsum li jifdal u kwalunkwe impuritajiet li jifdal. Kemm l-aċidu xaħmi distillat kif ukoll dak frazzjonat jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, diment li dawn il-prodotti jissodisfaw il-livell limitu tal-valur tal-jodju ta’ 105 g/100 g.

    (86)

    L-ilmentatur spjega wkoll li l-proċess għall-produzzjoni tal-bijodiżil kien jikkonsisti fir-raffinar taż-żejt sabiex jitneħħew l-impuritajiet, iżda ma seħħet l-ebda operazzjoni ta’ qsim. Diversi prodotti ta’ distillat ta’ aċidu xaħmi, bħall-FAD (distillat ta’ aċidu xaħmi), il-PFAD, il-PKFAD (distillat ta’ aċidu xaħmi tal-qalba tal-palm) jiġu ġġenerati fil-proċess tal-produzzjoni tal-bijodiżil bħala prodotti sekondarji.

    (87)

    Għalhekk, l-ilmentatur sostna li d-DoS jew il-valur ta’ qsim, li jindika l-perċentwal ta’ aċidu xaħmi maqsum fiż-żejt, kien jikkostitwixxi linja diviżorja ċara u oġġettiva biex tiddistingwi l-prodott li qiegħed jiġi investigat minn tipi oħrajn ta’ aċidu xaħmi mhux ikkonċernati mill-investigazzjoni. Id-DoS jiġi kkalkolat billi l-valur tal-aċidu jiġi diviż bil-valur tas-saponifikazzjoni. Il-valur tal-aċidu (jew il-valur tan-newtralizzazzjoni) u l-valur tas-saponifikazzjoni ġew definiti fl-ilment. L-ilmentatur spjega li filwaqt li l-kriterju tad-DoS kien ġie kkontemplat fl-istadju tal-ilment, ir-raġuni għala ma nżammx bħala tali (jiġifieri espress bħala valur tal-aċidu fuq il-valur tas-saponifikazzjoni) kienet minħabba li l-aċidi xaħmin oleokimiċi kollha taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott kellhom din il-karatteristika li għandhom kontenut ta’ aċidu xaħmi ta’ mill-inqas 97 %.

    (88)

    Skont l-ilmentatur, l-aċidi xaħmin użati fil-produzzjoni tal-bijodiżil għandhom valuri ferm aktar baxxi ta’ DoS (bejn 81 % u 97 %). Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-ilmentatur sostna li jenħtieġ li l-valur ta’ 97 % tad-DoS jitqies bħala kriterju ta’ limitu biex issir distinzjoni bejn l-aċidi xaħmin.

    (89)

    AAK esprimiet l-appoġġ tagħha għall-approċċ tal-ilmentatur.

    (90)

    Wilmar sostniet li l-valur tal-aċidu użat fil-kalkolu tad-DoS ikun l-aktar mod xieraq biex jiġu differenzjati l-aċidi xaħmin. Hija affermat li d-DoS ma kienx preċiż daqs limitu fiss ibbażat fuq il-valur tal-aċidu. Wilmar talbet lill-Kummissjoni biex tinkludi l-valur tal-aċidu fin-numru ta’ kontroll tal-prodott (‘product control number’ — “PCN”).

    (91)

    Kif iddikjarat fil-premessa (71), il-Kummissjoni ħadet nota tal-kummenti pprovduti mill-partijiet interessati dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott u ċċarat, permezz ta’ Nota għall-fajl, li l-aċidi xaħmin b’DoS ta’ mill-inqas 97 % biss kienu koperti mill-investigazzjoni. Għalhekk, il-PFAD, il-POME, iż-żejt tal-aċidu tal-palm li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3823 19 90, u l-aċidu xaħmi miksub bħala prodott sekondarju fil-proċess tal-manifattura tal-bijodiżil, ma kinux koperti mill-investigazzjoni, billi d-DoS tagħhom huwa inqas minn 97 %. Il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-partijiet interessati biex jidentifikaw kwalunkwe kwantità ta’ aċidu xaħmi b’DoS ta’ mill-inqas 97 % importata għall-fini tal-produzzjoni tal-bijodiżil u biex jispeċifikaw kwalunkwe karatteristika fiżika, kimika u/jew teknika distintiva ta’ dan it-tip ta’ aċidu xaħmi għall-kuntrarju ta’ aċidu xaħmi għal applikazzjonijiet oħrajn.

    (92)

    Wilmar sostniet li, billi l-introduzzjoni tal-livell limitu tad-DoS ta’ 97 % biddlet b’mod sinifikanti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, jenħtieġ li l-ilment jiġi rrifjutat, minħabba li ma fihx biżżejjed evidenza ta’ dumping jew ta’ dannu. Barra minn hekk, hija affermat li d-data fl-ilment kienet ibbażata fuq definizzjoni differenti tal-prodott minn dik użata għall-fini tal-investigazzjoni attwali.

    (93)

    Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Il-kjarifika pprovduta bl-introduzzjoni ta’ DoS ta’ 97 % fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, kif spjegat fil-premessa (71), la bidlet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott u lanqas l-ilment peress li sempliċiment iċċarat u ddeskriviet aħjar il-prodott kopert mill-ilment. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    2.4.2.   Aċidu xaħmi prodott mill-iskart tal-palm u użat għall-produzzjoni tal-bijodiżil

    (94)

    L-EBB, il-grupp Musim Mas u Campa/IMBI ddikjaraw li l-produtturi tal-bijodiżil użaw aċidu xaħmi manifatturat mill-iskart biex jipproduċu l-bijodiżil. Campa/IMBI u l-grupp Musim Mas iddikjaraw li l-aċidu xaħmi użat għall-produzzjoni tal-bijodiżil f’impjant tal-produzzjoni tal-esterifikazzjoni (15) jirrikjedi bħala materja prima ewlenija aċidi xaħmin b’valuri ta’ DoS ta’ mill-inqas 97 %, u għalhekk, l-aċidu xaħmi użat minn Campa/IMBI għall-produzzjoni tal-bijodiżil xorta jibqa’ kopert mill-investigazzjoni wara l-kjarifika pprovduta mill-Kummissjoni fil-premessa (91). Campa/IMBI, il-grupp Musim Mas u l-EBB iddikjaraw li l-użu finali kien l-uniku kriterju rilevanti biex issir distinzjoni bejn l-aċidi xaħmin koperti mill-investigazzjoni u l-aċidi xaħmin użati għall-produzzjoni tal-bijodiżil. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li d-dokument ta’ ċertifikazzjoni kien essenzjali biex jinftiehem l-użu finali tal-prodott. B’mod partikolari, l-aċidu xaħmi meħtieġ mill-industrija tal-kożmetiċi, tal-farmaċewtiċi, tal-kimiċi jew tal-ikel huwa mfassal biex jissodisfa diversi rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni (bħal Kosher, Halal, GMP+, FSSC 22000, ċertifikazzjoni RSPO, ISO 9001, ISO 14001, ISO 45001), filwaqt li l-produtturi tal-bijodiżil jirrikjedu biss ċertifikazzjoni biex jikkonformaw mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (UE) 2018/2001 (RED II) (skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-RED II, bħall-ISCC EU jew 2BSVS, jew skema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni stabbilita skont ir-RED II). Ġie ddikjarat ukoll li l-industrija tal-Unjoni la pproduċiet u lanqas kienet kapaċi tipproduċi aċidu xaħmi b’valur għoli ta’ DoS destinat għall-produzzjoni tal-bijodiżil li jaqa’ fl-ambitu tar-RED II, li ħeġġet l-użu ta’ materja prima avvanzata f’dan ir-rigward. Campa/IMBI ddikjarat ukoll li hija importat dan it-tip ta’ aċidu xaħmi permezz tal-kodiċi TARIC 3823193089, li la kien inkluż fl-ilment u lanqas fin-Notifika ta’ Bidu.

    (95)

    Campa/IMBI u l-EBB talbu konferma mill-Kummissjoni li l-aċidi xaħmin użati għall-produzzjoni tal-bijodiżil ma kinux koperti mill-investigazzjoni. B’mod partikolari, ġie ddikjarat li d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott kopriet l-aċidu xaħmi użat minn Campa/IMBI għall-produzzjoni tal-bijodiżil. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li l-ilment ma elenkax il-produtturi tal-bijodiżil tal-Unjoni bħala importaturi jew utenti tal-aċidu xaħmi, u li l-bijodiżil ma kienx fost l-użi tal-prodott ikkonċernat elenkati fl-ilment.

    (96)

    Bl-istess mod, ASSITOL u APPA Biocarburantes esprimew oppożizzjoni għall-użu tal-valur tad-DoS biex jiddefinixxu l-aċidu xaħmi kopert mill-investigazzjoni minħabba li dan ma eskludiex l-aċidu xaħmi kollu użat għall-produzzjoni tal-bijodiżil. Huma sostnew li jenħtieġ li jiġi adottat mekkaniżmu ieħor, jiġifieri wieħed li jkun ibbażat fuq l-użu finali tal-prodott skont l-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

    (97)

    F’dan ir-rigward, ASSITOL u Campa/IMBI talbu lill-Kummissjoni tippubblika Notifika li temenda n-Notifika ta’ Bidu.

    (98)

    Il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma jekk l-aċidu xaħmi b’DoS ta’ mill-inqas 97 % prodott mill-iskart kienx il-prodott ikkonċernat mingħajr ma tivvaluta jekk kellux l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi, jekk kellux l-istess użu u jekk kienx f’kompetizzjoni mal-prodott simili. Barra minn hekk, il-materja prima ma hijiex fattur deċiżiv għall-esklużjoni ta’ tip ta’ prodott mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-investigazzjoni jekk il-prodotti finali jkunu l-istess u jkollhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi.

    (99)

    Iż-żjara ta’ verifika li saret fil-bini tal-produttur esportatur fl-Indoneżja tabilħaqq żvelat li l-aċidi xaħmin distillati importati minn IMBI ġew prodotti jew minn prodotti sekondarji bħall-PFADs, jew minn materja prima differenti ta’ skart tal-palm.

    (100)

    Matul iż-żjara ta’ verifika fl-Indoneżja, il-Kummissjoni vvalutat il-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott (bħad-dehra, ir-riħa, it-titru, il-kulur), il-karatteristiċi tekniċi (bħat-tip u l-grad, il-kwalità, il-forom materjali, l-istabbiltà tal-kulur) u l-karatteristiċi kimiċi (bħall-valur tal-aċidu, il-valur tas-saponifikazzjoni, il-valur tal-jodju u l-kompożizzjoni tal-aċidu xaħmi) tal-aċidu xaħmi distillat prodott mill-iskart meta mqabbel mat-tip l-ieħor ta’ aċidu xaħmi. Madankollu, l-investigazzjoni żvelat li l-aċidi xaħmin distillati prodotti mill-iskart għandhom karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi simili ħafna bħall-aċidi xaħmin prodotti mis-CPO u mis-CPKO. Għalhekk, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda karatteristika fiżika, teknika jew kimika bażika li tiddifferenzja l-aċidu xaħmi distillat manifatturat mill-iskart mit-tip l-ieħor ta’ aċidu xaħmi.

    (101)

    Barra minn hekk, l-investigazzjoni żvelat li l-aċidu xaħmi distillat prodott mill-iskart huwa kopert mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (RED II (16)) li tistabbilixxi li l-bijodiżil prodott mill-aċidu xaħmi li juża materjali jew prodotti sekondarji tal-iskart jista’ jitqies mill-Istati Membri tal-UE għall-miri stabbiliti mir-RED II (17). Skont ir-RED II (18), sabiex il-bijodiżil jitqies mill-Istati Membri tal-UE għall-miri ta’ sostenibbiltà tagħhom, il-materja prima tiegħu, f’dan il-każ l-aċidi xaħmin distillati, trid tiġi ċċertifikata biex jiġi żgurat ir-rispett tal-istandards ta’ sostenibbiltà u ta’ dawk kimiċi.

    (102)

    Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni sabet li l-aċidi xaħmin b’DoS ta’ mill-inqas 97 % prodotti mill-iskart u ċċertifikati minn skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 30(4) tar-RED II (19) jew skema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 30(6) tar-RED II (20), għalkemm jikkondividu l-istess karatteristiċi ma’ aċidi xaħmin oħrajn, għandhom użi differenti u ma humiex f’kompetizzjoni mal-prodott simili. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li dawn l-aċidi xaħmin prodotti mill-iskart ma ġewx inklużi fl-ilment. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawk l-aċidi xaħmin ma kinux parti mill-prodott ikkonċernat u, għalhekk, ġew esklużi mill-investigazzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, l-importazzjonijiet ta’ tali aċidi xaħmin minn, inter alia, il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun IBP, parti mill-grupp Musim Mas, li kienu qed jiġu importati minn IMBI, instabu li ma kinux ikkonċernati minn din l-investigazzjoni.

    (103)

    Dawn il-kjarifiki ulterjuri tal-kamp tal-applikazzjoni tal-prodott, minbarra dawk ippubblikati permezz ta’ Nota għall-fajl kif imsemmi fil-premessa (71), huma riflessi fid-definizzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat kif stabbilit fil-premessa (70).

    2.4.3.   Tipi oħrajn ta’ aċidu xaħmi

    (104)

    L-affiljati ta’ Ecogreen, DHW u E&S, talbu l-esklużjoni tal-aċidu xaħmi C6 (Isem kummerċjali: Ecoric 6), C8-C10 (Isem kummerċjali: Ecoric 80), C16-C18, C18 mhux saturati (Isem kummerċjali: Ecoric 68 TA) u C18:1 (Isem kummerċjali: Ecoric 18 W) mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott. Huma affermaw li dawn it-tipi ta’ aċidu xaħmi ġew manifatturati mill-produttur esportatur relatat tagħhom Ecogreen matul il-proċess tal-manifattura tal-alkoħol xaħmi, u li kellhom ċerti karatteristiċi uniċi u ma setgħux jiġu manifatturati bl-istess kwalità mill-produtturi tal-Unjoni. DHW u E&S iddikjaraw li, b’mod partikolari, l-ewwel tliet aċidi xaħmin kienu esportati biss minn Ecogreen lill-affiljati tagħha fl-Ewropa għall-ipproċessar intern ulterjuri minħabba l-istabbiltà tal-kwalità, il-kontinwità tal-provvista u l-katina taċ-ċertifikazzjoni stabbilita. B’mod partikolari, DHW u E&S iddikjaraw li Ecoric 6 seta’ jiġi prodott biss mis-CPKO u miż-żejt pur tal-ġewż tal-Indi f’volum żgħir ħafna. Barra minn hekk, DHW u E&S iddikjaraw li kien hemm aċidi C6 oħrajn disponibbli fl-Unjoni, iżda dawn ġew prodotti permezz ta’ fermentazzjoni li ma kinitx tista’ tintuża għal Ecogreen. Barra minn hekk, huma affermaw li Ecoric 80 kien prodott l-aktar mis-CPKO u miż-żejt tal-ġewż tal-Indi u ntuża għall-produzzjoni ta’ esteri xaħmin li, wara trattament minn DHW bl-użu ta’ privattiva partikolari, jirriżultaw f’ester bi kwalità għolja f’termini ta’ togħma, riħa u stabbiltà tal-kulur. Ecoric 68 TA ġie derivat mis-CPKO, fejn id-distribuzzjoni tal-katina tal-karbonju kienet simili għall-aċidu xaħmi mix-xaħam tad-dam, u ntużat għall-produzzjoni ta’ amini xaħmin ħielsa mix-xaħam tad-dam. Ecoric 18 W intuża għall-produzzjoni ta’ esteri li kellhom imġiba tajba f’temperatura kiesħa, kulur aħjar għall-prodott finali u inqas prodotti sekondarji. Fl-aħħar nett, huma ddikjaraw li l-aċidu olejku bbażat fuq l-annimali kien ipprojbit fil-pjanti tal-ester tagħhom minħabba regoli stretti tal-koxer.

    (105)

    B’reazzjoni għal dan, l-ilmentatur oppona l-esklużjoni ta’ dawn it-tipi ta’ aċidu xaħmi, billi sostna li din taffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni kollu tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, minħabba li l-esklużjoni tal-prodott mitluba mill-affiljati ta’ Ecogreen kienet tkopri t-tul kollu tal-katina tal-aċidi xaħmin ikkonċernati, minn C6 sa C18. Barra minn hekk, l-ilmentatur sostna li kuntrarju għall-affermazzjonijiet ta’ DHW u E&S, il-produtturi tal-Unjoni kienu kapaċi jipproduċu u fil-fatt kienu qed ifornu dawn it-tipi ta’ aċidi xaħmin lill-affiljati ta’ Ecogreen billi dawn il-prodotti ma kinux “uniċi” għall-grupp Ecogreen u fil-fatt kienu interkambjabbli mal-aċidi xaħmin prodotti mill-industrija tal-Unjoni.

    (106)

    Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni pproduċiet aċidi xaħmin simili u, għalhekk, il-prodotti mitluba minn DHW u E&S li għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott kienu f’kompetizzjoni mal-industrija tal-Unjoni u kkawżaw dannu. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat din it-talba għall-esklużjoni.

    (107)

    Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, Ecogreen tenniet it-talba tagħha għall-esklużjoni kif iddikjarat fil-premessa (104). Ecogreen argumentat li, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni tal-ilmentatur, it-talba għall-esklużjoni tagħha ma kinitx tkopri t-tul kollu tal-katina tal-aċidi xaħmin koperti mill-investigazzjoni, peress li s-C12 (Aċidu lawriku), is-C14 (Aċidu miristiku), is-C16 (Aċidu palmitiku), is-C18 saturat (Aċidu steariku) kif ukoll il-prodotti tat-taħlit tagħhom ma kinux parti mit-talba għall-esklużjoni tagħha. Barra minn hekk, fir-rigward tal-prodotti inklużi fit-talba għall-esklużjoni, Ecogreen sostniet li ma hemm l-ebda prodott simili manifatturat mill-industrija tal-Unjoni. B’mod partikolari, Ecogreen argumentat li l-prodotti Ecoric 6 tagħha jinkludu kompost organiku partikolari li ma jinstabx fl-aċidi C6 prodotti mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, Ecogreen argumentat li l-industrija tal-Unjoni tuża proċess ta’ produzzjoni kompletament differenti għall-prodotti (mhux saturati) C6, C8–C10, C16–C18 u C18. B’mod partikolari għas-C6, Ecogreen argumentat li l-industrija tal-Unjoni użat il-fermentazzjoni u li la l-grupp Ecogreen u lanqas il-klijenti tagħha qatt ma approvaw il-proċess ta’ fermentazzjoni bħala proċess ta’ manifattura għall-aċidu xaħmi, peress li dan jista’ jaffettwa l-karatteristiċi bażiċi tal-aċidi xaħmin prodotti. Għall-prodott tagħha C18:1, Ecogreen argumentat li huwa ta’ kwalità partikolarment għolja, u li l-utenti tal-Unjoni ta’ dan il-prodott għandhom fis-seħħ ftehimiet ta’ kwalità, li jobbligahom jipprovdu lill-klijenti tagħhom b’esteri li jiġu prodotti b’aċidu xaħmi C18:1 li jissodisfaw speċifikazzjonijiet stretti.

    (108)

    Il-Kummissjoni qablet li t-talba għall-esklużjoni tal-prodott ta’ Ecogreen ma kinitx tkopri t-tulijiet kollha possibbli tal-katina tal-karbonju tal-aċidi xaħmin ikkonċernati, iżda madankollu kienet tkopri subsett sostanzjali tagħhom. Fi kwalunkwe każ, għall-prodotti li ġew inklużi fit-talba għall-esklużjoni, Ecogreen ma ssostanzjatx l-affermazzjoni tagħha li ma hemm l-ebda “prodott simili” manifatturati mill-industrija tal-Unjoni. Fir-rigward tal-kompost organiku li allegatament jiddistingwi l-prodott C6 tagħha mill-prodotti rispettivi manifatturati mill-industrija tal-Unjoni, Ecogreen ma pprovdietx evidenza li turi r-rilevanza tiegħu, inkluż dwar il-konċentrazzjoni ta’ din is-sustanza fil-prodott u dwar kif taffettwa l-karatteristiċi u l-użi bażiċi tiegħu. Barra minn hekk, peress li ma ġiet żvelata l-ebda informazzjoni dwar din is-sustanza, inkluż isimha, fil-verżjoni miftuħa tas-sottomissjoni, partijiet interessati oħrajn ma setgħux jipprovdu kummenti dwar dawn l-aspetti. Fir-rigward tal-allegati differenzi fil-proċess tal-produzzjoni, il-Kummissjoni tfakkar li, fil-prinċipju, il-proċessi tal-produzzjoni ma humiex rilevanti meta jiġi vvalutat jekk il-prodotti humiex “simili”. F’dan il-każ partikolari, Ecogreen ma pprovdietx evidenza konkreta dwar kif dawn jaffettwaw il-karatteristiċi bażiċi tal-prodott finali. B’mod partikolari għall-fermentazzjoni, Ecogreen innifisha tippreżenta l-allegati differenzi fil-karatteristiċi bażiċi tal-prodott li jirriżultaw minn dan il-proċess bħala sempliċi possibbiltà, aktar milli bħala fatt stabbilit appoġġat minn evidenza. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba għal esklużjoni.

    (109)

    AAK talbet lill-Kummissjoni teskludi l-aċidu olejku ta’ grad alimentari mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-investigazzjoni. AAK affermat li filwaqt li l-aċidu olejku kien kopert mill-investigazzjoni, tista’ ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ aċidu olejku: aċidu olejku ta’ grad industrijali u aċidu olejku ta’ grad alimentari. AAK iddikjarat li filwaqt li ż-żewġ gradi għandhom l-istess proprjetajiet kimiċi bażiċi, billi l-grad alimentari jintuża fil-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel, il-proċess tal-produzzjoni tiegħu jrid jikkonforma ma’ standards aktar stretti, jiġifieri l-livell ta’ kontaminanti fl-aċidu ma jridx jaqbeż ċertu livell kif stabbilit mir-Regolament tal-UE dwar l-oġġetti tal-ikel (21). AAK affermat ukoll li l-aċidu olejku ta’ grad alimentari kien jiswa konsiderevolment aktar mill-grad industrijali, ma setax jiġi ssostitwit b’aċidu olejku ta’ grad industrijali u l-industrija tal-Unjoni ma kinitx kapaċi tforni kwantitajiet miżjuda. AAK iddikjarat li kien hemm biss importazzjonijiet marġinali ta’ aċidu olejku ta’ grad alimentari mill-Indoneżja u, għalhekk, dawn ma setgħux ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. AAK iddikjarat li hija probabbilment kienet l-uniku importatur tal-Unjoni ta’ kwalunkwe volum sinifikanti ta’ aċidu olejku ta’ grad alimentari minn pajjiżi oħrajn. AAK iddikjarat ukoll li skont l-informazzjoni tagħha, ma kien hemm l-ebda impjant li jipproduċi l-aċidu olejku fl-Indoneżja li ssodisfa r-rekwiżiti stretti tal-livell massimu ta’ kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel. AAK iddikjarat li ż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet potenzjali tal-aċidu olejku ta’ grad alimentari mill-Indoneżja b’riżultat ta’ dan iżżid il-prezzijiet tal-utenti tal-Unjoni għall-kategoriji kollha tal-aċidu olejku mill-Malażja wkoll, li taffettwa b’mod negattiv l-attività ta’ AAK. AAK issuġġeriet li l-aċidu olejku ta’ grad alimentari jista’ jiġi eskluż billi ssir referenza għal-livelli massimi ta’ benżo(a)piren u għall-kontenut ta’ aċidu xaħmi trans, li kienu livelli limiti ssanzjonati uffiċjalment stabbiliti fir-Regolament tal-UE dwar l-Oġġetti tal-Ikel.

    (110)

    Bi tweġiba għall-affermazzjoni ta’ hawn fuq, l-ilmentatur esprima l-oppożizzjoni tiegħu li jeskludi l-aċidu olejku ta’ grad alimentari mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, l-ilmentatur sostna li l-aċidu olejku ta’ grad alimentari kellu l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi bħall-prodotti l-oħrajn taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni u, għalhekk, l-esklużjoni ta’ dan il-grupp ta’ prodotti twassal għal riskju għoli ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri. Barra minn hekk, l-ilmentatur sostna li l-produtturi li jużaw l-aċidu olejku ta’ grad alimentari kienu wkoll utenti ta’ aċidu olejku ta’ grad tekniku u, għalhekk, distinzjoni bbażata fuq l-użu finali ma tevitax ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni. Barra minn hekk, l-ilmentatur sostna li l-aċidu olejku ta’ grad alimentari kien disponibbli minn sorsi oħrajn ta’ importazzjonijiet mhux fil-mira tal-investigazzjoni u, għalhekk, ma kien hemm l-ebda riskju ta’ nuqqas ta’ provvista.

    (111)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-aċidi olejċi ta’ grad alimentari kellhom karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi simili bħall-aċidu olejku ta’ grad industrijali. Għalkemm l-aċidu olejku ta’ grad alimentari kien soġġett għal rekwiżiti aktar stretti ta’ kwalità u purità, huwa kellu l-istess tul tal-katina tal-karbonju bħall-aċidu olejku użat għal applikazzjonijiet industrijali. Id-differenza fil-prezz bejn iż-żewġ gradi ma hijiex per se element ewlieni għall-esklużjoni tal-prodott. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni tabilħaqq qed tipproduċi aċidu olejku ta’ grad alimentari u jeżistu sorsi oħrajn ta’ provvista bħall-Malażja. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni rrifjutat it-talba għall-esklużjoni.

    (112)

    Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, AAK tenniet it-talba tagħha biex l-aċidu olejku ta’ grad alimentari jiġi eskluż mill-kamp tal-applikazzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat. AAK ikkritikat lill-Kummissjoni talli ma indirizzatx kif xieraq l-affermazzjonijiet tagħha u sostniet li din użat kriterji inkonsistenti fid-deċiżjoni tagħha li teskludi l-aċidu xaħmi maħsub għall-produzzjoni tal-bijodiżil meta mqabbel mal-aċidu olejku ta’ grad alimentari. B’mod partikolari, AAK sostniet li fil-premessa (102) il-konklużjoni tal-Kummissjoni li teskludi l-aċidu xaħmi prodott mill-iskart kienet ibbażata fuq il-fatt li dan l-aċidu xaħmi partikolari kellu użi differenti u ma kienx f’kompetizzjoni mal-prodott simili filwaqt li kellu l-istess karatteristiċi ta’ aċidi xaħmin oħrajn. Min-naħa l-oħra, biex ma eskludietx l-aċidu olejku ta’ grad alimentari mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa (111) li l-aċidi oleiċi ta’ grad alimentari għandhom karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi simili bħall-aċidu olejku ta’ grad industrijali bl-istess tul tal-katina tal-karbonju. Barra minn hekk, AAK iddikjarat li l-aċidu olejku ta’ grad alimentari u l-aċidu olejku ta’ grad industrijali għandhom użi differenti u ma humiex f’kompetizzjoni ma’ xulxin, u li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ż-żewġ tipi għandhom karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi simili ma kinitx appoġġata mill-fatti u ma kinitx issostanzjata fir-regolament. Fl-aħħar nett, AAK sostniet li kieku l-Kummissjoni għamlet analiżi simili għall-aċidu olejku ta’ grad alimentari u industrijali, kienet issib differenzi fit-tip, fil-grad u fil-kwalità bejn iż-żewġ tipi.

    (113)

    Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-asserzjonijiet. L-ewwel, fir-rigward tal-aċidu xaħmi magħmul mill-iskart, kif iddikjarat fil-premessa (102), l-aċidu xaħmi magħmul mill-iskart ma kellux ikun kopert mill-investigazzjoni. Madankollu, minħabba li dan għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi ta’ aċidi xaħmin oħrajn, inqabad involontarjament fid-definizzjoni tal-prodott. Sabiex tiżgura li l-investigazzjoni u l-miżuri potenzjali twettqu u ġew applikati b’mod korrett, il-Kummissjoni investigat fil-fond dan il-prodott partikolari qabel ma kkonfermat li tabilħaqq ma kellux jiġi investigat/kopert minn miżuri, kif spjegat fil-premessi minn (98) sa (102). Dan huwa f’kuntrast mal-aċidi xaħmin għall-applikazzjonijiet tal-ikel (bħall-aċidu olejku ta’ grad alimentari), li kienu koperti mill-ilment u li għalihom l-ilmentaturi pprovdew evidenza ta’ dumping, dannu u rabta kawżali, li ġiet ikkonfermata matul l-investigazzjoni. It-tieni, il-kritika espressa minn AAK hija bbażata fuq nuqqas ta’ fehim tas-sitwazzjoni fattwali u legali fir-rigward tat-talba għall-esklużjoni tal-aċidu olejku ta’ grad alimentari. Anke jekk il-gradi industrijali u alimentari tal-aċidu olejku jitqiesu żewġ tipi differenti ta’ aċidu xaħmi kif issostni AAK, dan ma għandu l-ebda effett fuq is-sejbiet tal-Kummissjoni. L-industrija tal-Unjoni tipproduċi u tbigħ aċidu olejku ta’ grad alimentari, hemm potenzjalment importazzjonijiet ta’ aċidu olejku ta’ grad alimentari mill-Indoneżja (22), li jistgħu jkunu f’kompetizzjoni diretta mal-prodott mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni u, konsegwentement, jikkawżaw dannu. Għalhekk, ma hemm l-ebda raġuni biex il-Kummissjoni tikkonkludi li l-esklużjoni tal-aċidu olejku ta’ grad alimentari hija ġġustifikata. Fil-fatt, il-konklużjoni loġika trid tkun eżattament l-oppost: l-aċidu olejku ta’ grad alimentari ma jistax jiġi eskluż mingħajr ma jiġu mminati l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri li għandhom jiġu imposti.

    (114)

    AAK iddikjarat ukoll li l-produzzjoni marġinali tal-Unjoni tal-aċidu olejku ta’ grad alimentari u l-eżistenza ta’ pajjiż terz ieħor li jforni l-prodott ma kinux jappoġġaw il-fatt li l-aċidu olejku ta’ grad alimentari jibqa’ jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat. B’mod partikolari, AAK iddikjarat li fid-determinazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, il-Kummissjoni fil-passat kienet tagħti piż lill-fatt li l-produzzjoni tal-Unjoni ta’ tip ta’ prodott kienet limitata. F’dan ir-rigward, AAK irreferiet għall-investigazzjoni anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ fibri sintetiċi tal-poliesteri ta’ qisien ta’ qosor predeterminat (“PSF”) li joriġinaw mill-Malażja u mit-Tajwan (23). AAK irreferiet ukoll għal rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott li kien jirrigwarda miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti b’laminazzjoni ċatta orjentati lejn il-qamħ tal-azzar elettriku tas-siliċju (“GOES”) li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u mir-Russja, waqt li sostniet li varjant irqiq ta’ dan il-prodott ġie eskluż minħabba li l-ebda produttur ma kellu interess dirett li jipproduċih.

    (115)

    Minbarra ż-żewġ kumpaniji msemmija minn AAK fis-sottomissjoni, produttur terz tal-Unjoni joffri aċidu olejku ta’ grad alimentari lis-suq tal-Unjoni (24). Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-provvista ta’ dan il-prodott tista’ tinkiseb ukoll minn fornituri mill-Malażja. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (116)

    AAK u l-grupp Musim Mas talbu l-esklużjoni tal-aċidu palmitiku użat għall-għalf tal-annimali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott. AAK hija produttur tal-aċidu palmitiku fl-Unjoni. Madankollu, id-domanda totali tagħha taqbeż il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha. Ġie ddikjarat li l-aċidu palmitiku pur, bit-tul tal-katina tal-karbonju C16, ġie manifatturat mis-CPO u mis-CPKO. Skont dawn, ix-xaħam tad-dam ma setax jintuża bħala materja prima għall-produzzjoni tal-aċidu palmitiku għall-għalf tal-annimali, peress li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-għalf tal-annimali kienet tipprojbixxi l-użu tax-xaħam tal-annimali fl-għalf għar-ruminanti (25). Ġie ddikjarat ukoll li l-produzzjoni Ewropea tal-aċidu palmitiku kienet negliġibbli b’żewġ produtturi oħrajn biss tal-Unjoni tal-aċidu palmitiku, jiġifieri KLK u IOI Oleo GmbH. AAK stmat li d-domanda fl-Unjoni tal-aċidu palmitiku kienet ta’ 45 000 tunnellata fis-sena. AAK iddikjarat li l-aċidu palmitiku pur ma kienx sostitwibbli ma’ aċidi xaħmin oħrajn, u lanqas ma setgħu aċidi xaħmin oħrajn jissostitwixxu l-aċidu palmitiku. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li l-aċidi xaħmin magħmula miż-żerriegħa tal-kolza/mill-kanola, li allegatament hija l-materja prima ewlenija disponibbli fl-Unjoni, ma kinux adattati għall-għalf tal-annimali minħabba li ma appoġġawx il-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar, bħalma jagħmel l-aċidu palmitiku. Skont AAK, il-produtturi tal-Unjoni ma għandhomx l-inċentivi biex jipproduċu l-aċidu palmitiku fi kwantitajiet sinifikanti minħabba d-domanda baxxa għall-aċidu steariku, hekk kif dawn il-prodotti jiġu manifatturati b’mod parallel. AAK issuġġeriet li din l-esklużjoni tista’ tiġi implimentata billi jitneħħa C16 mid-definizzjoni tal-prodott.

    (117)

    Bi tweġiba għall-affermazzjonijiet, Cailà & Parés iddikjarat li hija tista’ tipproduċi 17 000 tunnellata ta’ aċidu palmitiku fis-sena ladarba jiġu rrestawrati l-kundizzjonijiet ekwivalenti fis-suq tal-Unjoni, li Cailà & Parés iddikjarat li kienu jikkostitwixxu sehem sinifikanti mid-domanda tal-Unjoni.

