Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023H0622(01)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi f'approċċ “Saħħa Waħda” 2023/C 220/01

    ST/9581/2023/INIT

    ĠU C 220, 22.6.2023, p. 1–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 220/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi f'approċċ “Saħħa Waħda”

    (2023/C 220/01)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    F’Lulju 2022, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, identifikat ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) bħala waħda mit-tliet theddidiet ewlenin għas-saħħa li għandhom jingħataw prijorità (1). Huwa stmat li aktar minn 35 000 persuna jmutu kull sena fl-UE/fiż-ŻEE bħala konsegwenza diretta ta’ infezzjoni minħabba batterji reżistenti għall-antibijotiċi (2). L-impatt fuq is-saħħa tal-AMR huwa komparabbli ma’ dak tal-influwenza, tat-tuberkulożi u tal-HIV/AIDS f’daqqa. B’mod ġenerali, l-aħħar data (3) turi xejriet li qed jiżdiedu b’mod sinifikanti fl-għadd ta’ infezzjonijiet u mwiet attribwibbli għal kważi l-kombinazzjonijiet kollha ta’ reżistenza għall-batterji-antibijotiċi, speċjalment f’ambjenti tal-kura tas-saħħa. Huwa stmat li madwar 70 % tal-każijiet ta’ infezzjonijiet b’batterji reżistenti għall-antibijotiċi kienu infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, l-impatt fuq is-saħħa tal-fungi reżistenti għall-fungiċidi sar aktar evidenti matul is-snin.

    (2)

    L-AMR għandha konsegwenzi serji fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ekonomija għas-sistemi tal-kura tas-saħħa. Billi titnaqqas il-kapaċità li jiġi pprevenut u ttrattat il-mard infettiv, l-AMR thedded, fost oħrajn, il-kapaċità li titwettaq kirurġija, it-trattament ta’ pazjenti immunokompromessi, it-trapjant tal-organi u t-terapija tal-kanċer. Dan jirriżulta f’kostijiet għoljin għas-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE (4). L-AMR hija wkoll theddida għas-sikurezza tal-ikel u għas-sigurtà tal-ikel peress li għandha impatt fuq is-saħħa tal-annimali u s-sistemi tal-produzzjoni.

    (3)

    L-AMR hija kwistjoni ta’ “Saħħa Waħda”, li jfisser li tinkludi s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-ambjent, u hija theddida transfruntiera multidimensjonali għas-saħħa li ma tistax tiġi indirizzata minn settur wieħed b’mod indipendenti jew minn pajjiżi individwali waħedhom. L-indirizzar tal-AMR jirrikjedi livell għoli ta’ kollaborazzjoni bejn is-setturi u bejn il-pajjiżi, inkluż fil-livell globali.

    (4)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2017“Pjan ta’ Azzjoni Ewropew ‘Saħħa Waħda’ kontra l-AMR” (il-“Pjan ta’ Azzjoni kontra l-AMR tal-2017”) (5) tiddeskrivi aktar minn 70 azzjoni li jkopru s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, li l-progress tagħhom ġie mmonitorjat regolarment (6). Madankollu, hija meħtieġa aktar azzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, li tirrikjedi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni lil dawn l-oqsma, pereżempju permezz ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019 dwar il-passi li jmiss biex l-UE ssir reġjun tal-aħjar prattika fil-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi (7) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2021 dwar it-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa (8) jikkontribwixxu għall-ħidma kontra l-AMR f’dak ir-rigward.

    (5)

    Il-Programm l-UE għas-Saħħa (9) joffri investiment imdaqqas fil-ġlieda kontra l-AMR, b’mod partikolari permezz ta’ għotjiet diretti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-AMR, fost oħrajn billi jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali “Saħħa Waħda” kontra l-AMR, il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet kemm tal-infezzjonijiet akkwiżiti f’komunità kif ukoll dawk assoċjati mal-kura tas-saħħa u l-istrateġiji ta’ politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi. Dan għandu jservi biex jappoġġa s-segwitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fl-Istati Membri kollha. Il-programm Orizzont Ewropa (10) ser jipprovdi appoġġ għal azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni u sħubija dwar “Saħħa Waħda” kontra l-AMR (11), filwaqt li l-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment (12) u l-assistenza fl-ambitu tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (13) jistgħu jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    (6)

    Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali “Saħħa Waħda” kontra l-AMR huma essenzjali għal rispons ikkoordinat kontra l-AMR fis-setturi kollha. Fid-dikjarazzjoni politika tal-2016 tal-laqgħa ta’ livell għoli tal-Assemblea Ġenerali dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (14), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jaħdmu fil-livelli nazzjonali, reġjonali u globali biex jiżviluppaw, f’konformità mar-riżoluzzjoni 68.7 tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, pjanijiet ta’ azzjoni multisettorjali, f’konformità ma’ approċċ “Saħħa Waħda” u mal-Pjan ta’ Azzjoni Globali dwar l-AMR (15). Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2016 (16) talbu lill-Istati Membri biex qabel nofs l-2017 ikollhom fis-seħħ pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra l-AMR, ibbażat fuq l-approċċ “Saħħa Waħda” u f’konformità mal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni Globali tad-WHO kontra l-AMR.

    (7)

    Fir-rapport ġenerali tagħha tat-18 ta’ Ottubru 2022 (17) , il-Kummissjoni sabet li, filwaqt li l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali kienu stabbiliti fl-Istati Membri kollha, b’ħafna minnhom ibbażati fuq approċċ “Saħħa Waħda” mill-anqas sa ċertu punt, dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni varjaw b’mod konsiderevoli fil-kontenut u fid-dettall. Hija kkonkludiet ukoll li ħafna Stati Membri għandhom jaħdmu aktar skont approċċ “Saħħa Waħda”, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri li jikkonċernaw l-ambjent, li spiss ikunu neqsin jew mhux żviluppati sew. Fl-aħħar nett, il-komponenti ewlenin, bħall-partijiet operazzjonali, ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni, ġeneralment ma kinux żviluppati sew fil-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali nnifsu, u lanqas ma kienu disponibbli f’dokumenti relatati. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar l-ibbaġitjar kienet fil-biċċa l-kbira nieqsa mill-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali. Dawn il-kwistjonijiet iqajmu tħassib dwar l-implimentazzjoni sostenibbli tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali u l-arranġamenti stabbiliti fl-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-objettivi strateġiċi tagħhom jintlaħqu b’mod effettiv. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li jkollhom Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali bbażat fuq l-approċċ “Saħħa Waħda”, sostnut minn struttura, monitoraġġ u riżorsi xierqa.

    (8)

    Is-sorveljanza u l-monitoraġġ robusti, inkluż ix-xejriet segwenti, tal-AMR u l-konsum tal-antimikrobiċi (AMC) fil-livelli kollha fis-saħħa tal-bniedem, iżda anke fis-settur veterinarju, fis-settur tal-pjanti u fis-settur ambjentali, huma kruċjali biex jiġi vvalutat it-tixrid tal-AMR, jiġi appoġġat l-użu prudenti tal-antimikrobiċi u jiġu influwenzati r-reazzjonijiet għall-prevenzjoni u għall-kontroll tal-infezzjonijiet.

    (9)

    Id-disponibbiltà ta’ antibijotiċi bi spettru dejjaq hija essenzjali sabiex jiġu evitati l-iżvilupp u t-tixrid tar-reżistenza għall-antimikrobiċi. L-Istati Membri jistgħu għalhekk jieħdu miżuri speċjali biex jindirizzaw il-problemi ta’ provvista fl-oqsma umani u veterinarji.

    (10)

    L-Istati Membri jridu jiġbru data rilevanti u komparabbli dwar il-volum tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali antimikrobiċi veterinarji u dwar l-użu ta’ prodotti mediċinali antimikrobiċi għal kull speċi ta’ annimali (18). Filwaqt li l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) jippermettu li jittejjeb il-ġbir ta’ data u informazzjoni komparabbli u kompatibbli dwar l-AMR u l-AMC, hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Istati Membri biex jingħalqu l-lakuni eżistenti fis-sorveljanza u fil-monitoraġġ u biex tiġi żgurata l-kompletezza tad-data kemm dwar l-AMR kif ukoll dwar l-AMC fil-livelli kollha, inkluż billi tiġi rrakkomandata data li għandha tiġi rrapportata u billi jiġu żviluppati sistemi integrati għas-sorveljanza tal-AMR u tal-AMC li jinkludu s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti, l-ikel, l-ilma mormi u l-ambjent.

    (11)

    Filwaqt li għad hemm lakuni fl-għarfien dwar l-iżvilupp u t-tixrid tal-AMR permezz tal-esponiment ta’ patoġeni għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u għall-prodotti bijoċidali, ir-riskju ta’ tali żvilupp ta’ reżistenza jenħtieġ li jitqies bħala parti mill-evalwazzjoni tas-sikurezza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u għall-prodotti bijoċidali.

