Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0002

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2 tal-21 ta’ Diċembru 2022 li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 761/2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2022/9999

    ĠU L 1, 3.1.2023, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/01/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2/oj

    3.1.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 1/3


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2

    tal-21 ta’ Diċembru 2022

    li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 761/2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 761/2014 (2), preparazzjoni tensjoattiva għall-ħasil tal-ġilda u x-xagħar, ippreżentata fil-forma ta’ ġel u li fiha, bi proporzjonijiet simili, komponenti speċifiċi għall-ħasil tal-ġilda u għall-ħasil tax-xagħar, ippreżentata fi flixkun tal-plastik li fih 300 ml, ippreżentat għall-bejgħ bl-imnut, kienet ikklassifikata taħt il-kodiċi 3401 30 00 tan-Nomenklatura Magħquda (NM) annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (3), bħala “preparat għall-ħasil tal-ġilda, ippreżentat għall-bejgħ bl-imnut”. Il-prodott huwa preparat għall-ħasil kemm tax-xagħar, skont it-tifsira tal-intestatura 3305 tan-NM, kif ukoll tal-ġilda skont it-tifsira tal-intestatura 3401. Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, ma kienx possibbli li jiġi determinat liema komponent jagħti lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu. Konsegwentement, bis-saħħa tar-regola ġenerali 3(c) għall-interpretazzjoni tan-NM, il-prodott kellu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura li tinsab l-aħħar f’ordni numerika, jiġifieri taħt l-intestatura 3401.

    (2)

    Matul id-69 sessjoni tiegħu f’Marzu 2022, il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (HSC) tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) approva l-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 3305.10/5 li tikklassifika ġel tax-xampus għall-ħasil tax-xagħar u tal-ġilda li fih ilma, aġenti tensjoattivi organiċi, gliċerina, estratti tal-pjanti, sulfat tal-manjeżju, glukonat taż-żingu, glikol tal-butilen, klorur tas-sodju, aċidu ċitriku, alkoħol, fwieħa, sustanzi aromatiċi u eċċipjenti, ippakkjat fi flixkun ta’ 250 ml għall-bejgħ bl-imnut. Dan ġie kklassifikat taħt l-intestatura 3305 tas-SA peress li n-nota 1(c) tal-Kapitolu 34 tas-SA, li teskludi “ ix-xampus, id-dentifriċi, il-kremi u r-ragħwa għat-tqaxxir tal-leħja, jew il-preparati għall-banju, li fihom is-sapun jew aġenti tensjoattivi organiċi oħrajn” minn dak il-Kapitolu u li tindika l-klassifikazzjoni fl-intestaturi 3305, 3306 jew 3307, titqies li kienet applikabbli għall-klassifikazzjoni tal-prodott. Konsegwentement, il-prodott ġie kklassifikat taħt is-subintestatura 3305 10 tas-SA li tikkorrispondi għall-kodiċi NM 3305 10 00, bl-applikazzjoni tar-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tas-SA u n-nota 1(c) tal-Kapitolu 34 tas-SA.

    (3)

    Minħabba l-karatteristiċi identiċi jew simili ħafna tal-prodott mal-preparat deskritt fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 761/2014, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-preparat, kif stabbilita fl-Anness ta’ dak ir-Regolament, mhijiex f’konformità mal-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 3305.10/5.

    (4)

    Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE (4), l-Unjoni hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija. L-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni approvati mill-HSC huma strumenti ta’ gwida għall-miżuri tariffarji tal-Unjoni.

    (5)

    Bil-għan li tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-Sistema Armonizzata fil-livell internazzjonali u meta jitqies li l-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 3305.10/5 hija konformi mal-kliem tan-nota 1(c) tal-Kapitolu 34 tan-NM u tas-subintestatura 3305 10 tas-SA, jeħtieġ li jitħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 761/2014.

    (6)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 761/2014 huwa mħassar.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Gerassimos THOMAS

    Direttur Ġenerali

    Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 761/2014 tal-10 ta’ Lulju 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 207, 15.7.2014, p. 13).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1).


    Top