    (118)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni aċċettat l-argument li l-profittabbiltà tal-produzzjoni tal-aċidu palmitiku hija assoċjata mad-domanda għall-aċidu steariku. Madankollu, hija kienet tal-fehma li r-restawr ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti fl-Unjoni għall-aċidi xaħmin kollha, inklużi l-aċidi palmitiċi u steariċi, x’aktarx jirrestawra wkoll l-inċentivi tal-produtturi tal-Unjoni biex jipproduċu l-aċidu palmitiku fi kwantitajiet sinifikanti, inkluż l-aċidu palmitiku adattat għall-għalf tal-annimali. Barra minn hekk, hemm sorsi oħrajn ta’ provvista għall-aċidu palmitiku bħall-Malażja. Fuq din il-bażi, u filwaqt li qieset l-informazzjoni pprovduta minn Cailà & Parés dwar il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha li hija ogħla mill-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja u ogħla wkoll mid-domanda ta’ AAK, il-Kummissjoni rrifjutat it-talba għall-esklużjoni tal-aċidu palmitiku.

    (119)

    Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, il-grupp Musim Mas u AAK tennew it-talba tagħhom biex l-aċidu palmitiku jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott. Iż-żewġ kumpaniji qajmu dubji dwar il-kapaċità ta’ Cailà & Parés li żżid il-produzzjoni tal-aċidu palmitiku tagħha wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping. B’mod partikolari, il-grupp Musim Mas iddikjara li din kienet affermazzjoni spekulattiva, mingħajr ebda evidenza ta’ appoġġ. AAK tenniet li l-produzzjoni tal-aċidu palmitiku kienet marbuta mal-produzzjoni ta’ aċidu steariku pur u li ma kien hemm l-ebda suq għal dan tal-aħħar fl-Unjoni peress li l-użu ewlieni tal-aċidu steariku pur kien il-produzzjoni ta’ xama’ AKD (Alkil-Ketene-Dimer), li ma baqgħetx tiġi prodotta fl-Unjoni.

    (120)

    Il-Kummissjoni ma aċċettatx dawn l-argumenti, la dwar il-kapaċità teknika u lanqas dwar l-inċentivi għall-produzzjoni tal-aċidu palmitiku. Fir-rigward tal-kapaċità teknika, il-Kummissjoni kkonfermat matul iż-żjara ta’ verifika fil-bini ta’ Cailà & Parés li l-kapaċità ġenerali tal-kumpanija għall-produzzjoni tal-aċidu xaħmi kienet pjuttost ogħla mill-kapaċità ddikjarata tagħha għall-produzzjoni tal-aċidu palmitiku (inklużi l-koprodotti jew il-prodotti sekondarji rispettivi) u ma żvelat l-ebda ostaklu ovvju li jista’ jkun speċifiku għal żieda fil-produzzjoni tal-aċidu palmitiku. Fir-rigward tal-inċentivi, u kif iddikjarat fil-premessa (118), l-investigazzjoni kkonfermat li l-produzzjoni tal-aċidu palmitiku hija marbuta mal-produzzjoni tal-aċidu steariku. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssuġġeriet AAK, din tal-aħħar ma hijiex limitata għall-aċidu steariku pur. Għal Cailà & Parés b’mod partikolari, il-koprodotti tal-produzzjoni tal-aċidu palmitiku huma tipi oħrajn ta’ aċidu steariku li jinbiegħu fi kwantitajiet sinifikanti fl-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-aċidi xaħmin, inklużi l-aċidi palmitiċi u l-aċidi steariċi, x’aktarx li terġa’ tistabbilixxi wkoll inċentivi għall-produzzjoni tal-aċidu palmitiku fl-Unjoni.

    (121)

    Il-grupp Musim Mas argumenta wkoll li l-aċidu palmitiku ma kienx maħsub li jiġi kopert mill-ilment peress li l-ilment kien maħsub biex jindirizza l-aċidi xaħmin għall-konsum mill-bniedem, u mhux għall-konsum mill-annimali. Barra minn hekk, skont il-grupp Musim Mas, il-produzzjoni tal-Unjoni tal-aċidu palmitiku ma kinitx adattata għall-applikazzjonijiet għall-għalf tal-annimali minħabba li tuża x-xaħam tad-dam bħala materja prima, u għalhekk ma setgħetx tissodisfa ċerti rekwiżiti, bħal Kosher u Halal. Il-grupp Musim Mas ikkonkluda li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-esklużjoni sempliċiment minħabba l-possibbiltà li l-provvista tal-aċidu palmitiku tiċċaqlaq lejn il-Malażja.

    (122)

    Il-Kummissjoni ma laqgħetx dawn l-argumenti. Minbarra l-“ikel”, l-ilment jagħmel referenza espliċita għall-“għalf” (26), bħala applikazzjoni tal-prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-produtturi tal-Unjoni jużaw żjut veġetali, inkluż iż-żejt tal-palm, għall-produzzjoni tal-aċidu palmitiku tagħhom. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li, kif muri hawn fuq, minflok ma bbażat biss fuq produtturi oħrajn mhux tal-Unjoni, hija vvalutat ukoll il-kapaċità u l-inċentivi tal-industrija tal-Unjoni biex iżżid il-produzzjoni tal-aċidu palmitiku tagħha.

    (123)

    Il-grupp Musim Mas iddikjara li billi ma kien hemm l-ebda dazju fuq l-esportazzjoni jew imposta fuq l-esportazzjoni fuq iż-żejt tal-ġewż tal-Indi, l-aċidu xaħmi manifatturat miż-żejt tal-ġewż tal-Indi jenħtieġ li ma jkunx il-mira tal-ilment.

    (124)

    Il-Kummissjoni tinnota li għalkemm l-ilment allega distorsjonijiet tas-CPO u tas-CPKO minħabba d-dazju fuq l-esportazzjoni u l-imposta fuq l-esportazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-ilment u l-investigazzjoni jkopru t-tipi kollha ta’ aċidu xaħmi koperti mid-definizzjoni tal-prodott, u mhux biss it-tipi manifatturati mis-CPO u mis-CPKO. Fi kwalunkwe każ, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda tip ta’ aċidu xaħmi li kien qed jiġi esportat mill-Indoneżja lejn l-UE li kien prodott biss miż-żejt tal-ġewż tal-Indi. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (125)

    Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, NYCO talbet lill-Kummissjoni teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott l-aċidi xaħmin C8–C10. F’dan ir-rigward, NYCO iddikjarat li l-aċidi xaħmin C8–C10 huma forma speċifika ħafna ta’ aċidu xaħmi prodott fi kwantitajiet limitati fl-Unjoni. Dan l-aċidu xaħmi jiġi importat ukoll mill-Indoneżja u mill-Malażja. NYCO sostniet li minn Settembru 2021 kien hemm nuqqas mad-dinja kollha ta’ aċidu xaħmi C8–C10 fis-suq, li rriżulta f’żieda sinifikanti fil-prezz ta’ dan l-aċidu xaħmi. NYCO affermat li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq dan il-prodott ikollha konsegwenzi negattivi ħafna fuq il-kompetittività globali u l-profittabbiltà tagħha u talbet lill-Kummissjoni teskludi dan l-aċidu xaħmi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott.

    (126)

    Il-Kummissjoni nnotat li l-kummenti dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott kellhom jiġu ppreżentati fl-istadji bikrija tal-investigazzjoni, sabiex ikun jista’ jingħata biżżejjed żmien biex jiġi vvalutat il-mertu tagħhom u biex tingħata l-opportunità lil partijiet interessati oħrajn biex jirreaġixxu għalihom. Barra minn hekk, NYCO ma ppreżentat l-ebda karatteristika fiżika, kimika u teknika bażika li tista’ tiddistingwi dan it-tip ta’ aċidu xaħmi mit-tipi l-oħra ta’ aċidi xaħmin koperti mill-investigazzjoni. Fir-rigward tal-punti sostantivi tat-talba, u b’mod partikolari fir-rigward tal-interess tal-Unjoni, dawn huma indirizzati fil-premessa (470). Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (127)

    Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, Wilmar iddikjarat li l-prodott kopert mill-miżuri jenħtieġ li jeskludi b’mod espliċitu kwalunkwe prodott kopert mill-kodiċijiet TARIC eskluż mill-kalkolu tal-importazzjonijiet.

    (128)

    Il-Kummissjoni kkonfermat li d-deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat hawn fuq kienet kompatibbli mal-kalkolu tal-importazzjonijiet. Il-kodiċijiet TARIC użati biex jiddeskrivu l-prodott jingħataw bħala informazzjoni biss.

    3.   DUMPING

    3.1.   Valur normali

    (129)

    Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur”.

    (130)

    Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ kull produttur esportatur li kkoopera inkluż fil-kampjun kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Abbażi ta’ dan, il-bejgħ totali minn kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun tal-prodott simili fis-suq domestiku nstab li kien rappreżentattiv.

    (131)

    Il-Kummissjoni sussegwentement identifikat it-tipi ta’ prodotti mibjugħa domestikament li kienu identiċi jew komparabbli mat-tipi ta’ prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni għaż-żewġ produtturi esportaturi.

    (132)

    Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku minn kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun fis-suq domestiku tiegħu għal kull tip ta’ prodott li huwa identiku jew komparabbli ma’ tip ta’ prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni stabbiliet li l-bejgħ domestiku ta’ ċerti tipi ta’ prodotti ma kienx rappreżentattiv għaż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

    (133)

    Imbagħad, il-Kummissjoni ddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ profittabbli lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta’ prodott matul il-perjodu ta’ investigazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku attwali għall-kalkolu tal-valur normali, f’konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

    (134)

    Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku effettiv għal kull tip ta’ prodott, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ huwiex profittabbli jew le, jekk:

    (a)

    il-volum ta’ bejgħ tat-tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett li huwa daqs jew ogħla mill-kost ikkalkolat tal-produzzjoni, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dan it-tip ta’ prodott; kif ukoll

    (b)

    il-prezz tal-bejgħ medju ponderat ta’ dak it-tip ta’ prodott ikun daqs jew ogħla mill-kost unitarju tal-produzzjoni.

    (135)

    F’dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip ta’ prodott matul il-PI.

    (136)

    Il-valur normali huwa l-prezz domestiku reali għal kull tip ta’ prodott tal-bejgħ domestiku profittabbli biss tat-tipi ta’ prodotti matul il-PI, jekk:

    (a)

    il-volum ta’ bejgħ profittabbli tat-tip ta’ prodott jirrappreżenta 80 % jew inqas mill-volum totali tal-bejgħ ta’ dan it-tip: jew

    (b)

    il-prezz medju ponderat ta’ dan it-tip ta’ prodott ikun inqas mill-kost unitarju tal-produzzjoni.

    (137)

    L-analiżi tal-bejgħ domestiku wriet li mill-inqas 80 % tal-bejgħ domestiku ta’ kull tip ta’ prodott kien profittabbli u li l-prezz tal-bejgħ medju ponderat tagħhom kien ogħla mill-kost tal-produzzjoni. Għaldaqstant, il-valur normali ġie kkalkolat bħala medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu għal dawk it-tipi ta’ prodotti matul il-PI.

    (138)

    Għal ċerti tipi ta’ prodotti li għalihom ma kien hemm l-ebda bejgħ jew bejgħ insuffiċjenti ta’ tip ta’ prodott tal-prodott simili fil-perkors normali tal-kummerċ jew fejn tip ta’ prodott ma jinbiegħx fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, Il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku, sakemm ma kienx meqjus aktar xieraq li jintuża l-prezz ta’ tip ta’ prodott komparabbli biżżejjed mibjugħ fis-suq domestiku li jista’ jiġi aġġustat għal differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust mal-prezz tal-esportazzjoni rilevanti, kif indikat fil-premessa (145).

    (139)

    Għal ċerti tipi ta’ prodotti, il-valur normali nħadem billi żdiedu dawn li ġejjin mal-kost medju tal-produzzjoni tal-prodott simili tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw matul il-perjodu ta’ investigazzjoni:

    (a)

    l-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) medji ponderati mġarrba mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-perkors normali tal-kummerċ, matul il-PI; kif ukoll

    (b)

    il-profitt medju ponderat li jsir mill-prodotturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-perkors normali tal-kummerċ, matul il-PI.

    (140)

    Għat-tipi ta’ prodotti mhux mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, ġew miżjuda l-ispejjeż SG&A medji u l-profitt tat-tranżazzjonijiet li saru matul il-perkors normali tal-kummerċ fis-suq domestiku għal dawk it-tipi. Għat-tipi ta’ prodotti mhux mibjugħa għalkollox fis-suq domestiku, ġew miżjuda l-ispejjeż SG&A medji ponderati u l-profitt tat-tranżazzjonijiet kollha li saru matul il-perkors normali tal-kummerċ fis-suq domestiku.

    3.2.   Prezz tal-esportazzjoni

    (141)

    Il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun esportaw lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importatur fl-Unjoni.

    (142)

    B’hekk, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat inbiegħ mill-ġdid għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ, saru aġġustamenti fil-prezz għall-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inklużi l-ispejjeż SG&A, u għall-profitti akkumulati.

    (143)

    Fir-rigward tal-marġni ta’ profitt, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kwalunkwe importatur mhux relatat kif iddikjarat fil-premessa (38), il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrikorri għall-marġni ta’ profitt użat fi proċediment preċedenti li jikkonċerna prodott kimiku ieħor immanifatturat minn industrija simili u importat taħt ċirkostanzi simili, jiġifieri marġni ta’ profitt ta’ 6,89 % (27) stabbilit fl-investigazzjoni reċenti tal-PVA.

    3.3.   Tqabbil

    (144)

    Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

    (145)

    Fejn iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, l-ispejjeż tal-immaniġġar, tat-tagħbija u dawk anċillari, il-merkanzija fil-pajjiż ikkonċernat, l-assigurazzjoni domestika, it-trasport bil-baħar tal-merkanzija domestika, il-merkanzija fl-Unjoni, il-kostijiet tal-kreditu, it-tariffi bankarji, it-trasport bil-baħar tal-merkanzija, l-assigurazzjoni tal-baħar, l-ispejjeż tal-ippakkjar, l-ispejjeż tal-garanzija u tal-avall, u l-kummissjonijiet.

    (146)

    Sar aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) għall-bejgħ permezz ta’ kumpaniji kummerċjali relatati. Instab li l-funzjonijiet tan-negozjanti f’Singapore u fir-Renju Unit kienu simili għal dawk ta’ aġent. Dawk in-negozjanti kienu qed ifittxu klijenti, stabbilew kuntatt magħhom, refgħu r-responsabbiltà tal-proċess tal-bejgħ, irċevew marġni kummerċjali għas-servizzi tagħhom u nnegozjaw firxa wiesgħa ta’ oġġetti minbarra l-prodott ikkonċernat. L-aġġustament kien jikkonsisti fl-SG&A tal-kumpaniji kummerċjali u l-profitt iddikjarat fil-premessa (143).

    (147)

    Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, Wilmar sostniet li hija kienet tifforma entità ekonomika waħda man-negozjant relatat tagħha f’Singapore, WTPL u għalhekk jenħtieġ li ma jsir l-ebda aġġustament abbażi tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku għall-bejgħ li sar minn WTPL. Fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħha, Wilmar elaborat dwar din l-affermazzjoni f’aktar dettall. Barra minn hekk, Wilmar sostniet li anke jekk Wilmar u WTPL ma kinux jiffurmaw entità ekonomika waħda, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku ma kinux issodisfati fil-każ tal-bejgħ ta’ Wilmar permezz ta’ WETBV u Volac Wilmar Feed Ingredients Ltd (“VWFI”). Wilmar iddikjarat li kienu WETBV u VWFI — u mhux WTPL — li kienu jfittxu l-klijenti, jistabbilixxu kuntatt magħhom, iġorru r-responsabbiltà tal-proċess tal-bejgħ u jirċievu marġni kummerċjali għas-servizzi tagħhom. Wilmar irreferiet għall-kuntratti ta’ bejgħ, l-ordnijiet ta’ xiri, il-fatturi, il-poloz ta’ kargu, id-dokumenti ta’ approvazzjoni, il-konferma tal-ikklerjar u d-dikjarazzjonijiet bankarji li huma kollha indirizzati lil WETBV u lil VWFI u mhux lil WTPL. Għalhekk, WTPL ma kellha l-ebda involviment fil-bejgħ li sar minn WETBV u minn VWFI lil partijiet mhux relatati fl-UE u għalhekk ma wettqet l-ebda funzjoni simili għal dawk ta’ aġent. Għalhekk, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda aġġustament għall-SG&A u għall-profitt ta’ WTPL għall-bejgħ lejn l-UE li Wilmar għamlet permezz ta’ WETBV u VWFI. Wilmar irreferiet ukoll għall-investigazzjoni anti-dumping tal-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (28). F’dik l-investigazzjoni, esportatur Russu kien biegħ il-prodott li qiegħed jiġi investigat l-ewwel lil negozjant relatat fl-Iżvizzera li sussegwentement reġa’ biegħu lill-importatur relatat fl-UE, u l-Kummissjoni aġġustat il-prezzijiet tal-bejgħ lil klijent mhux relatat fl-UE biss għall-SG&A u għall-profitt tal-importatur relatat fl-UE skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, iżda mhux għall-profitt tan-negozjant relatat fl-Iżvizzera. Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni addizzjonali, Wilmar stqarret li billi l-Kummissjoni użat il-metodoloġija mill-investigazzjoni dwar il-bijodiżil (imsemmija fil-premessa (163)) għal P.T. Musim Mas għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni, abbażi tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża wkoll il-metodoloġija fl-investigazzjoni dwar il-bijodiżil għal WINA u b’mod partikolari tibni prezz tal-esportazzjoni mingħajr ma tnaqqas l-SG&A u l-profitt ta’ WTPL.

    (148)

    Il-Kummissjoni rrieżaminat bir-reqqa l-kummenti li waslu mingħand Wilmar wara d-divulgazzjoni finali u d-divulgazzjoni addizzjonali, u abbażi tal-fatturi kollha rilevanti, qieset li l-evidenza ppreżentata minn Wilmar kienet tiġġustifika t-trattament mogħti lil Wilmar u WTPL bħala entità ekonomika waħda.

    (149)

    Barra minn hekk, Wilmar ikkontestat l-użu tal-marġni ta’ profitt ta’ 6,89 % ddikjarat fil-premessa (143) billi sostniet li kien skadut, ma kienx iqis l-iżvilupp reċenti tas-suq bħal fluttwazzjonijiet sinifikanti fil-prezzijiet tal-materja prima u fl-ispejjeż tat-trasport u ma kienx applikabbli għall-prodott ikkonċernat.

    (150)

    Kif spjegat fil-premessa (38), l-ebda importatur mhux relatat ma kkoopera fl-investigazzjoni li għaddejja. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe data alternattiva fil-fajl li tista’ tintuża, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-marġni ta’ profitt stabbilit fl-investigazzjoni reċenti tal-PVA. Dan il-marġni ta’ profitt huwa l-aktar bażi oġġettiva disponibbli biex wieħed jasal għal stima sodisfaċenti ta’ prezz tal-esportazzjoni distakkat u għalhekk raġonevoli, ibbażat fuq data dettaljata dwar il-bejgħ għal prodott simili. Il-Kummissjoni nnotat li Wilmar ma ssuġġeritx alternattivi oħrajn. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (151)

    Wilmar iddikjarat ukoll li l-marġni ta’ profitt stabbilit fl-investigazzjoni tal-PVA kien għal importatur mhux relatat fl-Unjoni u għalhekk hija ddikjarat li ma kienx applikabbli f’dan il-każ għall-aġġustament tal-profitti ta’ negozjant f’pajjiż terz, li l-attività tiegħu hija differenti minn dik ta’ importatur fl-Unjoni.

    (152)

    Hija l-prattika tal-Kummissjoni li tuża l-profitt ta’ importatur mhux relatat fl-Unjoni bħala indikatur għall-profitt ta’ negozjant f’pajjiż terz fin-nuqqas ta’ kwalunkwe data alternattiva fil-fajl li tista’ tintuża. Il-Kummissjoni nnotat li Wilmar ma ssuġġeritx alternattivi oħrajn. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (153)

    Fir-rigward tal-bini tal-valur normali għall-PCN (numru ta’ kontroll tal-prodott), li l-bejgħ tiegħu tqies li ma kienx fil-perkors normali tal-kummerċ minħabba l-prezz, Wilmar sostniet li l-Kummissjoni kellha tikkalkula l-marġni ta’ profitt abbażi tal-bejgħ domestiku kollu inkluż il-bejgħ li jappartjeni għall-PCN li għalih kien meħtieġ li jinħadem il-valur normali. Skont Wilmar, peress li b’mod ġenerali għall-PCNs kollha meħuda flimkien, il-bejgħ domestiku profittabbli jammonta għal aktar minn 80 % tal-bejgħ domestiku totali, il-bejgħ domestiku kollu jrid jitqies li huwa fil-perkors normali tal-kummerċ.

    (154)

    Il-Kummissjoni nnotat li l-argument ta’ Wilmar huwa intrinsikament kontradittorju u, fi kwalunkwe każ, qed iħallat żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. L-ewwel nett, fir-rigward tal-kontradizzjoni intrinsika, l-argument ta’ Wilmar jinsa l-fatt li t-test tal-perkors normali tal-kummerċ jitwettaq fil-livell ta’ kull PCN. L-għan huwa li jiġi ddeterminat, għal kull PCN, jekk il-bejgħ rilevanti huwiex fil-perkors normali tal-kummerċ fir-rigward tal-kostijiet rilevanti. F’dan il-każ, huwa minħabba li l-bejgħ tal-imsemmi PCN tqies li ma kienx fil-perkors normali tal-kummerċ li l-valur normali għal dak il-PCN kien jeħtieġ li jinħadem. Filwaqt li Wilmar ma tikkontestax dik il-konklużjoni milħuqa abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(4), hija targumenta li l-istess bejgħ jenħtieġ li madankollu jintuża għall-komputazzjoni ta’ marġni ta’ profitt fil-perkors normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(6). Il-Kummissjoni ma qablitx. Il-bejgħ li kien legalment ikkunsidrat li ma kienx fil-perkors normali tal-kummerċ u għalhekk jista’ jiġi eskluż mid-determinazzjoni tal-valur normali (li Wilmar ma tikkontestax) ma jistax sussegwentement jintuża biex jiġi kkalkolat marġni ta’ profitt fil-perkors normali tal-kummerċ. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (155)

    Wilmar sostniet ukoll li għat-tipi ta’ prodotti mibjugħin kemm fis-suq domestiku kif ukoll f’dak tal-esportazzjoni, meta kienet qed taħdem il-valur normali, il-Kummissjoni kellha tuża d-data tal-kost tal-produzzjoni għall-esportazzjoni (it-tabella EUCOP u mhux DMCOP). F’dan ir-rigward Wilmar irreferiet għas-sentenza fil-kawżi magħquda C-273/85 u C-107/86 (29), li ddikjarat fil-paragrafu 16 li “l-iskop li jinħadem il-valur normali huwa li jiġi ddeterminat il-prezz tal-bejgħ ta’ prodott kif ikun kieku dak il-prodott jinbiegħ fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew fil-pajjiż esportatur”.

    (156)

    Il-Kummissjoni nnotat li l-istess sentenza fl-istess punt tiddikjara li “Konsegwentement, huma l-ispejjeż relatati mal-bejgħ fis-suq domestiku li jridu jitqiesu” u għalhekk il-kost tal-produzzjoni fis-suq domestiku. Barra minn hekk, huwa mfakkar li l-valur normali huwa l-prezz imħallas jew pagabbli, fil-perkors normali tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur u għalhekk biex taħdem il-valur normali, il-Kummissjoni jeħtiġilha tuża l-kost tal-produzzjoni għall-prodott mibjugħ fis-suq domestiku u mhux dawk esportati. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (157)

    Wilmar sostniet ukoll li l-bejgħ relatat tal-importatur tagħha fl-Unjoni jenħtieġ li jiġi eskluż mill-kalkolu tal-marġni tad-dumping, bl-argument li kienet il-prattika standard tal-Kummissjoni li teskludi l-bejgħ li sar lil partijiet relatati għall-użu ristrett mill-kalkolu tal-marġni tad-dumping, billi huwa impossibbli f’każijiet bħal dawn li jiġi stabbilit prezz tal-esportazzjoni abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa’ nbiegħ għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

    (158)

    Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Il-Kummissjoni ma għandhiex tali prattika. Fil-fatt, skont ir-rapport ta’ konformità tal-Korp tal-Appell f’EC — Fasteners (DS397) (30), il-kalkoli tad-dumping iridu jkopru 100 % tat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, kif speċifikat fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, jekk il-prodotti ma jinbigħux mill-ġdid lil xerrej indipendenti, il-prezz jista’ jiġi stabbilit fuq kwalunkwe bażi raġonevoli. Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-volum ta’ dan il-bejgħ jirrappreżenta madwar 1 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni, u peress li l-prezz relatat huwa kemxejn aktar baxx mill-prezz mhux relatat, il-Kummissjoni rrevediet il-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni billi użat il-prezz lil klijenti mhux relatati bħala indikatur għall-prezz lil klijenti relatati għall-istess tipi ta’ prodotti.

    (159)

    Wilmar sostniet ukoll li l-SG&A tal-importatur relatat tagħha fl-Unjoni jenħtieġ li jiġu ddeterminati mingħajr il-kostijiet finanzjarji. Fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħha, Wilmar elaborat din l-affermazzjoni f’aktar dettall.

    (160)

    Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Aktar dettalji rigward il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ngħataw lil Wilmar fid-divulgazzjoni speċifika tagħha peress li din kienet tinkludi informazzjoni kummerċjali riservata.

    (161)

    Wilmar sostniet ukoll li l-Kummissjoni naqqset darbtejn ċerti spejjeż ta’ WETBV, darba bħala konċessjoni fil-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni u mbagħad kif inkluż fl-SG&A. Fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħha, Wilmar elaborat din l-affermazzjoni f’aktar dettall.

    (162)

    Din l-affermazzjoni nstabet li hija ġġustifikata u għalhekk il-Kummissjoni qablet li tirrevedi l-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni kif xieraq.

    (163)

    Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, il-grupp Musim Mas afferma li fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessi (388) sa (400) li l-kost tal-produzzjoni tal-bejgħ domestiku kien distort mid-dazji tal-esportazzjoni u mill-imposti tal-gvern Indoneżjan fuq iż-żejt tal-palm mhux raffinat u ż-żejt tal-qalba tal-palm mhux raffinat flimkien ma’ prezz massimu, dan kien ifisser li anki l-marġni ta’ profitt li jirriżulta mit-tqabbil tal-kost tal-produzzjoni għall-bejgħ domestiku mal-bejgħ domestiku kien distort u ma setax jintuża bħala l-marġni ta’ profitt għall-valur normali maħdum. F’dan ir-rigward, il-grupp Musim Mas irrefera għall-investigazzjoni dwar il-bijodiżil (31) li fiha l-Kummissjoni ma użatx il-profitt effettiv tal-bejgħ domestiku. Barra minn hekk, il-grupp Musim Mas iddikjara li l-Kummissjoni użat profitt ta’ 6 % bħala parametru referenzjarju għall-analiżi tagħha tal-industrija tal-Unjoni, filwaqt li użat marġni ta’ profitt disa’ darbiet ogħla biex ħadmet il-valur normali. Għalhekk, il-grupp Musim Mas iddikjara li l-Kummissjoni użat marġni ta’ profitt mhux raġonevoli biex taħdem il-valur normali. Barra minn hekk, il-grupp Musim Mas iddikjara li, peress li l-Kummissjoni użat kostijiet distorti biex tikkalkula profitt distort, dan irriżulta f’marġni ta’ dumping distort ogħla mill-marġni ta’ dannu, li min-naħa tiegħu ħoloq sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni setgħet tinvoka l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga dawk l-istess kostijiet u tikkonkludi li dawk il-kostijiet kienu distorti. Għalhekk, il-grupp Musim Mas iddikjara li l-Kummissjoni jenħtieġ li jew tuża rata ta’ profitt mingħajr distorsjoni biex taħdem il-valur normali fil-kalkolu tad-dumping tagħha qabel ma tapplika l-Artikolu 7(2a) jew li ma tapplikax l-Artikolu 7(2a).

    (164)

    Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-affermazzjoni. Musim Mas qed iħallat dispożizzjonijiet differenti tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-Artikolu 2(1) sa (7) għad-determinazzjoni tal-valur normali u l-Artikolu 7(2a) għall-istabbiliment tal-livell tal-miżuri. Il-Kummissjoni normalment ma tistax tinjora l-profitt reali tal-esportaturi tal-bejgħ domestiku biex jinħadem il-valur normali f’pajjiż, sakemm ma jkunx jista’ jiġi miċħud skont l-Artikoli 2(6) jew 2(6a) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku ma jkoprix il-kalkolu tal-valur normali. L-Artikolu 7(2a) jippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-miżuri fil-livell tal-marġni tad-dumping f’sitwazzjonijiet fejn l-ilmentatur afferma l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima u l-investigazzjoni tikkonferma tali allegazzjonijiet. Il-valur normali jiġi kkalkolat separatament minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-marġni ta’ profitt tal-bejgħ domestiku li sar fil-perkors normali tal-kummerċ. Fir-rigward tal-metodoloġija użata mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni dwar il-bijodiżil imsemmija mill-grupp Musim Mas, huwa enfasizzat li din il-metodoloġija ma ntalqgħetx kemm mill-Qorti Ġenerali f’Musim Mas vs Il-Kunsill (32), Pelita Agung Agrindustri vs Il-Kunsill (33) u Wilmar Bioenergi Indonesia u Wilmar Navati Indonesia vs Il-Kunsill (34), u mill-Bord tad-WTO f’EU — Biodiesel (Indonesia) (35). Fir-rigward tal-marġni ta’ profitt ta’ 6 % imsemmi mill-grupp Musim Mas, dan huwa l-profitt fil-mira tal-industrija tal-Unjoni li huwa kunċett differenti mill-marġni ta’ profitt tal-bejgħ domestiku li jsir fil-perkors normali tal-kummerċ għall-esportaturi. Il-profitt fil-mira huwa l-profitt minimu previst fir-Regolament bażiku għall-kalkolu tal-prezz fil-mira u l-marġni tad-dannu. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (165)

    Il-grupp Musim Mas iddikjara wkoll li ICOF Singapore isservi bħala l-unità ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ Musim Mas Holdings (“MMH”) u s-sussidjarji tagħha. MMH hija l-kumpanija omm aħħarija ta’ diversi entitajiet. Għalhekk, skont il-grupp Musim Mas, MMH hija entità ġuridika korporattiva konsolidata li tikkostitwixxi entità ekonomika waħda. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li Musim Mas kien 95 % proprjetà ta’ Musim Mas Resources, li min-naħa tagħha hija 99,95 % proprjetà ta’ MMH. ICOF Europe hija 100 % sussidjarja ta’ ICOF Singapore. Barra minn hekk, il-grupp Musim Mas iddikjara li l-kontijiet kollha, inkluża l-informazzjoni dwar il-profitt u t-telf ġew ikkonsolidati f’MMH. Għalhekk, ġie ddikjarat li, peress li MMH hija entità ekonomika waħda, il-profitt użat mill-Kummissjoni fil-kalkolu tar-rata tad-dumping għall-grupp Musim Mas jenħtieġ li jkun jinkludi l-profitt kollu għal MMH u s-sussidjarja tagħha peress li Musim Mas, ICOF Singapore u ICOF Europe huma kollha sussidjarji ta’ MMH. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li ma tnaqqasx il-profitt ta’ 6,9 % għall-bejgħ li jsir permezz ta’ ICOF Europe minħabba li dan jirriżulta f’aġġustament doppju tal-profitt li jirriżulta mill-profitt fil-valur normali maħdum, jew mill-profitt iġġenerat mill-bejgħ li jsir fis-suq domestiku. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li fir-rigward ta’ ICOF Singapore, il-Kummissjoni ma kellhiex tnaqqas il-profitt ipotetiku ta’ 6,9 % u l-SG&A effettiv ta’ ICOF Singapore. F’dan ir-rigward, il-grupp Musim Mas irrefera għall-investigazzjoni dwar il-bijodiżil fejn il-Kummissjoni naqqset il-marġni kummerċjali effettiv ta’ ICOF Singapore għall-bijodiżil.

    (166)

    Il-Kummissjoni ma qablitx mal-affermazzjoni tal-grupp Musim Mas li Musim Mass u ICOF Singaport jiffurmaw entità ekonomika waħda. Il-Kummissjoni ma qisitx li Musim Mas kien wera, abbażi tal-fatturi rilevanti kollha, li Musim Mass u ICOF Singapore kienu jiffurmaw entità ekonomika waħda. Fil-fatt, l-investigazzjoni żvelat li l-bejgħ bejn Musim Mas u ICOF Singapore kien irregolat minn ftehim qafas. Barra minn hekk, kif imfakkar fil-premessa (146), ICOF Singapore innegozjat firxa kbira ta’ prodotti għajr il-prodott ikkonċernat, u ma kienet parti fl-ebda bejgħ domestiku ta’ Musim Mas. Aktar dettalji dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ġew ipprovduti lil Musim Mas fid-divulgazzjoni speċifika tagħha peress li kienet tinkludi informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

    (167)

    Madankollu, fid-dawl ta’ dan il-ftehim qafas, il-Kummissjoni rrevediet il-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni għall-bejgħ permezz ta’ ICOF Singapore billi naqqset il-marġni kummerċjali effettiv mill-prezz tal-esportazzjoni minflok il-profitt ta’ importatur mhux relatat u l-SG&A ta’ ICOF Singapore.