    (12)

    Filwaqt li d-dimensjoni ambjentali tal-AMR ingħatat relattivament inqas attenzjoni mill-AMR fis-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, l-evidenza dejjem tikber turi li l-ambjent naturali jista’ jkun riżerva ewlenija u xprunatur tal-AMR. F’konformità mal-approċċ “Saħħa Waħda”, il-monitoraġġ ambjentali tal-AMR fl-ilmijiet ta’ taħt l-art u fl-ilmijiet tal-wiċċ, inkluż fl-ilmijiet kostali, fl-ilma mormi u fil-ħamrija agrikola huwa essenzjali biex jinftiehem aktar ir-rwol li għandha l-preżenza fl-ambjent ta’ residwi antimikrobiċi fit-tfaċċar u fit-tixrid tal-AMR, il-livelli ta’ kontaminazzjoni ambjentali u r-riskji għas-saħħa tal-bniedem. Il-monitoraġġ huwa essenzjali wkoll biex jikkomplementa d-data klinika billi jipprovdi materjal ta’ kampjunar minn popolazzjoni kbira.

    (13)

    Ir-residwi ta’ prodotti mediċinali jinsabu ħafna fl-ilmijiet ta’ taħt l-art u l-ilmijiet tal-wiċċ, inkluż fl-ilmijiet kostali u fil-ħamrija, u diversi pubblikazzjonijiet juru li r-residwi antibijotiċi jistgħu jikkontribwixxu għall-AMR. Punt ta’ dħul potenzjali tal-ġeni u l-organiżmi tal-AMR fl-ambjent huma l-impjanti għat-trattament tal-ilma mormi.

    (14)

    Filwaqt li l-proposti tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2022 għandhom l-għan li jsaħħu l-monitoraġġ ambjentali tal-AMR fl-ilmijiet ta’ taħt l-art u fl-ilmijiet tal-wiċċ, inkluż fl-ilmijiet kostali, fl-ilma mormi u fil-ħamrija agrikola (20), il-ħtieġa li jkun hemm involviment f’approċċ “Saħħa Waħda” integrat kontra l-AMR għas-sistemi ta’ sorveljanza, inkluż l-ambjent (21). Hija meħtieġa sorveljanza integrata tas-sejbiet dwar il-mikroorganiżmi reżistenti għall-mediċini fil-bnedmin, fl-annimali, fil-pjanti, fl-ikel, fl-ilma mormi u fl-ambjent sabiex jiġu identifikati u pprevenuti malajr tifqigħat u biex tiġi indirizzata l-AMR fis-setturi kollha. Kooperazzjoni aktar mill-qrib f’dawn is-setturi tista’ twassal ukoll għal iffrankar finanzjarju. Dan il-proċess jinvolvi l-kondiviżjoni tad-data u tal-informazzjoni bejn is-setturi għal rispons aktar effettiv u kkoordinat għall-ġlieda kontra l-AMR. Id-data pprovduta minn dawn is-sistemi ta’ sorveljanza, fil-livelli amministrattivi xierqa, tista’ ttejjeb il-fehim tal-epidemjoloġija kumplessa tal-AMR biex jiġu ggwidati r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika u biex jiġu żviluppati inizjattivi biex ikun hemm reazzjoni għar-riskji tal-AMR qabel ma jsiru emerġenzi fuq skala kbira.

    (15)

    Il-prevenzjoni u l-kontroll robusti tal-infezzjonijiet, b’mod partikolari f’ambjenti tal-kura akuta bħall-isptarijiet u f’faċilitajiet tal-kura fit-tul, jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-AMR. Il-pandemija tal-COVID-19 ġabet għarfien akbar dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, inklużi miżuri tal-iġjene, biex jiġi promoss tnaqqis fit-trażmissjoni tal-mikrobi, inklużi dawk reżistenti. Madankollu, b’aktar minn 70 % tal-każijiet tal-AMR minħabba infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (22), hemm il-ħtieġa ta’ forniment akbar ta’ standards għoljin ta’ prevenzjoni u kontroll tal-infezzjonijiet. Dan jinkludi wkoll standards għoljin ta’ sikurezza tal-pazjenti. Meta jittieħdu azzjonijiet nazzjonali, tista’ titqies il-ħidma tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, l-iġjene tal-idejn u s-sikurezza tal-pazjenti (23) (24) (25).

    (16)

    Filwaqt li huwa rikonoxxut sew li l-użu mhux xieraq tal-antimikrobiċi, kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali, huwa xprunatur ewlieni tal-livelli ogħla ta’ AMR, hemm rapporti konsistenti dwar in-nuqqasijiet fl-iżgurar ta’ livelli għoljin ta’ politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi fl-Istati Membri. L-użu prudenti tal-antimikrobiċi u l-istandards għoljin tal-prevenzjoni u tal-kontroll tal-infezzjonijiet fil-livelli tal-komunità, tal-isptarijiet u tal-faċilitajiet tal-kura fit-tul huma aspetti essenzjali fit-tnaqqis tat-tfaċċar u tal-iżvilupp tal-AMR. Din ir-Rakkomandazzjoni tikkomplementa r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2001 dwar l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobiċi fil-mediċina tal-bniedem (26), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (27), u l-linji gwida tal-2017 għall-użu prudenti tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-bniedem (28). Tikkomplementa wkoll ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-Unjoni li, fid-Direttiva riveduta dwar il-kodiċi tal-Unjoni relatat mal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (29), tipproponi li tintroduċi miżuri regolatorji speċifiċi biex jittejjeb l-użu prudenti tal-antimikrobiċi.

    (17)

    L-AMR twassal għal żieda fil-morbidità u fil-mortalità tal-annimali. Din tipperikola s-saħħa u l-benesseri tal-annimali u, għalhekk, il-produttività tal-annimali, li għandha impatt soċjoekonomiku kbir fis-settur agrikolu. Is-sikurezza tal-katina alimentari hija affettwata mis-saħħa u mill-benesseri tal-annimali, b’mod partikolari dawk imrobbija għall-produzzjoni tal-ikel. L-iżgurar ta’ livell għoli ta’ saħħa u benesseri tal-annimali jwassal għal reżiljenza mtejba fl-annimali, u b’hekk dawn isiru anqas vulnerabbli għall-mard, li jgħin biex jitnaqqas l-użu tal-antimikrobiċi.

    (18)

    L-applikazzjoni tal-ħama tad-dranaġġ u tad-demel bħala fertilizzanti fuq ħamrija agrikola tista’ twassal għall-iżvilupp tal-AMR permezz tat-tixrid ta’ batterji reżistenti għall-antimikrobiċi u ġeni reżistenti għall-antimikrobiċi fl-ambjent, li jkomplu jikkontaminaw il-katina alimentari. Filwaqt li hija meħtieġa aktar data, u l-irfinar tad-data eżistenti, huwa rrakkomandat li jiġu introdotti prattiki prudenti ta’ ġestjoni tad-demel.

    (19)

    L-istabbiliment ta’ miri konkreti li jistgħu jitkejlu huwa mod effettiv biex jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-prevenzjoni u mat-tnaqqis tal-AMR f’perjodu ta’ żmien speċifikat u biex jiġi mmonitorjat il-progress (30). Saru diskussjonijiet dwar il-miri tal-AMR fuq livell internazzjonali, pereżempju fil-kuntest tat-Task Force Trans-Atlantika dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (31), l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (32) u l-G7 (33).

    (20)

    Filwaqt li ġiet inkluża mira għal tnaqqis ta’ 50 % tal-bejgħ globali tal-UE ta’ antimikrobiċi għall-annimali tar-razzett u fl-akkwakultura sal-2030 fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt (34) u fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero (35) u t-tnaqqis fl-użu ta’ antimikrobiċi f’annimali tar-razzett għandu jiġi mmonitorjat permezz tal-miżuri ta’ appoġġ tal-politika agrikola komuni (36), bħalissa ma hemm l-ebda mira relatata mal-AMR fis-settur tas-saħħa tal-bniedem fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni, flimkien maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), fasslet miri konkreti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri li jnaqqsu l-użu mhux meħtieġ tal-antimikrobiċi. Il-miri rrakkomandati fil-livell tal-Istati Membri jqisu kif xieraq kull sitwazzjoni nazzjonali u l-livelli eżistenti differenti ta’ konsum tal-antimikrobiċi u t-tixrid ta’ patoġeni reżistenti ewlenin. Dawn jirriflettu l-livell ta’ sforzi li għandhom jiġu pprovduti minn kull Stat Membru biex jintlaħqu l-miri komuni tal-UE filwaqt li ma jiġux kompromessi s-saħħa u s-sikurezza tal-pazjenti. Dawn jippermettu wkoll appoġġ immirat meta meħtieġ u monitoraġġ tal-progress li jkun sar fis-snin li ġejjin.

