Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0103

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/103 tat-12 ta’ Jannar 2023 li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1242/2014 u (UE) Nru 1243/2014 fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-regoli għall-preżentazzjoni tad-data kumulattiva dwar l-operazzjonijiet u l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istati Membri

    C/2023/37

    ĠU L 12, 13.1.2023, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/103/oj

    13.1.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 12/3


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/103

    tat-12 ta’ Jannar 2023

    li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1242/2014 u (UE) Nru 1243/2014 fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-regoli għall-preżentazzjoni tad-data kumulattiva dwar l-operazzjonijiet u l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istati Membri

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 97(2) u 107(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd jipprevedi miżuri speċifiċi biex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jittaffew l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (minn hawn ’il quddiem “miżuri speċifiċi”).

    (2)

    Sabiex ikun hemm monitoraġġ u rapportar affidabbli tal-operazzjonijiet relatati mal-miżuri speċifiċi, jenħtieġ li jsiru aġġustamenti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u fir-regoli għall-preżentazzjoni tad-data kumulattiva dwar l-operazzjonijiet u l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istati Membri skont ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1242/2014 (2) u (UE) Nru 1243/2014 (3).

    (3)

    Peress li l-iskadenza għall-forniment tad-data kumulattiva dwar l-operazzjonijiet sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena skont l-Artikolu 97(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 diġà għaddiet għall-2022, jenħtieġ li l-Istati Membri jibagħtu din l-informazzjoni fil-format emendat biss mill-2023, sabiex jiżguraw rapportar konsistenti u armonizzat.

    (4)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1242/2014 u (UE) Nru 1243/2014 jiġu emendati kif xieraq.

    (5)

    Sabiex jiġi żgurat li jingħata biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex jirrappurtaw data kumulattiva dwar operazzjonijiet relatati mal-miżuri speċifiċi sal-iskadenza tal-31 ta’ Marzu 2023, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun.

    (6)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1242/2014

    L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1242/2014 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1243/2014

    L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1243/2014 huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1242/2014 tal-20 ta’ Novembru 2014 li jistabbilixxi regoli skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew Marittimu u s-Sajd rigward il-preżentazzjoni ta’ data (dejta) kumulattiva rilevanti dwar l-operazzjonijiet (ĠU L 334, 21.11.2014, p. 11).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1243/2014 tal-20 ta’ Novembru 2014 li jistabbilixxi regoli skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istati Membri, kif ukoll dwar ir-rekwiżiti tad-data (dejta) u s-sinerġiji bejn sorsi potenzjali tad-dejta (ĠU L 334, 21.11.2014, p. 39).


    ANNESS I

    Fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1242/2014, fit-tabella, fl-entrata 25, it-test tat-tieni kolonna (“Kontenut tal-entrata”) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Il-mitigazzjoni tat-tifqigħa tal-COVID-19 jew miżuri sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżati minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.”


    ANNESS II

    Fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1243/2014, il-Parti F hija sostitwita b’dan li ġej:

    “IL-PARTI F

    Il-mitigazzjoni tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tal-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura u t-taffija tal-konsegwenzi ta’ dik l-aggressjoni militari fuq l-attivitajiet tas-sajd.

    Entrata

    Kontenut tal-entrata

    Kumment

    Ħtiġijiet tad-dejta u sinerġiji

    25

    Il-mitigazzjoni tat-tifqigħa tal-COVID-19 jew miżuri sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżati minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

    Kodiċi 0 = mhux marbuta mal-COVID-19 jew mal-miżuri sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżati minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

    Kodiċi 1 = marbuta mal-COVID-19

    Kodiċi 2 = marbuta mal-miżuri sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżati minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

    Speċifiċi għall-FEMS”


    Top