    (168)

    Fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni permezz tal-importatur relatat ICOF Europe, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-affermazzjoni li l-ebda profitt ta’ importatur mhux relatat u SG&A ma jenħtieġ li jitnaqqas. Peress li ICOF Europe hija importatur fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni tal-bejgħ tagħha fl-Unjoni jenħtieġ li jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

    3.4.   Marġnijiet tad-dumping

    (169)

    Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip tal-prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

    (170)

    Abbażi ta’ dan, il-marġnijiet ta’ dumping medju ponderat definittiv, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

    Kumpanija

    Marġni tad-dumping definittiv

    P.T. Musim Mas

    46,4 %

    P.T. Wilmar Nabati Indonesia

    15,2 %

    (171)

    Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma humiex inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkolat il-marġni tad-dumping medju ponderat, f’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, dak il-marġni ġie stabbilit abbażi tal-marġnijiet tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

    (172)

    Fuq il-bażi ta’ dan, il-marġini tad-dumping definittiv tal-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma humiex fil-kampjun huwa ta’ 26,6 %.

    (173)

    Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fl-Indoneżja, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dumping abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta’ kooperazzjoni huwa l-volum ta’ esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni espress bħala proporzjon tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni fil-PI, li ġew stabbiliti abbażi tal-metodoloġija spjegata fil-premessa (195).

    (174)

    Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ kien għoli minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw koprew it-totalità tal-importazzjonijiet matul il-PI. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx fil-livell tal-kumpanija inkluża fil-kampjun bl-ogħla marġni ta’ dumping.

    (175)

    Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

    Kumpanija

    Marġni tad-dumping definittiv

    P.T. Musim Mas

    46,4 %

    P.T. Wilmar Nabati Indonesia

    15,2 %

    Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

    26,6 %

    Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

    46,4 %

    (176)

    Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, il-grupp Greven sostna li l-Kummissjoni ma kinitx trasparenti biżżejjed bil-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u jenħtieġ li tiżvela aktar informazzjoni dwar dan.

    (177)

    Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Il-metodoloġija tal-kalkolu hija spjegata kollha fil-premessi (129) sa (175). Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tiddivulga l-kalkoli tal-marġnijiet tad-dumping individwali tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun lil partijiet interessati oħrajn peress li dawk il-kalkoli jinkludu informazzjoni kunfidenzjali. Il-Kummissjoni żvelat id-dettalji tal-kalkoli lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u dawn setgħu jipprovdu kummenti f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni indirizzat dawn il-kummenti fil-premessi (147) sa (168) u rrevediet il-kalkoli fejn xieraq. Għalhekk, din l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (178)

    Il-grupp Greven argumenta wkoll li d-differenza għolja bejn il-marġnijiet tad-dumping taż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ma kinitx tidher raġonevoli.

    (179)

    Il-marġnijiet tad-dumping taż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ġew ikkalkolati abbażi tad-data tagħhom stess dwar il-bejgħ u l-kost li ġiet ivverifikata matul iż-żjara ta’ verifika fuq il-post fil-bini tagħhom. Il-fatt li l-marġni tad-dumping għal produttur esportatur wieħed, kien ogħla minn dak għall-ieħor huwa irrilevanti. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    4.   DANNU

    4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

    (180)

    L-investigazzjoni wriet li 15-il produttur fl-Unjoni kienu qed jimmanifatturaw il-prodott simili matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Huma jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

    (181)

    Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienet stabbilita għal madwar 872 000 tunnellata. Il-Kummissjoni stabbiliet dik iċ-ċifra abbażi tad-data makro li tinsab fil-kwestjonarju pprovdut minn CUTFA. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw madwar 61 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.

    (182)

    Wilmar u l-grupp Musim Mas affermaw li ċerti produtturi tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni minħabba relazzjoni mal-produtturi Indoneżjani u Malażjani tal-prodott ikkonċernat. B’mod partikolari, Wilmar u l-grupp Musim Mas iddikjaraw li KLK, produttur tal-Unjoni inkluż fil-kampjun, kien parti minn grupp Malażjan relatat ma’ produttur tal-aċidu xaħmi fl-Indoneżja. Wilmar u l-grupp Musim Mas iddikjaraw ukoll li Oleon kienet relatata ma’ produttur Malażjan tal-aċidu xaħmi Oleon Asia-Pacific Sdn Bhd & Oleon Port Klang Sdn Bhd, li esporta lejn l-Unjoni u kien f’kompetizzjoni mal-importazzjonijiet tal-Indoneżja. Il-GOI talab ukoll lill-Kummissjoni biex teżamina din l-affermazzjoni.

    (183)

    L-eżami tal-affermazzjoni ta’ hawn fuq wera li KLK importat kwantitajiet limitati ta’ aċidu xaħmi mill-Indoneżja u li inqas minn 5 % tal-bejgħ tagħha fl-Unjoni kien bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti importati. Barra minn hekk, il-fatt li Oleon kienet relatata ma’ kumpanija fil-Malażja ma huwiex rilevanti għal din l-investigazzjoni peress li din l-investigazzjoni tkopri l-importazzjonijiet mill-Indoneżja. Għalhekk, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni biex teskludi din il-kumpanija mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, minħabba li hija importatur tal-aċidu xaħmi, jew minħabba r-relazzjoni tagħha mal-kumpaniji fl-Indoneżja jew fil-Malażja.

    (184)

    Wilmar affermat ukoll li Temix International — Temix Oleo kienet parti mill-istess grupp ta’ kumpaniji bħal P.T. Sinar Mas Agro Resources u Technology TbK, li huwa produttur esportatur Indoneżjan. Golden Agri Resources Ltd kellha sehem ta’ 92 % f’P.T. Sinar Mas u 25 % f’Temix Oleo S.r.l. Għalhekk, Wilmar sostniet li abbażi ta’ din ir-relazzjoni, Temix Oleo S.r.l. jenħtieġ li titneħħa mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

    (185)

    Madankollu, jenħtieġ li jiġi nnotat li Temix International — Temix Oleo ma kienx produttur inkluż fil-kampjun u li d-data relatata ma’ din il-kumpanija ntużat biss biex jiġu stabbiliti xejriet makroekonomiċi, bħall-volumi tal-bejgħ u tal-produzzjoni. Billi tali data ma setgħetx tiġi distorta minn relazzjoni ma’ produttur esportatur, ma kienx meqjus xieraq li din il-kwistjoni tiġi eżaminata aktar.

    4.2.   Konsum tal-Unjoni

    (186)

    Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tad-data vverifikata tal-industrija tal-Unjoni pprovduta minn CUTFA dwar il-bejgħ fis-suq ħieles tal-UE u t-trasferimenti għall-użu kaptiv mill-15-il produttur kollha inklużi fid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Il-volumi tal-importazzjoni mill-pajjiżi kollha nkisbu mill-Eurostat.

    (187)

    L-aċidi xaħmin normalment jinbiegħu fis-suq ħieles, iżda jistgħu jintużaw ukoll bħala materjal intermedju għall-manifattura ta’ prodotti downstream. Il-Kummissjoni sabet li madwar 11 % tal-produzzjoni tal-prodott simili mill-produtturi tal-Unjoni kienet destinata għal użu kaptiv. Dawn il-kwantitajiet kienu sempliċiment ittrasferiti (mingħajr fatturazzjoni), u/jew ikkonsenjati bil-prezzijiet tat-trasferiment, fi ħdan l-istess kumpanija jew gruppi ta’ kumpaniji għal aktar ipproċessar downstream.

    (188)

    Sabiex tipprovdi stampa kemm jista’ jkun kompluta tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kisbet data għall-attività kollha tal-prodott u ddeterminat il-produzzjoni destinata għal użu kaptiv u dik għas-suq ħieles.

    (189)

    It-Tabella 1 ta’ hawn taħt turi li parti żgħira biss mill-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni kienet destinata għal użu kaptiv matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan juri wkoll li s-suq kaptiv kien stabbli għal madwar 8 % tal-konsum f’dak il-perjodu. Għall-finijiet ta’ kompletezza, u fejn xieraq, iċ-ċifri għas-suq kaptiv żgħir jintwerew u jiġu analizzati separatament bħala parti mill-valutazzjoni ġenerali tal-indikatur rilevanti tad-dannu. Għal indikaturi oħrajn, bħall-produzzjoni, il-kapaċità, il-produttività, l-impjiegi u l-pagi, iċ-ċifri kkwotati hawn taħt huma relatati mal-attività kollha u l-ebda separazzjoni taċ-ċifri ma tqieset li hija meħtieġa.

    (190)

    Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

    Tabella 1

    Konsum tal-Unjoni f’tunnellati

     

    2018

    2019

    2020

    Perjodu ta’ investigazzjoni

    Konsum totali tal-Unjoni

    1 278 072

    1 295 034

    1 240 681

    1 219 265

    Indiċi

    100

    101

    97

    95

    Suq kaptiv

    92 607

    92 409

    87 133

    94 575

    Indiċi

    100

    100

    94

    102

    Konsum tas-suq ħieles

    1 185 465

    1 202 625

    1 153 549

    1 124 691

    Indiċi

    100

    101

    97

    95

    Sors:

    CUTFA u Eurostat.

    (191)

    Il-konsum tas-suq ħieles fl-Unjoni naqas b’5 % matul il-perjodu kkunsidrat. Analiżi dettaljata turi li mill-2018 sal-2019, is-suq tal-Unjoni żdied b’1 % minn madwar 1,19 għal 1,20 miljun tunnellata u fl-2020 naqas b’4 % għal madwar 1,15 miljun tunnellata. Fil-PI, il-konsum tas-suq ħieles naqas bi 2,5 % oħra sabiex laħaq 1,12 miljun tunnellata.

    (192)

    Il-fluttwazzjoni u t-tnaqqis ġenerali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kienu minħabba l-iżvilupp f’ċerti setturi tal-utenti, bħall-kura fid-djar, spiss minħabba fatturi relatati mal-pandemija tal-COVID-19 b’mod partikolari fl-2020 u l-PI. Minbarra dan il-fenomenu temporanju, il-produtturi tal-Unjoni qiesu li d-domanda għall-aċidi xaħmin fis-suq tal-Unjoni kienet ġeneralment stabbli.

    (193)

    Ix-xejriet u l-iżvilupp fis-suq totali (jiġifieri inkluż l-użu kaptiv) kienu simili ħafna għal dawk osservati fis-suq ħieles.

    (194)

    L-iżviluppi fis-suq kaptiv huma murija u analizzati fit-Tabella 5 hawn taħt.

    4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

    4.3.1.   Volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

    (195)

    Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi taċ-ċifri tal-Eurostat miġbura għall-kodiċijiet NM u TARIC imsemmija fin-Notifika ta’ Bidu. Sabiex tinkiseb data affidabbli dwar l-importazzjoni għall-prodott ikkonċernat, iċ-ċifri tal-importazzjoni disponibbli ġew aġġustati minħabba li mhux il-kodiċijiet kollha kienu relatati għalkollox mal-prodott ikkonċernat. Għall-kodiċijiet tal-importazzjoni parzjalment relatati mal-prodott ikkonċernat, inkiseb perċentwal mill-kodiċijiet TARIC stabbiliti fid-data tan-Notifika ta’ Bidu. Id-data kopriet il-perjodu minn Diċembru 2021 sa April 2022. Għal dawn il-kodiċijiet, ġie kkalkolat perċentwal kemm għall-importazzjonijiet mill-Indoneżja kif ukoll għal dawk minn pajjiżi terzi. Għall-pajjiżi kollha, ġie applikat tnaqqis ieħor ta’ 2 % għall-volum tal-importazzjoni biex ikopri l-importazzjonijiet li ġew irreġistrati taħt il-kodiċijiet rilevanti iżda li kienu taħt is-97 % f’termini tad-DoS. Iċ-ċifra ta’ 2 % ġiet ikkalkolata abbażi tat-tweġibiet tal-formola tal-kampjunar tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, li rrevedew it-tweġibiet tal-formola tal-kampjunar wara li l-Kummissjoni ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott kif iddikjarat fil-premessa (71).

    (196)

    Il-metodoloġija ta’ hawn fuq għall-kalkolu tal-importazzjonijiet ġiet deskritta f’Nota għall-fajl, datata t-2 ta’ Ġunju 2022, u l-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jikkummentaw dwarha. Il-volum tal-importazzjonijiet ma jinkludix l-aċidu xaħmi li kien eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-investigazzjoni.

    (197)

    Diversi partijiet interessati kkummentaw dwar in-Nota, iżda ma oġġezzjonawx għall-metodoloġija bħala tali, u lanqas ma ssuġġerew metodoloġija alternattiva biex jiġu stabbiliti b’mod affidabbli l-volumi tal-importazzjoni tal-aċidi xaħmin ikkonċernati mill-investigazzjoni.

    (198)

    CUTFA ssuġġeriet li l-aġġustament ta’ 2 % ma kienx xieraq, billi sostniet li l-metodoloġija tal-Kummissjoni li tibbaża fuq perċentwali diġà qieset l-aċidi xaħmin b’valur ta’ DoS ta’ mill-inqas 97 %.

    (199)

    Il-Kummissjoni nnotat li mill-inqas sal-aħħar ta’ April 2022, id-deskrizzjoni tal-kodiċijiet elenkati fl-ilment ma kinitx tkopri l-kriterju tad-DoS. Għalhekk, is-suġġeriment li jiġi abbandunat l-aġġustament ta’ 2 % ma kienx iġġustifikat u ma setax jiġi aċċettat.

    (200)

    Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha ġie stabbilit abbażi tal-importazzjonijiet totali stabbiliti għal kull pajjiż u meta mqabbla mal-konsum tas-suq ħieles muri fit-Tabella 1 hawn fuq.

    (201)

    L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

    Tabella 2

    Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati) u sehem mis-suq

     

    2018

    2019

    2020

    Perjodu ta’ investigazzjoni

    Il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat (tunnellati)

    202 755

    228 139

    231 243

    228 156

    Indiċi

    100

    113

    114

    113

    Is-sehem mis-suq tas-suq ħieles (%)

    17,1

    19,0

    20,0

    20,3

    Indiċi

    100

    111

    117

    119

    Sors:

    Eurostat u CUTFA.

    (202)

    Il-volum tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat żdied minn madwar 203 000 tunnellata għal madwar 228 000 tunnellata matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, żieda globali ta’ 13 %. Il-kwantitajiet tal-importazzjoni żdiedu bi 11 % fl-2019, iżda wara baqgħu stabbli għal madwar 230 000 tunnellata. L-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni ssuġġeriet li xi produtturi esportaturi esperjenzaw problemi relatati mal-pandemija tal-Covid-19, inklużi kwistjonijiet relatati mal-katina tal-provvista (ara b’mod partikolari l-premessa (266)).

    (203)

    Madankollu, is-sehem mis-suq ta’ dawk l-importazzjonijiet żdied fis-snin kollha, minn 17,1 % għal 20,3 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, żieda globali ta’ 3,2 punti perċentwali jew b’19 %.

    4.3.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u twaqqigħ tal-prezz/tnaqqis fil-prezzijiet

    (204)

    Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi taċ-ċifri tal-Eurostat. L-importazzjonijiet rilevanti ġew identifikati bl-użu tal-metodoloġija spjegata fil-premessa (195). Dawn iċ-ċifri ġew kontroverifikati maċ-ċifri tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, u kkonfermaw l-istess xejriet.

    (205)

    Il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni żviluppa kif ġej:

    Tabella 3

    Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellata)

     

    2018

    2019

    2020

    Perjodu ta’ investigazzjoni

    L-Indoneżja

    912

    765

    805

    1 023

    Indiċi

    100

    84

    88

    112

    Sors:

    Eurostat.

    (206)

    Il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Indoneżja żdiedu minn EUR 912 għal EUR 1 023 għal kull tunnellata matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, żieda ta’ 12 %. Il-prezzijiet naqsu bi 12 % mill-2018 sal-2020, iżda mbagħad żdiedu b’27 % mill-2020 sal-PI. Jenħtieġ li dawn l-iżviluppi jitqiesu fid-dawl taż-żieda fil-prezz dinji tal-materja prima f’dak il-perjodu, li hija r-raġuni ewlenija għaż-żieda fil-kostijiet. Kif muri fit-Tabella 7, iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima kienet ir-raġuni ewlenija għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-kostijiet unitarji tal-produzzjoni tal-esportaturi Indoneżjani żdiedu wkoll fil-PI meta mqabbla mal-2020 minħabba żieda fil-materja prima tagħhom.

    (207)

    Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni billi qabblet:

    (i)

    il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun mitluba mingħand klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati fuq livell mill-fabbrika;

    (ii)

    u l-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi esportaturi Indoneżjani inklużi fil-kampjun lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi ta’ kost, assigurazzjoni u nol (CIF), b’aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali u l-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

    (208)

    Fejn il-bejgħ mill-produtturi esportaturi Indoneżjani inklużi fil-kampjun lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni jkun sar permezz ta’ kumpanija tal-bejgħ relatata bbażata fl-Unjoni, il-prezz tal-importazzjoni ġie stabbilit fuq bażi CIF, billi ġie aġġustat il-prezz tal-bejgħ lill-ewwel klijent indipendenti. Il-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inklużi l-SG&A tal-importatur relatat u l-marġni ta’ profitt kif stabbilit fil-premessa (143), bl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku b’analoġija, ġew ikkunsidrati.

    (209)

    It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi ta’ tip b’tip għat-tranżazzjonijiet fl-istess livell ta’ kummerċ, b’aġġustament dovut fejn meħtieġ, u wara tnaqqis tar-ribassi u tal-iskontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil kien espress bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan wera marġni medju ponderat ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ aktar minn 20 %. Iċ-ċifri attwali kkalkolati ma humiex irreġistrati hawnhekk għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità (minħabba li huma bbażati fuq żewġ kumpaniji biss), iżda ġew divulgati lill-produtturi esportaturi li kkooperaw ikkonċernati u huma fil-medda ta’ bejn 11 % u 29 %. Il-bejgħ kollu tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun sar direttament lil klijenti indipendenti, mingħajr entitajiet tal-bejgħ relatati. Produttur esportatur wieħed inkluż fil-kampjun biegħ ukoll direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, mingħajr il-parteċipazzjoni tal-entitajiet tal-bejgħ relatati tiegħu fl-Unjoni. Fir-rigward tal-produttur esportatur l-ieħor, il-maġġoranza tal-bejgħ tiegħu sar permezz ta’ entità tal-bejgħ relatata fl-Unjoni. L-ebda parti interessata ma kkontestat l-eżistenza ta’ twaqqigħ sinifikanti tal-prezz.

    (210)

    Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll effetti oħrajn fuq il-prezzijiet, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet. Fil-bidu tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-prezzijiet tal-bejgħ u l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni kienu baxxi (ara ċ-ċifri dwar il-profittabbiltà fit-Tabella 10). Fl-2019, l-industrija tal-Unjoni kienet sfurzata tkompli tnaqqas il-prezzijiet tagħha u dan wassal biex hija ġġarrab telf. Iżda għall-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, li wrew l-ogħla żieda tagħhom fl-2019 u baqgħu f’livelli għoljin fl-2020 u fil-PI, l-industrija tal-Unjoni x’aktarx kienet tkun kapaċi żżomm il-prezzijiet tagħha mill-inqas fil-livell meħtieġ biex tbigħ mingħajr telf fl-2019 u fl-2020. Matul l-2020 u l-PI, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni żdiedu (b’mod parallel maż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni), iżda għal darb’oħra f’livelli li rriżultaw f’telf fl-2020 u fi profittabbiltà marġinali biss fil-PI. Il-produtturi tal-Unjoni tilfu b’mod konsistenti s-sehem mis-suq bejn l-2019 u l-PI. Għalhekk, l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping kienu kapaċi jeżerċitaw pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni, u b’hekk ma ħallewx lill-produtturi tal-Unjoni jżidu l-prezzijiet biex jakkomodaw żidiet fil-kostijiet b’mod li setgħu jippermettulhom jiksbu profitti raġonevoli.

    4.4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

    4.4.1.   Rimarki ġenerali

    (211)

    F’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

    (212)

    Sabiex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-data li tinsab fil-kwestjonarju makro pprovdut minn CUTFA. Id-data kienet relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi tad-data inkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-erba’ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

    (213)

    L-indikaturi makroekonomiċi ġew prodotti minn CUTFA abbażi ta’ rapport ta’ LMC International Ltd (36)., kumpanija indipendenti li twettaq riċerka dwar is-suq fis-setturi tal-agrikoltura u tal-industrija agrikola, inklużi prodotti oleo-kimiċi bħall-aċidi xaħmin (“data tar-rapport”). Id-data tar-rapport għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ mill-aċidi xaħmin koperti minn din l-investigazzjoni u tintuża b’mod wiesa’ mill-industrija oleokimika. Sabiex tiddistingwi l-prodott simili minn prodotti oħrajn, CUTFA użat informazzjoni addizzjonali dwar il-kwantitajiet ta’ materja prima użata, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-prodott simili ġie prodott biss b’materja prima speċifika, bħaż-żejt tal-palm, iż-żejt tal-qalba tal-palm jew ix-xaħam tad-dam. Il-prodotti mhux koperti mill-investigazzjoni jużaw materja prima oħra, bħaż-żejt tal-kolza jew iż-żejt tas-sojja. Bl-użu ta’ din il-metodoloġija, kien possibbli li tiġi stabbilita l-kwantità ta’ produzzjoni u bejgħ kemm tal-prodott li qiegħed jiġi investigat kif ukoll ta’ prodotti oħrajn. Id-data tar-rapport kienet disponibbli għall-perjodu 2018-2020. Id-data għall-PI ġiet stmata pro rata, abbażi tal-iżviluppi fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-kumpaniji li għamlu d-data tagħhom direttament disponibbli għal CUTFA. Id-data għal indikaturi oħrajn, imsemmija hawn taħt, ġiet stabbilita wkoll bl-użu tal-istess data tal-kumpanija. Il-kalkoli li saru minn CUTFA ġew ivverifikati u d-data makro ġiet kontrovverifikata mad-data miġbura mill-Kummissjoni mingħand il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, li jirrappreżentaw 61 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni.

    (214)

    Wilmar staqsiet jekk id-data makro sottomessa minn CUTFA kinitx aktar baxxa fil-volum mid-data tar-rapport, li kienet disponibbli b’mod wiesa’ għall-industrija oleokimika.

    (215)

    Dan kien minħabba l-aġġustamenti meħtieġa, spjegati fil-premessa (213), magħmula minn CUTFA biex teskludi l-prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott.

    (216)

    L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat.

    (217)

    L-erba’ produtturi inklużi fil-kampjun kienu s-sors tad-data tal-indikaturi mikroekonomiċi.

    (218)

    L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji tal-bejgħ, il-kost unitarju tal-produzzjoni, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

    4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

    4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

    (219)

    Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

    Tabella 4

    Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

     

    2018

    2019

    2020

    Perjodu ta’ investigazzjoni

    Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

    936 063

    924 837

    862 055

    872 185

    Indiċi

    100

    99

    92

    93

    Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

    1 161 964

    1 134 616

    1 097 798

    1 118 314

    Indiċi

    100

    98

    94

    96

    Użu tal-kapaċità (%)

    80,6

    81,5

    78,5

    78,0

    Indiċi

    100

    101

    97

    97

    Sors:

    CUTFA.

    (220)

    Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat hija ppjanata għal 24 siegħa kuljum ħlief f’perjodi ta’ manutenzjoni normali. Madankollu, f’xi każijiet u sa ċertu punt, l-investigazzjoni wriet li prodotti oħrajn jistgħu jiġu manifatturati fl-istess faċilitajiet ta’ produzzjoni. Il-produzzjoni hija bbażata fuq l-ordnijiet. It-Tabella 4 indikat kapaċità ta’ riżerva ta’ madwar 20 % kull sena.

    (221)

    Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-produzzjoni fl-industrija tal-Unjoni żdied b’7 %. Analiżi dettaljata turi li dan it-tnaqqis fil-produzzjoni seħħ prinċipalment fl-2020.

    (222)

    Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni ġiet ikkalkolata abbażi ta’ produzzjoni massima li tista’ tinkiseb fit-tul, filwaqt li titqies il-manutenzjoni. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni żdiedet b’4 %. Dan it-tnaqqis jirrifletti riallokazzjoni tal-kapaċità għal prodotti oħrajn minħabba ordnijiet imnaqqsa ta’ aċidi xaħmin. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tissostitwixxi bis-sħiħ il-produzzjoni tal-aċidi xaħmin bi prodotti oħrajn.

    (223)

    Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minkejja tnaqqis ta’ 4 % fil-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità tal-Unjoni naqas bi 3 %.

    4.4.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

    (224)

    Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

    Tabella 5

    Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

     

    2018

    2019

    2020

    Perjodu ta’ investigazzjoni

    Volum tal-bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni, inkluż l-użu kaptiv (tunnellati)

    947 561

    943 413

    875 893

    862 863

    Indiċi

    100

    100

    92

    91

    Sehem mis-suq (inkluż l-użu kaptiv) (%)

    74,1

    72,8

    70,6

    70,8

    Indiċi

    100

    98

    95

    95

    Użu kaptiv

    92 607

    92 409

    87 133

    94 575

    Indiċi

    100

    100

    94

    102

    Użu kaptiv bħala % tal-bejgħ totali tas-suq

    9,8

    9,8

    9,9

    11,0

    Indiċi

    100

    100

    102

    112

    Bejgħ fis-suq ħieles

    854 953

    851 004

    788 760

    768 288

    Indiċi

    100

    100

    92

    90

    Sehem mis-suq tal-bejgħ fis-suq ħieles (%)

    72,1

    70,8

    68,4

    68,3

    Indiċi

    100

    98

    95

    95

    Sors:

    CUTFA.

    (225)

    Ix-xejra tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni (inkluż l-użu kaptiv) kienet simili għall-produzzjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan minħabba li l-produzzjoni f’din l-industrija hija xprunata mill-ordnijiet tal-bejgħ. L-ispazju għall-ħżin huwa tipikament limitat, u l-ħażniet ta’ oġġetti lesti jistgħu maż-żmien jiddeterjoraw fil-kwalità jew jaqgħu barra mill-ispeċifikazzjonijiet. Għalhekk, l-inventarji normalment jinżammu f’volumi baxxi ħafna.

    (226)

    Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum totali tal-bejgħ tal-Unjoni tal-industrija tal-Unjoni żdied bi 9 %.

    (227)

    Il-volum tal-bejgħ tal-Unjoni fis-suq ħieles naqas b’10 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Mill-2018 sal-2019, il-volumi tal-bejgħ tal-Unjoni kienu stabbli. Madankollu, mill-2019 sal-PI, dawn il-volumi naqsu b’10 %.

    (228)

    Is-suq kaptiv tal-industrija tal-Unjoni (espress bħala perċentwal tal-bejgħ totali tal-Unjoni, inkluż l-użu kaptiv) kien madwar 10-11 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

    (229)

    Is-sehem mis-suq tal-bejgħ tal-Unjoni fis-suq ħieles naqas minn 72,1 % għal 68,3 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, tnaqqis ta’ 3,9 punti perċentwali jew b’5 %.

    Tkabbir

    (230)

    Meta wieħed iżomm f’moħħu li l-industrija tal-Unjoni tilfet 5 % tas-sehem mis-suq matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u l-bejgħ tagħha fis-suq ħieles naqas b’10 %, huwa ċar li ma sar l-ebda tkabbir, iżda pjuttost kien perjodu ta’ tnaqqis kemm f’termini assoluti kif ukoll b’rabta mal-konsum fis-suq ħieles.

    4.4.2.3.   Impjiegi u produttività

    (231)

    L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

    Tabella 6

    Impjiegi u produttività

     

    2018

    2019

    2020

    Perjodu ta’ investigazzjoni

    Numru ta’ impjegati (FTE)

    945

    914

    952

    898

    Indiċi

    100

    97

    101

    95

    Produttività (tunnellata/impjegat)

    990

    1 012

    906

    971

    Indiċi

    100

    102

    91

    98

    Sors:

    CUTFA.

    (232)

    L-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni naqsu b’5 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni fuq bażi ekwivalenti għal full-time (FTE).

    (233)

    Il-produttività f’termini ta’ tunnellati għal kull impjegat naqset fl-2020, iżda kumplessivament baqgħet fil-biċċa l-kbira stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

    4.4.2.4.   Kobor tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat

    (234)

    Il-marġnijiet kollha tad-dumping kienu ferm ogħla mil-livell de minimis. L-impatt tal-kobor tal-marġnijiet reali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni tqies bħala sostanzjali, meta jitqiesu l-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat.

    (235)

    Din hija l-ewwel investigazzjoni anti-dumping rigward l-aċidu xaħmi. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda data disponibbli biex jiġu vvalutati l-effetti ta’ dumping possibbli fil-passat.

    4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

    4.4.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

    (236)

    Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

    Tabella 7

    Prezzijiet tal-bejgħ u kost unitarju tal-produzzjoni fl-Unjoni

     

    2018

    2019

    2020

    Perjodu ta’ investigazzjoni

    Prezz medju tal-bejgħ ta’ unità fis-suq ħieles (EUR/tunnellata)

    879

    770

    861

    1 101

    Indiċi

    100

    88

    98

    125

    Kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/tunnellata)

    856

    764

    861

    1 056

    Indiċi

    100

    89

    101

    123

    Sors:

    Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

    (237)

    Il-bejgħ fis-suq tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati sar kemm lil negozjanti indipendenti kif ukoll lil utenti finali f’għadd kbir ta’ setturi tal-utenti. Il-prezzijiet għaż-żewġ tipi ta’ klijenti u għad-diversi setturi ġew stabbiliti bl-istess mod u f’livell simili.

    (238)

    Il-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni lil partijiet mhux relatati (fis-suq ħieles) żdiedu minn EUR 879 għal kull tunnellata għal EUR 1 101 għal kull tunnellata matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, żieda ta’ 25 %. Dawn il-prezzijiet tal-bejgħ naqsu bi 12 % fl-2019, iżda żdiedu bi 12 % fl-2020 u bi 28 % fil-PI.

    (239)

    Jenħtieġ li din ix-xejra pożittiva apparenti titqies fil-kuntest ta’ żidiet importanti fil-kostijiet tal-materja prima. Matul il-PI, dawn il-kostijiet kienu jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-kost unitarju sħiħ tal-produzzjoni. Dan il-kost unitarju tal-produzzjoni żdied bi 23 %, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, jiġifieri b’rata simili għaż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ medji fis-suq ħieles tal-Unjoni.

    4.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

    (240)

    Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

    Tabella 8

    Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

     

    2018

    2019

    2020

    Perjodu ta’ investigazzjoni

    Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

    81 344

    85 487

    89 010

    87 188

    Indiċi

    100

    105

    109

    108

    Sors:

    Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

    (241)

    Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat żdiedu bi 8 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. L-iżviluppi fis-salarji ġew innegozjati mal-unions tax-xogħol u kostijiet oħrajn relatati mal-impjegati ġew stabbiliti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali.

    4.4.3.3.   Inventarji

    (242)

    Il-livelli tal-istokks tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

    Tabella 9

    Inventarji

     

    2018

    2019

    2020

    Perjodu ta’ investigazzjoni

    Stokks tal-għeluq (tunnellati)

    21 784

    23 066

    23 708

    19 013

    Indiċi

    100

    106

    109

    87

    Stokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

    3,8

    4,1

    4,5

    3,6

    Indiċi

    100

    108

    116

    93

    Sors:

    Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

    (243)

    L-istokks tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żdiedu bi 23 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Madankollu, l-istokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni kienu baxxi matul il-perjodu kollu. Kif imsemmi fil-premessa (225) hawn fuq, dan huwa minħabba li l-industrija tal-aċidu xaħmi ġeneralment topera fuq bażi ta’ produzzjoni skont l-ordnijiet u l-istokks jinżammu f’livell baxx minħabba li l-kwalità tagħhom tista’ tiddeterjora jew jistgħu jibdlu l-ispeċifikazzjonijiet. Għalhekk, dan l-indikatur għandu inqas importanza fl-analiżi ġenerali tad-dannu.