    (21)

    L-istabbiliment ta’ miri rrakkomandati fil-livell tal-UE dwar l-AMC u l-AMR huwa għodda utli biex jinkiseb u biex jiġi mmonitorjat il-progress kemm fil-fatturi sottostanti li jinfluwenzaw l-AMR, notevolment il-konsum tal-antimikrobiċi, u t-tixrid tal-AMR, b’mod partikolari fir-rigward ta’ patoġeni li joħolqu l-akbar piż u theddida għas-saħħa pubblika fl-UE. Il-miri rrakkomandati huma bbażati fuq data eżistenti rrapportata fl-ambitu tas-sorveljanza tal-UE fl-2019 (37), magħżula bħala sena bażi, minħabba li s-sitwazzjoni fl-2020 u fl-2021 titqies bħala eċċezzjonali, u għalhekk mhux xieraq li sservi bħala bażi, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri restrittivi mhux tas-soltu stabbiliti. Il-miri rrakkomandati għandhom jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ għanijiet komuni u jistgħu jiġu kkomplementati b’miri nazzjonali li jkopru aspetti oħrajn relatati mal-AMR, bħall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, il-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi, il-prattiki ta’ preskrizzjoni u t-taħriġ.

    (22)

    L-Ewrobarometru Speċjali tal-2022 dwar l-AMR (38) jiżvela li fl-UE għad hemm nuqqas ta’ għarfien dwar l-antibijotiċi b’nofs biss ta’ dawk li ġew mistoqsija jkunu konxji li l-antibijotiċi ma humiex effettivi kontra l-viruses, u li għad hemm differenzi kbar fl-għarfien taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-Istati Membri. Barra minn hekk, kważi wieħed minn kull għaxar ċittadini tal-Unjoni qed jieħdu antibijotiċi mingħajr riċetta. Dawn ir-riżultati juru l-ħtieġa li jiżdiedu u li jittejbu l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-AMR u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fil-livelli kollha bħala mezz għall-promozzjoni tal-għarfien u tat-tibdil fl-imġiba.

    (23)

    L-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-saħħa tal-bniedem, fis-settur veterinarju, ambjentali u tal-agronomija dwar l-AMR, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet u dwar l-approċċ “Saħħa Waħda” għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra l-AMR, b’mod partikolari minħabba r-rwoli tagħhom bħala promoturi għall-użu prudenti tal-antimikrobiċi u edukaturi tal-pazjenti u tal-bdiewa. Il-programmi u l-kurrikuli ta’ edukazzjoni kontinwa għandhom jinkludu taħriġ transsettorjali obbligatorju u korsijiet ta’ kompetenza dwar l-AMR, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, dwar ir-riskju ambjentali, dwar il-bijosigurtà u dwar il-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi, kif xieraq.

    (24)

    Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), minn Lulju 2017 ġew approvati 11-il antibijotiku ġdid (jew mill-Kummissjoni jew mill-Amministrazzjoni tal-Ikel u l-Mediċini tal-Istati Uniti jew mit-tnejn li huma). B’xi eċċezzjonijiet, l-antibijotiċi li għadhom kif ġew approvati għandhom benefiċċju kliniku limitat fuq it-trattamenti eżistenti, peress li aktar minn 80 % huma minn klassijiet eżistenti fejn il-mekkaniżmi ta’ reżistenza huma stabbiliti sew u huwa previst tfaċċar rapidu tar-reżistenza. Bħalissa fil-fażi tar-Riċerka u l-Iżvilupp hemm 43 antibijotiku u kombinazzjoni ma’ entità terapewtika ġdida. Ftit minnhom biss jissodisfaw mill-anqas wieħed mill-kriterji ta’ innovazzjoni tad-WHO (jiġifieri n-nuqqas ta’ kontroreżistenza magħrufa, sit ta’ rbit ġdid, mod ta’ azzjoni u/jew klassi). B’mod ġenerali, l-antibijotiċi fil-fażi klinika u dawk approvati dan l-aħħar ma humiex biżżejjed biex jindirizzaw l-isfida ta’ żieda fit-tfaċċar u fit-tixrid tal-AMR. In-nuqqas li jiġu żviluppati u jsiru disponibbli antibijotiċi ġodda effettivi qed ikompli jagħti spinta lill-impatt tal-AMR; għalhekk, hemm ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati u implimentati inċentivi ġodda.

    (25)

    Il-Kummissjoni għandha l-għan li ttejjeb it-tħejjija u r-rispons għal theddid transfruntier serju fil-qasam tal-kontromiżuri mediċi, b’mod partikolari billi tippromwovi riċerka u żvilupp avvanzati ta’ kontromiżuri mediċi u teknoloġiji relatati u billi tindirizza l-isfidi tas-suq. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza l-falliment tas-suq tal-antimikrobiċi u tippromwovi l-iżvilupp u l-aċċessibbiltà ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-ġlieda kontra l-AMR, inkluż antimikrobiċi ġodda u qodma, dijanjostika u vaċċini kontra patoġeni reżistenti.

    (26)

    Wara l-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-AMR tal-2017, ġew proposti diversi proposti għal mudelli ekonomiċi ġodda biex jiġu introdotti fis-suq antimikrobiċi ġodda, inkluż fil-konklużjonijiet tal-JAMRAI (39), li fil-31 ta’ Marzu 2021 ippreżenta strateġija għall-implimentazzjoni ta’ inċentivi multinazzjonali fl-Ewropa biex jiġu stimulati l-innovazzjoni tal-antimikrobiċi u l-aċċess għalihom (40).

    (27)

    Il-Kummissjoni kkummissjonat studju intitolat “bringing AMR Medical Counter Measures on the market” (indaħħlu fis-suq kontromiżuri mediċi għall-AMR) (41) li jissimula erba’ tipi ta’ mekkaniżmi ta’ inċentiv ta’ daqs finanzjarju differenti sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-antimikrobiċi: garanzija tad-dħul, benefiċċji tad-dħul fis-suq flimkien ma’ garanzija tad-dħul, benefiċċji tad-dħul fis-suq b’somma f’daqqa u pagamenti għall-ilħuq ta’ objettivi intermedji, u l-forniment ta’ għażliet għall-implimentazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE.

    (28)

    Il-programm ta’ ħidma tal-UE għas-Saħħa 2023 (42) joffri investiment imdaqqas fil-ġlieda kontra l-AMR, b’mod partikolari permezz tal-azzjoni speċifika “Appoġġ għall-innovazzjoni u l-aċċess għall-antimikrobiċi” (43). Dan ser jippermetti l-ħolqien ta’ network li jappoġġa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-akkwist(i) ta’ kontromiżuri mediċi u kapaċitajiet ta’ riżerva għall-produzzjoni jew l-aċċess għal kontromiżuri mediċi mmirati għall-AMR.

    (29)

    L-azzjonijiet dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni appoġġati mill-programmi Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa huma kruċjali għall-iżvilupp, għall-evalwazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-AMR. L-appoġġ u l-kollaborazzjoni kontinwi jibqgħu kruċjali biex jissaħħaħ l-impatt tar-riċerka u l-innovazzjoni għad-detezzjoni, għall-prevenzjoni u għat-trattament ta’ infezzjonijiet ikkawżati minn patoġeni reżistenti u għandhom jiġu żgurati.

    (30)

    Il-vaċċini huma għodod b’saħħithom kosteffettivi għall-prevenzjoni ta’ mard komunikabbli kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali, u għalhekk għandhom il-potenzjal li jnaqqsu t-tixrid tal-infezzjonijiet tal-AMR u jnaqqsu l-użu tal-antimikrobiċi. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi promoss l-użu tat-tilqim kif ukoll l-iżvilupp, id-disponibbiltà ta’ u l-aċċess għal vaċċini.

    (31)

    Il-kooperazzjoni transsettorjali tal-Istati Membri u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati huma kruċjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva ta’ politiki u azzjonijiet “Saħħa Waħda” tal-AMR u qiegħed jiġi propost li din il-kooperazzjoni tissaħħaħ, partikolarment permezz tan-Network tal-UE “Saħħa Waħda” dwar l-AMR (44).

    (32)

    Għandu jissaħħaħ u jiġi estiż livell għoli ta’ kooperazzjoni bejn l-Aġenziji tal-Unjoni (l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) (45), iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) (46) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) (47) biex jinkludi l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) (48) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) (49), biex ikun żgurat rispons koerenti, “Saħħa Waħda”, ibbażat fuq l-evidenza għall-AMR.

    (33)

    Il-ġlieda kontra l-AMR fil-kuntest tal-approċċ “Saħħa Waħda” hija prijorità fl-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa Globali (50), inkluż permezz tal-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet konkreti dwar l-AMR fil-kuntest tan-negozjar ta’ ftehim internazzjonali potenzjali tad-WHO dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemija (51). Filwaqt li l-attenzjoni globali għall-AMR qed tikber, huwa meħtieġ it-trawwim ta’ kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi żgurat rispons ikkoordinat mill-komunità globali u appoġġ adegwat integrat lejn il-prijoritajiet stabbiliti fil-livelli globali u reġjonali għall-isforzi ta’ finanzjament, riċerka u politika. F’dak ir-rigward għandu jkun hemm kooperazzjoni msaħħa, b’mod partikolari fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti, il-G7, il-G20 u mal-organizzazzjonijiet kwadripartitiċi (l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) (52), il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) (53), l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH) (54) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (55)). Din ir-rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet tal-Unjoni f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fit-Trattati, b’mod partikolari permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 218 TFUE.