    4.4.3.4.   Profittabbiltà, fluss ta’ flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

    (244)

    Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

    Tabella 10

    Profittabbiltà, fluss ta’ flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

     

    2018

    2019

    2020

    Perjodu ta’ investigazzjoni

    Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

    1,9

    – 0,5

    – 2,1

    2,5

    Indiċi

    100

    – 27

    – 108

    128

    Fluss tal-flus (EUR)

    27 037 404

    12 370 885

    –1 239 176

    22 774 816

    Indiċi

    100

    46

    – 5

    84

    Investimenti (EUR)

    7 394 509

    11 769 077

    10 473 680

    8 531 863

    Indiċi

    100

    159

    142

    115

    Redditu fuq l-investimenti (%)

    9,0

    0,6

    – 4,4

    12,1

    Indiċi

    100

    7

    – 48

    134

    Sors:

    Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

    (245)

    Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ. Il-profittabbiltà tal-produtturi inklużi fil-kampjun baqgħet baxxa, jiġifieri taħt it-3 %, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u saħansitra naqset minn 1,9 % fl-2018 għal – 2,1 % fl-2020. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-profittabbiltà rkuprat għal 2,5 %, għalkemm baqgħet f’livelli baxxi. L-irkupru żgħir fil-PI kien minħabba li l-klijenti fis-suq tal-Unjoni kienu aktar probabbli li jaċċettaw żidiet fil-prezzijiet mill-produtturi tal-Unjoni billi l-produtturi esportaturi kienu affettwati mill-kriżi tal-katina tal-provvista fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

    (246)

    L-iżvilupp tal-profittabbiltà, meta jitqies flimkien mal-prezzijiet tal-bejgħ u mal-kost tal-produzzjoni fit-Tabella 7 u l-prezzijiet baxxi tal-importazzjonijiet Indoneżjani, juri evidenza ta’ soppressjoni sinifikanti tal-prezzijiet. L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tgħolli l-prezzijiet tagħha sabiex ikunu jirriflettu biżżejjed iż-żidiet fil-kostijiet sabiex tbigħ bi prezzijiet raġonevolment profittabbli. Dan kien ifisser li l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni baqgħet baxxa matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu, meta l-importazzjonijiet Indoneżjani li huma oġġett ta’ dumping diġà kienu bdew b’penetrazzjoni għolja (sehem mis-suq ta’ 17,1 %) u setgħu jiżdiedu fil-volum bi 22 % u jilħqu sehem mis-suq ta’ 20,3 % kif muri fit-Tabella 2. Barra minn hekk, minkejja żidiet sinifikanti fil-prezzijiet tal-materja prima, il-prezz medju ta’ dawn l-importazzjonijiet żdied bi 12 % biss kif muri fit-Tabella 3. Matul l-istess perjodu, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kellhom jiżdiedu b’25 % biss biex jiġu sostnuti l-kostijiet. Kif ġie konkluż ukoll fil-premessa (210), kien hemm pressjoni kontinwa ’l isfel eżerċitata mill-importazzjonijiet mill-Indoneżja (kemm f’termini ta’ volumi għoljin kostanti kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet baxxi) diġà mill-bidu tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Tabilħaqq, il-prezzijiet Indoneżjani kienu konsistentement aktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni mill-2019 u possibbilment qabel (ara l-premessa (302)). Dan irriżulta f’livelli mnaqqsin u inadegwati ta’ profitt matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

    (247)

    Wilmar għamlet kummenti dwar in-nuqqas ta’ trażżin tal-prezzijiet, madankollu, il-konklużjoni tagħha kienet ibbażata fuq ix-xejriet indiċjati, aktar milli fuq il-livell attwali ta’ profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni.

    (248)

    Il-Kummissjoni sabet li l-konklużjonijiet milħuqa minn Wilmar ma kinux korretti billi hija ma qisitx il-penetrazzjoni tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu u l-livelli ta’ profittabbiltà baxxi li jirriżultaw tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

    (249)

    Il-grupp Musim Mas issottometta r-rapporti annwali ta’ żewġ produtturi tal-Unjoni u sostna li l-informazzjoni li tinsab fihom, b’mod partikolari l-indikaturi tal-profittabbiltà matul il-PI, turi nuqqas ta’ dannu lil dawn il-kumpaniji.

    (250)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-rapporti huwa sostanzjalment usa’ min-negozju taż-żewġ produtturi tal-Unjoni relatat mal-prodott li qiegħed jiġi investigat. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (251)

    Il-fluss ta’ flus nett jirrifletti l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom huma stess. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett żviluppat b’mod simili għar-redditu fuq il-fatturat, fejn naqset fl-2019 u fl-2020 u esperjenzat żieda modesta fil-PI. B’mod ġenerali, il-fluss tal-flus wera xejra negattiva matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, fejn naqas b’16 %.

    (252)

    Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt espress bħala perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Ix-xejra fir-redditu fuq l-investimenti żviluppat ukoll b’mod simili għar-redditu fuq il-fatturat, fejn naqset fl-2019 u fl-2020 u esperjenzat żieda modesta fil-PI.

    (253)

    Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun komplew jinvestu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, kif muri miċ-ċifri tal-investiment ta’ hawn fuq. L-investimenti kienu bejn EUR 7 u 12-il miljun fis-sena u saru prinċipalment sabiex isir titjib fl-effiċjenza u jinżammu l-faċilitajiet eżistenti. L-industrija tal-Unjoni qed isservi bażi ta’ klijenti diversa, li għandha rekwiżiti li qed jiżviluppaw kontinwament. L-industrija tal-Unjoni għandha tibqa’ flessibbli fil-kapaċità tagħha li timmanifattura l-firxa u l-kwantità ta’ prodotti li tista’ toffri lis-suq. Tali investimenti huma mhedda minn kapaċità li qed tonqos li jinġabar il-kapital.

    (254)

    L-investigazzjoni wriet ukoll li investimenti oħrajn biex tiżdied il-kapaċità ma sarux kif ippjanat matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Filwaqt li dawk l-investimenti huma essenzjali sabiex tiġi żgurata l-perennità tal-industrija, il-kumpaniji kollha inklużi fil-kampjun, inklużi dawk li huma parti minn gruppi akbar, kellhom idewmu l-investimenti f’dak il-perjodu. Il-livell inadegwat tar-redditu fuq l-investimenti jipperikola wkoll il-kapaċità futura tal-industrija tal-Unjoni li tiġbor il-kapital u, b’hekk, is-sopravivenza tagħha fuq terminu medju u twil.

    4.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

    (255)

    L-iżvilupp tal-istokks u tal-użu kaptiv wera titjib modest fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Iż-żieda fil-konsum kaptiv kienet limitata għal 2 % u l-livelli tal-istokk naqsu. L-investigazzjoni wriet li l-użu ristrett ma huwiex affettwat direttament mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u li l-istokks huma inqas rilevanti għall-industrija tal-aċidu xaħmi, li prinċipalment qed taħdem skont l-ordnijiet. Dan ifisser li dawn il-fatturi ma humiex fatturi essenzjali fl-analiżi tad-dannu.

    (256)

    Xi indikaturi oħrajn, bħall-prezzijiet tal-bejgħ, il-profittabbiltà, ir-redditu fuq l-investiment u l-investiment, urew xejra apparentement pożittiva matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-iżvilupp pożittiv tal-prezzijiet tal-bejgħ kien relatat mal-iżvilupp fil-prezzijiet tal-materja prima, li żdiedu b’mod sinifikanti f’dak il-perjodu. Barra minn hekk, it-titjib modest fil-profittabbiltà u r-redditu fuq l-investiment ma biddilx il-fatt li l-prestazzjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni baqgħet f’livell li ma kienx adegwat biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni fuq terminu medju u twil (ara wkoll il-premessi (266) — (269)).

    (257)

    Fil-fatt, il-profittabbiltà baxxa, meta titqies flimkien max-xejriet fil-prezzijiet tal-bejgħ u l-kostijiet tal-produzzjoni, hija turija ċara tat-trażżin tal-prezzijiet. B’mod partikolari, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu, meta l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping baqgħu f’livelli miżjuda u bi prezzijiet baxxi, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet għal livell li jippermettilha tkopri l-kostijiet tagħha u tilħaq il-marġni ta’ profitt fil-mira (6 %).

    (258)

    Minkejja li l-investimenti nżammu għoljin kemm jista’ jkun sabiex tinżamm l-effiċjenza, jidher b’mod ċar li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx qed tagħti biżżejjed profitti biex tinkoraġġixxi l-investimenti biex jiżviluppaw in-negozji tagħhom matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Id-deterjorament fis-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni seħħ f’suq b’konsum relattivament stabbli (it-tnaqqis fil-konsum fl-2020 u fil-PI kienu fil-biċċa l-kbira temporanji minħabba l-impatt tal-pandemija tal-Covid-19). Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’5 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn 72,1 % fl-2018 għal 68,3 % fil-PI.

    (259)

    Għalkemm id-dannu f’din l-investigazzjoni kien jikkonsisti prinċipalment f’indikaturi tal-prezz u tal-prestazzjoni, bħall-profittabbiltà u l-kapaċità li jinġabar il-kapital, l-industrija tal-Unjoni sofriet ukoll tnaqqis fl-indikaturi tal-volum eżaminati. Il-produzzjoni, il-kapaċità, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq fis-suq tal-Unjoni kollha naqsu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, deher ukoll tnaqqis fl-impjiegi u fil-produttività, li kien relatat mal-livelli aktar baxxi tal-produzzjoni u tal-volum tal-bejgħ.

    Kummenti wara d-divulgazzjoni

    (260)

    Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, il-GOI kkummenta dwar ċerti indikaturi tad-dannu u kkonkluda li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu matul il-perjodu kkunsidrat. Din l-opinjoni saret fuq il-bażi li: (1) it-Tabella 4 uriet żieda fil-produzzjoni u fil-kapaċità mill-2020 sal-PI; (2) it-Tabella 5 uriet żieda fis-sehem mis-suq, inkluż l-użu kaptiv, mill-2020 sal-perjodu ta’ investigazzjoni, (3) it-Tabella 7 uriet żieda fil-prezz tal-bejgħ matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, li kienet segwita minn żieda fil-profitti minn – 2,1 % fl-2020 għal 2,5 % fil-PI, (4) it-Tabella 9 uriet tnaqqis fl-istokks matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u (5) it-Tabella 10 uriet żieda fil-profittabbiltà, il-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investiment mill-2020 sal-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-GOI sostna wkoll li l-Kummissjoni użat b’mod arbitrarju profitt fil-mira ta’ 6 % mingħajr ebda bażi u li ż-żieda fil-profitt tal-industrija tal-Unjoni minn – 2,1 % fl-2020 għal 2,5 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni kienet sinifikanti, bla preċedent u nkisbet matul il-pandemija tal-COVID-19. Wilmar iddikjarat li l-Kummissjoni ma analizzatx it-Tabella 10 b’mod korrett u sostniet li l-profittabbiltà żdiedet matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u kienet għolja fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

    (261)

    Il-Kummissjoni ma qablitx mal-affermazzjoni li d-data rilevanti naqset milli turi dannu materjali. Kif imsemmi fil-premessa (202), filwaqt li matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-konsum naqas b’5 %, il-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja żdied bi 13 %. L-importazzjonijiet Indoneżjani wkoll irnexxielhom iżidu s-sehem mis-suq tagħhom f’kuntest bħal dan. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (192), il-konsum tal-Unjoni huwa ġeneralment stabbli (37) u huwa mistenni li jirkupra wara t-tnaqqis temporanju tal-2020 u tal-PI, li kien dovut għall-fatturi marbuta mal-pandemija tal-Covid-19 (38).

    (262)

    Bl-istess mod, fir-rigward tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, is-sehem mis-suq inkluż l-użu kaptiv tabilħaqq żdied minn 70,6 % għal 70,8 %. Madankollu, is-sehem mis-suq tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles, li huwa l-indikatur rilevanti, naqas minn 68,4 % fl-2020 għal 68,3 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu, is-sehem mis-suq tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles naqas fuq bażi kontinwa minn 72,1 % fl-2018 għal 70,8 % fl-2019, għal 68,4 % fl-2020 u għal 68,3 % fil-PI. Għall-kuntrarju ta’ dan, fl-istess ħin, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Indoneżjani żdied fuq bażi kontinwa minn 17,1 % fl-2018 għal 19,0 % fl-2019, għal 20 % fl-2020, u għal 20,3 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

    (263)

    Bl-istess mod, l-affermazzjoni dwar iż-żieda fil-prezz medju tal-bejgħ trid titqies fil-kuntest ta’ żieda sinifikanti fil-kost tal-materja prima, kif spjegat fil-premessa (256). Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (243), l-istokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni baqgħu pjuttost stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u l-industrija operat fuq bażi ta’ produzzjoni skont l-ordnijiet sabiex l-istokks inżammu f’livell baxx.

    (264)

    L-allegazzjoni dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni fit-Tabella 10 injorat il-kuntest sħiħ. Pereżempju, il-livell tal-fluss tal-flus fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni naqas b’mod kostanti bejn l-2018 u l-2020, u sar negattiv fl-2020. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-fluss tal-flus żdied u sar pożittiv hekk kif l-industrija tal-Unjoni rnexxielha żżid il-profitti tagħha kif spjegat fil-premessa (251) u (266). Madankollu, il-fluss tal-flus fil-PI kien għadu sostanzjalment taħt il-livelli tal-fluss tal-flus fl-2018. B’mod ġenerali, il-fluss tal-flus naqas b’16 %.

    (265)

    Fir-rigward tal-livell tal-profitt fil-mira, il-Kummissjoni qieset li l-użu ta’ 6 % bħala l-profitt minimu kien xieraq. L-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku jqis 6 % bħala l-livell minimu ta’ profittabbiltà mistenni f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu. Dan il-livell ġie stabbilit abbażi taċ-ċifri tal-profittabbiltà fit-tul stabbiliti għall-industriji fl-Unjoni. Ma tressqet l-ebda evidenza li tali livell kien manifestament mhux xieraq għall-industrija inkwistjoni (ara l-premessa (268)). Għalhekk, din l-affermazzjoni tista’ tiġi miċħuda fuq din il-bażi.

    (266)

    Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-profitt tal-industrija tal-Unjoni kien kemxejn ogħla minn dak ta’ ekwilibriju fl-2018 (1,9 %) u fil-PI (2,5 %) biss, filwaqt li kien negattiv fl-2019 u fl-2020 (– 0,5 % u – 2,1 % rispettivament). Barra minn hekk, il-livell pożittiv milħuq matul l-2021, li jkopri disa’ xhur tal-perjodu ta’ investigazzjoni, irid jitqies fil-kuntest ta’ disturbi sinifikanti fil-katina tal-provvista fis-suq li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 u li jaffettwaw b’mod sever l-esportazzjonijiet Indoneżjani fl-Unjoni. Il-provvista tal-aċidu xaħmi lill-Unjoni ġiet imfixkla minn dewmien fil-bastimenti mill-Asja, ikkawżat minn nuqqas ta’ bastimenti tal-merkanzija, tankers u ħaddiema li jirriżulta mill-COVID-19, u minn żidiet estremi fil-kostijiet tal-merkanzija b’riżultat ta’ dan (39). Dawn id-disturbi temporanji affettwaw globalment il-prezzijiet fl-industrija, kif ukoll l-importazzjonijiet mill-Indoneżja, li naqsu f’termini assoluti bejn l-2020 u l-PI. B’riżultat ta’ dan, l-industrija tal-Unjoni spjegat li kienet kapaċi tibbenefika minn dawn id-disturbi temporanji speċifiċi fis-suq billi żiedet il-prezzijiet għal livelli profittabbli fis-suq tal-Unjoni mingħajr sagrifiċċji kbar fis-sehem mis-suq tagħha. B’mod ġenerali, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni varjat madwar il-punt ta’ ekwilibriju matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu, il-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja kien sinifikanti u s-sehem mis-suq tagħhom żdied b’mod sinifikanti minn 17,1 % u 20,3 % minkejja konsum li naqas bi ftit. Il-fatturi kollha juru b’mod ċar li l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ġiet affettwata b’mod negattiv matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu mill-importazzjonijiet Indoneżjani li huma oġġett ta’ dumping, u l-ogħla livell ta’ profittabbiltà ta’ 2,5 % matul il-PI, intlaħaq f’kuntest ta’ kwistjonijiet ta’ provvista għall-esportaturi Indoneżjani, l-aktar minħabba l-konsegwenzi tal-COVID-19.

    (267)

    Il-profittabbiltà fit-Tabella 10 hija kkalkolata abbażi tal-kost tal-oġġetti mibjugħin tal-aċidu xaħmi manifatturat u mibjugħ fis-suq tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati mill-industrija tal-Unjoni. Filwaqt li l-industrija tal-Unjoni b’mod ġenerali tipproduċi abbażi tal-ordnijiet, għad hemm stokks żgħar kif indikat fit-Tabella 9. Għalhekk, f’industrija b’inventarji żgħar, hemm differenza żgħira bejn il-kost unitarju tal-produzzjoni u l-kost unitarju tal-oġġetti mibjugħin. Minn dan isegwi li għalkemm fl-2019 u fl-2020, il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità tal-industrija tal-Unjoni kien ogħla jew daqs il-kost unitarju medju tal-produzzjoni, l-industrija tal-Unjoni ġarrbet telf kif indikat fit-Tabella 10.

    (268)

    Fir-rigward tal-livell standard ta’ profitt tal-aċidu xaħmi f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, il-GOI ma spjegax għaliex il-livell ta’ profitt ta’ 2,5 % miksub mill-industrija fil-PI allegatament kien biżżejjed. Barra minn hekk, il-GOI naqas milli jissostanzja liema livell ta’ profitt jenħtieġ li jintuża minflok meta kkritika l-limitu ta’ 6 % impost legalment li huwa użat mill-Kummissjoni, u naqas ukoll milli jispjega l-allegat impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-livell ta’ profittabbiltà. Il-Kummissjoni nnotat li ma hemm l-ebda evidenza oħra fil-fajl dwar il-livell ta’ profittabbiltà storika tal-industrija tal-aċidu xaħmi fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Indoneżja, li tappoġġa l-affermazzjoni tal-GOI li l-profittabbiltà ta’ 2,5 % kienet biżżejjed, jew timmina l-għażla tal-livell ta’ profitt ta’ 6 % użat. B’kuntrast għal dan, is-sejbiet tal-Kummissjoni kienu appoġġati minn informazzjoni disponibbli għall-pubbliku u informazzjoni fuq il-fajl miftuħ. Il-Kummissjoni nnotat li skont rapport imħejji mill-Kunsill Ewropew għall-Industrija Kimika (“CEFIC”) rigward, fost affarijiet oħra, il-profittabbiltà tal-industrija kimika Ewropea usa’ għall-2020, is-surplus operatorju gross (40) bħala perċentwal tal-fatturat fl-industrija kimika huwa ta’ madwar 11 %. Barra minn hekk, abbażi tal-istatistika miġbura minn CSIMarket (41), il-marġnijiet ta’ qabel it-taxxa ta’ industrija tal-manifattura ta’ sustanzi kimiċi fl-2021 kienu madwar 13 %. Barra minn hekk, fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, il-grupp Greven iddikjara li l-marġnijiet ta’ EBIT (qligħ qabel l-imgħax u t-taxxi) tal-industrija kimika fl-Ewropa fl-2020 kienu madwar 7 % (ara f’aktar dettall il-premessa (294). Għalhekk, abbażi tal-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni qieset li l-industrija tal-Unjoni ma laħqitx livell ta’ profittabbiltà f’konformità mal-kundizzjonijiet normali tas-suq tal-kompetizzjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu.

    (269)

    B’mod aktar sinifikanti, il-Kummissjoni nnotat li, kif spjegat fil-premessi (253) u (254), l-investimenti li saru mill-industrija tal-Unjoni kienu limitati matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, b’enfasi fuq it-titjib fl-effiċjenza u ż-żamma ta’ tħaddim tajjeb tal-faċilitajiet eżistenti. L-industrija tal-Unjoni, minħabba l-livell negattiv jew baxx ta’ profittabbiltà matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu, ma setgħetx twettaq l-investimenti meħtieġa għall-innovazzjoni u għat-titjib fl-effiċjenza u fil-produttività meħtieġa biex tkun tista’ tikkompeti fis-suq. L-industrija tal-Unjoni qed isservi bażi ta’ klijenti diversa, li għandha rekwiżiti li qed jevolvu kontinwament. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-ispejjeż ta’ deprezzament kienu jirrappreżentaw biss madwar 2 % tal-kost tal-produzzjoni. Żieda fl-ispejjeż ta’ deprezzament wara investimenti sa 4 % tal-kost tal-produzzjoni tagħmel lill-industrija tal-Unjoni tilħaq punt ta’ ekwilibriju anke f’xenarju li fih jirnexxielha żżomm il-prezzijiet ogħla tal-perjodu ta’ investigazzjoni, ħaġa li hija improbabbli ħafna minħabba r-raġunijiet li għalihom dawn il-prezzijiet żdiedu fil-PI. Għalhekk, il-livell ta’ profitt miksub mill-industrija matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni ma huwiex biżżejjed biex jintlaħaq il-livell meħtieġ ta’ investiment li hemm bżonn f’dan is-settur. Dawn l-elementi kollha kienu jmorru kontra l-affermazzjonijiet mhux sostanzjati tal-GOI dwar il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ tal-industrija tal-Unjoni.

    (270)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li l-analiżi tagħha kienet kompluta u komprensiva, minħabba li kopriet l-erba’ snin kollha u l-indikaturi kollha tad-dannu meħtieġa mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat id-data kollha fl-analiżi tagħha dwar jekk l-iżviluppi kinux pożittivi jew negattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni wriet li l-konklużjoni tagħha tad-dannu materjali kienet legalment u ekonomikament soda. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

    (271)

    Il-GOI sostna wkoll li s-sejba ta’ dannu kienet inkonsistenti mal-ittra ta’ KLK datata d-19 ta’ Awwissu 2022 li kkummentat dwar il-kompetizzjoni bejn KLK u l-produtturi esportaturi Indoneżjani u l-profittabbiltà ta’ KLK.

    (272)

    Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni billi l-ittra hija mingħand produttur wieħed tal-Unjoni u ma tikkostitwix valutazzjoni sħiħa tad-dannu. Tali dikjarazzjoni, għalhekk, ma tistax tissupera l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dannu materjali.

    (273)

    Il-GOI saħaq ukoll li għalkemm l-aċidu xaħmi użat għall-produzzjoni tal-bijodiżil ġie eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, il-Kummissjoni naqset milli taġġusta l-istatistika dwar l-importazzjoni kif xieraq.

    (274)

    Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni u kkonfermat li l-istatistika dwar l-importazzjoni ma tinkludix il-kwantitajiet importati ta’ aċidu xaħmi prodott mill-iskart u użat għall-produzzjoni tal-bijodiżil.

    (275)

    Wilmar sostniet li l-iżviluppi tal-produzzjoni u tal-użu tal-kapaċità murija fit-Tabella 4 ma kinux dannużi.

    (276)

    Il-Kummissjoni nnotat li l-produzzjoni naqset b’7 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u l-użu tal-kapaċità naqas bi 3 % kif imsemmi fit-Tabella 4. Wilmar ma vvalutatx dawn ix-xejriet fil-kuntest xieraq tagħhom. F’suq b’konsum imnaqqas b’5 % fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-importazzjonijiet mill-Indoneżja żdiedu bi 13 % u s-sehem mis-suq tagħhom żdied minn 17,1 % fl-2018 għal 20,3 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjonijiet li jikkonċernaw il-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità.

    (277)

    Wilmar iddikjarat li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ddikjarat li l-livelli tal-istokks murija fit-Tabella 9 kienu inqas importanti fl-analiżi tad-dannu u sostniet li l-istokks aktar baxxi kienu sinjal ta’ żieda fil-bejgħ.

    (278)

    Il-Kummissjoni nnotat li l-volumi tal-bejgħ naqsu matul il-perjodu ta’ analiżi kif muri fit-Tabella 5. Barra minn hekk, meta wieħed iżomm f’moħħu l-livelli baxxi tal-istokks tal-għeluq, li kienu inqas minn 4,5 % tal-volumi tal-produzzjoni matul il-perjodu, il-Kummissjoni sostniet il-fehmiet tagħha dwar il-kwistjonijiet tal-istokks fl-analiżi ġenerali tad-dannu.

    (279)

    Wilmar sostniet li l-iżviluppi tal-investimenti u tar-redditu fuq l-investiment murija fit-Tabella 10 ma kinux dannużi.

    (280)

    Fir-rigward tal-investimenti, l-affermazzjoni ġiet indirizzata fil-premessa (269). Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-valur tal-profitt totali tal-prodott li qiegħed jiġi investigat diviż bil-valur tal-assi fissi totali użati għall-produzzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-valur tal-assi fissi totali kien pjuttost stabbli. Għalhekk, ix-xejra tar-redditu fuq l-investiment issegwi x-xejra tal-profittabbiltà. Minn dan joħroġ li bejn l-2018 u l-2020, ir-redditu fuq l-investiment naqas. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, ir-redditu fuq l-investiment żdied hekk kif il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni żdiedet meta mqabbla mas-snin preċedenti. Madankollu, kif spjegat fil-premessa (266), iż-żieda fil-profittabbiltà fil-perjodu ta’ investigazzjoni kienet biss waħda temporanja. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjoni tagħha li l-livelli ta’ investiment ma kinux adegwati għas-sopravivenza futura tal-industrija tal-Unjoni (ara l-premessi (253), (254) u (269)) u għalhekk din l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (281)

    Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, il-grupp Musim Mas sostna li ma kien hemm l-ebda dannu għall-industrija tal-Unjoni matul il-PI. Tabilħaqq, dan il-grupp talab lill-Kummissjoni tiffoka l-analiżi tad-dannu fuq il-perjodu ta’ investigazzjoni billi sostna f’dik is-sena kien hemm żviluppi pożittivi fil-produzzjoni, fil-kapaċità tal-produzzjoni, fis-sehem mis-suq, fil-prezzijiet medji, fir-redditu fuq l-investiment, fil-fluss tal-flus, fil-profittabbiltà u fl-istokks. B’mod partikolari, il-grupp Musim Mas indika li l-profittabbiltà kienet fl-ogħla livell tagħha fil-perjodu ta’ investigazzjoni (2,5 %).

    (282)

    Il-Kummissjoni trid twettaq il-valutazzjoni tad-dannu għall-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu u mhux biss matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-metodoloġija ssuġġerita mill-grupp Musim Mas, bħall-valutazzjoni tal-GOI u Wilmar hawn fuq, ma tirrappreżentax analiżi sħiħa u akkurata tas-sitwazzjoni tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Iż-żieda żgħira fil-volum tal-produzzjoni (1,2 %), fil-kapaċità tal-produzzjoni (1,9 %), u t-tnaqqis fl-istokks kienu dovuti għaż-żieda temporanja fil-profittabbiltà, kif spjegat fil-premessa (266). Il-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investiment segwew l-iżvilupp tal-profittabbiltà. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles naqas fil-PI meta mqabbel mal-2020 minn 68,4 % għal 68,3 %. Il-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied f’konformità maż-żieda fil-kost unitarju tal-produzzjoni minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, li sar possibbli minħabba t-tfixkil temporanju fil-provvista u l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 b’mod partikolari matul il-PI. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (283)

    Il-grupp Musim Mas qajjem dubji wkoll dwar il-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz (li l-grupp Musim Mas irrefera għalih b’mod żbaljat bħala l-“bejgħ taħt il-prezz”) tal-importazzjonijiet Indoneżjani billi argumenta li d-dokument ta’ divulgazzjoni rigward il-valuri medji tal-unità, fit-Tabelli 3 u 7, jindika effett tal-prezz ħafna aktar modest fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, jiġifieri minn tnaqqis eċċessiv ta’ 4 % fl-2018 għal twaqqigħ modest ta’ 7 % fil-PI.

    (284)

    Dan il-produttur esportatur laħaq konklużjoni dwar it-twaqqigħ tal-prezz abbażi ta’ tqabbil dirett tal-prezz medju tal-importazzjoni tal-produtturi Indoneżjani lejn l-Unjoni mal-prezz medju tal-industrija tal-Unjoni, filwaqt li injora li l-esportaturi kollha u l-produtturi kollha fl-Unjoni għandhom taħlitiet ta’ prodotti li jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti. Sabiex jintlaħqu marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezz aktar affidabbli, il-prezzijiet jenħtieġ li jitqabblu għal tipi ta’ prodotti komparabbli fil-livell tal-produtturi esportaturi, meta s-sett tad-data jkun disponibbli. Matul il-PI, l-esportatur sostna li t-twaqqigħ tal-prezz kien ta’ 7 % fuq bażi medja, filwaqt li t-tqabbil fil-livell tat-tip ta’ prodott żvela marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz ogħla minn 20 %. Il-kummenti tal-esportatur dwar il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz ġew miċħuda.

    (285)

    Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, CUTFA qablet mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dannu u indikat li l-analiżi tal-prezzijiet tal-bejgħ, it-twaqqigħ tal-prezz, il-bejgħ taħt il-prezz, it-trażżin tal-prezzijiet, il-kostijiet unitarji u l-indikaturi tal-prestazzjoni bħar-redditu fuq il-fatturat uriet li l-industrija tal-Unjoni kienet ġarrbet dannu matul il-perjodu kkonċernat. CUTFA indikat ukoll l-analiżi tal-Kummissjoni tal-indikaturi tal-volum bħall-produzzjoni, il-kapaċità, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq, li wriet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu anke fir-rigward tal-indikaturi tal-volum. Barra minn hekk, CUTFA kkonfermat li dak it-titjib żgħir fil-profittabbiltà ma kienx ħoloq sitwazzjoni sostenibbli u kompetittiva għall-Industrija fis-suq tal-Unjoni.

    (286)

    Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

    5.   KAWŻALITÀ

    (287)

    F’konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufa oħrajn setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. Dawn il-fatturi huma: l-importazzjonijiet minn sorsi oħrajn minbarra l-Indoneżja, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, l-iżviluppi fl-użu kaptiv, l-iżviluppi fil-konsum, il-kwistjonijiet relatati mal-materja prima u l-allegati ineffiċjenzi tal-industrija tal-Unjoni.

    5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping

    (288)

    Kif muri fit-Tabella 2, il-volum tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Indoneżja żdied minn madwar 203 000 tunnellata fl-2018 għal madwar 228 000 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni, żieda ta’ 13 %. F’termini tas-sehem mis-suq, iż-żieda matul l-istess perjodu kienet minn 17,1 % għal 20,3 %, żieda ta’ 19 %. Dawn l-osservazzjonijiet ikkoinċidew ma’ tnaqqis ta’ 10 % fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles u tnaqqis fis-sehem mis-suq minn 72,1 % għal 68,3 %, tnaqqis ta’ 5 %. F’dak il-perjodu, il-bejgħ fis-suq kaptiv iżgħar kien stabbli. L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping żdiedu wkoll b’mod kostanti fuq bażi ta’ sena b’sena f’termini ta’ volum u sehem mis-suq. F’termini assoluti, iż-żieda fil-volumi tal-importazzjoni fl-2019 ma komplietx bl-istess pass fl-2020 u fil-PI minħabba problemi relatati mal-pandemija tal-Covid-19. Madankollu, minkejja tnaqqis ta’ 5 % fil-konsum matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, huwa evidenti li kienu prinċipalment importazzjonijiet mill-Indoneżja li tejbu s-sitwazzjoni tagħhom fis-suq minkejja li l-esportaturi esperjenzaw diffikultajiet fil-provvista kif iddikjarat fil-premessa (202).

    (289)

    Kif spjegat fil-premessa (210), l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu diġà kkawżaw tnaqqis fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, f’kuntest ta’ fluttwazzjonijiet sinifikanti madwar id-dinja fil-kostijiet tal-materja prima, il-produtturi tal-Unjoni ma setgħux jaġġustaw il-prezzijiet tagħhom b’mod li jippermettilhom jilħqu l-livelli ta’ profitt raġonevoli, jew saħansitra li jibqgħu profittabbli għalkollox.

    (290)

    Il-penetrazzjoni tal-importazzjonijiet Indoneżjani matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kienet possibbli minħabba li l-prodott li qiegħed jiġi investigat huwa komodità u l-prezz għandu rwol ewlieni fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-klijenti. Il-koinċidenza fiż-żmien bejn id-deterjorament fis-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni u l-preżenza sinifikanti ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Indoneżja, it-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u t-trażżin tal-livelli tal-prezzijiet tas-suq tal-UE, tikkonferma rabta kawżali bejn it-tnejn.

    (291)

    Fl-aħħar nett, kif spjegat hawn fuq, il-problemi tal-provvista għall-produtturi esportaturi naqqsu temporanjament il-pressjoni fuq l-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan ippermetta lill-industrija tal-Unjoni żżid il-prezzijiet għal livell fejn sar xi profitt modest, iżda mhux biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jilħqu livell ta’ profitt raġonevoli f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

    (292)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li bejn l-2018 u l-2020, meta l-konsum fis-suq ħieles naqas bi 3 %, l-importazzjonijiet Indoneżjani żdiedu b’14 % u l-prezzijiet naqsu bi 12 %. Fl-istess perjodu, l-industrija tal-Unjoni rat il-volum tal-bejgħ tagħha jonqos bi 8 % u l-prezzijiet tagħha jonqsu bi 2 %. Dan wassal għal telf finanzjarju, li affettwa wkoll is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni, fejn kompliet tippersisti l-pressjoni mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping.

    (293)

    Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, CUTFA qablet mal-analiżi tal-Kummissjoni tal-kawżalità fid-dawl tal-indikaturi tad-dannu u t-tqabbil tal-prezzijiet stabbiliti hawn fuq u l-volumi, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja. CUTFA indikat li l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienet impedixxiet żidiet adegwati fil-prezzijiet meħtieġa minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima. Barra minn hekk, CUTFA semmiet li ż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienet ikkontribwiet għad-dannu mġarrab.

    (294)

    Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, il-grupp Greven ikkummenta dwar il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, u argumenta li din segwiet ix-xejra ġenerali tal-industrija kimika Ewropea matul il-perjodu kkunsidrat. Biex jappoġġa dan l-argument, il-grupp Greven ipprovda dijagramma bil-marġnijiet tal-EBIT (qligħ qabel l-imgħax u t-taxxi) tal-industrija kimika Ewropea, li wriet tnaqqis ta’ 33,9 % jew 3,4 punti perċentwali, minn 10,4 % fl-2018 għal 7,0 % fl-2020. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-grupp Greven ikkonkluda li t-tnaqqis fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni jrid jitqies bħala medja għall-industrija kimika Ewropea u għalhekk, kien immaterjali u jista’ jiġi attribwit għal fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Indoneżja.