    (34)

    Is-segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-AMR tal-2017 u ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għandu jiġi mmonitorjat regolarment biex jitkejjel il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tagħhom u jiġu identifikati l-lakuni fl-isforzi biex tiġi indirizzata l-AMR.

    ADOTTA R-RAKKOMANDAZZJONI LI ĠEJJA:

    A.    Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali kontra l-AMR

    B'DAN JINKORAĠĠIXXI LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    1.

    Ikollhom stabbiliti sa tal-14 ta’ Ġunju 2024, u jaġġornaw u jimplimentaw b’mod regolari Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali kontra l-AMR (“Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali”), ibbażati fuq l-approċċ “Saħħa Waħda” u filwaqt li jqisu l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni Globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u d-Dikjarazzjoni tal-2016 tal-laqgħa ta’ livell għoli tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Assemblea Ġenerali dwar l-AMR.

    Filwaqt li jqisu approċċ kosteffettiv u bbażat fuq l-evidenza, il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-AMR għandhom b'mod partikolari:

    a.

    jidhru bħala prijorità tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali u jippromwovu l-użu prudenti tal-antimikrobiċi.

    b.

    jinkludu pjanijiet u mekkaniżmi ta' koordinazzjoni, implimentazzjoni u monitoraġġ minn settur għall-ieħor biex tiġi żgurata l-governanza effettiva tagħhom;

    c.

    jinkludu miżuri speċifiċi biex jintlaħqu għanijiet ġenerali li jistgħu jitkejlu, u arranġament ta' implimentazzjoni u indikaturi biex jiġi vvalutat il-progress lejn l-ilħuq ta' dawn l-għanijiet, inklużi l-miri rrakkomandati stabbiliti fit-taqsima E ta' din ir-Rakkomandazzjoni;

    d.

    jirreferu għall-elementi rilevanti tal-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali tal-Politika Agrikola Komuni għall-ġlieda kontra l-AMR;

    e.

    jinkludu miżuri bbażati fuq l-evidenza għall-prevenzjoni, għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tat-tixrid tal-AMR fl-ambjent; u

    2.

    Jallokaw, b’appoġġ mill-Kummissjoni fejn rilevanti, riżorsi umani u finanzjarji xierqa għall-implimentazzjoni effettiva tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali.

    3.

    Jevalwaw, regolarment, u mill-inqas kull tliet snin, l-eżiti tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali u jieħdu azzjonijiet biex jindirizzaw is-sejbiet ta’ dawn l-evalwazzjonijiet u ta’ inputs rilevanti oħrajn, filwaqt li jqisu sejbiet ġodda u xejriet emerġenti.

    4.

    Jiżguraw li l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali u l-evalwazzjoni regolari tal-eżiti tagħhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fi żmien sitt xhur wara t-tlestija tal-evalwazzjoni.

    B.    Is-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-AMR u tal-konsum tal-antimikrobiċi (AMC)

    B'DAN JINKORAĠĠIXXI LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    5.

    Jeliminaw il-lakuni eżistenti fis-sorveljanza u fil-monitoraġġ u jiżguraw il-kompletezza tad-data, inkluż data f’ħin reali u aċċess f’waqtu għad-data fejn xieraq sal-2030, kemm dwar l-AMR kif ukoll dwar l-AMC fil-livelli kollha (eż. il-komunità, l-isptarijiet u l-faċilitajiet tal-kura fit-tul) biex jiġi appoġġat l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-bniedem, billi:

    a.

    jiżguraw, b'koordinazzjoni mal-ECDC, li s-sorveljanza tal-AMR fil-batterji mill-bnedmin tinkludi mhux biss il-fluss tad-demm fil-ġisem u l-iżolati tal-fluwidu ċerebrospinali (iżolati invażivi) iżda anke l-iżolati l-oħrajn kollha mil-laboratorji tal-mikrobijoloġija klinika, u li d-data korrispondenti tiġi rrapportata regolarment lill-ECDC biex jiġu identifikati u jitkejlu aħjar l-iskala u t-tixrid ta' patoġeni reżistenti għall-antimikrobiċi fl-Istati Membri u bejniethom;

    b.

    jesiġu li, filwaqt li titqies kull metodoloġija stabbilita fil-livell tal-UE, infezzjonijiet ikkawżati minn organiżmi kritiċi (b'impatt negattiv kbir fuq is-saħħa) reżistenti għal ħafna mediċini u reżistenti għal trattamenti tal-aħħar linja, eż. Acinetobacter baumannii reżistenti għall-karbepenem, Enterobacteriaceae reżistenti għall-karbepenem (eż. Klebsiella pneumoniae, Escherichia coli) u Candida auris, ikunu mard notifikabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk organiżmi reżistenti oħra humiex notifikabbli, skont is-sitwazzjoni u l-ħtieġa nazzjonali;

    c.

    jespandu s-sorveljanza tal-AMR fil-bnedmin għall-patoġeni b'AMR emerġenti jew stabbilita, minħabba l-esponiment tagħhom għal sustanzi fl-ambjent, b'mod partikolari dawk użati fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew fi prodotti bijoċidali;

    d.

    jiġbru data dwar l-AMC, fil-bnedmin fil-livelli xierqa biex ikun jista' jsir il-monitoraġġ tal-preskrizzjoni tal-antimikrobiċi u biex jingħata feedback f'waqtu dwar ix-xejriet u l-mudelli tal-preskrizzjoni li jinvolvu, fost oħrajn, lil min jippreskrivi, l-ispiżjara u atturi oħra li jiġbru din id-data, u fejn possibbli u xieraq bl-użu ta' infrastruttura diġitali fil-livell tal-UE.

    e.

    jiżviluppaw sistemi integrati għas-sorveljanza tal-AMR u l-AMC li jinkludu s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti, l-ikel, l-ilma mormi u l-ambjent (b'mod partikolari l-ilma u l-ħamrija), billi jqisu l-istudju tal-fattibbiltà tal-Kummissjoni dwar sistemi integrati, il-ħidma tal-grupp ta' esperti Kwadripartitiku QTS-AIS dwar is-Sorveljanza Integrata (56) kif ukoll inizjattivi oħra li diġà tnedew, bħall-protokoll Tricycle tad-WHO għal sorveljanza dinjija integrata dwar l-E.coli li jipproduċi l-ESBL fis-setturi tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent. Dan il-monitoraġġ integrat u kontinwu intersettorjali għandu jitfassal biex jidentifika b'mod effiċjenti u rapidu infezzjonijiet u tifqigħat reżistenti emerġenti iżda daqstant fir-rigward tal-ħamrija u l-korpi tal-ilma biex tiġi ddeterminata l-preżenza ta' ġeni tal-AMR u ta' antimikrobiċi, ix-xejriet u t-tossiċità tagħhom. Ir-riżultati ta' din is-sorveljanza għandhom jinfurmaw strateġiji effettivi biex jindirizzaw l-AMR fis-setturi kollha u fil-livelli amministrattivi xierqa.

    B'DAN JILQA' B'SODISFAZZJON L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

    6.

    Tkompli tivvaluta abbażi tal-opinjonijiet tal-mard tal-annimali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ikkawżat minn batterji reżistenti għall-antimikrobiċi, biex taċċerta jekk huwiex meħtieġ li tiġi elenkata kwalunkwe waħda minn dawk il-mardiet fir-Regolament (UE) 2016/429 (57) bil-għan li jiġu kategorizzati għal kwalunkwe sorveljanza regolatorja, kontroll jew miżura ta’ ġestjoni oħra.

    C.    Il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet

    B'DAN JINKORAĠĠIXXI LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    7.