    (295)

    Il-Kummissjoni nnotat li l-grupp Greven uża l-perjodu mill-2018 sal-2020 biex iqabbel. Meta wieħed iqis il-profittabbiltà effettiva ta’ 1,9 % tal-industrija tal-Unjoni fl-2018 bħala punt tat-tluq, tnaqqis ta’ 33,9 % ikun ifisser tnaqqis għal 1,26 % fl-2020. Minflok, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni naqset għal livelli negattivi (– 2,1 %) fl-2020. Dan it-tnaqqis ma jistax jitqies bħala immaterjali, jew li huwa saħansitra qrib ix-xejra tal-industrija kimika Ewropea (usa’). Aktar importanti minn hekk, id-dikjarazzjonijiet mill-grupp Greven huma bbażati fuq ix-xejriet tal-profittabbiltà tal-bidliet relattivi fil-profittabbiltà, filwaqt li jinjoraw kompletament il-livelli assoluti u reali tal-profittabbiltà tal-industrija kimika. Barra minn hekk, tnaqqis fil-punti perċentwali minn 10,4 % għal 7,0 % ma għandux l-istess impatt fuq l-attività ta’ kumpanija li l-profitti tagħha jonqsu minn 1,9 % għal -1,5 %. Fl-ewwel xenarju, il-kumpanija sempliċiment irreġistrat inqas profitti, filwaqt li fit-tieni xenarju, il-kumpanija bdiet tagħmel it-telf, u dan jipperikola l-futur tagħha. Huwa inkontestabbli li dawn il-livelli assoluti negattivi jew baxxi ta’ profittabbiltà tal-industrija tal-aċidu xaħmi huma taħt il-medji normali tal-profitt tal-industrija kimika Ewropea. Kif spjegat fil-premessi (266) u (269), il-livelli negattivi jew baxxi ħafna ta’ profittabbiltà matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni ma kinux biżżejjed biex l-industrija tal-Unjoni tkompli l-attività kummerċjali tagħha f’kundizzjonijiet normali, peress li ma setgħux iżidu l-prezzijiet għal-livell meħtieġ biex jassorbu ż-żieda fil-kost tal-materja prima u jiksbu profitt regolari. L-industrija lanqas ma tista’ taffettwa l-investimenti meħtieġa għall-innovazzjoni u għall-ilħuq tad-domanda mill-klijenti tagħha għal prodotti speċifiċi (ara l-premessi (253), (254) u (269)). Il-grupp Greven la wera kif tali livelli ta’ profittabbiltà negattivi jew baxxi tal-industrija tal-aċidu xaħmi f’termini assoluti jistgħu jiġu ġġustifikati f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, u lanqas ma ssostanzja liema fatturi speċifiċi minbarra l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Indoneżja affettwaw il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, għajr b’referenza ġenerika għax-xejriet tal-profittabbiltà tal-industrija kimika. Abbażi ta’ dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-affermazzjoni li l-profittabbiltà baxxa kienet attribwibbli għal fatturi oħrajn mhux relatati mal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping tal-aċidu xaħmi mill-Indoneżja ma hijiex biss mhux issostanzjata, iżda wkoll mingħajr bażi fis-sustanza kif juru l-argumenti ta’ hawn fuq, u għalhekk trid tiġi miċħuda.

    (296)

    Wilmar sostniet li t-tkabbir tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja ma kellu l-ebda impatt fuq il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. B’mod partikolari, Wilmar sostniet li t-Tabella 2 ma wriet l-ebda żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku. Wilmar sostniet li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu stabbli minbarra fl-2019 meta żdiedu b’25 384 tunnellata, li kien insinifikanti meta mqabbel mal-konsum totali ta’ 1 295 034 tunnellata. Il-volumi tal-importazzjonijiet baqgħu relattivament stabbli minn dak iż-żmien, u żdiedu b’1 % fl-2020 u naqsu b’1 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni, li, skont Wilmar, ammonta għal fluttwazzjonijiet standard fis-suq. Barra minn hekk, Wilmar sostniet li t-tkabbir ġenerali tal-importazzjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kien ta’ 13 % u seħħ biss fl-2019, jiġifieri ma kien hemm l-ebda tkabbir fl-importazzjonijiet fis-snin sussegwenti, minkejja l-allegat dumping. B’paragun ma’ dan, l-importazzjonijiet mill-Malażja wrew tkabbir kostanti bejn l-2018 u l-2020. Wilmar argumentat li żieda fl-importazzjonijiet, li seħħet fl-2019, ma affettwatx il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni f’termini assoluti fl-istess sena. Barra minn hekk, Wilmar sostniet li t-tnaqqis kbir fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni seħħ fl-2020 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni, f’perjodu meta l-importazzjoni mill-Indoneżja ma żdiditx. Wilmar żiedet tgħid li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja żdied b’1,9 % fl-2019 u b’1 % aktar fl-2020. Iż-żieda ġenerali bejn l-2018 u l-perjodu ta’ investigazzjoni kienet ta’ 3,2 %. Tali żieda seħħet fl-isfond ta’ tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni fl-2020 u ta’ aktar tnaqqis fil-perjodu ta’ investigazzjoni minħabba l-effetti tal-COVID, it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’industriji speċifiċi (eż. tal-karozzi).

    (297)

    Il-Kummissjoni nnotat li matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-importazzjonijiet mill-Indoneżja żdiedu bi 13 % u s-sehem mis-suq tagħhom żdied bi 19 %. Barra minn hekk, bejn l-2018 u l-2019, f’suq pjuttost stabbli meta l-konsum żdied b’1 %, l-importazzjonijiet mill-Indoneżja żdiedu bi 13 %, filwaqt li l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni baqa’ kważi kostanti. Dan issarraf f’żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Indoneżjani minn 17,1 % għal 19,0 %, filwaqt li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas minn 72,1 % għal 70,8 %. Filwaqt li f’termini assoluti, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ma naqasx bejn l-2018 u l-2019, l-industrija tal-Unjoni tilfet is-sehem mis-suq u ma setgħetx iżżomm il-prezzijiet f’livelli profittabbli fl-2019 u fl-2020. Minn dan jirriżulta li matul dan il-perjodu, iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Indoneżja, għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet Wilmar, kellha impatt fuq l-industrija tal-Unjoni peress li l-industrija tal-Unjoni tilfet is-sehem mis-suq u bdiet tagħmel it-telf.

    (298)

    Bejn l-2019 u l-2020, f’suq b’konsum imnaqqas (b’4 %), il-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja kompla jiżdied, iżda b’livell aktar baxx, b’1,4 % u kiseb sehem mis-suq ta’ punt (1) perċentwali ieħor. Min-naħa l-oħra, l-industrija tal-Unjoni tilfet saħansitra aktar sehem mis-suq, jiġifieri, 2,4 punti perċentwali, iżda kellha tnaqqas il-prezzijiet tagħha saħansitra aktar biex ma titlifx aktar sehem mis-suq u għalhekk ġarrbet telf akbar meta mqabbla mal-2019, jiġifieri, – 2,1 %. Għalhekk, bejn l-2019 u l-2020, l-esportazzjonijiet Indoneżjani komplew iżidu s-sehem mis-suq, filwaqt li l-industrija tal-Unjoni tilfet aktar sehem mis-suq u ġarrbet telf akbar milli fl-2019.

    (299)

    Il-Kummissjoni nnotat ukoll li mill-bidu tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-importazzjonijiet Indoneżjani kellhom sehem sinifikanti mis-suq, jiġifieri, 17,1 %. Għalhekk, ma huwiex sorprendenti li f’perjodu bi tnaqqis żgħir fil-konsum, l-importazzjonijiet tal-Indoneżja ma żdidux mill-2019, kif kien il-każ bejn l-2018 u l-2019. L-industrija tal-Unjoni għażlet li żżomm is-sehem mis-suq tagħha u ġarrbet telf minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet Indoneżjani. Kieku l-industrija tal-Unjoni għażlet li żżomm prezzijiet ogħla u tissagrifika aktar sehem mis-suq, l-esportaturi Indoneżjani tal-aċidu xaħmi kienu jżidu l-esportazzjonijiet tagħhom saħansitra aktar u jistabbilixxu l-pożizzjoni tagħhom bħala fornituri ta’ klijenti ewlenin fl-Unjoni. Għalhekk, iż-żieda aktar bil-mod fl-importazzjonijiet mill-Indoneżja bejn l-2019 u l-2020 meta mqabbla mal-2018 u l-2019 għandha titqies f’korrelazzjoni mar-rispons tal-industrija tal-Unjoni biex tipproteġi s-sehem mis-suq tagħha.

    (300)

    Bejn l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, is-suq tal-Unjoni nbidel minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-konsum naqas bi 2,5 %, il-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja naqas bi 2,3 % u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas ukoll bi 2,6 %. Matul dan il-perjodu ta’ żmien, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li fixklet il-ktajjen tal-provvista u żiedet il-prezzijiet globalment, kif spjegat fil-premessa (266), l-importazzjonijiet Indoneżjani saħansitra rnexxielhom iżidu xi ftit is-sehem mis-suq tagħhom b’0,3 punti perċentwali filwaqt li l-industrija tal-Unjoni naqqset is-sehem mis-suq tagħha b’0,1 punti perċentwali. Fin-nuqqas ta’ kwistjonijiet marbuta mal-katina tal-provvista, l-importazzjonijiet Indoneżjani x’aktarx li żdiedu saħansitra aktar. Huwa mfakkar li kif iddikjarat fil-premessa (259), id-dannu f’dan il-każ huwa relatat prinċipalment mal-effetti tal-prezzijiet, għalkemm instab ukoll dannu fil-volum. Il-livell sinifikanti ta’ twaqqigħ tal-prezz u ta’ tnaqqis fil-prezzijiet li nstabu matul l-investigazzjoni kif spjegat fil-premessi (209) u (210), kif ukoll il-bidla fil-livell tal-importazzjonijiet Indoneżjani u tal-ishma mis-suq matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, jikkonfermaw dan. Għalhekk, l-affermazzjoni li ż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Indoneżja ma kellha l-ebda impatt fuq il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ma ntalqgħetx.

    (301)

    Wilmar sostniet ukoll li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx affettwata mill-effetti fuq il-prezzijiet ikkawżati mill-importazzjonijiet mill-Indoneżja. Wilmar użat bħala evidenza l-informazzjoni dwar il-prezzijiet medji fit-Tabelli 3 u 7, u ż-żidiet fil-prezzijiet miksuba mill-industrija tal-Unjoni. Hija sostniet ukoll li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja ma kinux jikkompetu ma’ dawk tal-industrija tal-Unjoni u għalhekk ma setgħux jeżerċitaw pressjoni fuq il-prezzijiet. Wilmar sostniet ukoll li l-Kummissjoni bbażat biss fuq “tarf sa tarf” (jiġifieri tqabbil tal-prezzijiet mill-2018 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni) biex tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-prezz.

    (302)

    Fir-rigward tal-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Indoneżja, il-Kummissjoni stabbiliet il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja fil-metodoloġija ddikjarata fil-premessi (195) u (199). Filwaqt li din il-metodoloġija hija preċiża ħafna għall-volum tal-importazzjonijiet, fir-rigward tal-prezzijiet, wara l-kummenti li waslu mill-partijiet, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li l-prezzijiet fit-Tabella 3 jitqabblu mal-prezzijiet tal-esportazzjoni rrapportati minn Wilmar, speċjalment għall-2018. Fl-2018, Wilmar esportat il-maġġoranza l-kbira tal-importazzjonijiet totali mill-Indoneżja fis-suq tal-Unjoni u għalhekk il-prezz tal-esportazzjoni tagħha huwa parametru referenzjarju raġonevoli għall-prezz tal-importazzjoni fl-2018. Il-prezz medju tal-esportazzjoni ta’ unità ta’ Wilmar fl-2018 kien aktar baxx mill-prezz tal-importazzjonijiet fit-Tabella 3 u aktar baxx mill-prezz tal-bejgħ ta’ unità tal-industrija tal-Unjoni fit-Tabella 7.

    (303)

    Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi mfakkar li l-analiżi tal-Kummissjoni tax-xejriet tal-prezzijiet u t-trażżin tal-prezzijiet f’dan il-każ indikat li ż-żidiet fil-prezzijiet tal-materja prima jridu jitqiesu wkoll. Għalhekk, l-analiżi tal-Kummissjoni qieset il-kostijiet unitarji tal-industrija tal-Unjoni, il-profittabbiltà u l-prezzijiet kemm tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja. Iż-żieda fil-prezz li l-industrija tal-Unjoni rnexxielha tikseb matul il-PI kienet biżżejjed biex tkun tista’ tikkumpensa għaż-żieda fil-kost tal-produzzjoni minħabba ż-żieda fil-prezz tal-materja prima mġarrba mill-industrija. Barra minn hekk, l-industrija rnexxielha żżid il-prezzijiet fil-PI sempliċiment minħabba l-kwistjonijiet tal-katina tal-provvista mġarrba mill-esportaturi Indoneżjani relatati mal-kwistjonijiet tal-COVID-19, kif spjegat fil-premessa (266). Kif iddikjarat mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, fin-nuqqas tas-sitwazzjoni temporanja tas-suq idderivata mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, l-industrija ma kinitx tkun tista’ żżid il-prezzijiet fil-PI f’konformità mal-kost ogħla tal-produzzjoni, u d-dannu mġarrab kien ikun saħansitra aktar sinifikanti. Barra minn hekk, il-fatt li l-produtturi esportaturi Indoneżjani rnexxielhom iżommu l-esportazzjonijiet tagħhom u jżidu s-sehem mis-suq tagħhom fil-PI, minkejja dawn il-kwistjonijiet relatati mal-katina tal-provvista, ikompli juri li l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping tagħhom jistgħu u x’aktarx se jkomplu jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni.

    (304)

    Barra minn hekk, twettqet analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz għall-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ tip b’tip. Din uriet li l-kompetizzjoni bejn l-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienet b’saħħitha, u l-maġġoranza tat-tipi ta’ prodotti importati kkompetew ma’ tipi identiċi mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, meta jitqies li l-aċidi xaħmin huma komoditajiet mibjugħin prinċipalment abbażi tal-prezz, ġie kkunsidrat li l-pressjoni fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni kienet qawwija ħafna. Il-fatt li ż-żidiet fil-prezzijiet seħħew matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minħabba li żdiedu l-kostijiet tal-materja prima, ma huwiex sinjal ta’ saħħa, jekk, kif inhu l-każ hawnhekk, dawk il-prezzijiet ogħla jkunu f’livelli biex sempliċiment ikopru l-kostijiet u mingħajr ma jintlaħqu l-livelli ta’ profitt meħtieġa. Dan jintwera mill-fatt li matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, it-tkabbir u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni staġnaw minħabba prezzijiet inadegwati li wasslu għal livelli ta’ profittabbiltà insuffiċjenti. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

    (305)

    Wilmar sostniet ukoll li l-iżvilupp tal-fluss tal-flus ma kienx dannuż u ssuġġeriet li l-problemi tal-fluss tal-flus inħolqu mill-klijenti tal-industrija tal-Unjoni li damu biex iħallsu l-fatturi jew minn proġetti kbar ta’ investiment.

    (306)

    Dawn l-allegazzjonijiet huma spekulattivi u ma humiex sostanzjati. Ma ngħatat l-ebda evidenza biex tappoġġa dawn l-allegazzjonijiet. Għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni ta’ fluss tal-flus baxx u li qed jonqos tal-industrija hija konsistenti mar-redditu fuq il-fatturat u indikaturi oħrajn, li essenzjalment inħolqu minn prezzijiet tal-bejgħ baxxi u livelli ta’ profittabbiltà baxxi. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet.

    (307)

    Wilmar sostniet ukoll li l-iżvilupp tal-impjiegi u tal-produttività ma kinux korrelatati max-xejra fil-volumi tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja.

    (308)

    L-ewwel, jenħtieġ li jiġi ddikjarat li mhux l-indikaturi kollha tad-dannu jeħtieġ li juru korrelazzjoni diretta mal-importazzjonijiet mill-Indoneżja għal determinazzjoni ġenerali ta’ dannu materjali fil-kuntest tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, kemm il-livelli tal-impjiegi kif ukoll il-produttività naqsu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod adegwat dawn il-fatturi fit-Taqsima “Konklużjoni dwar id-Dannu”. Madankollu, kif iddikjarat fil-premessa (259), l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping ikkawżaw effetti negattivi fuq il-prezzijiet għall-industrija tal-Unjoni li kienet qed issofri minn dannu materjali peress li ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tagħha għal livell li jippermetti livell raġonevoli ta’ profitti. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjonijiet dwar l-impjiegi u l-produttività.

    (309)

    Wilmar qablet ukoll il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni mal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u ssuġġeriet li kienu simili ħafna. Billi assumiet li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ġew stabbiliti fil-livell tal-prezzijiet tas-suq globali, Wilmar wasslet għall-konklużjoni li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni ma kinux imrażżna mill-importazzjonijiet mill-Indoneżja, iżda ġew stabbiliti fil-livell tal-prezzijiet globali.

    (310)

    Il-Kummissjoni nnotat li s-suppożizzjoni li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ġew stabbiliti f’livell ta’ prezz globali ma ġietx spjegata jew issostanzjata. Il-Kummissjoni qabblet direttament il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u l-prezzijiet tal-bejgħ tal-esportazzjoni ta’ Wilmar fuq bażi tal-PCN għal kull PCN, u wriet li l-prezzijiet ta’ Wilmar waqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat din l-affermazzjoni.

    (311)

    Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, il-grupp Musim Mas issottometta kummenti u analiżi tal-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja u l-prezzijiet medji, u għamel tqabbil mal-prezzijiet medji u l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni sabiex juri li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja ma kinux kawża tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

    (312)

    Madankollu, peress li huma bbażati fuq il-prezzijiet medji, it-tqabbil u l-konklużjonijiet milħuqa huma inqas preċiżi mis-sejbiet li saru abbażi ta’ kalkoli speċifiċi ta’ twaqqigħ tal-prezz, li juru pressjoni ċara fuq il-prezzijiet. Barra minn hekk, il-kumment li l-profittabbiltà kienet l-ogħla fil-perjodu ta’ investigazzjoni jinjora l-fatt li, anke f’din is-sena partikolari, il-profittabbiltà kienet baxxa wisq biex tiżgura l-vijabbiltà tal-industrija, kif spjegat fil-premessi (266) u (269). Għall-kuntrarju ta’ dak li qed issostni din il-parti, dawn iċ-ċirkostanzi juru b’mod preċiż ir-rabta kawżali bejn l-esportazzjonijiet Indoneżjani li huma oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-UE. Fil-fatt, l-irkupru żgħir tal-industrija tal-Unjoni minħabba dan in-nuqqas temporanju mill-Indoneżja flimkien mal-insigurtajiet tal-esportazzjonijiet Indoneżjani li jaslu fis-suq tal-Unjoni, wassal biex l-utenti spiċċaw jixtru l-aċidu xaħmi mingħand il-produtturi tal-Unjoni minflok mingħand l-esportaturi Indoneżjani kif spjegat fil-premessa (266). Għalhekk dawn il-kummenti ġew miċħuda.

    (313)

    Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Indoneżja kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

    5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

    5.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

    (314)

    Il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat, skont il-metodoloġija tal-kalkolu deskritta fil-premessa (195):

    Tabella 11

    Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

    Pajjiż

     

    2018

    2019

    2020

    Perjodu ta’ investigazzjoni

    Il-Malażja

    Volum (tunnellati)

    88 322

    90 583

    95 453

    88 183

    Indiċi

    100

    103

    108

    100

    Sehem mis-suq (%)

    7,5

    7,5

    8,3

    7,8

    Indiċi

    100

    101

    111

    105

    Prezz medju

    1 110

    849

    925

    1 161

    Indiċi

    100

    76

    83

    105

    Pajjiżi terzi oħrajn

    Volum (tunnellati)

    39 435

    32 899

    38 092

    40 064

    Indiċi

    100

    83

    97

    102

    Sehem mis-suq (%)

    3,3

    2,7

    3,3

    3,6

    Indiċi

    100

    82

    99

    107

    Prezz medju

    1 331

    1 522

    1 329

    1 443

    Indiċi

    100

    114

    100

    108

    Total tal-pajjiżi terzi kollha minbarra l-Indoneżja

    Volum (tunnellati)

    127 757

    123 482

    133 545

    128 247

    Indiċi

    100

    97

    105

    100

    Sehem mis-suq (%)

    10,8

    10,3

    11,6

    11,4

    Indiċi

    100

    95

    107

    106

    Prezz medju

    1 178

    1 028

    1 040

    1 249

    Indiċi

    100

    87

    88

    106

    Sors:

    Eurostat.

    (315)

    Il-volumi tal-importazzjoni mill-Malażja kienu relattivament stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. F’termini ta’ volum, dawn kienu f’livell simili fil-PI bħalma kienu fl-2018 f’madwar 88 000 tunnellata. Is-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet kien ta’ bejn 7,5 % u 8,3 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, għalkemm b’mod ġenerali kien hemm żieda fis-sehem mis-suq ta’ 5 % minħabba t-tnaqqis fil-konsum.

    (316)

    L-importazzjonijiet mill-Malażja daħlu fis-suq tal-Unjoni prinċipalment taħt il-kodiċijiet NM 3823 11 00, 3823 12 00 u 3823 19 10. Dawn kienu wkoll il-kodiċijiet ewlenin użati mill-importazzjonijiet Indoneżjani. L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li t-taħlita ta’ prodotti tal-importazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi baqgħet stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-prezzijiet medji tal-importazzjoni mill-Malażja kienu f’livelli konsistentement ogħla minn dawk kemm tal-Indoneżja (b’aktar minn 10 % kull sena) kif ukoll tal-industrija tal-Unjoni.

    (317)

    Il-volumi tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn naqsu bi 2 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Matul il-perjodu kollu, dawn l-importazzjonijiet baqgħu stabbli għal madwar 40 000 tunnellata u flimkien kienu jirrappreżentaw inqas minn 4 % f’termini ta’ sehem mis-suq.

    (318)

    L-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn saru wkoll prinċipalment taħt il-kodiċijiet NM 3823 11 00, 3823 12 00 u 3823 19 10, li jissuġġerixxu taħlita ta’ prodotti simili. Il-prezzijiet medji tal-importazzjoni minn dawn il-pajjiżi terzi l-oħrajn kienu f’livelli konsistentement ogħla minn dawk kemm tal-Indoneżja kif ukoll tal-industrija tal-Unjoni.

    (319)

    Wilmar affermat li l-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Arġentina kienu qed jikkawżaw dannu lill-produtturi tal-Unjoni.

    (320)

    Madankollu, din l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li tali importazzjonijiet kienu negliġibbli, tant li jammontaw biss għal madwar 4 000 tunnellata u sehem mis-suq ta’ 0,4 % fil-PI.

    (321)

    Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ma kkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni jew ma attenwawx ir-rabta kawżali fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja.

    5.2.2.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

    (322)

    Il-volum tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni żviluppa matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif ippreżentat fit-Tabella 12. Din iċ-ċifra nkisbet billi ntużaw l-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u ġiet estrapolata ċ-ċifra sabiex tirrappreżenta l-industrija kollha tal-Unjoni (42).

    Tabella 12

    Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

     

    2018

    2019

    2020

    Perjodu ta’ investigazzjoni

    Volum tal-esportazzjonijiet (tunnellati)

    91 577

    82 260

    79 319

    86 173

    Indiċi

    100

    90

    87

    94

    Prezz medju lil partijiet mhux relatati (EUR/tunnellata)

    929

    804

    857

    1 105

    Indiċi

    100

    87

    92

    119

    Sors:

    Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

    (323)

    Il-volum tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b’6 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ dawn l-esportazzjonijiet żdiedu bi 19 % matul l-istess perjodu, meta jitqies li dawk il-prezzijiet kienu affettwati wkoll mill-iżvilupp fil-kostijiet murija fit-Tabella 7.

    (324)

    Meta wieħed iżomm f’moħħu li l-volumi tal-esportazzjoni kienu jirrappreżentaw biss madwar 10 % tal-volumi tal-bejgħ tal-Unjoni u li x-xejra tal-volumi tal-bejgħ u l-prezzijiet kienu simili għal dawk osservati għall-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles tal-Unjoni, huwa evidenti li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma hijiex element ewlieni fil-valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

    (325)

    Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma kkawżatx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni jew ma setgħetx tattenwa r-rabta kawżali fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja.

    5.2.3.   Konsum

    (326)

    Il-konsum naqas b’5 % fis-suq ħieles tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif muri fit-Tabella 1. Meta jitqies ukoll l-użu kaptiv, is-suq totali tal-Unjoni naqas ukoll b’5 %. L-investigazzjoni wriet li t-tnaqqis fil-konsum kien prinċipalment dovut għal fatturi relatati mal-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq is-setturi tal-utenti fl-Unjoni, bħat-tindif tad-dar, kif iddikjarat fil-premessa (191).

    (327)

    Wilmar u P&G sostnew li l-iżviluppi fis-settur tal-karozzi matul il-pandemija tal-Covid-19 kienu parzjalment responsabbli għat-tnaqqis fil-konsum. Barra minn hekk, huma affermaw li l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni relatata mal-livelli massimi għal 3-monokloropropandiol (3-MCPD) kellha wkoll impatt fuq il-bejgħ lis-settur tal-ikel.

    (328)

    Il-Kummissjoni sabet li t-tnaqqis temporanju fil-konsum matul il-pandemija tal-Covid-19 ma setax jispjega d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. L-iżviluppi fis-setturi tal-karozzi u tal-ikel ma kellhomx rwol kbir fl-iżvilupp ġenerali tal-konsum, li t-tnaqqis tiegħu kien limitat għal 5 %. L-analiżi tad-dannu wriet li d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien relatat ma’ kwistjonijiet tal-prezzijiet, bħat-twaqqigħ tal-prezz u t-trażżin tal-prezzijiet, li żammew lill-Unjoni milli żżid il-prezz f’konformità mal-kostijiet għal livell ta’ profitti adegwati.

    (329)

    L-investigazzjoni wriet li t-telf tal-industrija tal-Unjoni f’termini ta’ volum ta’ produzzjoni u bejgħ kien akbar mit-tnaqqis fil-konsum matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fil-fatt, minkejja t-tnaqqis fil-konsum, il-benefiċjarji ewlenin mill-iżviluppi tas-suq kienu l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Indoneżja, li żiedu s-sehem mis-suq tagħhom bi 19 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, kif muri hawn fuq fit-Tabella 2.

    (330)

    Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iżvilupp fil-konsum ma kienx kawża tad-dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

    5.2.4.   Kwistjonijiet dwar il-materja prima

    (331)

    Il-materja prima ewlenija tal-prodott li qiegħed jiġi investigat hija x-xaħam tad-dam, materja derivata mix-xaħam tal-annimali, u/jew żjut veġetali bħas-CPO. Dawn jammontaw għal madwar 70 % tal-kostijiet totali għall-produzzjoni tal-aċidi xaħmin.

    (332)

    Il-produtturi tal-Unjoni użaw ix-xaħam tad-dam bħala materja prima ewlenija, iżda jużaw ukoll kwantitajiet kbar ta’ żejt veġetali, inkluż is-CPO, li kienu ġejjin mill-Unjoni jew mix-Xlokk tal-Asja, inkluża l-Indoneżja. Ix-xaħam tad-dam huwa disponibbli lokalment u adattat għall-produzzjoni tal-biċċa l-kbira tas-segmenti tal-utenti tal-aċidi xaħmin. Il-produtturi esportaturi fl-Indoneżja użaw prinċipalment is-CPO, is-CPKO u volumi żgħar ta’ żjut veġetali oħrajn disponibbli lokalment, bħaż-żejt tal-ġewż tal-Indi, fil-produzzjoni tagħhom. L-investigazzjoni wriet li f’termini ġenerali, il-kwalità u l-ispeċifikazzjoni tal-aċidu xaħmi jiddependu fuq l-input tal-materja prima, għalkemm kien hemm interkambjabbiltà kbira bejn ix-xaħam tad-dam u l-prodotti bbażati fuq is-CPO. Barra minn hekk, il-prodotti manifatturati jistgħu jiġu rfinuti jew żviluppati aktar fi prodotti b’karatteristiċi differenti permezz ta’ idroġenazzjoni u frazzjonament sabiex jiġu ssodisfati ċerti rekwiżiti tal-klijenti.

    (333)

    Wilmar u P&G sostnew li d-dipendenza tal-industrija tal-Unjoni fuq ix-xaħam tad-dam bħala materja prima minflok is-CPO kellha impatt negattiv fuq il-kostijiet u l-profittabbiltà tagħhom. Hija affermat li l-iżviluppi fis-suq tax-xaħam tad-dam fl-Unjoni kienu żiedu l-kompetizzjoni għax-xaħam tad-dam u għollew il-prezzijiet tax-xaħam tad-dam. Il-grupp Greven sostna li l-użu dejjem jiżdied ta’ xaħmijiet tal-annimali mdewba għall-produzzjoni tal-bijofjuwils kellu impatt negattiv fuq id-disponibbiltà tax-xaħam tad-dam għall-industrija oleokimika u l-iskarsezza kienet ikkawżat żidiet drastiċi fil-prezzijiet.

    (334)

    Il-Kummissjoni nnotat li l-kawża tad-dannu kienet il-prezzijiet baxxi tal-importazzjonijiet Indoneżjani. Il-fatt li dawn il-prezzijiet baxxi huma permessi mill-possibbiltà li tinkiseb materja prima rħisa (43) huwa immaterjali għall-finijiet tal-analiżi tad-dannu, minħabba li l-investigazzjoni stabbiliet li l-esportaturi Indoneżjani kienu involuti fi prattiki ta’ dumping.

    (335)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-industrija tal-Unjoni wriet li l-kostijiet kemm għax-xaħam tad-dam kif ukoll għas-CPO żdiedu sa 40 % fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, il-prezzijiet medji tax-xiri kemm tax-xaħam tad-dam kif ukoll tas-CPO kienu simili ħafna, minħabba li s-CPO kellu jiġi importat mix-Xlokk tal-Asja. Il-kostijiet tat-trasport żdiedu għall-prodotti importati, speċjalment matul il-pandemija meta l-kostijiet tal-loġistika kienu ġew affettwati minn kwistjonijiet ta’ provvista. B’hekk, l-użu tax-xaħam tad-dam mill-industrija tal-Unjoni (minbarra taħlita ta’ tipi oħrajn ta’ materja prima) kien għażla razzjonali u effiċjenti bbażata fuq loġika kummerċjali soda u ma setax jitqies bħala sors ta’ dannu kkawżat mill-industrija stess. Għalhekk, l-affermazzjonijiet ġew irrifjutati.

    (336)

    Wilmar sostniet ukoll li l-użi tal-prodott li qiegħed jiġi investigat kienu ristretti ladarba ntuża x-xaħam tad-dam bħala materja prima, minħabba li prodotti bħal dawn ma setgħux jintużaw fis-swieq tal-Halal u l-Kosher. Barra minn hekk, l-aċidi xaħmin prodotti mix-xaħam tad-dam bħala materja prima ma setgħux jintużaw bħala għalf tal-annimali.

    (337)

    Madankollu, l-investigazzjoni żvelat li s-settur tal-kura fid-djar kien bil-bosta l-akbar xerrej għal tali aċidi xaħmin, li rrappreżentaw aktar minn 50 % tal-konsum tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-produtturi tal-Unjoni setgħu jiżguraw il-konformità ma’ rekwiżiti bħal Kosher u Halal billi jiddedikaw parti mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom biex jipproduċu esklussivament aċidi xaħmin bi żjut veġetali bħala materja prima. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (338)

    Wilmar affermat ukoll li n-nuqqas ta’ disponibbiltà tax-xaħam tad-dam kien ifisser li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kienu ristretti.

    (339)

    Wilmar ma pprovdiet l-ebda evidenza biex tissostanzja l-punt tagħha fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħha. Fil-fatt, l-evidenza kunfidenzjali sottomessa wriet żieda fis-sehem tal-konsum tax-xaħam tad-dam fil-produzzjoni tal-aċidu xaħmi matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (340)

    Meta wieħed iżomm f’moħħu li l-prezzijiet tal-materja prima tax-xaħam tad-dam u taż-żejt veġetali kienu komparabbli, b’mod partikolari fil-perjodu ta’ investigazzjoni, l-interkambjabbiltà kbira għax-xaħam tad-dam u għall-prodotti bbażati fuq is-CPO, u n-natura limitata tar-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ aċidi xaħmin ibbażati fuq ix-xaħam tad-dam, il-Kummissjoni sabet li l-użu tax-xaħam tad-dam bħala materja prima ma kienx kawża tad-dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

    (341)

    Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, il-grupp Greven, Wilmar, Musim Mas u l-grupp Schill + Seilacher ikkummentaw dwar kwistjonijiet relatati mal-iżviluppi fil-kost tax-xaħam tad-dam bħala materja prima minħabba ż-żieda fl-użu tiegħu minn industriji oħrajn, u dwar it-tnaqqis fid-disponibbiltà ta’ materja prima għall-industrija tal-Unjoni. Il-punt ewlieni li għamlu dawn il-partijiet kien li l-Kummissjoni ma tatx biżżejjed piż, fid-divulgazzjoni finali, lill-impatt tad-deterjorament fid-disponibbiltà tax-xaħam tad-dam, li rriżulta f’żieda fil-kostijiet tax-xaħam tad-dam meta mqabbla maż-żejt tal-palm bħala materja prima għall-produzzjoni tal-aċidu xaħmi. Biex jappoġġa l-fehmiet tiegħu, il-grupp Greven ippreżenta statistika u analiżijiet li juru l-evoluzzjoni tar-relazzjoni bejn il-prezzijiet tax-xaħam tad-dam u taż-żejt tal-palm matul il-perjodu mill-2008 sal-2022. Barra minn hekk, il-grupp Greven argumenta li l-prezzijiet tax-xaħam tad-dam se jkomplu jiżdiedu fil-futur u li l-industrija tal-Unjoni naqset milli tagħmel l-investimenti sinifikanti meħtieġa biex isseħħ bidla fil-produzzjoni tagħha lejn is-CPO bħala l-materja prima ewlenija.