    Jiżguraw li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tal-infezzjonijiet fis-saħħa tal-bniedem u li dawn jiġu monitorjati kontinwament biex jikkontribwixxu għal-limitazzjoni tat-tixrid ta’ patoġeni reżistenti għall-antimikrobiċi, b’mod partikolari billi:

    a.

    jiżguraw il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa u f'faċilitajiet tal-kura fit-tul permezz ta':

    l-iżgurar tal-kompetenzi ewlenin għall-professjonisti tal-prevenzjoni u tal-kontroll tal-infezzjonijiet/tal-iġjene fl-isptarijiet;

    l-iżgurar ta' riżorsi adegwati għall-programmi ta' prevenzjoni u kontroll tal-infezzjonijiet;

    kontroll tal-kwalità;

    sorveljanza;

    l-iżvilupp ta' linji gwida xierqa; u

    attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u ta' taħriġ.

    b.

    itejbu l-faċilitajiet eżistenti tal-kura tas-saħħa inkluż l-infrastrutturi tal-isptarijiet biex jiżguraw livell għoli ta' prevenzjoni u kontroll tal-infezzjonijiet;

    c.

    jiżguraw rabtiet b'saħħithom mas-sikurezza tal-pazjenti u l-prevenzjoni ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa, inkluża s-sepsi, b'mod partikolari billi jtejbu t-taħriġ tal-persunal tal-kura tas-saħħa u jiżguraw appoġġ mikrobijoloġiku ta' kwalità għolja mil-laboratorji kliniċi u r-rekords tal-pazjenti;

    d.

    jiżguraw taħriġ kontinwu fir-rigward tal-għarfien dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet għall-persunal kollu fil-komunità, fl-isptarijiet u fil-faċilitajiet tal-kura fit-tul, bl-għajnuna ta' għarfien pedagoġiku u dwar l-imġiba;

    e.

    jiżviluppaw u jimplimentaw bis-sħiħ programmi nazzjonali ta' immunizzazzjoni u jieħdu miżuri biex jipprevjenu b'mod effettiv il-mard li jista' jiġi evitat bit-tilqim abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2018 dwar kooperazzjoni msaħħa kontra l-mard li jista' jiġi evitat bit-tilqim (58).

    f.

    Jiżguraw koordinazzjoni adegwata bejn il-programmi għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet u l-programmi ta' użu tajjeb tal-antimikrobiċi.

    8.

    Jieħdu miżuri biex itejbu s-saħħa u l-benesseri tal-annimali li jipproduċu l-ikel sabiex inaqqsu l-okkorrenza u t-tixrid ta’ mard infettiv fil-biedja u sussegwentement inaqqsu l-ħtieġa tal-użu ta’ antimikrobiċi, b’mod partikolari billi:

    a.

    iħeġġu lill-veterinarji u lil atturi rilevanti oħrajn biex jagħtu pariri lill-bdiewa dwar miżuri preventivi u ta' kontroll kontra mard infettiv;

    b.

    iħeġġu l-adozzjoni ta' miżuri ta' bijosigurtà u ta' prevenzjoni u kontroll tal-infezzjonijiet fl-azjendi agrikoli;

    c.

    jagħmlu użu mill-appoġġ disponibbli fil-kuntest tal-politika agrikola komuni biex jieħdu azzjonijiet preventivi kontra mard infettiv (59) li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi tal-UE;

    d.

    jagħmlu użu mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (2021-2027) (60) għal proġetti inklużi fil-programmi nazzjonali, u f'konformità mar-regoli ta' eliġibbiltà definiti mill-Istati Membri kkonċernati;

    e.

    jimxu' l quddiem fl-azzjonijiet tal-Istati Membri deskritti fl-Anness tal-“Linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE li tkun aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030” (61);

    f.

    iħeġġu tekniki ta' tnissil (62) fl-akkwakultura għall-iżvilupp ta' razez reżistenti għall-mard, bħala kontributur għat-tnaqqis fl-użu tal-antimikrobiċi;

    g.

    jippromwovu l-użu tat-tilqim, inkluż fl-akkwakultura, u alternattivi li jgħinu fil-prevenzjoni ta' ċertu mard u jevitaw l-użu bla bżonn ta' antimikrobiċi;

    h.

    jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta' addittivi tal-għalf innovattivi inkluż ukoll addittivi tal-għalf biex jittejjeb l-istatus fiżjoloġiku tal-annimali;

    i.

    jiżguraw taħriġ kontinwu fir-rigward tal-għarfien dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet u l-bijosigurtà għall-persunal kollu f'xenarji rilevanti, bl-għajnuna ta' għarfien pedagoġiku u dwar l-imġiba;

    j.

    jiżviluppaw miżuri mmirati skont is-settur ladarba d-data dwar l-użu ta' antimikrobiċi skont l-ispeċi ta' annimali li jipproduċu l-ikel issir disponibbli skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2019/6.

    9.

    Jagħmlu użu minn prattiki tajbin, ibbażati fuq l-evidenza, ta’ ġestjoni tad-demel u prattiki tajbin ta’ ġestjoni tal-ħama tad-dranaġġ filwaqt li jindirizzaw l-applikazzjoni tagħhom fl-agrikoltura biex jitnaqqas l-esponiment ambjentali għal sustanzi bi proprjetajiet antimikrobiċi u għad-determinanti tal-AMR.

    B'DAN JILQA' B'SODISFAZZJON L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI TIEĦU L-AZZJONI LI ĠEJJA, F'KOOPERAZZJONI MILL-QRIB MAL-ISTATI MEMBRI:

    10.

    Tiżviluppa, b’koordinazzjoni mal-ECDC, linji gwida tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet fis-saħħa tal-bniedem, filwaqt li tqis approċċ kosteffetiv, partikolarment għall-isptarijiet u għall-faċilitajiet tal-kura fit-tul sa [tliet snin wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill]. Meta jiġu żviluppati dawn il-linji gwida, għandhom jitqiesu l-linji gwida internazzjonali u għandha tiġi żgurata kollaborazzjoni mill-qrib mas-soċjetajiet professjonali Ewropej u nazzjonali.

    D.    Politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi

    B'DAN JINKORAĠĠIXXI LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    11.

    Jiżguraw li jdaħħlu fis-seħħ miżuri fis-saħħa tal-bniedem biex jappoġġaw l-użu prudenti ta’ aġenti antimikrobiċi, f’ambjenti tal-kura tas-saħħa, inkluż ambjenti tal-kura tas-saħħa primarja u faċilitajiet ta’ kura fit-tul, u kura komunitarja b’mod partikolari billi:

    a.

    jagħmlu użu minn, u jadattaw għaċ-ċirkostanzi nazzjonali fejn meħtieġ, linji gwida tal-UE għat-trattament ta' infezzjonijiet komuni u għall-profilassi perioperattiva sabiex jiġu rrispettati l-aħjar prattiki u jiġi ottimizzat l-użu prudenti tal-antimikrobiċi;

    b.

    ifasslu miżuri għall-professjonisti tas-saħħa, inkluż l-ispiżjara, biex jiżguraw il-konformità tagħhom mal-linji gwida dwar l-użu prudenti;

    c.

    iħeġġu u jappoġġaw l-użu ta' testijiet dijanjostiċi, b'mod partikolari fil-kura primarja, biex jiġi ottimizzat it-trattament antimikrobiku, u;

    d.

    jiżguraw il-kompetenzi u l-organizzazzjoni xierqa tal-persunal.

    12.

    Ikollhom fis-seħħ programmi għall-ġbir u r-rimi sikur ta’ antimikrobiċi mhux użati, skaduti u żejda mill-komunità u minn sptarijiet u faċilitajiet tal-kura fit-tul, azjendi agrikoli, fornituri tal-mediċina veterinarja, bini veterinarju u faċilitajiet tal-manifattura tal-antimikrobiċi.

    B'DAN JILQA' B'SODISFAZZJON L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI TIEĦU L-AZZJONI LI ĠEJJA, F'KOOPERAZZJONI MILL-QRIB MAL-ISTATI MEMBRI:

    13.

    Taħdem lejn l-iżvilupp ta’ linji gwida tal-UE għat-trattament ta’ infezzjonijiet komuni kbar fil-bnedmin u għall-profilassi perioperattiva fil-bnedmin, li jkunu jinkludu informazzjoni dwar l-użu ta’ testijiet dijanjostiċi adegwati, il-ħtieġa tal-antibijotiċi, l-għażla tal-antibijotiku xieraq (jekk meħtieġ), id-doża u l-intervalli tad-doża, u t-tul tat-trattament/tal-profilassi, filwaqt li titqies l-aħjar prattika disponibbli, id-disponibbiltà tal-antibijotiċi u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aktar użu ottimali u prudenti tagħhom. Meta jiġu żviluppati dawn il-linji gwida, għandu jitqies il-ktieb tal-antibijotiċi AWaRe tad-WHO (63) u għandha tiġi żgurata kollaborazzjoni mill-qrib mas-soċjetajiet professjonali Ewropej u nazzjonali. Barra minn hekk, b’rikonoxximent tal-fatt li x-xejriet ta’ reżistenza fl-organiżmi jistgħu jvarjaw f’reġjuni differenti, ir-rekwiżiti kliniċi speċifiċi għandhom jiġu ddeterminati mill-Istati Membri individwali.

    B'DAN JILQA' B'SODISFAZZJON L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI U JĦEĠĠEĠ LILL-ISTATI MEMBRI BIEX JIEĦDU L-AZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

    14.

    Iqisu r-riskju tal-iżvilupp ta’ reżistenza għall-antimikrobiċi umani u veterinarji mill-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodotti bijoċidali, abbażi ta’ riċerka u evidenza xjentifika, bħala parti mill-evalwazzjoni tas-sikurezza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar dawn il-prodotti u r-rieżami tad-deċiżjonijiet kif xieraq jekk toħroġ evidenza ġdida. Fejn meħtieġ, għandhom jiġu implimentati kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet xierqa għall-użu għall-prodotti kkonċernati.