    (342)

    Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li d-disponibbiltà tax-xaħam tad-dam fl-Unjoni naqset matul is-snin, li l-prezzijiet tax-xaħam tad-dam żdiedu b’riżultat ta’ dan, jew li kien hemm bidla storika fil-kompetittività tal-prezzijiet tax-xaħam tad-dam meta mqabbla mal-prezzijiet tal-materja prima taż-żejt veġetali. Bħal fl-industriji kollha, iż-żidiet fil-prezzijiet tal-materja prima, speċjalment għall-industriji li jagħmlu profitti baxxi, jeħtieġ li jiġu mgħoddija lill-klijenti f’xi stadju, sabiex jibqgħu vijabbli. Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-industrija tal-Unjoni esperjenzat żidiet fil-kostijiet tal-materja prima ta’ madwar 40 % kemm għaż-żejt tal-palm kif ukoll għax-xaħam tad-dam. L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-aċidu xaħmi b’mod suffiċjenti biex tirrifletti dawn iż-żidiet fil-kostijiet u tilħaq livelli adegwati ta’ profittabbiltà, filwaqt li l-kostijiet tal-materja prima jirrappreżentaw madwar 70 % tal-kostijiet totali. Barra minn hekk, il-kostijiet tax-xaħam tad-dam kienu simili għall-kostijiet tas-CPO (inklużi l-kostijiet loġistiċi) matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni abbażi tad-data verifikata tal-kostijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Ir-raġuni għaliex il-prezzijiet tal-materja prima ma kinux ġew mgħoddija b’mod adegwat lill-klijenti hija minħabba l-pressjoni fuq il-prezz fuq il-prodott simili kkawżata mill-prezzijiet tal-importazzjoni li huma oġġett ta’ dumping mill-Indoneżja. Fi kwalunkwe każ, kif diskuss hawn fuq, il-prezzijiet tal-input tas-CPO u tax-xaħam tad-dam (inklużi l-kostijiet tat-trasport) kienu simili ħafna għall-produtturi tal-Unjoni tal-aċidu xaħmi.

    (343)

    Fir-rigward tal-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jibdlu l-produzzjoni tagħhom minn tip ta’ materja prima għal ieħor, il-Kummissjoni nnotat li l-erba’ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun diġà jagħmlu użu minn tipi differenti ta’ materja prima, inkluż ix-xaħam tad-dam u ż-żejt tal-palm, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet tas-suq. Fi kwalunkwe każ, l-aspettattivi dwar l-iżviluppi futuri tas-suq, bħall-evoluzzjoni tal-prezzijiet tax-xaħam tad-dam, ma humiex rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu u l-kawżalità fil-perjodu kkunsidrat.

    (344)

    Għalhekk, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni żdiedu minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima; madankollu, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha f’livell raġonevoli minħabba l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping bi prezz baxx. B’hekk, din l-affermazzjoni ma tistax tiġi milqugħa.

    5.2.5.   Allegati ineffiċjenzi tal-industrija tal-Unjoni

    (345)

    Wilmar u P&G sostnew li l-esportaturi Indoneżjani kienu integrati vertikalment sal-punt li kellhom pjantaġġuni taż-żejt tal-palm u, għalhekk, gawdew vantaġġi kompetittivi fuq l-industrija tal-Unjoni, li kienet ineffiċjenti.

    (346)

    Il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe allegat vantaġġ kompetittiv ma jistax jiġġustifika d-dumping dannuż ipprattikat mill-esportaturi Indoneżjani fis-suq tal-Unjoni. Kif spjegat fit-Taqsima “Dumping” hawn fuq, il-Kummissjoni qabblet il-prezz mitlub mill-esportaturi kkonċernati lil klijenti bbażati fl-UE mal-valur normali tagħhom fl-Indoneżja u sabet li kien jeżisti dumping sinifikanti. Dan ifisser li d-dumping li nstab huwa kkundizzjonat biss mill-imġiba kummerċjali tal-produtturi esportaturi Indoneżjani li ddeċidew li jesportaw bi prezzijiet taħt il-prezzijiet jew il-kostijiet tal-bejgħ domestiku tagħhom. L-investigazzjoni wriet li din l-imġiba kkawżat dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

    (347)

    Wilmar affermat ukoll li l-industrija tal-Unjoni kienet qed issofri minn nuqqas ta’ investiment, li jispjega d-dannu li nstab.

    (348)

    Kif imsemmi hawn fuq, l-industrija tal-Unjoni prinċipalment għamlet investimenti fiż-żamma tal-kapaċità eżistenti u fit-titjib tal-effiċjenza. L-investigazzjoni kkonkludiet li l-livelli ta’ profittabbiltà inadegwati u l-kapaċità mnaqqsa li jiżdied il-kapital ikkawżata mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping wasslu għal livelli ta’ investiment ristretti. B’hekk, l-allegat nuqqas ta’ investimenti ma kienx il-kawża, iżda pjuttost il-konsegwenza tad-dannu materjali kkawżat mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Indoneżja. Il-preżenza massiva ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni kellha impatt negattiv fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni u l-kapaċità tagħha li żżid il-kapital u ċerti investimenti strutturali ma setgħux ikomplu kif ippjanat, b’mod partikolari matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

    (349)

    Wilmar affermat li ċerti produtturi tal-Unjoni, inkluż KLK, kienu importaw aċidi xaħmin mill-Indoneżja matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Wilmar affermat li kwalunkwe dannu jrid jitqies li kien mill-inqas parzjalment awto-inflitt.

    (350)

    L-investigazzjoni wriet li x-xiri tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, inkluż KLK, mill-Indoneżja kien negliġibbli, jiġifieri inqas minn 3 % tal-volumi tal-produzzjoni tagħhom fis-sena u matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu. Għalhekk, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (351)

    Wilmar affermat ukoll li l-industrija tal-Unjoni sofriet minn pożizzjoni ġeografika ħażina, jiġifieri minn postijiet li ma jagħtux aċċess għal faċilitajiet ta’ portijiet ta’ ilma fond għall-akkwist ta’ materja prima u l-bejgħ ta’ prodotti lesti.

    (352)

    Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni peress li l-investigazzjoni wriet li mill-inqas l-erba’ produtturi tal-Unjoni kollha inklużi fil-kampjun li, kif iddikjarat fil-premessa (36), kienu jirrappreżentaw 61 % tal-produzzjoni tal-Unjoni, kellhom aċċess għall-baħar fond jew għall-faċilitajiet tal-portijiet tax-xmajjar matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għalhekk, filwaqt li ċerti produtturi iżgħar tal-Unjoni jista’ ma jkollhomx aċċess għall-faċilitajiet tal-portijiet tal-baħar fond, dan ma huwiex minnu għall-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi u, għalhekk, ma jispjegax id-dannu materjali.

    (353)

    Wilmar affermat ukoll li l-akkwiżizzjoni tas-sit ta’ Dusseldorf mill-Grupp KLK ħolqot aktar ineffiċjenza fi ħdan l-industrija tal-Unjoni. Din l-affermazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li s-sit juża x-xaħam tad-dam bħala materja prima.

    (354)

    Madankollu, kif indikat fil-premessi (331) sa (340), il-prezz tax-xaħam tad-dam huwa simili għall-prezz ta’ materja prima oħra u x-xaħam tad-dam huwa teknikament xieraq għall-produzzjoni tal-maġġoranza tas-segmenti tal-utenti. Għalhekk, din l-affermazzjoni tqieset li hija mingħajr mertu.

    (355)

    P&G u Wilmar affermaw li l-industrija tal-Unjoni kienet ineffiċjenti u impjegat għadd kbir ta’ persunal u, b’hekk, ġarrbet kostijiet għoljin tal-impjiegi.

    (356)

    Meta wieħed iżomm f’moħħu li l-kostijiet tal-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni (is-salarji flimkien mal-kostijiet l-oħrajn kollha relatati mal-impjiegi) kienu jirrappreżentaw biss 7,2 % tal-kostijiet totali fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, dan il-kost ma tqiesx bħala li potenzjalment kapaċi jikkawża dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (357)

    Wilmar affermat li l-industrija tal-Unjoni kienet ineffiċjenti f’termini tal-issodisfar tal-ħinijiet tal-kunsinna u l-iżgurar tal-kunsinna tal-kwantitajiet rilevanti mitluba mis-suq tal-Unjoni. Din l-affermazzjoni ma kienet akkumpanjata minn ebda evidenza.

    (358)

    Madankollu, mit-Tabella 4 ta’ hawn fuq jidher ċar li l-industrija tal-Unjoni għandha aktar minn 200 000 tunnellata ta’ kapaċità ta’ riżerva li tista’ tuża minnufih, jekk jaslu biżżejjed ordnijiet. Fin-nuqqas ta’ kull evidenza li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx jew ma riditx tipprovdi, l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (359)

    Abbażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li kwalunkwe allegata kwistjoni ta’ effiċjenza u materja prima ma kinitx tali li tikkawża dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni jew li tkun attenwat ir-rabta kawżali fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja.

    (360)

    Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali Wilmar sostniet li r-raġuni għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kienet iż-żidiet fil-kostijiet loġistiċi li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 u fil-kostijiet lavorattivi. Ġie ddikjarat li minħabba dawn il-kwistjonijiet l-industrija tal-Unjoni ma baqgħetx kompetittiva meta mqabbla mal-produtturi esportaturi Indoneżjani.

    (361)

    Il-kostijiet tal-loġistika huma parti relattivament żgħira mill-kost totali (inqas minn 5 %). Barra minn hekk, il-kostijiet lavorattivi għal kull impjegat żdiedu bi 8 % biss matul l-erba’ snin tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni f’konformità man-negozjati mal-amministrazzjonijiet tal-junjins tax-xogħol u dawk nazzjonali. Il-kostijiet lavorattivi kienu jirrappreżentaw madwar 7,2 % biss tal-kostijiet totali. Għalhekk, il-Kummissjoni tiċħad l-affermazzjoni li ż-żieda fil-kostijiet tal-loġistika u f’dawk lavorattivi kkawżat dannu.

    (362)

    Wilmar sostniet ukoll li r-raġuni għall-bejgħ mhux profittabbli fl-2019 u fl-2020 kienet minħabba żidiet fil-kostijiet SG&A u fil-kostijiet tal-finanzjament.

    (363)

    Madankollu, din l-affermazzjoni saret minħabba nuqqas ta’ fehim minn Wilmar tat-Tabella 7 relatata mal-kostijiet tal-produzzjoni. F’dik it-tabella, it-terminu “kostijiet tal-produzzjoni” ifisser il-kostijiet kollha tal-produtturi tal-Unjoni, li jinkludu l-kostijiet SG&A u l-kostijiet tal-finanzjament. Fil-fatt, l-kostijiet SG&A u l-kostijiet tal-finanzjament kienu relattivament stabbli matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li ż-żieda fil-kostijiet SG&A u tal-finanzjament ikkawżat dannu.

    (364)

    Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, il-grupp Greven qajjem dubju dwar kemm il-produtturi tal-Unjoni għandhom biżżejjed kapaċità biex jissostitwixxu l-importazzjonijiet mill-Indoneżja, għalkemm fit-teorija sehem mis-suq ta’ 20 % jista’ jkun kopert mill-kapaċità ta’ riżerva ta’ 20 % tal-industrija tal-Unjoni. Sabiex jappoġġa din l-affermazzjoni, il-grupp Greven ipprovda data li turi li l-użu attwali tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni tal-aċidu xaħmi (80 %) diġà huwa fil-medja fit-tul tal-industrija kimika Ewropea usa’. Fid-dawl ta’ dan, il-grupp Greven argumenta li użu 100 % tal-kapaċità la kien sostenibbli, u lanqas ma seta’ jinkiseb fuq perjodu ta’ żmien estiż. Barra minn hekk, il-grupp Greven irrefera għad-domanda tiegħu stess, li mill-2020 ma setgħetx tiġi ssodisfata mill-produtturi tal-Unjoni, jew minħabba kapaċità insuffiċjenti, jew minħabba provvista insuffiċjenti ta’ materja prima. B’mod partikolari għas-setturi tal-farmaċewtika, tal-għalf u tal-ikel, il-grupp Greven sostna li ma kienx hemm kapaċità ta’ produzzjoni suffiċjenti mill-produtturi tal-Unjoni, peress li l-aċidi xaħmin għal dawn is-setturi setgħu jiġu prodotti biss minn materjal veġetali jew ibbażat fuq il-palm u jridu jkunu ċċertifikati RSPO (Roundtable on Sustainable Palm Oil), Mass Balance, Kosher u Halal.

    (365)

    Il-Kummissjoni fakkret li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni għall-aċidu xaħmi ġiet ikkalkolata abbażi ta’ produzzjoni massima li tista’ tinkiseb fit-tul, filwaqt li titqies il-manutenzjoni. Għalhekk, il-fatt li l-użu medju fit-tul tal-kapaċità tal-industrija kimika usa’ huwa ta’ 80 % ma jitfax dubju fuq il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni tal-aċidu xaħmi li tuża l-kapaċità ta’ riżerva kollha tagħha kif ikkalkulata mill-Kummissjoni f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-grupp Greven ma pprovdiex evidenza li l-allegata inkapaċità tal-industrija tal-Unjoni biex taqdi d-domanda tiegħu kienet dovuta għal fatturi sistemiċi aktar milli ċirkostanzjali u li din kienet se tippersisti fit-tul. Fir-rigward tal-aċidi xaħmin għas-setturi tal-farmaċewtika, tal-għalf u tal-ikel, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li bl-irkupru tal-profittabbiltà, kundizzjonijiet ekwi fis-suq tal-Unjoni tal-aċidu xaħmi jippermettu u jinċentivaw lill-industrija tal-Unjoni biex twettaq kwalunkwe investiment meħtieġ biex jiġu indirizzati l-lakuni fil-kapaċità relatati ma’ prodotti speċifiċi. Minħabba dan ta’ hawn fuq, l-argument ġie rrifjutat.

    5.2.6.   Użu kaptiv

    (366)

    L-użu kaptiv żdied b’madwar 2 % f’termini assoluti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u kien jinkludi madwar 10 % tal-konsum totali tas-suq f’kull sena tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif iddikjarat fit-Tabella 5. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-iżviluppi fl-użu kaptiv kienu stabbli jew kemxejn pożittivi għall-industrija tal-Unjoni.

    (367)

    Għalhekk, l-iżvilupp fl-użu kaptiv ma setax ikkawża dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni jew attenwa r-rabta kawżali fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja.

    5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

    (368)

    Kien hemm 15-il produttur ta’ aċidi xaħmin fl-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni u dawn biegħu lil firxa wiesgħa ta’ klijenti f’ħafna setturi tal-utenti. L-investigazzjoni wriet li l-preżenza ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Indoneżja kellha l-effett li trażżan il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan kien ifisser li l-livell tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni ma setax jaqbel maż-żidiet fil-prezzijiet tal-materja prima matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu. Konsegwentement, il-profittabbiltà tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kienet baxxa, jew saħansitra negattiva, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Din il-profittabbiltà hija taħt il-profitti li l-industrija jenħtieġ li tikseb f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni u hija evidentement mhux adegwata biex tiżgura s-sopravivenza fit-tul tal-industrija. Kellu jsir investiment mill-industrija tal-Unjoni sabiex jinżammu l-faċilitajiet eżistenti, iżda l-kapaċità mnaqqsa biex jinġabar il-kapital kienet ta’ theddida għal-livelli ta’ investiment.

    (369)

    Fis-suq ħieles tal-Unjoni kien hemm kwantitajiet sinifikanti ta’ importazzjonijiet Indoneżjani li huma oġġett ta’ dumping bi prezz baxx. Filwaqt li dak is-suq naqas b’5 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja żdied bi 13 % u s-sehem mis-suq bi 18 %. B’riżultat ta’ dan, huma kienu jirrappreżentaw madwar żewġ terzi tal-importazzjonijiet kollha lejn is-suq tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni. L-investigazzjoni wriet li din il-penetrazzjoni fis-suq kellha wkoll konsegwenzi negattivi fuq l-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari fuq il-volumi tal-produzzjoni u tal-bejgħ li, rispettivament, naqsu b’7 % u b’10 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan huwa muri fit-Tabelli 4 u 5.

    (370)

    Fatturi oħrajn eżaminati kienu l-importazzjonijiet minn sorsi oħrajn, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, l-iżviluppi fl-użu kaptiv, l-iżviluppi fil-konsum u l-allegati ineffiċjenzi tal-industrija tal-Unjoni.

    (371)

    Għalhekk, il-Kummissjoni ddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi magħrufa kollha li jaffettwaw is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. L-ebda wieħed mill-fatturi, kollettivament jew separatament, ma nstab li kellu biżżejjed effett fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni biex iqajjem dubji dwar il-konklużjoni li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu qed jikkawżaw dannu materjali.

    (372)

    Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Id-dannu jikkonsisti prinċipalment fi trażżin tal-prezzijiet, profittabbiltà inadegwata, redditu fuq l-investimenti, fluss tal-flus, kapaċità li jinġabar il-kapital, telf tas-sehem mis-suq u tnaqqis fil-produzzjoni, fil-produttività, fil-volum tal-bejgħ u fl-impjiegi.

    6.   LIVELL TAL-MIŻURI

    (373)

    Sabiex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni eżaminat jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx suffiċjenti sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping għall-industrija tal-Unjoni.

    (374)

    L-ilmentatur afferma l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, sabiex titwettaq il-valutazzjoni fuq il-livell xieraq ta’ miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet l-ammont ta’ dazju neċessarju biex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ distorsjonijiet skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Imbagħad hija eżaminat jekk il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kienx se jkun ogħla mill-marġni tad-dannu tagħhom (ara t-Taqsima 6.2 hawn taħt).

    6.1.   Marġni tal-bejgħ taħt il-prezz

    (375)

    Id-dannu jitneħħa jekk l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tikseb profitt fil-mira billi tbigħ bi prezz fil-mira fis-sens tal-Artikoli 7(2c) u 7(2d) tar-Regolament bażiku.

    (376)

    F’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku, sabiex tistabbilixxi l-profitt fil-mira, il-Kummissjoni qieset il-fatturi li ġejjin: il-livell ta’ profittabbiltà qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiż li qiegħed jiġi investigat, il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ sabiex ikopri l-kostijiet u l-investimenti kollha, ir-riċerka u l-iżvilupp (“R&Ż”) u l-innovazzjoni, u l-livell ta’ profittabbiltà li għandu jkun mistenni f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Jenħtieġ li tali marġni ta’ profitt ma jkunx inqas minn 6 %.

    (377)

    L-informazzjoni relatata mal-istabbiliment tal-profitt normali ġiet inkluża fil-kwestjonarji li ntbagħtu lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Din kienet tinkludi l-profittabbiltà tal-prodott simili għall-għaxar snin ta’ qabel il-perjodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, il-produtturi tal-Unjoni ma setgħux jipprovdu data kompluta minħabba bidliet fis-sistemi tal-kontabilità u bidliet organizzazzjonali. Barra minn hekk, il-profittabbiltà tal-prodott simili fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni kienet aktar baxxa minn 6 % kif muri fit-Tabella 10.

    (378)

    Ċerti produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun affermaw li l-livell tagħhom ta’ investimenti, R&Ż u innovazzjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kien ikun ogħla f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

    (379)

    Madankollu, il-produtturi ma setgħux jikkwantifikaw dawn l-affermazzjonijiet. Għalhekk, ġie konkluż li jenħtieġ li l-profitt fil-mira jiġi stabbilit għal 6 % f’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku.

    (380)

    F’konformità mal-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni vvalutat il-kostijiet futuri li jirriżultaw minn Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, u l-protokolli taħthom, li għalihom l-Unjoni hija parti, u mill-Konvenzjonijiet tal-ILO elenkati fl-Anness Ia tar-Regolament bażiku, li se ġġarrab l-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 11(2). Il-Kummissjoni stabbiliet kost addizzjonali ta’ 0,1 % li ġie miżjud mal-prezz mhux dannuż. Nota għal-fajl dwar kif il-Kummissjoni stabbiliet dan il-kost addizzjonali hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.

    (381)

    Dawn il-kostijiet kienu jinkludu l-kostijiet futuri addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-konformità mas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS). L-EU ETS hija pedament tal-politika tal-UE għall-konformità mal-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali. Tali kostijiet addizzjonali ġew ikkalkolati abbażi tal-medja tal-Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE (EUA) addizzjonali stmati li se jkollhom jinxtraw matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri (mill-2022 sal-2026). L-EUAs użati fil-kalkolu kienu netti mill-kwoti tal-emissjonijiet bla ħlas riċevibbli u ġew aġġustati biex jiġi żgurat li kienu relatati biss mal-prodott li qiegħed jiġi investigat. Il-kostijiet tal-EUAs ġew estrapolati sabiex titqies il-varjazzjoni mistennija fil-prezzijiet matul il-ħajja tal-miżuri. Is-sors għal dawn il-prezzijiet ipproġettati huwa estrazzjoni minn Bloomberg datata t-23 ta’ Ġunju 2022. Il-prezz medju pproġettat għall-EUAs (inkluż Bloomberg New Energy Finance) għal dan il-perjodu huwa ta’ EUR 91,8 għal kull tunnellata ta’ CO2 emess.

    (382)

    Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkolat prezz mhux dannuż għall-prodott simili għall-industrija tal-Unjoni billi applikat il-marġni ta’ profitt fil-mira msemmi hawn fuq fil-premessa (378) għall-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u mbagħad żiedet l-aġġustamenti skont l-Artikolu 7(2d) fuq bażi ta’ tip b’tip.

    (383)

    Il-Kummissjoni mbagħad iddeterminat il-livell ta’ marġni ta’ bejgħ bil-prezz imwaqqa’ abbażi ta’ tqabbil tal-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw fl-Indoneżja inklużi fil-kampjun, kif stabbilit għall-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz, mal-prezz medju ponderat mhux dannuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjonijiet.

    (384)

    Fid-dawl tar-reviżjonijiet tal-SG&A ta’ WETBV kif iddikjarat fil-premessa (161) u (162), il-Kummissjoni rrevediet kif xieraq ukoll il-kalkolu tas-CIF maħdum.

    (385)

    Għal kumpaniji oħrajn li kkooperaw barra mill-kampjun, il-Kummissjoni użat il-marġnijiet medji ponderati taż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

    Kumpanija

    Marġni tad-dumping definittiv

    Marġni tal-bejgħ taħt il-prezz

    P.T. Musim Mas

    46,4 %

    30,5 %

    P.T. Wilmar Nabati Indonesia

    15,2 %

    38,7 %

    Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

    26,6 %

    35,9 %

    (386)

    Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali Wilmar sostniet li l-marġni tad-dannu tagħha ma kellux jiġi aġġustat għall-SG&A u għall-profitt fir-rigward tal-bejgħ permezz ta’ WET B.V. minħabba li dan it-tqabbil sar f’livell differenti ta’ kummerċ mal-prezzijiet tal-Unjoni.

    (387)

    Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-prezz mhux dannuż għall-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni kien jinkludi biss il-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u ma kien jinkludi l-ebda SG&A ta’ kwalunkwe bejgħ minn entitajiet ta’ bejgħ relatati peress li l-bejgħ kollu mill-produttur tal-Unjoni inkluż fil-kampjun sar direttament lill-konsumaturi (ara l-premessa (209)). Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li ma jeżisti l-ebda livell ta’ żbilanċ kummerċjali. Din l-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

    6.2.   Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni

    (388)

    L-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza fl-ilment li hemm distorsjonijiet fil-materja prima skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku fl-Indoneżja fir-rigward tal-prodott ikkonċernat. Skont l-evidenza fl-ilment, is-CPO u s-CPKO, li jammontaw għal aktar minn 70 % tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, kienu soġġetti għal taxxa fuq l-esportazzjoni, għal imposta fuq l-esportazzjoni u għal iffissar tal-prezz domestiku massimu fl-Indoneżja.

    (389)

    Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien meħtieġ li jiġi vvalutat jekk hemmx distorsjonijiet fir-rigward tal-prodott li qiegħed jiġi investigat skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, li jrendi dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping insuffiċjenti biex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping tal-prodott li qiegħed jiġi investigat biss fir-rigward tal-grupp esportatur Musim Mas, hekk kif il-marġni tad-dumping għal Wilmar kien aktar baxx mill-marġni tad-dannu.

    (390)

    Il-Kummissjoni l-ewwel identifikat il-materja prima ewlenija użata fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat minn Musim Mas, hekk kif il-materja prima ewlenija tqieset bħala dik il-materja prima li x’aktarx tirrappreżenta mill-inqas 17 % tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Il-Kummissjoni stabbiliet li Musim Mas uża s-CPO u s-CPKO għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Is-CPO kien jirrappreżenta aktar minn 30 % fil-kost totali tal-manifattura, filwaqt li s-CPKO kien jirrappreżenta aktar minn 40 %.

    (391)

    Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk xi materja prima ewlenija użata fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat kinitx distorta minħabba waħda mill-miżuri elenkati fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku: skemi ta’ pprezzar doppju, taxxi fuq l-esportazzjoni, soprataxxi fuq l-esportazzjoni, kwoti fuq l-esportazzjoni, projbizzjoni tal-esportazzjoni, taxxa fiskali fuq l-esportazzjonijiet, rekwiżiti ta’ liċenzjar, prezz minimu tal-esportazzjoni, tnaqqis jew irtirar tar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), restrizzjoni fuq il-punt tal-iżdoganar għall-esportaturi, lista ta’ esportaturi kwalifikati, obbligu tas-suq domestiku, estrazzjoni ristretta. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni straħet fuq il-leġiżlazzjoni Indoneżjana rilevanti.

    (392)

    L-investigazzjoni żvelat li kemm is-CPO kif ukoll is-CPKO kienu soġġetti għal taxxa u imposta fuq l-esportazzjoni. It-taxxa fuq l-esportazzjoni tikkonsisti fi skeda tariffarja progressiva dwar is-CPO u s-CPKO (id-Digriet Nru 166/PMK.010/2020 (44)). Barra minn hekk, kien hemm ukoll imposta progressiva fuq l-esportazzjoni fuq is-CPO u s-CPKO (id-Digriet Nru 57/PMK.05/2020 (45) kif emendat bid-Digriet Nru 76/PMN.05/2021 (46)).

    (393)

    Il-Kummissjoni stabbiliet li Musim Mas ibbenefika mit-taxxa u l-imposta fuq l-esportazzjoni.

    (394)

    Il-Kummissjoni qabblet il-prezz domestiku tas-CPO u tas-CPKO ma’ parametru referenzjarju internazzjonali.

    (395)

    Fir-rigward tal-prezz domestiku għas-CPO u s-CPKO, l-investigazzjoni żvelat li l-kumpanija tal-Istat Kharisma Pemasaran Bersama Nusantara (KPBN) torganizza sejħiet għall-offerti ta’ kuljum (47) fejn il-kumpaniji tal-Istat PTPN ibigħu s-CPO u s-CPKO. Hemm offerta waħda kuljum għas-CPO u offerta waħda fil-ġimgħa għas-CPKO u kwalità standard waħda biss għas-CPO u għas-CPKO u, għalhekk, prezz wieħed biss ta’ kuljum għas-CPO u prezz wieħed biss fil-ġimgħa għas-CPKO, rispettivament. Il-prezz jiġi stabbilit FOB Dumai jew Belawan (żewġ portijiet tal-baħar importanti fl-Indoneżja). Il-PTPN jistabbilixxu l-prezz u l-kumpaniji jew jaċċettawh jew inkella jistennew sal-jum ta’ wara. Il-kuntratti bejn il-kumpaniji privati jużaw ukoll il-prezz stabbilit minn PTPN. Il-prezz tal-offerta huwa prezz pubbliku u l-operaturi kollha fis-suq jafuh. L-investigazzjoni żvelat ukoll li l-kuntratti bejn il-partijiet relatati huma bbażati wkoll fuq il-prezz stabbilit minn PTPN. Għalhekk, ix-xerrejja kollha fl-Indoneżja jixtru s-CPO u s-CPKO bil-prezz ta’ kuljum stabbilit minn PTPN. Barra minn hekk, l-investigazzjoni żvelat li d-differenzi żgħar bejn il-prezz tal-offerta u l-prezz tax-xiri attwali tal-esportaturi inklużi fil-kampjun kienu prinċipalment dovuti għall-ispejjeż tat-trasport. Għalhekk, għall-prezz domestiku tas-CPO u tas-CPKO, il-Kummissjoni użat il-prezzijiet tal-offerti ta’ kuljum stabbiliti minn PTPN matul il-perjodu ta’ investigazzjoni sottomess minn wieħed mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

    (396)

    Fir-rigward tal-parametru referenzjarju internazzjonali għas-CPO u għas-CPKO, il-Kummissjoni użat diversi parametri referenzjarji: (1) il-prezzijiet tal-esportazzjoni Indoneżjani franki abbord mill-Atlas tal-Kummerċ globali (48) (“GTA”), (2) il-prezzijiet domestiċi tal-Malażja (49), (3) il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Malażja franki abbord mill-GTA (4) il-prezzijiet spot CIF ta’ Rotterdam (50) (51).

    (397)

    It-tqabbil żvela li l-prezz domestiku tal-Indoneżja għas-CPO kien 20 % inqas mill-prezzijiet tal-esportazzjoni FOB tal-Indoneżja, 23 % inqas mill-prezzijiet domestiċi tal-Malażja, 29 % inqas mill-prezzijiet tal-esportazzjoni FOB tal-Malażja, 24 % inqas mill-prezzijiet spot CIF ta’ Rotterdam (aġġustati għall-FOB).

    (398)

    It-tqabbil żvela li l-prezz domestiku tal-Indoneżja għas-CPKO kien 18 % inqas mill-prezz tal-esportazzjoni tal-Indoneżja, 19 % inqas mill-prezz domestiku tal-Malażja, 6 % inqas mill-prezz tal-esportazzjoni tal-Malażja, 22 % inqas mill-prezzijiet spot CIF ta’ Rotterdam (aġġustati għall-FOB).

    (399)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eżaminat jekk is-CPO jew is-CPKO jammontawx individwalment għal mill-inqas 17 % tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Għall-fini ta’ dan il-kalkolu, intuża prezz mingħajr distorsjoni tal-materja prima kif stabbilit mal-esportazzjoni mill-Indoneżja u rkuprat mill-GTA. Il-Kummissjoni stabbiliet li, għal Musim Mas, is-CPO kien jirrappreżenta aktar minn 40 % u s-CPFO kien jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-kost totali tal-manifattura.

    (400)

    Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezzijiet tas-CPO u tas-CPKO kienu soġġetti għal distorsjonijiet u kienu ferm aktar baxxi meta mqabbla mal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi, skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

    7.   INTERESS TAL-UNJONI

    7.1.   Interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku

    (401)

    F’konformità mal-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx tikkonkludi b’mod ċar li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tiddetermina l-ammont ta’ dazji definittivi f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku fir-rigward ta’ Musim Mas biss. Id-dazju anti-dumping ta’ Wilmar fi kwalunkwe każ jiġi stabbilit fil-marġni tad-dumping minħabba li l-bejgħ taħt il-prezz ġie stabbilit f’livell ogħla. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-informazzjoni pertinenti kollha għal din l-investigazzjoni, inklużi l-kapaċitajiet ta’ riżerva fil-pajjiż esportatur, il-kompetizzjoni għall-materja prima u l-effett fuq il-ktajjen ta’ provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni.

    7.2.   Kapaċitajiet ta’ riżerva fil-pajjiż esportatur

    (402)

    Il-GOI sostna li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-kapaċità totali tal-produzzjoni fl-Indoneżja tal-prodott li qiegħed jiġi investigat kienet ta’ madwar 3 600 000 tunnellata, filwaqt li l-produzzjoni attwali kienet ta’ madwar 2 600 000 tunnellata. Huwa ddikjara li ż-żewġ estimi kienu bbażati fuq rapport mill-Assoċjazzjoni Indoneżjana tal-Manifatturi ta’ Sustanzi Oleokimiċi (APOLIN).

    (403)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-estimi oriġinali ġew emendati mill-GOI b’marġni sa +/- 30 % biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità, u li l-istima li tirriżulta ta’ 1 000 000 tunnellata ta’ kapaċità ta’ riżerva hija ferm aktar baxxa mill-valur reali tagħha. Bl-istess mod, l-istima li tirriżulta ta’ 72 % tal-użu tal-kapaċità hija ferm ogħla mill-valur reali tagħha. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li anke abbażi ta’ stima ta’ 1 000 000 tunnellata, il-kapaċità ta’ riżerva fl-Indoneżja hija ogħla minn, u għalhekk tista’ tissostitwixxi, il-produzzjoni kollha tal-Unjoni, li kienet tammonta għal madwar 872 000 tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Hija wkoll erba’ darbiet ogħla mill-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja, li kien jammonta għal madwar 228 000 tunnellata.

    (404)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-produtturi Indoneżjani għandhom kapaċità ta’ riżerva sinifikanti u li, kieku kellha tintuża, din il-kapaċità ta’ riżerva kellha l-potenzjal li żżid il-provvista globali tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, tnaqqas il-prezzijiet u konsegwentement iddgħajjef l-effettività tal-miżura jekk ma tkunx stabbilita fil-livell tad-dumping.

    7.3.   Kompetizzjoni għall-materja prima

    (405)

    Il-materja prima ewlenija użata għall-produzzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat hija jew ix-xaħam tad-dam, jew żejt veġetali, bħas-CPO u s-CPKO.