    E.    Miri rrakkomandati għall-konsum tal-antimikrobiċi u għar-reżistenza għall-antimikrobiċi

    B'DAN JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    15.

    Jieħdu miżuri nazzjonali xierqa bil-għan li jiżguraw li, sal-2030, il-konsum totali ta’ antibijotiċi fil-bnedmin (f’Doża Definita ta’ Kuljum (DDD) għal kull 1 000 abitant kuljum), fis-setturi tal-komunità u tal-isptarijiet flimkien, inkluż fil-faċilitajiet tal-kura fit-tul u f’kuntesti ta’ kura fid-dar, jitnaqqas b’20 % fl-Unjoni meta mqabbel mas-sena bażi 2019.

    16.

    Jieħdu miżuri nazzjonali xierqa bil-għan li jiżguraw li, sal-2030, mill-anqas 65 % tal-konsum totali tal-antibijotiċi fil-bnedmin jappartjeni għall-Grupp ta’ Aċċess tal-antibijotiċi kif definit fil-klassifika AWaRe tad-WHO (64).

    17.

    Jieħdu miżuri nazzjonali xierqa bil-għan li jiżguraw li, sal-2030, l-inċidenza totali ta’ infezzjonijiet fid-demm bi Staphylococcus aureus reżistenti għall-metiċillina (MRSA) (għadd għal kull 100 000 tal-popolazzjoni) titnaqqas bi 15 % fl-UE, meta mqabbla mas-sena bażi 2019.

    18.

    Jieħdu miżuri nazzjonali xierqa bil-għan li jiżguraw li, sal-2030, l-inċidenza totali ta’ infezzjonijiet fid-demm b’Escherichia coli tat-tielet ġenerazzjoni reżistenti għaċ-ċefalosporini (għadd għal kull 100 000 tal-popolazzjoni) titnaqqas b’10 % fl-UE, meta mqabbla mas-sena bażi 2019.

    19.

    Jieħdu miżuri nazzjonali xierqa bil-għan li jiżguraw li, sal-2030, l-inċidenza totali ta’ infezzjonijiet fid-demm bi Klebsiella pneumoniae reżistenti għall-karbapenem (għadd għal kull 100 000 tal-popolazzjoni) titnaqqas b’5 % fl-UE, meta mqabbla mas-sena bażi 2019.

    Il-kontribut individwali rrakkomandat mill-Istati Membri biex jintlaħqu dawn il-miri tal-Unjoni huma ppreżentati fl-Anness ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

    20.

    Jistabbilixxu indikaturi u jaqsmu l-aħjar prattika dwar l-użu tagħhom, li jappoġġaw l-ilħuq tal-miri rrakkomandati kif ukoll miri dwar aspetti oħrajn relatati mal-AMR bħall-kontroll tal-prevenzjoni tal-infezzjonijiet, il-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi, il-prattiki ta’ preskrizzjoni u t-taħriġ.

    B'DAN JILQA' B'SODISFAZZJON L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI U JĦEĠĠEĠ LILL-ISTATI MEMBRI BIEX JIEĦDU L-AZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

    21.

    Jistabbilixxu miżuri xierqa biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-mira tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero ta’ tnaqqis ta’ 50 % tal-bejgħ globali tal-UE ta’ antimikrobiċi użati għall-annimali tar-razzett u fl-akkwakultura sal-2030.

    F.    Għarfien, edukazzjoni u taħriġ

    B'DAN JINKORAĠĠIXXI LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    22.

    Jiżguraw, f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u professjonali kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati, u bl-għajnuna ta’ għarfien pedagoġiku u dwar l-imġiba, li l-programmi ta’ edukazzjoni kontinwa u l-kurrikuli nazzjonali, fost oħrajn fil-mediċina, fl-infermerija, fil-professjoni tal-qwiebel, fil-farmaċija, fid-dentistrija, fil-mediċina veterinarja, fl-agrikoltura u l-agronomija, u fix-xjenzi ambjentali u ekoloġiċi jinkludu taħriġ u kompetenza transsettorjali obbligatorji dwar l-AMR, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, dwar ir-riskji ambjentali, dwar il-bijosigurtà u dwar il-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi, inkluż l-użu prudenti tal-antimikrobiċi, kif xieraq.

    23.

    Iqajmu sensibilizzazzjoni fost il-professjonisti pubbliċi u tas-saħħa li jaħdmu fis-settur tas-saħħa tal-bniedem u fis-settur veterinarju dwar l-eżistenza ta’ programmi għall-ġbir u għar-rimi sikur ta’ antimikrobiċi mhux użati, skaduti u żejda u l-importanza ta’ dawk il-programmi fil-prevenzjoni tal-AMR, u jaqsmu l-aħjar prattika.

    24.

    Iżidu u jtejbu l-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-AMR u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi biex jiġu promossi l-għarfien u t-tibdil fl-imġiba billi:

    a.

    jipprovdu lil professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-saħħa tal-bniedem, fis-settur veterinarju u fis-settur tal-agronomija b'informazzjoni aġġornata regolarment dwar l-AMR fil-livelli nazzjonali u lokali kif ukoll materjali ta' informazzjoni dwar l-AMR u l-importanza ta' prevenzjoni u kontroll effettivi tal-infezzjonijiet, ir-riskji ambjentali, il-bijosigurtà u l-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi, inkluż l-użu prudenti tal-antimikrobiċi;

    b.

    jiżviluppaw attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni pubblika u kampanji ta' komunikazzjoni fuq skala kbira dwar l-AMR, b'mod partikolari l-prevenzjoni tagħha permezz tal-iġjene, b'mod partikolari l-iġjene tal-idejn, u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fil-livell nazzjonali;

    c.

    jiżviluppaw kampanji ta' komunikazzjoni mmirati biex titqajjem sensibilizzazzjoni fi gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni, bl-użu ta' mezzi u kanali ta' komunikazzjoni xierqa għal dawn il-gruppi speċifiċi.

    25.

    Jinformaw u jikkoordinaw dwar l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni msemmija hawn fuq u l-kampanji ta’ komunikazzjoni bejniethom, mal-Kummissjoni, mal-Aġenziji rilevanti tal-Unjoni, u ma’ korpi rilevanti oħrajn, sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tagħhom.

    B'DAN JILQA' B'SODISFAZZJON L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

    26.

    Tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Istati Membri dwar l-AMR u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi b’azzjonijiet ta’ komunikazzjoni pan-Ewropej li jqisu approċċ kosteffettiv u abbażi tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri.

    27.

    Tappoġġa lill-Istati Membri fit-taħriġ kontinwu u t-tagħlim tul il-ħajja tal-professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-saħħa tal-bniedem, fis-settur veterinarju u fis-settur tal-agronomija dwar it-theddida tal-AMR u l-prevenzjoni tagħha skont l-approċċ “Saħħa Waħda” permezz ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ bħall-inizjattiva għal Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel (65).

    G.    Ir-riċerka u l-iżvilupp u inċentivi għall-innovazzjoni u għall-aċċess għall-antimikrobiċi u kontromiżuri mediċi oħrajn għall-AMR

    B'DAN JILQA' B'SODISFAZZJON L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI U JĦEĠĠEĠ LILL-ISTATI MEMBRI BIEX JIEĦDU L-AZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

    28.

    Jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika b’inċentivi tat-tip push għad-detezzjoni, għall-prevenzjoni u għat-trattament ta’ infezzjonijiet fil-bnedmin ikkawżati minn patoġeni reżistenti għall-antimikrobiċi, inkluż l-istabbiliment ta’ sħubija Ewropea dwar “Saħħa Waħda” kontra l-AMR, u l-investiment sinifikanti fiha biex ikunu jistgħu jsiru l-koordinazzjoni, l-allinjament u l-finanzjament ta’ riċerka u innovazzjoni transsettorjali.

    29.

    Jippromwovu, b’mod koordinat ma’ inizjattivi nazzjonali u ta’ pajjiżi differenti, l-iżvilupp ta’ u l-aċċessibbiltà għall-antimikrobiċi u kontromiżuri mediċi oħrajn rilevanti għall-ġlieda kontra l-AMR fil-bnedmin, partikolarment testijiet dijanjostiċi u tilqim immirat lejn patoġeni reżistenti għall-antimikrobiċi.