    (406)

    Kif stabbilit fil-premessi (397) u (398), il-prezzijiet tas-CPO u tas-CPKO fl-Indoneżja kienu ferm aktar baxxi mill-prezzijiet tas-CPO u tas-CPKO fi swieq internazzjonali rappreżentattivi. Dan joħloq vantaġġ inġust għall-produtturi esportaturi fl-Indoneżja meta mqabbel mal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, filwaqt li s-CPO u s-CPKO kienu disponibbli għall-industrija tal-Unjoni, minħabba d-distorsjonijiet, huma kienu disponibbli bi prezz ogħla milli għall-produtturi fl-Indoneżja. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni kienet f’pożizzjoni żvantaġġata vis-à-vis il-produtturi esportaturi Indoneżjani.

    7.4.   Effett fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni

    (407)

    Kif muri fit-Tabella 4 hawn fuq, l-industrija tal-Unjoni kellha kapaċità ta’ riżerva ta’ kważi 250 000 tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Din il-kapaċità ta’ riżerva kienet ogħla mill-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja matul l-istess perjodu. Minn dan isegwi li l-industrija tal-Unjoni tista’ tissostitwixxi l-importazzjonijiet mill-Indoneżja bil-produzzjoni tagħha stess, u saħansitra tkopri kważi d-domanda kollha tal-Unjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat.

    (408)

    Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-utenti tal-Unjoni jistgħu jiksbu l-prodott li qiegħed jiġi investigat minn pajjiżi terzi bħall-Malażja. Il-volum totali tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi baqa’ stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, filwaqt li s-sehem mis-suq tagħhom żdied b’6 %. Fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Indoneżja, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jiżdiedu, minħabba li l-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni jkunu aktar attraenti.

    (409)

    Wilmar affermat li l-fatt li l-produtturi tal-Unjoni, bħal AAK, talbu l-esklużjoni ta’ ċerti aċidi xaħmin mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-investigazzjoni jindika li ċerti produtturi tal-Unjoni (ta’ prodotti downstream) kellhom bżonn kbir ta’ aċċess għas-sorsi kollha tal-importazzjonijiet.

    (410)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tkopri d-domanda tal-Unjoni tikkonċerna firxa wiesgħa ta’ aċidi xaħmin. B’mod partikolari fir-rigward tat-talbiet għall-esklużjoni ta’ AAK, kif spjegat fil-premessi (108) sa (118), it-tipi u l-kwantitajiet ta’ aċidu xaħmi meħtieġa jistgħu jiġu manifatturati mill-produtturi tal-Unjoni ladarba jiġu rrestawrati kundizzjonijiet ekwi fis-suq tal-Unjoni, jew jinkisbu minn pajjiżi oħrajn minbarra l-Indoneżja.

    (411)

    Għalhekk, l-utenti jkollhom aċċess suffiċjenti għall-prodott li qiegħed jiġi investigat anke f’każ li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja jonqsu. Konsegwentement, ma huwiex mistenni tfixkil tal-ktajjen tal-valur tal-utenti tal-Unjoni.

    (412)

    Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, diversi partijiet interessati kkummentaw dwar l-effett tal-miżuri fuq il-ktajjen tal-provvista fl-Unjoni.

    (413)

    Dawn il-kummenti huma diskussi fit-Taqsima 7.9.2 ta’ dan ir-Regolament. Abbażi ta’ dawn il-kummenti u l-analiżi sussegwenti, il-Kummissjoni hija ssodisfata li kwalunkwe kwistjoni ta’ provvista se tkun temporanja u maniġġevoli fid-dawl tas-sorsi l-oħrajn disponibbli ta’ provvista, bħall-Malażja.

    7.5.   Konklużjoni tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku

    (414)

    Wara li vvalutat l-informazzjoni pertinenti kollha għal din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa fl-interess tal-Unjoni tiddetermina l-ammont ta’ dazji definittivi b’rabta ma’ Musim Mas f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

    (415)

    Fid-dawl tal-analiżi stabbilita hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, huwa fl-interess tal-Unjoni li tistabbilixxi l-livell tad-dazji definittivi abbażi tal-livell ta’ dumping, bla ħsara għal kunsiderazzjonijiet ulterjuri stabbiliti fit-Taqsima 7.6 ta’ hawn taħt fil-kuntest tal-Artikolu 21.

    (416)

    Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, il-grupp Musim Mas argumenta li l-politiki tal-GOI dwar is-CPO u s-CPKO kienu qed jiġu investigati fl-investigazzjoni antisussidji parallela msemmija fil-premessa (3) u għalhekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku fl-investigazzjoni anti-dumping kurrenti u l-applikazzjoni ta’ dazji antisussidji fuq l-istess politiki jirriżultaw fl-applikazzjoni ta’ rimedji doppji għall-istess sett ta’ politiki tal-GOI.

    (417)

    Il-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni ta’ rimedju doppju, jekk ikun hemm, fil-qafas tal-investigazzjoni antisussidji.

    7.6.   Interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku

    (418)

    Wara li vvalutat l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk setgħetx tikkonkludi b’mod ċar li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f’dan il-każ, minkejja d-determinazzjoni ta’ dumping dannuż, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi, tal-utenti u ta’ operaturi ekonomiċi rilevanti oħrajn. L-ebda importatur mhux relatat ma kkoopera fl-investigazzjoni.

    (419)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet interessati kollha. Hija rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand erba’ utenti li jappartjenu għal żewġ gruppi ta’ kumpaniji, jiġifieri, il-grupp Greven u l-grupp Schill + Seilacher.

    7.7.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

    (420)

    Hemm 15-il kumpanija li jipproduċu aċidu xaħmi fl-Unjoni, li jimpjegaw madwar 900 impjegat. Il-produtturi huma mifruxa ħafna madwar l-Unjoni. L-industrija tal-Unjoni inkluża fil-kampjun, li tirrappreżenta aktar minn 60 % tal-produzzjoni totali, ikkooperat fl-investigazzjoni.

    (421)

    Wara l-irtirar tal-ilment kopert fit-Taqsima 1.10, il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli l-investigazzjoni u wettqet l-analiżi tagħha tad-dannu u tal-kawżalità fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi irrispettivament mill-appoġġ u/jew mill-kooperazzjoni tal-produtturi uniċi tal-Unjoni, kif spjegat f’aktar dettall fil-premessi (64), (66), (68) u (69). L-analiżi fit-Taqsimiet 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament ikkonfermat li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali u li kien ikkawżat minn importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat mill-produtturi esportaturi Indoneżjani. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li hija tgawdi minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni dwar id-deċiżjoni li tkompli jew li ttemm proċediment wara l-irtirar.

    (422)

    Fl-ittra biex jiġi rtirat l-ilment, l-ilmentatur iddikjara li r-raġuni għall-irtirar tiegħu kienet “minħabba l-influwenza mill-partijiet ikkonċernati” (52). Dan jikkonferma li l-ilmentatur ma qajjimx dubji dwar l-analiżi u l-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu materjali kkawżat minn importazzjonijiet Indoneżjani li huma oġġett ta’ dumping, iżda li l-unika raġuni għall-irtirar kienet l-influwenza mill-partijiet ikkonċernati. Raġuni relatata mal-partijiet ikkonċernati li jeżerċitaw influwenza fuq l-ilmentatur ma tappoġġax sejba li jkun fl-interess tal-Unjoni li ttemm il-proċediment minħabba din ir-raġuni biss, meta l-Kummissjoni tkun diġà kkonkludiet li hemm dumping dannuż sinifikanti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-irtirar tal-ilment seħħ fi stadju tard ħafna fil-proċediment, fejn kien hemm divulgazzjoni sħiħa tas-sejbiet lill-partijiet li turi l-eżistenza ta’ dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kkawżat mill-importazzjonijiet Indoneżjani li huma oġġett ta’ dumping. Il-kummenti li waslu mill-partijiet wara d-divulgazzjoni ma biddlux din il-konklużjoni, u għalhekk appoġġaw il-kunsiderazzjoni li fi kwalunkwe każ ma jkunx fl-interess tal-Unjoni li ttemm il-proċedimenti mingħajr ma timponi miżuri, anki jekk l-ilment ikun ġie rtirat mill-ilmentatur.

    (423)

    Minħabba s-sejba ta’ dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni deskritta fil-premessi (255) sa (259), l-impożizzjoni ta’ miżuri tippermetti lill-industrija tal-Unjoni ttejjeb il-profittabbiltà tagħha lejn livelli sostenibbli, iżżid l-investiment, u b’hekk iżżomm pożizzjoni kompetittiva fis-suq ċentrali tagħha. L-industrija tal-Unjoni tkun tista’ wkoll terġa’ tikseb is-sehem mis-suq mitluf billi żżid il-volumi tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni.

    (424)

    In-nuqqas ta’ miżuri x’aktarx li jkollu aktar effetti negattivi sinifikanti fuq l-industrija tal-Unjoni f’termini ta’ volumi aktar baxxi ta’ bejgħ u produzzjoni, aktar tnaqqis fil-prezzijiet li jwassal għal aktar deterjorament finanzjarju tas-sitwazzjoni ekonomika tagħha f’termini ta’ profittabbiltà u investiment li jipperikolaw il-futur u l-impjiegi tagħha.

    (425)

    Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, il-grupp Musim Mas sostna li l-industrija tal-Unjoni, bl-użu tax-xaħam tad-dam bħala materja prima, ma tibbenefikax minn miżuri, u li jkunu l-produtturi esportaturi tal-Malażja li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw.

    (426)

    Madankollu, dan il-kumment ma ntlaqax, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu l-kummenti tal-Kummissjoni fir-rigward tax-xaħam tad-dam bħala fattur ta’ nonkawżalità, il-prezzijiet ogħla tal-importazzjonijiet mill-Malażja matul il-perjodu kkunsidrat, u l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li żżid il-profittabbiltà u l-investiment u għalhekk li żżid il-volum tal-produzzjoni u tal-bejgħ jekk jiġu adottati miżuri.

    (427)

    Għalhekk, l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-aċidu xaħmi tal-Indoneżja hija b’mod ċar fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

    7.8.   Interess ta’ importaturi/negozjanti mhux relatati

    (428)

    Ma waslet l-ebda kooperazzjoni mingħand importaturi/kummerċjanti mhux relatati, kif iddikjarat fil-premessa (38).

    (429)

    Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni biex tistabbilixxi b’mod preċiż l-impatt li l-impożizzjoni ta’ miżuri jkollha fuq l-attivitajiet tal-importaturi jew tan-negozjanti mhux relatati. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni jissuġġerixxi li l-importaturi ma jqisux li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping taffettwa b’mod sinifikanti n-negozju tagħhom. Filwaqt li fl-ewwel pass jista’ jiġi osservat tnaqqis fl-importazzjonijiet u fil-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti affettwati mill-miżuri, kwalunkwe effett negattiv bħal dan fuq il-fatturat jista’ eventwalment jiġi kkumpensat miż-żieda fil-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti mixtrija minn sorsi oħrajn bħall-Malażja.

    (430)

    Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt tal-miżuri ma jkunx sproporzjonat għall-importaturi jew għan-negozjanti.

    7.9.   Interess tal-utenti

    (431)

    Il-prodott li qiegħed jiġi investigat jinxtara minn diversi industriji fis-suq tal-Unjoni għall-produzzjoni ta’ prodotti bħall-ikel, l-għalf, il-farmaċewtiċi, il-kożmetiċi (prodotti tal-iġjene ta’ kuljum u oġġetti ta’ sbuħija lussużi), il-kura tad-dar u dik personali, u prodotti ta’ deterġenti industrijali.

    (432)

    Erba’ utenti li jappartjenu għal żewġ gruppi ta’ kumpaniji, li jirrappreżentaw madwar 4 sa 7 % tal-konsum totali tal-Unjoni, ikkooperaw fl-investigazzjoni u pprovdew tweġibiet għall-kwestjonarju tal-utenti.

    (433)

    Grupp wieħed uża l-aċidu xaħmi biex jipproduċi s-sapun metalliku u alkalin, kif ukoll l-esteri li jintużaw bħala addittivi fl-industrija tal-plastik, tal-lubrikanti u tat-tessuti. Il-grupp l-ieħor jipproduċi s-sustanzi kimiċi għat-tessuti tekniċi, is-sustanzi kimiċi tal-ġilda, il-kożmetiċi u s-sustanzi kimiċi fini.

    (434)

    L-investigazzjoni sabet li dawn l-utenti flimkien jixtru [6–9] % tal-importazzjonijiet totali mill-Indoneżja, [4–7] % tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni u [2–4] % tal-importazzjonijiet totali minn pajjiżi oħrajn matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha informazzjoni limitata biex tivvaluta l-impatt ġenerali tal-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping fuq l-attivitajiet tal-utent.

    (435)

    Abbażi tad-data pprovduta mill-utenti li kkooperaw, matul il-PI, huma xtraw madwar [23–26] % tal-ħtiġijiet tagħhom fl-aċidu xaħmi mill-Indoneżja, [68–72] % mingħand produtturi tal-Unjoni u [2–5] % minn sorsi oħrajn. Filwaqt li grupp wieħed ta’ utenti kien qed jimporta kwantitajiet negliġibbli, l-ieħor importa aktar minn kwart tal-ħtiġijiet tiegħu ta’ aċidu xaħmi mill-Indoneżja f’dak il-perjodu.

    (436)

    Skont l-utent, il-bejgħ ta’ prodotti li jinkorporaw l-aċidi xaħmin varja bejn 29 % u aktar minn 95 % tal-fatturat totali. B’mod ġenerali, il-proporzjon ta’ aċidu xaħmi mill-oriġini kollha fil-kostijiet totali tal-manifattura tal-utenti li kkooperaw varja minn 6 % għal 52 %.

    (437)

    Il-marġnijiet ta’ profittabbiltà totali tal-erba’ utenti varjaw bejn il-marġnijiet ta’ profitt b’ċifra waħda u b’ċifri doppji.

    (438)

    Fir-rigward tal-effett tal-miżuri fuq l-utenti li kkooperaw, u fid-dawl tas-sostitwibbiltà limitata tal-prodott, il-Kummissjoni qieset li l-profitti tagħhom jistgħu jkunu kemxejn affettwati mill-impożizzjoni ta’ miżuri. Fid-dawl tal-marġnijiet tal-profitt tagħhom, l-effett ma jkunx sproporzjonat, peress li, mill-inqas parti miż-żieda fil-prezz, tista’ tiġi mgħoddija lill-katina tal-provvista downstream.

    (439)

    Minħabba l-profittabbiltà inadegwata tal-industrija tal-Unjoni u t-tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq, wieħed jista’ raġonevolment jassumi li l-prezzijiet se jiżdiedu wara li jiġu imposti l-miżuri. Madankollu, l-impatt li jista’ jkollhom il-miżuri fuq ċerti utenti jenħtieġ li jkun ibbilanċjat kontra r-riskju ta’ waqfien tal-attività tal-industrija tal-Unjoni, minħabba li s-sitwazzjoni attwali ma hijiex sostenibbli. In-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri jwassal għal sorsi ta’ provvista inqas affidabbli u stabbli u inevitabbilment għal żidiet fil-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni.

    (440)

    P&G ma kkooperatx bis-sħiħ fl-investigazzjoni iżda ddikjarat li kienet kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri. Hija qieset li l-impożizzjoni ta’ miżuri tipperikola l-aċċess tagħha għal sors affidabbli ta’ provvista ta’ aċidu xaħmi. P&G affermat li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping ikollha żewġ konsegwenzi ewlenin. L-ewwel, il-miżuri x’aktarx li jwasslu għal żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni fl-industrija tal-prodotti għall-konsumaturi u dawn il-kostijiet eventwalment jiġu mgħoddija lill-konsumaturi. It-tieni, l-impożizzjoni ta’ miżuri x’aktarx li tfixkel il-ktajjen tal-provvista mill-Indoneżja fi żmien meta d-domanda għall-aċidu xaħmi kienet b’saħħitha u l-produtturi tal-Unjoni kienu qed jaħdmu b’kapaċità sħiħa. Il-grupp Greven sostna wkoll li d-domanda għall-aċidu xaħmi fis-suq tal-Unjoni ma setgħetx tiġi ssodisfata mingħajr l-importazzjonijiet tal-aċidu xaħmi mill-Indoneżja.

    (441)

    Il-Kummissjoni nnotat li P&G ma ssottomettietx tweġiba għall-kwestjonarju tal-utenti u ma pprovdietx informazzjoni dettaljata dwar ix-xiri tagħha ta’ aċidu xaħmi u l-piż tiegħu f’termini ta’ kost fil-prodotti lesti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta l-impatt tal-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-attività ta’ P&G.

    (442)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet biżżejjed biex tissodisfa kważi l-konsum kollu fis-suq tal-UE. Bħalissa, l-industrija tal-Unjoni għandha madwar 20 % tal-kapaċità ta’ riżerva u, jekk il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta jiġu rrestawrati, il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jżidu l-produzzjoni biex jissodisfaw id-domanda fl-Unjoni. Barra minn hekk, hemm kapaċità ta’ riżerva għall-produzzjoni tal-aċidu xaħmi fil-Malażja. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping ma setgħetx twassal għal nuqqas ta’ provvista ta’ aċidu xaħmi fis-suq tal-Unjoni.

    7.9.1.   Kummenti ġenerali dwar l-interess tal-utenti wara d-divulgazzjoni finali

    (443)

    Wara d-divulgazzjoni finali, waslu kummenti dwar l-interessi tal-Unjoni mill-grupp Greven, mill-grupp Schill + Seilacher, P&G, Unilever, Henkel, Quaker Houghton, Evonik, NYCO, Kapachim, Omya, Stéarinerie Dubois, Wilmar, il-grupp Musim Mas, Ecogreen u CUTFA. Ħafna minn dawn il-partijiet kienu utenti li ma kinux ikkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni u li qabel ma kinux issottomettew kummenti. Għalhekk, l-investigazzjoni bbenefikat minn firxa usa’ ta’ kummenti wara d-divulgazzjoni finali, għalkemm l-informazzjoni ma ġietx sottomessa fil-format tat-tweġibiet għall-kwestjonarju kif meħtieġ fil-bidu tal-investigazzjoni, u ma kienx possibbli li tiġi vverifikata l-veraċità tal-kummenti kollha li saru.

    (444)

    CUTFA rrimarkat li l-miżuri jkollhom biss impatt limitat fuq l-utenti minħabba li ż-żidiet fil-kostijiet ikunu jistgħu jiġu mgħoddija lill-klijenti tagħhom. Anke jekk dan ma jkunx il-każ, il-profitti kienu tali li jiġu assorbiti, b’mod li l-impatt tal-miżuri ma jkunx sproporzjonat.

    (445)

    Il-firxa usa’ ta’ kummenti mill-utenti dehret li tindika li l-utenti setgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji ewlenin.

    (a)    gruppi multinazzjonali kbar

    (446)

    L-ewwel kategorija hija gruppi multinazzjonali kbar bħal P&G, Unilever, Henkel, Quaker Houghton u Evonik li jimmanifatturaw għadd kbir ta’ oġġetti lesti bl-użu tal-prodott li qiegħed jiġi investigat bħala materja prima ewlenija prinċipalment fil-prodotti tagħhom tat-tindif tad-dar, tal-ħwejjeġ, tas-sbuħija u tal-kura personali. Madankollu, kif deskritt hawn fuq, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni sħiħa minn dawn il-partijiet, ma kienx possibbli li tiġi aċċertata l-kwantità ta’ aċidu xaħmi użat fil-produzzjoni tagħhom, jew l-importanza tal-aċidu xaħmi fil-kost tal-produzzjoni ta’, saħansitra, l-aktar prodotti importanti li jużaw l-aċidu xaħmi. Barra minn hekk, id-data ta’ P&G, Unilever u Henkel disponibbli minn sorsi pubbliċi (53) wriet li f’dawn l-aħħar snin il-fatturat u l-profitti tal-gruppi żdiedu sostanzjalment speċjalment fir-rigward ta’ prodotti tat-tindif tad-dar li huwa l-akbar suq għall-aċidi xaħmin.

    (447)

    P&G spjegat li ma kinitx issottomettiet tweġiba għall-kwestjonarju minħabba li l-P&G, bħal utenti oħrajn tal-aċidu xaħmi, hija mxerrda f’ħafna siti ta’ produzzjoni.

    (448)

    Madankollu, P&G lanqas biss imliet it-taqsima tal-kwestjonarju li tkopri x-xiri tal-aċidu xaħmi permezz tal-unità ċentrali tax-xiri tagħhom. In-natura frammentata tal-industrija tal-utenti ma timpedixxix, tal-inqas lil uħud minnhom, milli jissottomettu tweġiba għall-kwestjonarju. Barra minn hekk, il-kontijiet annwali konsolidati ta’ P&G disponibbli għall-pubbliku juru wkoll li l-operazzjonijiet Ewropej tagħha kellhom fatturat kbir ħafna fl-2021 (USD 16,7-il biljun (54)). Il-profittabbiltà tagħha madwar id-dinja kienet ta’ 23 % (55). Il-fatturat ta’ Henkel fl-2021 għall-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant kien ta’ EUR 9,1 biljun u l-profittabbiltà f’dawn ir-reġjuni kienet ta’ 18,9 % (56). Din l-informazzjoni appoġġat il-fehma tal-Kummissjoni li x-xerrejja l-kbar tal-aċidi xaħmin fl-akbar industriji tal-utenti (tindif tad-dar, ħasil tal-ħwejjeġ, sbuħija u kura personali) ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat mill-miżuri proposti.

    (449)

    Henkel iddikjarat li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-utenti ma jfissirx li l-miżuri, fil-livelli proposti fid-divulgazzjoni finali, ma jkollhomx impatt serju fuq l-attivitajiet tagħhom.

    (450)

    Kif indikat ulterjorment hawn taħt, il-Kummissjoni rrieżaminat id-determinazzjonijiet u l-konklużjonijiet oriġinali tagħha dwar l-impatt fuq l-utenti, fid-dawl tal-kummenti addizzjonali riċevuti bi tweġiba għad-divulgazzjoni finali, inklużi kummenti minn partijiet interessati ġodda.

    (451)

    Henkel, Kapachim, Omya, u Wilmar irrimarkaw ukoll li l-interess tal-utenti jenħtieġ li jitqies fil-kuntest tal-iżviluppi reċenti ta’ qabel id-divulgazzjoni bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima u tal-enerġija, l-inflazzjoni u l-kwistjonijiet tal-katina tal-provvista.

    (452)

    Il-Kummissjoni nnotat li dawn il-kwistjonijiet huma żviluppi tal-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni. Ma ġiex issostanzjat x’impatt jista’ jkollhom dawn l-iżviluppi fuq l-industrija tal-utenti. Pereżempju, jekk il-kostijiet addizzjonali ġewx mgħoddija lill-klijenti u x’impatt kien hemm fuq il-profittabbiltà tal-prodotti li fihom l-aċidi xaħmin. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex ċar jekk dawn l-iżviluppi kinux ta’ natura dejjiema. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ma setgħux jiġu aċċettati.

    (453)

    Fis-sottomissjoni kunfidenzjali tagħha Unilever iffukat fuq ċertu prodott li jkun affettwat mill-miżuri, u sostniet li l-prezzijiet jiżdiedu b’mod konsiderevoli, u li jista’ jkollha timporta dan il-prodott, b’impatt konsegwenzjali fuq il-produzzjoni u l-impjiegi tagħha fl-Unjoni. Hija sostniet ukoll li, minħabba dan, il-prezzijiet tal-konsumatur għal dan il-prodott jiżdiedu. Barra minn hekk, Unilever irrimarkat li l-maġġoranza l-kbira tal-bejgħ ta’ dan il-prodott ġiet esportata barra mill-Unjoni.

    (454)

    Il-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika dawn l-affermazzjonijiet peress li Unilever, bħall-biċċa l-kbira tal-utenti, ma mlietx tweġiba għall-kwestjonarju tal-utent. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx taċċerta l-importanza ta’ dan il-prodott fl-operazzjonijiet ta’ Unilever fl-Unjoni f’termini ta’ profittabbiltà u fatturat. Il-Kummissjoni lanqas ma setgħet taċċerta l-importanza tal-aċidu xaħmi fil-kostijiet ta’ Unilever għal dan il-prodott, jew għal prodotti oħrajn. Lanqas ma setgħet tivvaluta b’mod ċar x’impatt ikollhom id-dazji b’mod ġenerali fuq il-profittabbiltà ta’ Unilever fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-kontijiet annwali konsolidati għal Unilever disponibbli għall-pubbliku juru li l-operazzjonijiet Ewropej tagħha kellhom fatturat ta’ EUR 11,3-il biljun (57) u profittabbiltà ta’ EUR 1,8 biljun (58) jew aktar minn 16 %. Għalhekk, il-Kummissjoni ma ngħatat l-ebda informazzjoni li turi li l-impatt tal-miżuri fuq l-aċidu xaħmi mill-Indoneżja jkun sproporzjonat fuq il-bejgħ ta’ dan il-prodott minn Unilever, jew b’mod aktar ġenerali fuq l-operazzjonijiet tagħha fl-Unjoni. L-affermazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet tal-konsumatur u l-importazzjoni ta’ dan il-prodott evidentement ma kinitx issostanzjata meta titqies il-profittabbiltà ġenerali tal-operazzjonijiet tagħha fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-arranġamenti tal-ipproċessar bil-kontrolli doganali jkunu disponibbli għall-Unilever biex ittaffi l-impatt tal-miżuri.

    (b)    kumpaniji u gruppi iżgħar

    (455)

    It-tieni kategorija ta’ utenti kienet pjuttost magħmula minn kumpaniji u gruppi iżgħar, bħal dawk li kkooperaw bis-sħiħ mal-investigazzjoni (il-grupp Greven u l-grupp Schill + Seilacher) u li jużaw aċidi xaħmin biex jimmanifatturaw prodotti downstream bħall-esteri, amini, lubrikanti, sapun, eċċ.

    (456)

    Barra minn hekk, wara d-divulgazzjoni finali, NYCO, Kapachim, Omya, l-affiljati ta’ Ecogreen u Stéarinerie Dubois ippreżentaw sottomissjonijiet. B’mod ġenerali, il-kumpaniji f’din il-kategorija xtraw kwantitajiet iżgħar tal-prodott li qiegħed jiġi investigat. Madankollu, dawn l-utenti ma ssottomettewx tweġibiet għall-kwestjonarju biex jissostanzjaw il-punti li qajmu. B’kuntrast għal dan, l-informazzjoni sottomessa mill-kumpaniji li kkooperaw bis-sħiħ, uriet li dawn il-kumpaniji li kkooperaw bis-sħiħ, x’aktarx ikunu aktar affettwati minn miżuri, minħabba li l-aċidu xaħmi kien jirrappreżenta proporzjon akbar tal-kostijiet totali tagħhom, u l-bejgħ tal-prodotti downstream rispettivi kellu profittabbiltà limitata. Barra minn hekk, l-impatt tal-miżuri fuq l-utenti kollha jittaffa mill-fatt li l-utenti ma biegħux esklużivament prodotti li fihom aċidi xaħmin. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-aċidu xaħmi mixtri jinkiseb jew mill-industrija tal-Unjoni jew minn fornituri ta’ pajjiżi terzi. Dan ifisser li ż-żidiet fil-prezzijiet għal dan ix-xiri jkunu mistennija li jkunu aktar baxxi minn dawk miksuba mill-produtturi esportaturi Indoneżjani. Barra minn hekk, il-prodotti lesti magħmula bl-użu tal-aċidu xaħmi spiss jiġu esportati barra mill-Unjoni, li jfisser li jistgħu jkunu disponibbli arranġamenti tal-ipproċessar bil-kontrolli doganali biex jitnaqqas l-impatt tal-miżuri.

    (457)

    Ecogreen sostniet li d-dazji medji ponderati applikabbli għal Ecogreen jagħmlu ħsara liż-żewġ kumpaniji relatati tagħha fl-Unjoni. Ecogreen sostniet ukoll li l-bejgħ kollu tagħha lejn l-Unjoni kien maħsub għal użu ristrett u għalhekk dawn l-esportazzjonijiet ma setgħux jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni.

    (458)

    Il-Kummissjoni nnotat li peress li l-affiljati ta’ Ecogreen, DHW u E&S, ma mlewx kwestjonarju tal-utent, l-affermazzjonijiet ta’ Ecogreen dwar id-dannu ma setgħux jiġu vverifikati. Skont is-sottomissjoni ta’ Ecogreen, waħda mis-sussidjarji tagħha fl-Unjoni tixtri ċerti tipi ta’ aċidu xaħmi mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li hemm kompetizzjoni bejn il-prodotti ta’ Ecogreen u l-prodotti tal-industrija tal-Unjoni mill-inqas fuq ċerti segmenti tas-suq kif imsemmi fil-premessa (108). Għalhekk, l-affermazzjoni dwar l-affiljati ta’ Ecogreen u l-użu ristrett ma tistax tiġi aċċettata.

    (459)

    Għalhekk, mill-informazzjoni fil-fajl, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri proposti ma jkollhomx impatt sproporzjonat fuq l-utenti.

    7.9.2.   Kummenti dwar it-tfixkil tas-suq u kwistjonijiet ta’ provvista

    (460)

    Il-grupp Greven, Henkel, Unilever, Kapahim, Evonik, Ecogreen, Quaker Houghton, Omya, NYCO, Stéarinerie Dubois, il-grupp Musim Mas u Wilmar għamlu affermazzjonijiet relatati mat-tfixkil tas-suq tal-Unjoni u kwistjonijiet ta’ provvista li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ miżuri. B’mod partikolari, dawn il-partijiet interessati qiesu li l-livell propost ta’ miżuri kien għoli wisq u jaffettwa b’mod sproporzjonat l-interess tal-industriji downstream tal-Unjoni. Barra minn hekk, dawn il-kumpaniji affermaw li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja jieqfu, jew ikunu ristretti, sa tali punt li jkun hemm nuqqas ġenerali fis-suq tal-Unjoni, li jikkawża wkoll żidiet fil-prezzijiet. Utenti oħrajn għamlu affermazzjonijiet aktar speċifiċi relatati ma’ ċerti tipi ta’ aċidu xaħmi li huma sostnew li dawn ma setgħux jiġu fornuti b’mod adegwat mill-industrija tal-Unjoni. AAK, Unilever u l-grupp Greven ipprovdew korrispondenza elettronika mal-produtturi tal-Unjoni biex jappoġġaw l-affermazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet ta’ provvista fis-suq li jiġu aggravati mill-miżuri.

    (461)

    Unilever, Henkel u Ecogreen sostnew li l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ aċidi xaħmin b’katina qasira bħas-C8–C10 jiġu affettwati mill-miżuri. NYCO sostniet li l-aċidi C8–C10 kienu qed isiru aktar rari fis-suq tal-Unjoni minħabba li l-produtturi żiedu l-użu ristrett tagħhom. B’riżultat ta’ dan in-nuqqas, il-prezzijiet żdiedu drastikament minn Settembru 2021. Barra minn hekk, NYCO sostniet li n-nuqqas ta’ aċidi xaħmin b’katina qasira bħas-C8–C10 ikollu impatt fuq l-industriji li NYCO tforni b’lubrikanti ta’ speċjalità, bħall-industrija ajrunawtika u dik tad-difiża.

    (462)

    Kapachim, Evonik, NYCO sostnew ukoll li dawn jitpoġġew fi żvantaġġ mal-manifatturi tal-istess prodotti li jinsabu barra mill-Unjoni. Kumpaniji oħrajn sostnew li jista’ jkollhom jirrilokaw barra mill-Unjoni.

    (463)

    Stéarinerie Dubois sostniet li s-sostitwibbiltà limitata ta’ ħafna tipi tal-prodott importati mill-Indoneżja taffettwa bil-kbir il-profittabbiltà tagħha peress li l-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom jiżdiedu. Stéarinerie Dubois argumentat ukoll li l-produtturi tal-Unjoni elenkati fl-ilment mhux neċessarjament jipproduċu l-istess aċidu xaħmi fi kwantitajiet suffiċjenti tat-tip li kienet teħtieġ. Hija rrimarkat ukoll li għal żewġ tipi ta’ aċidu xaħmi li l-kumpanija tagħha kienet qed tuża fil-produzzjoni tagħha, l-ebda produttur tal-Unjoni ma seta’ jilħaq l-ispeċifikazzjonijiet tal-kumpanija f’dak li jirrigwarda l-kulur, li kien fattur importanti għall-klijenti tagħhom fl-industrija farmaċewtika. Stéarinerie Dubois ddikjarat li, peress li ma hemm l-ebda suq tal-Unjoni għall-aċidi xaħmin konformi mal-leġiżlazzjoni REACH u li jkun Kosher u Halal, ma kien hemm l-ebda dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti.

    (464)

    CUTFA indikat li l-industrija tal-Unjoni, flimkien mal-importazzjonijiet kemm mill-Indoneżja kif ukoll minn pajjiżi terzi, jiżguraw provvista adegwata tas-suq tal-Unjoni fil-każ ta’ miżuri. Din l-opinjoni ġiet issupplimentata b’ċart bil-bars li turi s-sorsi ewlenin tal-provvista. CUTFA indikat ukoll li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja ma jiqfux iżda jkomplu fuq bażi ta’ kundizzjonijiet ekwi.

    (465)

    Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-provvista ta’ aċidu xaħmi lid-diversi setturi tal-industrija tal-utenti tal-Unjoni hija essenzjali minħabba li l-aċidi xaħmin ma jistgħux jiġu ssostitwiti b’mod adegwat bi prodotti oħrajn. Għalhekk, il-Kummissjoni rrevediet il-kwistjoni ta’ tfixkil fis-suq u l-kwistjonijiet ta’ provvista fid-dawl tal-kummenti li rċeviet.