    GĦAL DAK IL-GĦAN, IL-KUNSILL JILQA' B'SODISFAZZJON L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

    a.

    tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta’ patoġeni reżistenti għall-antimikrobiċi ta’ prijorità fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, fl-immappjar ta’ kontromiżuri mediċi eżistenti, futuri u nieqsa għall-AMR, u fid-definizzjoni tal-profili tal-prodotti fil-mira f’konformità ma’ inizjattivi nazzjonali;

    b.

    tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp ta’ kontromiżuri mediċi tal-AMR, b’mod partikolari billi tikkoordina l-finanzjament ta’ riċerka tranżnazzjonali u l-iżvilupp fi stadju tard ta’ kontromiżuri mediċi tal-AMR, inklużi provi kliniċi għall-antimikrobiċi;

    c.

    ittejjeb il-kontinwità tal-provvista tal-antimikrobiċi u kontromiżuri mediċi oħra għall-AMR fl-UE, b’mod partikolari, b’komunikazzjoni mal-Istati Membri, billi tappoġġa u tikkoordina l-inizjattivi tal-Istati Membri dwar il-manifattura, l-akkwist u l-kumulazzjoni ta’ riżerva u billi tindirizza x-xkiel fil-livell tal-UE;

    d.

    ittejjeb it-tbassir tad-domanda, tivvaluta u tindirizza l-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista tal-antibijotiċi, u timplimenta azzjonijiet immirati għall-kumulazzjoni ta’ riżerva tal-antibijotiċi kif xieraq, biex tevita n-nuqqasijiet.

    30.

    Tikkontribwixxi għat-tfassil u l-governanza ta’ skema multinazzjonali ta’ inċentivi tat-tip pull tal-Unjoni sabiex ittejjeb l-innovazzjoni, l-iżvilupp ta’ antimikrobiċi ġodda u l-aċċess għal antimikrobiċi eżistenti u ġodda fejn l-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fuq bażi volontarja. Skema bħal din tista’ eż. tieħu l-forma ta’ garanzija tad-dħul, premjijiet għad-dħul fis-suq flimkien ma’ garanzija tad-dħul, premjijiet għal dħul fis-suq b’somma f’daqqa jew pagamenti mal-progress tax-xogħlijiet u tista’ tkun finanzjata fil-livell tal-UE, il-livell nazzjonali jew kofinanzjata, kif xieraq.

    31.

    Tiġbor flimkien ir-riżorsi, tieħu azzjonijiet kollaborattivi, tikkontribwixxi finanzjarjament għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ inċentiv tat-tip pull, u timpenja ruħha li tipparteċipa fin-network (66) imsemmi fil-programm ta’ ħidma tal-UE għas-Saħħa għall-2023.

    32.

    Tirrieżamina regolarment l-iskema u l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp u l-aċċessibbiltà tal-antimikrobiċi.

    33.

    Tinċentiva l-iżvilupp u l-introduzzjoni fis-suq ta’ alternattivi effettivi u bbażati fuq l-evidenza għall-użu ta’ antimikrobiċi u vaċċini għas-saħħa tal-annimali.

    H.    Kooperazzjoni

    B'DAN JINKORAĠĠIXXI LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    34.

    Jirrapportaw id-data dwar l-AMR u dwar il-konsum tal-antimikrobiċi lis-Sistema Globali ta’ Sorveljanza tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi u tal-Użu tagħhom (GLASS) (67).

    35.

    Jieħdu opportunitajiet tal-laqgħat regolari tan-Network tal-UE “Saħħa Waħda” dwar l-AMR u ta’ kumitati u gruppi ta’ ħidma rilevanti oħrajn li jiddiskutu l-AMR biex:

    a.

    itejbu l-kooperazzjoni tagħhom bejniethom, kif ukoll mal-Kummissjoni, mal-Aġenziji rilevanti tal-Unjoni, u mal-partijiet ikkonċernati tal-AMR, mal-professjonisti u mal-esperti;

    b.

    jaqsmu ma' xulxin l-aħjar prattiki, b'mod partikolari dwar miżuri li jiżguraw il-konformità tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa mal-linji gwida dwar l-użu prudenti, u dwar miżuri effettivi ppruvati biex iqajmu l-kuxjenza;

    c.

    jaqsmu l-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali kontra l-AMR u r-rapporti ta' implimentazzjoni u l-evalwazzjonijiet relatati, ma' xulxin, mal-Kummissjoni u mal-Aġenziji rilevanti tal-Unjoni, u jippermettu l-iskambju rilevanti tal-esperjenza.

    36.

    Isaħħu l-kooperazzjoni dwar l-AMR bejn il-professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-saħħa tal-bniedem, is-settur veterinarju, is-settur ambjentali u s-settur agronomiku u mal-partijiet ikkonċernati, sabiex jittejjeb l-approċċ “Saħħa Waħda” kontra l-AMR.

    B'DAN JILQA' B'SODISFAZZJON L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

    37.

    Issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar l-AMR bejn l-EFSA, l-EMA, l-ECDC, l-EEA u l-ECHA u ssaħħaħ l-approċċ “Saħħa Waħda” kontra l-AMR permezz ta’ grupp ta’ ħidma tal-AMR bejn l-aġenziji. Il-grupp ta’ ħidma se:

    a.

    jipprovdi pjattaforma effettiva li torganizza laqgħat regolari biex tiżgura l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-AMR u tiddiskuti t-talbiet u l-mandati li ġejjin; u

    b.

    jaħdem lejn integrazzjoni tad-data ta' sorveljanza fis-setturi kollha.

    38.

    Jiżviluppa qafas ta’ monitoraġġ biex jiġu vvalutati l-progress u r-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-AMR tal-2017 u ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    I.    Globali

    B'DAN JILQA' B'SODISFAZZJON L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI U JĦEĠĠEĠ LILL-ISTATI MEMBRI BIEX JIEĦDU L-AZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

    39.

    Jippromwovu l-iżvilupp, u l-implimentazzjoni minn pajjiżi terzi, ta’ standards mill-Korpi Internazzjonali li Jistabbilixxu l-Istandards, b’mod partikolari:

    a.

    għal standards u linji gwida aktar ambizzjużi tad-WOAH dwar l-użu responsabbli u prudenti tal-aġenti antimikrobiċi fil-mediċina veterinarja, li għandhom jirriflettu l-ħtieġa li jitneħħa gradwalment l-użu antimikrobiku biex jiġi promoss it-tkabbir jew jiżdied ir-rendiment tal-annimali fuq skala globali;

    b.

    għall-iżvilupp ta' gwida dwar l-użu prudenti ta' aġenti antimikrobiċi għal finijiet fitosanitarji mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti (68);

    c.

    għall-implimentazzjoni tal-istandards tal-Codex Alimentarius (69), Code of Practice to Minimize and Contain Foodborne Antimicrobial Resistance (70), il-Guidelines on Integrated Monitoring and Surveillance of Foodborne Antimicrobial Resistance (71) u l-Guidelines for Risk Analysis of Foodborne Antimicrobial Resistance (72).

    40.

    Jaħdmu għall-prevenzjoni tal-AMR permezz tal-approċċ “Saħħa Waħda” billi jsaħħu l-kapaċitajiet f’kooperazzjoni mal-Kwadripartitiku kif deskritt fit-Triq ta’ Azzjoni 5 tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt Saħħa Waħda (2022-2026) (OH JPA) żviluppat mill-Kwadripartitiku (73).

    41.

    Jaħdmu għall-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet konkreti u rilevanti dwar l-AMR billi jsegwu approċċ “Saħħa Waħda” fil-kuntest ta’ negozjati dwar ftehim internazzjonali potenzjali tad-WHO dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemija, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/451 (74).

    42.

    Jappoġġaw l-inizjattivi tad-WHO biex titħejja gwida dwar kif għandhom jiġu applikati prattiki tajba ta’ manifattura għall-immaniġġar tal-iskart u tal-ilma mormi fil-kuntest tal-produzzjoni tal-antimikrobiċi skont id-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tad-WHO tat-30 ta’ Novembru 2018 dwar dik il-kwistjoni (75).

    43.

    Jappellaw sabiex l-AMR tidher bħala prijorità politika għolja fl-ambjenti tal-G7 u tal-G20, li jwassal għal impenji ambizzjużi fil-livell globali, inkluż biex il-piż finanzjarju li jinħoloq mill-inċentivi tat-tip push u pull għall-antimikrobiċi jinqasam b’mod ġust fost il-pajjiżi tal-G20 jew tal-G7.

    44.

    Jappellaw sabiex il-konferenza ta’ Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-AMR ippjanata għall-2024 iżżid l-impenji dinjija biex nindirizzaw l-AMR.

    45.

    Jappoġġaw u jinvolvu ruħhom b’mod attiv fil-“Pjattaforma ta’ Sħubija bejn Diversi Partijiet Ikkonċernati tal-AMR” (76) tal-Kwadripartitiku, biex jgħinu fl-istabbiliment ta’ viżjoni globali kondiviża u biex jibnu aktar kunsens dwar l-AMR.

    46.