    (466)

    L-ewwel, kif indikat fil-premessa (220), iċ-ċifri tal-kapaċità ta’ riżerva kkwotati fil-premessa (407) ġew ikkalkolati abbażi ta’ kapaċità sostenibbli, aktar milli teoretika, tal-industrija tal-Unjoni li tqis il-perjodu ta’ qtugħ normali, bħall-manutenzjoni, u li tqis il-produzzjoni ta’ prodotti oħrajn. Dan ifisser li madwar 250 000 kapaċità ta’ riżerva kienu jeżistu fl-Unjoni fil-PI. Il-verifika tat-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Unjoni żgurat approċċ konsistenti u akkurat lejn iċ-ċifri tal-kapaċità. Il-kapaċitajiet tnaqqsu, fejn xieraq, u ċ-ċifri vverifikati ġew divulgati lill-kumpaniji involuti.

    (467)

    It-tieni, kien ċar li l-investimenti fl-industrija tal-Unjoni kienu ġew ristretti matul il-perjodu kkunsidrat. L-investimenti tal-kumpaniji inklużi fil-kampjun komplew, iżda kienu limitati għaż-żamma tal-impjanti u tat-tagħmir eżistenti, aktar milli biex tiżdiedi il-kapaċità u biex jitneħħew l-ostakli fil-produzzjoni. L-impożizzjoni ta’ miżuri ttaffi l-pressjoni tal-prezzijiet fuq l-industrija, u tippermettilha tistabbilixxi prezzijiet f’livell fejn il-profittabbiltà tkun f’livelli raġonevoli. Il-produzzjoni u l-bejgħ jistgħu jiżdiedu biex jiġi fornut is-suq minħabba kundizzjonijiet tas-suq aħjar. L-industrija tkun tista’ wkoll tiġbor il-kapital biex iżżid il-kapaċità.

    (468)

    Il-kwistjonijiet ta’ provvista matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, kif muri mill-korrispondenza bil-posta elettronika, għandhom ikunu mistennija jekk industrija tkun ġarrbet dannu materjali li jaffettwa l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha li jwassal għal profittabbiltà baxxa u nuqqas ta’ kapaċità li żżid il-kapital għall-investiment. Madankollu, l-impożizzjoni ta’ miżuri se toħloq kundizzjonijiet tas-suq aħjar għall-industrija tal-Unjoni u din tkun tista’ żżid il-produzzjoni u ttejjeb il-kwantità u l-firxa tal-aċidu xaħmi li tforni lis-suq.

    (469)

    It-tielet, ma huwiex mistenni li l-miżuri imposti minn dan ir-Regolament jipprojbixxu importazzjonijiet mill-Indoneżja. Huwa mfakkar li l-għan tal-miżuri anti-dumping ma huwiex li jwaqqaf l-importazzjonijiet iżda li jerġa’ jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ekwivalenti fis-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li jkun hemm nuqqas ġenerali fis-suq tal-Unjoni, li jikkawża wkoll żidiet sproporzjonati fil-prezzijiet.

    (470)

    Il-Kummissjoni osservat li l-affermazzjoni rigward żieda qawwija fil-prezz għas-C8–C10 kienet tikkonċerna s-suq globali, aktar milli s-suq tal-Unjoni biss. Għalhekk, l-effetti tal-miżuri anti-dumping fuq il-kompetittività globali tal-utenti tal-Unjoni tas-C8–C10 ma jkunux differenti mill-effetti fuq l-utenti ta’ tipi oħrajn ta’ aċidu xaħmi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li l-iżviluppi tas-suq wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni normalment ma jiġux ikkunsidrati fil-valutazzjoni tagħha. Fir-rigward tal-punt ta’ NYCO relatat mal-industrija ajrunawtika u dik tad-difiża, dawn l-affermazzjonijiet ta’ tfixkil ma ġewx issostanzjati u għalhekk ġew miċħuda.

    (471)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-prodotti Indoneżjani u tal-industrija tal-Unjoni kienu sostitwibbli ħafna. Sempliċiment għax ċerti produtturi tal-Unjoni ma setgħux jipprovdu ċerti tipi ta’ prodotti, f’ċerti żminijiet skont il-kundizzjonijiet tas-suq applikabbli fil-perjodu kkunsidrat, ma kienx ifisser li l-problemi tal-provvista se jippersistu wara l-impożizzjoni tal-miżuri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-impatt tal-miżuri fuq il-kostijiet u l-profittabbiltà ta’ dan l-utent ma kienx sostanzjat minħabba li, fin-nuqqas ta’ tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta kemm kienu kbar il-kostijiet tal-aċidu xaħmi għall-kumpanija bħala perċentwal tal-kostijiet jew tal-fatturat totali. Għalhekk, l-affermazzjonijiet ma ntlaqgħux.

    (472)

    L-impatti probabbli vis-à-vis kompetituri barra mill-Unjoni u r-riskju ta’ rilokazzjoni ma ġewx issostanzjati. Barra minn hekk, fatturi li jistgħu jtaffu l-impatt tad-dazji fuq l-utenti huma diskussi fil-premessa (455).

    (473)

    Wilmar issuġġeriet li l-kost fis-suq tal-Unjoni tal-aċidu xaħmi bħala materja prima jiżdied b’madwar 32,9 % (59).

    (474)

    Madankollu, tali stimi jesaġeraw iż-żidiet probabbli fil-kostijiet għall-utenti. Dan għaliex l-importazzjonijiet Indoneżjani kienu jirrappreżentaw madwar 20 % tal-konsum u x’aktarx li jseħħu żidiet ħafna aktar baxxi fil-kostijiet għal dawk l-utenti li huma fornuti mill-industrija tal-Unjoni jew minn importazzjonijiet minn sorsi oħrajn. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi bħall-Malażja inevitabbilment se jiżdiedu matul il-ħajja tal-miżuri minħabba kundizzjonijiet aħjar tas-suq u inqas pressjoni mill-prezzijiet Indoneżjani.

    (475)

    Wilmar indikat ukoll li t-tnaqqis fl-importazzjonijiet taż-żejt veġetali, speċjalment mill-Ukrajna jillimita l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tikseb materja prima.

    (476)

    Il-Kummissjoni nnotat li dawn l-allegazzjonijiet kienu żviluppi tal-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni. Ma ġiex issostanzjat x’impatt jista’ jkollhom dawn l-iżviluppi fuq is-suq tal-Unjoni, jew jekk dawn l-iżviluppi kinux ta’ natura dejjiema peress li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku jiddikjara li l-informazzjoni relatata ma’ perjodu sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni ma għandhiex, normalment, titqies. Għalhekk, l-affermazzjonijiet ma ntlaqgħux.

    (477)

    Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta l-argumenti li se jkun hemm nuqqas ġenerali ta’ provvista ta’ aċidu xaħmi lill-utenti fl-Unjoni. Fir-rigward ta’ problemi ta’ provvista li jinvolvu prodotti speċifiċi, kwalunkwe tfixkil fis-suq x’aktarx li jkun temporanju sakemm il-produtturi u l-klijenti tagħhom jaġġustaw għas-sitwazzjoni l-ġdida tas-suq.

    7.9.3.   Konklużjoni dwar l-Interess tal-Utenti

    (478)

    Meta wieħed iżomm f’moħħu l-kummenti magħmula mill-partijiet interessati u abbażi tal-informazzjoni fil-fajl, huwa ċar li għall-akbar setturi li jikkunsmaw l-aċidu xaħmi (it-tindif tad-dar, is-sbuħija, il-ħasil tal-ħwejjeġ u l-kura personali) ma jkunx hemm impatt kbir wara l-impożizzjoni ta’ miżuri, minħabba li tali setturi jkunu jistgħu jassorbu kwalunkwe żieda fil-kostijiet li ma tkunx tista’ tiġi ttrasferita lill-klijenti.

    (479)

    Għall-bqija tas-setturi hemm xi evidenza li jistgħu jseħħu żidiet fil-kostijiet u li dawn ikollhom impatt fuq il-profittabbiltà. Madankollu, żewġ gruppi biss iddeċidew li jikkooperaw bis-sħiħ mal-investigazzjoni sabiex jissostanzjaw l-affermazzjonijiet tagħhom.

    (480)

    Għall-utenti kollha, diversi kwistjonijiet se jtaffu l-impatt ta’ kwalunkwe żieda fil-kostijiet, bħall-ipproċessar bil-kontrolli doganali għall-importazzjonijiet tal-aċidu xaħmi li se jintuża għall-manifattura ta’ prodotti esportati. Mhux il-prodotti kollha manifatturati mill-utenti jużaw l-aċidu xaħmi. Barra minn hekk, madwar 80 % tal-aċidu xaħmi ikkunsmat fis-suq tal-Unjoni ma jinkisibx mill-Indoneżja, u għalhekk ma huwiex se jkun soġġett għall-impatt dirett tal-miżuri.

    (481)

    Il-miżuri anti-dumping huma mfassla biex iżidu l-prezzijiet tal-importazzjoni tal-Unjoni (dazju mħallas) għall-pajjiż ikkonċernat. Il-prezzijiet tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi u l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni x’aktarx li jiżdiedu wkoll. Madankollu, sabiex l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tibqa’ ħajja, jeħtieġ li topera fuq bażi aktar ġusta mal-produtturi esportaturi Indoneżjani fis-suq tal-Unjoni. Is-suq tal-Unjoni jeħtieġ iż-żmien biex jaġġusta għall-kundizzjonijiet il-ġodda u f’dak il-perjodu jista’ jkun hemm xi impatt negattiv fuq atturi partikolari tas-suq u fuq setturi tal-utenti. Kif imsemmi hawn fuq, iż-żieda fl-investiment kienet mistennija mill-produtturi tal-Unjoni biex iżidu l-kapaċità. Parti minn dan l-investiment tippermetti lill-kumpaniji tal-industrija tal-Unjoni jipprovdu firxa usa’ ta’ aċidi xaħmin, jew iżidu l-produzzjoni ta’ prodotti speċifiċi. Sempliċiment għax produttur tal-Unjoni ma kienx kapaċi jforni lis-suq bi prodotti speċifiċi skont il-kundizzjonijiet attwali ta’ kompetizzjoni inġusta ma jfissirx li l-produtturi tal-Unjoni ma għandhomx il-kapaċità li jadattaw għall-kundizzjonijiet il-ġodda tas-suq maħluqa mill-miżuri.

    (482)

    Il-Kummissjoni ssostni li dawn iż-żidiet fil-kostijiet huma meħtieġa biex jippermettu lill-industrija tal-Unjoni tikkompeti b’mod ġust u f’livelli ta’ prezzijiet li ma jipperikolawx il-vijabbiltà tagħha. Huwa ċar li l-profittabbiltà kif murija fit-Tabella 10 ma hijiex sostenibbli, u huwa fl-interess tal-utenti kollha, li l-produzzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ aċidi xaħmin fl-Unjoni tkompli. Iż-żidiet mistennija fil-kostijiet għall-utenti ma humiex meqjusa sproporzjonati.

    (483)

    Għalhekk, filwaqt li qieset il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha li ppreżentaw ruħhom, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-utenti ma jkunux affettwati b’mod sproporzjonat bl-impożizzjoni tal-miżuri.

    7.10.   Interess tal-fornituri

    (484)

    Il-fornituri tal-materja prima fl-Unjoni jikkonsistu prinċipalment fi produtturi tax-xaħam tad-dam u taż-żejt veġetali. Għalkemm dawn il-fornituri tal-materja prima ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, huwa ċar li l-impożizzjoni ta’ miżuri tkun ukoll ta’ benefiċċju fit-tul għall-fornituri, minħabba li l-industrija tal-Unjoni tikkonsma kwantitajiet sinifikanti ta’ xaħam tad-dam u żjut veġetali prodotti fl-Unjoni.

    7.11.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

    (485)

    Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti li turi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu xaħmi li joriġinaw mill-Indoneżja.

    8.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

    (486)

    Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni dwar id-dumping, id-dannu, il-kawżalità, il-livell tal-miżuri u l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri definittivi sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping.

    (487)

    Skont il-valutazzjoni ta’ hawn fuq, id-dazji anti-dumping definittivi huma stabbiliti fil-livell tal-marġni tad-dumping għal Wilmar.

    (488)

    Fir-rigward ta’ Musim Mas, il-Kummissjoni eżaminat jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu. Wara li sabet distorsjonijiet fil-materja prima fir-rigward tal-prodott ikkonċernat fis-sens tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fil-forma ta’ taxxi u imposti fuq l-esportazzjoni għas-CPO u għas-CPKO, il-Kummissjoni kkonkludiet li jkun fl-interess tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku, li tistabbilixxi l-ammont tad-dazju fil-livell tal-marġni tad-dumping, minħabba li dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ma jkunx biżżejjed biex jindirizza d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

    (489)

    Id-dazju definittiv għall-kumpaniji l-oħrajn li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun fl-Indoneżja huwa bbażat fuq il-marġni tad-dumping medju ponderat kif stabbilit hawn fuq għaż-żewġ kumpaniji inklużi fil-kampjun.

    (490)

    Minħabba l-livell għoli ta’ kooperazzjoni (l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu t-totalità tal-importazzjonijiet totali matul il-PI), il-livell ta’ dazju għall-pajjiż kollu kien ibbażat fuq l-ogħla marġni ta’ dumping taż-żewġ esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun.

    (491)

    Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

    Kumpanija

    Marġni tad-dumping definittiv

    Marġni tad-dannu definittiv

    Dazju anti-dumping

    P.T. Musim Mas

    46,4 %

    46,4 %

    46,4 %

    P.T. Wilmar Nabati Indonesia

    15,2 %

    38,7 %

    15,2 %

    Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

    26,6 %

    41,5 %

    26,6 %

    Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

    46,4 %

    46,4 %

    46,4 %

    (492)

    Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju huma esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Jenħtieġ li ma jkunu soġġetti għall-ebda waħda mir-rati tad-dazju anti-dumping individwali.

    (493)

    Sabiex ikun żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda anke għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

    (494)

    Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jeħtiġilhom jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

    (495)

    Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, ikunu jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport bil-baħar, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata aktar baxxa tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

    (496)

    Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn u diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/i tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

    (497)

    Diversi partijiet interessati argumentaw li l-miżuri kienu għoljin wisq jew ma kinux stabbiliti f’livell xieraq u li l-Kummissjoni jenħtieġ li tnaqqashom.

    (498)

    Madankollu, dawn il-miżuri ġew stabbiliti skont il-metodoloġija deskritta f’dan ir-Regolament u f’konformità mar-Regolament bażiku. Il-kalkoli involuti fl-iffissar tal-marġnijiet tad-dumping u tad-dannu ġew żvelati lill-partijiet interessati xierqa. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet iridu jiġu miċħuda minħabba li l-iffissar arbitrarju tad-dazji ma huwiex previst mir-Regolament bażiku.

    (499)

    Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, Ecogreen talbet kwota mingħajr dazju bħala rimedju kostruttiv li għandu jiġi esplorat mill-Kummissjoni, li jiddikjara diversi bażijiet legali għal din id-dikjarazzjoni.

    (500)

    L-ewwel, filwaqt li elaborat fuq l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, Ecogreen offriet li tidħol f’diskussjonijiet għal impenn fuq il-prezz b’element ta’ kwota. F’dan ir-rigward, hija fakkret li l-kwoti kienu parti mill-impenji aċċettati fil-kawża Solar Panels (60) u ddikjarat li, skont il-Bord tad-WTO f’EC — Bed Linen (61), il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tikkunsidra rimedji kostruttivi fi proċedimenti li jinvolvu lill-Membri tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

    (501)

    Il-Kummissjoni nnotat li, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku, hija r-responsabbiltà ta’ Ecogreen li tissottometti offerta ta’ impenn fuq il-prezz li tista’ tiġi aċċettata mill-Kummissjoni. Tali offerta jenħtieġ li ssir fi żmien l-iskadenza statutorja msemmija fl-Artikolu 8.2 tar-Regolament bażiku. L-offerta ta’ Ecogreen kellha tasal għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn ħamest (5) ijiem qabel l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. It-talba li ssuġġeriet impenn fuq il-prezz saret biss fit-12 ta’ Settembru 2022, ferm wara l-iskadenza legali msemmija hawn fuq, u ma ġiet ifformulata l-ebda proposta konkreta. Għalhekk, ma ġiet ipprovduta l-ebda offerta għal impenn fuq il-prezz li setgħet titqies skont ir-Regolament bażiku u għalhekk ma setgħet tiġi invokata b’mod leġittimu l-ebda analoġija mal-kawżi Solar Panels u EC — Bed Linen. Għalhekk, din l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (502)

    It-tieni, Ecogreen talbet kwota mingħajr dazju b’analoġija għall-impożizzjoni ta’ kwoti biex tippreserva l-flussi kummerċjali meqjusa bħala mhux dannużi fil-kuntest ta’ miżuri ta’ salvagwardja, strument ieħor għad-difiża tal-kummerċ.

    (503)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sempliċiment osservat li din l-investigazzjoni kienet regolata mir-Regolament bażiku, li ma kienx jipprevedi kwoti mingħajr dazju. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (504)

    It-tielet, Ecogreen talbet kwota tariffarja bħala rimedju kostruttiv skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2283 (62), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/972 (63), li allegatament jippermetti lill-Kummissjoni tiftaħ u tagħti kwoti tariffarji għal prodotti agrikoli u industrijali.

    (505)

    Il-Kummissjoni nnotat li r-Regolament (UE) 2021/2283, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) 2022/972, kien japplika għall-prodotti agrikoli u industrijali elenkati fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/2283, meta l-prodott li qiegħed jiġi investigat ma jissemma taħt l-ebda wieħed mill-kodiċijiet TARIC tiegħu. Għalhekk, din l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    (506)

    Fl-aħħar nett, Ecogreen indikat li l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprevedi l-possibbiltà tal-ipproċessar ta’ ċerta kwantità ta’ importazzjonijiet bil-kontrolli doganali (proċessar attiv). Ecogreen talbet lill-Kummissjoni tesplora modi kif timplimenta tali arranġament.

    (507)

    Il-Kummissjoni enfasizzat li tali dispożizzjonijiet ma humiex fil-kompetenzi tagħha u fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-investigazzjoni, li hija regolata mir-Regolament bażiku. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ma ntalqgħetx.

    9.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    (508)

    Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (64), meta ammont ikun irid jiġi rrimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jrid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

    (509)

    Il-partijiet interessati kollha ġew informati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping definittivi. Huma ngħataw ukoll perjodu sabiex jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara din id-divulgazzjoni.

    (510)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Qed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidi xaħmin b’tul tal-katina tal-karbonju ta’ C6, C8, C10, C12, C14, C16 jew C18 b’valur ta’ jodju inqas minn 105 g/100 g u bi proporzjon ta’ aċidi xaħmin ħielsa għat-triġliċeridi (grad ta’ qsim — DoS) ta’ mill-inqas 97 %, inklużi:

    aċidu xaħmi singolu (imsejjaħ ukoll “qatgħa pura”); kif ukoll

    taħlitiet li fihom kombinazzjoni ta’ żewġ tulijiet jew aktar tal-katina tal-karbonju,

    minbarra l-aċidu xaħmi iċċertifikat minn skema volontarja (65) għall-produzzjoni ta’ bijofjuwils, bijolikwidi u fjuwils tal-bijomassa sostenibbli rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 30(4) jew skema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 30(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 2915 70 40, ex 2915 70 50, ex 2915 90 30, ex 2915 90 70, ex 2916 15 00, ex 3823 11 00, ex 3823 12 00, ex 3823 19 10 u ex 3823 19 90 (kodiċijiet TARIC: 2915704095, 2915705010, 2915903095, 2915907095, 2916150010, 3823110020, 3823110070, 3823120020, 3823120070, 3823191030, 3823191070, 3823199070 u 3823199095) u li joriġinaw mill-Indoneżja.

    2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandhom ikunu kif ġejjin:

    Kumpanija

    Dazju anti-dumping definittiv

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    P.T. Musim Mas

    46,4 %

    C880

    P.T. Wilmar Nabati Indonesia

    15,2 %

    C881

    Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

    26,6 %

    Ara l-Anness

    Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

    46,4 %

    C999

    3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea u kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz tagħha) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

    4.   F’każijiet fejn il-merkanzija tkun saritilha ħsara qabel ma tidħol fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas jiġi mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (66), l-ammont tad-dazju anti-dumping, ikkalkolat abbażi tal-ammonti ta’ hawn fuq, għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

    5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    Meta produttur esportatur ġdid mill-Indoneżja jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni, l-Anness ikun jista’ jiġi emendat billi jiżdied dak il-produttur esportatur il-ġdid mal-lista ta’ kumpaniji li jikkooperaw li ma jkunux inklużi fil-kampjun u, għalhekk, ikunu soġġetti għar-rata ta’ dazju medja ponderata xierqa ta’ anti-dumping, jiġifieri 26,6 %. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

    (a)

    huwa ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) li joriġinaw mill-Indoneżja matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Ottubru 2020 sat-30 ta’ Settembru 2021);

    (b)

    ma huwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; kif ukoll

    (c)

    effettivament ikun esporta l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) li joriġinaw mill-Indoneżja jew ikun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ aċidu xaħmi li joriġina mill-Indoneżja (ĠU C 482, 30.11.2021, p. 5).

    (3)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ aċidu xaħmi li joriġina mill-Indoneżja (ĠU C 195, 13.5.2022, p. 11).

    (4)  Il-kliem “produtturi esportaturi fil-kampjun” jenħtieġ li jinqara “produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li talbu eżami individwali”, kif spjegat fil-premessa (44).

    (5)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2564

    (6)  Ir-Rapport tal-Bord, Mexico — Steel Pipes and Tubes, WT/DS331/R, adottat fl-24 ta’ Lulju 2007, DSR 2007:IV, p. 1207, il-paragrafu 7.347. F’konformità mal-ġurisprudenza tad-WTO, anki l-Qrati tal-UE adottaw l-istess pożizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjoni parallela stabbilita fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari fis-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill, T-249/06, EU:T:2009:62, il-punt 139.

    (7)  Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, EC — Fasteners (China), WT/DS397/AB/R, adottat fit-28 ta’ Lulju 2011, DSR 2011:VII, p. 3995, il-paragrafu 425.

    (8)  Idem, il-paragrafi 430 u 454.

    (9)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1146 tal-4 ta’ Lulju 2019 li ttemm il-proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ planki tal-azzar illaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 181, 5.7.2019, p. 89) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/266 tal-14 ta’ Frar 2019 li ttemm il-proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mill-Malażja (ĠU L 44, 15.2.2019, p. 31).

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/430/KE tad-19 ta’ Ġunju 2007 li ttemm il-proċediment ta’ kontra d-dumping rigward l-importazzjonijiet ta’ fibri sintetiċi tal-poliesteri ta’ qisien ta’ qosor predeterminat (il-PSF) li joriġinaw mill-Malażja u t-Tajwan u li tirrilaxxa l-ammonti assigurati permezz tad-dazji proviżorji imposti (ĠU L 160, 21.6.2007, p. 30) (“id-Deċiżjoni PSF”).

    (11)  Is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Philips Lighting Poland. u Philips Lighting vs Il-Kunsill, T-469/07, EU:T:2013:370, il-punt 87. F’dan il-każ, l-applikazzjoni ma ġietx irtirata. Minflok, xi produtturi tal-Unjoni li appoġġaw l-applikazzjoni meta ġew ikkuntattjati qabel il-bidu (“eżerċizzju tal-pożizzjoni”) aktar tard iddeċidew li jibdlu l-pożizzjoni u li jopponu l-miżuri matul l-investigazzjoni nnifisha. B’riżultat ta’ dan, il-livell ta’ oppożizzjoni għall-kawża sar ogħla mil-livell ta’ appoġġ f’termini ta’ produzzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni eventwalment iddeċidiet li kienet intitolata tkompli l-investigazzjoni u timponi miżuri f’ċirkostanzi bħal dawn b’analoġija mal-irtirar tal-ilment skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku.

    (12)  Il-lista ta’ skemi volontarji u skemi nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuti mill-Kummissjoni hija disponibbli fuq: https://energy.ec.europa.eu/topics/renewable-energy/bioenergy/voluntary-schemes_en

    (13)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni) (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82), disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A02018L2001-20220607&qid=1657211934884

    (14)  Il-Leġiżlazzjoni REACH. Il-verżjoni konsolidata tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), tinkorpora l-emendi u r-rettifiki kollha tar-REACH sad-data mmarkata fl-ewwel paġna tar-regolament.

    (15)  Proċess li permezz ta’ katalizzatur jippermetti li jintużaw direttament aċidi xaħmin (minflok żjut) u metanol għall-manifattura tal-bijodiżil.

    (16)  Ara d-Direttiva (UE) 2018/2001.

    (17)  Ara d-Direttiva (UE) 2018/2001.

    (18)  Ara d-Direttiva (UE) 2018/2001.

    (19)  Ara d-Direttiva (UE) 2018/2001.

    (20)  Ara d-Direttiva (UE) 2018/2001.

    (21)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

    (22)  Il-kodiċi Taric għall-aċidu olejku ma jagħmilx differenza skont il-grad, filwaqt li hemm importazzjonijiet ta’ aċidu olejku fl-Unjoni mill-Indoneżja.

    (23)  Id-Deċiżjoni 2007/430/KE, il-premessa 40.

    (24)  https://www.ioioleo.de/wp-content/uploads/2021/01/IOI_BASIC_OLEO.pdf

    (25)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

    (26)  L-ilment, il-paragrafu 41.

    (27)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 tal-25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 315, 29.9.2020, p. 1), il-premessa (352).

    (28)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1688 tat-8 ta’ Ottubru 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 258, 9.10.2019, p. 21).

    (29)  Is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1988, Silver Seiko Limited et. a. vs Il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kawżi Magħquda C-273/85 u C-107/86, EU:C:1988:466, il-paragrafu 16.

    (30)  Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, EC — Fasteners (China) (Article 21.5 — China), WT/DS397/AB/RW u Add.1, adottat fit-12 ta’ Frar 2016, DSR 2016:I, p. 7, il-paragrafi 5.260-5.282.

    (31)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1194/2013 tad-19 ta’ Novembru 2013 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU L 315, 26.11.2013, p. 2).

    (32)  Is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, T-80/14, EU:T:2016:504, il-punt 94.

    (33)  Is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, PT Pelita Agung Agrindustri vs Il-Kunsill, T-121/14, EU:T:2016:500, il-punt 74.

    (34)  Is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, PT Wilmar Bioenergi Indonesia u PT Wilmar Nabati Indonesia vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, T-139/14, EU:T:2016:499, il-punt 101.

    (35)  Rapport tal-Bord, EU — Biodiesel (Indonesia), WT/DS480/R u Add.1, adottat fit-28 ta’ Frar 2018, DSR 2018:II, p. 605, il-paragrafi 8.1(a) sa (d).

    (36)  https://www.lmc.co.uk/oleochemicals/

    (37)  Skont l-IHS Markit chemical economics handbook, ippubblikat f’Ġunju 2021: “Iċ-Ċina kontinentali, l-Ewropa tal-Punent u l-Amerika ta’ Fuq huma s-swieq ewlenin tal-konsum. It-tkabbir storiku fil-konsum tal-aċidi xaħmin japprossima t-tkabbir tal-PDG fir-reġjuni tal-konsum tagħhom” (https://ihsmarkit.com/products/natural-fatty-acids-chemical-economics-handbook.html).

    (38)  Skont l-Industry ARC Fatty Acid Market Forecast (2021-2026): “Barra minnhekk, minħabba l-epidemja tal-Covid-19, il-produzzjoni, il-konsum, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-Aċidu Xaħmi kienu mxekkla. Dawn il-konsegwenzi multipli tal-pandemija tal-Covid-19 iggravaw il-problemi għas-suq tal-Aċidu Xaħmi fl-2020. Madankollu, id-domanda għall-Aċidu Xaħmi hija mistennija li titjieb sa tmiem l-2021, minħabba t-titjib fis-setturi tal-kura personali u tal-kura fid-dar.” (http://www.industryarc.com/Report/15848/fatty-acid-market.html).

    (39)  OFI Magazine, Strong demand forecast for oleochemicals, 9 ta’ Lulju 2021, https://www.ofimagazine.com/news/strong-demand-forecast-for-oleochemicals

    (40)  Is-surplus operatorju gross (GOS), jew il-profitti, huwa definit bħala valur miżjud li minnu jitnaqqsu l-kostijiet tal-persunal. Huwa s-surplus iġġenerat mill-attivitajiet operatorji wara li jkun ġie kkumpensat l-input tal-fattur tax-xogħol. Il-GOS fis-sustanzi kimiċi jammonta għal 11 % tal-fatturat, https://www.francechimie.fr/media/52b/the-european-chemical-industry-facts-and-figures-2020.pdf

    (41)  CSIMarket, Chemical Manufacturing Industry Profitability, https://csimarket.com/Industry/industry_Profitability_Ratios.php?ind=101&hist=4

    (42)  Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun jirrappreżentaw madwar 60 % tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-Unjoni.

    (43)  Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-prezz baxx tal-materja prima huwa minħabba distorsjonijiet ekonomiċi fis-suq tal-Indoneżja. Ara l-premessi (392) sa (400).

    (44)  https://www.ssas.co.id/wp-content/uploads/2020/10/166-PMK.010-2020.pdf (Indoneżjan biss, aċċessat l-aħħar fl-10 ta’ Lulju 2022).

    (45)  https://jdih.kemenkeu.go.id/FullText/2020/57~PMK.05~2020Per.pdf (Indoneżjan biss, aċċessat l-aħħar fl-10 ta’ Lulju 2022).

    (46)  https://jdih.kemenkeu.go.id/download/30a94928-f217-48ee-934e-c2be549f350f/76~PMK.05~2021Per.pdf (Indoneżjan biss, aċċessat l-aħħar fl-10 ta’ Lulju 2022).

    (47)  https://kpbn.co.id/home.html?lang=1

    (48)  https://www.gtis.com/gta/

    (49)  Bord taż-Żejt tal-Palm tal-Malażja https://bepi.mpob.gov.my/admin2/price_local_daily_view_cpo_msia.php?more=Y&jenis=1Y&tahun=2020 u https://bepi.mpob.gov.my/index.php/en/?option=com_content&view=article&id=1033&Itemid=136

    (50)  ŻEJT TAL-PALM MHUX RAFFINAT — CIF ROTTERDAM Spot Historische Prijzen — Investing.com https://nl.investing.com/commodities/crude-palm-oil-cif-rotterdam-futures-historical-data

    (51)  https://gapki.id/en/news/19196/october-1-2020-commodity-price-position-at-the-closing-of-physical-exchange-market

    (52)  L-ittra hija disponibbli fil-fajl miftuħ bin-Nru t22.004777.

    (53)  Ara r-rapport annwali tal-2021 ta’ P &G, ir-rapport annwali tal-2021 ta’ Henkel u r-rapport annwali tal-2021 ta’ Unilever: https://assets.ctfassets.net/oggad6svuzkv/4Jv0tM2D5D4uo9fpGkFINt/51f922cfc331f8cd887e86f5dca2a59f/2021_annual_report.pdf

    https://www.henkel.com/resource/blob/1616958/8a9ca447fca79ec3ad39d8e5192a1fb6/data/2021-annual-report.pdf

    https://www.unilever.com/files/92ui5egz/production/e582e46a7f7170fd10be32cf65113b738f19f0c2.pdf

    (54)  Ara l-paġna 39 tar-rapport annwali tal-2021 ta’ P&G:

    https://assets.ctfassets.net/oggad6svuzkv/4Jv0tM2D5D4uo9fpGkFINt/51f922cfc331f8cd887e86f5dca2a59f/2021_annual_report.pdf

    (55)  Ara l-paġna 19 tar-rapport annwali tal-2021 ta’ P&G.

    (56)  Ara l-paġna 92 tar-rapport annwali tal-2021 ta’ Henkel:

    https://www.henkel.com/resource/blob/1616958/8a9ca447fca79ec3ad39d8e5192a1fb6/data/2021-annual-report.pdf

    (57)  Ara l-paġna 122 tar-rapport annwali tal-2021 ta’ Unilever:

    https://www.unilever.com/files/92ui5egz/production/e582e46a7f7170fd10be32cf65113b738f19f0c2.pdf

    (58)  Ara l-paġna 122 tar-rapport annwali tal-2021 ta’ Unilever.

    (59)  32,9 % kienet ir-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha li kkooperaw fid-dokument ta’ divulgazzjoni finali.

    (60)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/423/UE tat-2 ta’ Awwissu 2013 li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ĠU L 209, 3.8.2013, p. 26.

    (61)  Ir-Rapport tal-Bord, EC — Bed Linen, WT/DS141/R, adottat fit-12 ta’ Marzu 2001, kif immodifikat mir-Rapport tal-Korp tal-Appell WT/DS141/AB/R, DSR 2001:VI, p. 2077, il-paragrafu 6.233.

    (62)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2283 tal-20 ta’ Diċembru 2021 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1388/2013 (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 33).

    (63)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/972 tas-17 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2283 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali (ĠU L 167, 24.6.2022, p. 10).

    (64)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (65)  Il-lista ta’ skemi volontarji rikonoxxuti mill-Kummissjoni hija disponibbli fuq: https://energy.ec.europa.eu/topics/renewable-energy/bioenergy/voluntary-schemes_en

    (66)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


    ANNESS

    Produtturi esportaturi Indoneżjani li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

    Isem

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    P.T. Nubika Jaya

    P.T. Permata Hijau Palm Oleo

    C882

    P.T. Unilever Oleochemical Indonesia

    C883

    P.T. Soci Mas

    P.T. Energi Sejahtera Mas

    C884

    P.T. Ecogreen Oleochemicals

    C885

    P.T. Apical Kao Chemicals

    P.T. Sari Dumai Sejati

    P.T. Kutai Refinery Nusantara

    P.T. Sari Dumai Oleo

    P.T. Padang Raya Cakrawala

    P.T. Asianagro Agung Jaya

    C886

    P.T. Domas Agrointi Prima

    C887


    Top