    Jipprovdu kapaċità ta’ żvilupp u jappoġġaw azzjonijiet tal-AMR f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju, b’mod partikolari permezz ta’:

    a.

    l-involviment fl-Inizjattiva Tim Ewropa mal-Afrika dwar is-Sigurtà tas-Saħħa sostenibbli bl-użu ta' approċċ “Saħħa Waħda” (77), li mod partikolarment għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-AMR;

    b.

    l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali kontra l-AMR “Saħħa Waħda” f'pajjiżi b'introjtu baxx u medju, b'mod partikolari permezz tal-Fond Fiduċjarju b'Diversi Sħab (MPTF) dwar l-AMR tan-NU (78);

    c.

    il-kontribut għall-isforzi fl-indirizzar ta' mard infettiv u l-AMR f'pajjiżi b'introjtu baxx u medju pereżempju permezz tas-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3) (79) u fejn xieraq permezz ta' inizjattivi mhux governattivi, bħaċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjonijiet għar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (ICARS) (80), is-Sħubija Globali għar-Riċerka u l-Iżvilupp dwar l-Antibijotiċi (GARDP) (81) u r-ReAct (82).

    J.    Rapportar

    B'DAN JILQA' B'SODISFAZZJON L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

    47.

    Tirrapporta lill-Kunsill erba’ snin wara l-adozzjoni dwar is-segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-13 ta' Ġunju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. PEHRSON


    (1)  https://health.ec.europa.eu/publications/hera-factsheet-health-union-identifying-top-3-priority-health-threats_mt.

    (2)  https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/Health-burden-infections-antibiotic-resistant-bacteria.pdf.

    (3)  https://www.ecdc.europa.eu/en/news-events/eaad-2022-launch.

    (4)  https://www.oecd.org/health/health-systems/AMR-Tackling-the-Burden-in-the-EU-OECD-ECDC-Briefing-Note-2019.pdf.

    (5)  https://health.ec.europa.eu/system/files/2020-01/amr_2017_action-plan_0.pdf.

    (6)  https://health.ec.europa.eu/system/files/2022-04/amr_2018-2022_actionplan_progressreport_en.pdf.

    (7)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2019 dwar il-passi li jmiss biex l-UE ssir reġjun tal-aħjar prattika fil-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi.

    (8)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2021 dwar it-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa.

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-“Programm l-UE għas-Saħħa”) għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 ( ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

    (11)  https://cordis.europa.eu/programme/id/HORIZON_HORIZON-HLTH-2024-DISEASE-09-01; https://research-and-innovation.ec.europa.eu/system/files/2022-02/ec_rtd_he-partnerships-onehealth-amr.pdf.

    (12)  https://www.eib.org/en/index.htm.

    (13)  Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta' Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

    (14)  https://digitallibrary.un.org/record/845917#record-files-collapse-header.

    (15)  https://www.who.int/publications/i/item/9789241509763.

    (16)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar il-passi li jmiss fil-qafas ta' approċċ “Saħħa Waħda” biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi.

    (17)  https://health.ec.europa.eu/publications/overview-report-member-states-one-health-national-action-plans-against-antimicrobial-resistance_mt.

    (18)  f'konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2019/6 dwar il-prodotti mediċinali veterinarji.

    (19)  Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26).

    (20)  Il-Proposta tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ottubru 2022 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, id-Direttiva 2006/118/KE dwar il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament u d-Direttiva 2008/105/KE dwar standards ta' kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma. COM (2022) 540 final u l-proposta tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ottubru 2022 għal Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (riformulazzjoni) COM(2022) 541 final).

    (21)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Study on a future-proofing analysis of the 2017 AMR action plan: rapport finali, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2875/636347.

    (22)  https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/health-burden-infections-antibiotic-resistant-bacteria-2016-2020

    (23)  WHO: Core components for infection prevention and control programmes (https://www.who.int/teams/integrated-health-services/infection-prevention-control/core-components)

    (24)  WHO guidelines on Hand Hygiene in Health Care (https://www.who.int/publications/i/item/9789241597906)

    (25)  Global patient safety action plan 2021–2030: towards eliminating avoidable harm in health care. Ġinevra: L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; 2021. Liċenzja: CC BY-NC-SA 3.0 IGO

    (26)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2001 dwar l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobiċi fil-mediċina tal-bniedem (ĠU L 34, 5.2.2002, p. 13).

    (27)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (ĠU C 151, 3.7.2009, p. 1).

    (28)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52017XC0701(01).

    (29)  Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kodiċi tal-Unjoni dwar prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li tħassar id-Direttiva 2001/83/KE [u li temenda Direttivi] u d-Direttiva 2009/35/KE.

    (30)  ECDC, EFSA and EMA Joint Scientific Opinion on a list of outcome indicators as regards surveillance of antimicrobial resistance and antimicrobial consumption in humans and food-producing animals.

    (31)  https://www.cdc.gov/drugresistance/tatfar/index.html.

    (32)  https://sdgs.un.org/goals.

    (33)  https://www.g7germany.de/resource/blob/974430/2042058/5651daa321517b089cdccfaffd1e37a1/2022-05-20-g7-health-ministers-communique-data.pdf.

    (34)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent - COM/2020/381 final.

    (35)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Perkors għal Pjaneta b'Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta' Azzjoni tal-UE:“Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija” COM(2021) 400.

    (36)  Abbażi tal-indikatur tar-riżultati R.43 (sehem ta' unitajiet ta' bhejjem ikkonċernati minn azzjonijiet appoġġati biex jillimitaw l-użu tal-antimikrobiċi) tar-Regolament tal-Pjan Strateġiku tal-PAK (Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

    (37)  Abbażi tad-data eżistenti disponibbli min-Network Ewropew ta' Sorveljanza tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (EARS-Net).

    (38)  https://europa.eu/eurobarometer/surveys/detail/2632.

    (39)  https://eu-jamrai.eu/.

    (40)  https://eu-jamrai.eu/wp-content/uploads/2021/03/EUjamrai_D9.2_Strategy-for-a-multi-country-incentive-in-Europe_INSERM-FHI.pdf.

    (41)  Il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali, Studju dwar l-introduzzjoni ta' kontromiżuri mediċi tal-AMR fis-suq: rapport finali, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023, https://data.europa.eu/doi/10.2925/442912.

    (42)  https://health.ec.europa.eu/publications/2023-eu4health-work-programme_mt.

    (43)  https://health.ec.europa.eu/system/files/2022-11/wp2023_annex_en.pdf.

    (44)  https://health.ec.europa.eu/antimicrobial-resistance/events_mt?f%5B0%5D=topic_topic%3A173.

    (45)  https://www.efsa.europa.eu/eu.

    (46)  https://www.ecdc.europa.eu/en.

    (47)  https://www.ema.europa.eu/en.

    (48)  https://www.eea.europa.eu/about-us.

    (49)  https://echa.europa.eu/.

    (50)  https://health.ec.europa.eu/system/files/2023-02/international_ghs-report-2022_en.pdf.

    (51)  https://www.who.int/news-room/questions-and-answers/item/pandemic-prevention--preparedness-and-response-accord.

    (52)  https://www.fao.org/home/en.

    (53)  https://www.unep.org/.

    (54)  https://www.woah.org/en/home/.

    (55)  https://www.who.int/.

    (56)  The Quadripartite Organizations established the Technical Group on Integrated Surveillance on Antimicrobial use and resistance (who.int)

    (57)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 084, 31.3.2016, p. 1).

    (58)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2018/C 466/01 tas-7 ta' Diċembru 2018 dwar kooperazzjoni msaħħa kontra l-mard li jista' jiġi evitat bit-tilqim (ĠU C 466, 28.12.2018, p. 1).

    (59)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

    (60)  https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/funding/emfaf_en.

    (61)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE li tkun aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030 COM(2021) 236 final.

    (62)  tekniki tal-inġinerija tad-DNA limitati għall-użu ta' speċijiet li jkunu għaddew minn valutazzjoni tar-riskju b'eżitu favorevoli.

    (63)  https://www.who.int/publications/i/item/WHO-MHP-HPS-EML-2022.02.

    (64)  https://www.who.int/publications/i/item/2021-aware-classification.

    (65)  https://food.ec.europa.eu/horizontal-topics/official-controls-and-enforcement/legislation-official-controls/better-training-safer-food_mt.

    (66)  CP-p-23-16 Appoġġ għall-innovazzjoni u l-aċċess għall-antimikrobiċi.

    (67)  https://www.who.int/initiatives/glass.

    (68)  https://www.ippc.int/en/.

    (69)  Foodborne antimicrobial resistance (fao.org)

    (70)  https://www.fao.org/fao-who-codexalimentarius/sh-proxy/en/?lnk=1&url=https%253A%252F%252Fworkspace.fao.org%252Fsites%252Fcodex%252FStandards%252FCXC%2B61-2005%252FCXC_061e.pdf.

    (71)  https://www.fao.org/fao-who-codexalimentarius/sh-proxy/ar/?lnk=1&url=https%253A%252F%252Fworkspace.fao.org%252Fsites%252Fcodex%252FStandards%252FCXG%2B94-2021%252FCXG_94e.pdf.

    (72)  https://www.fao.org/fao-who-codexalimentarius/sh-proxy/en/?lnk=1&url=https%253A%252F%252Fworkspace.fao.org%252Fsites%252Fcodex%252FStandards%252FCXG%2B77-2011%252FCXG_077e.pdf

    (73)  One health joint plan of action (2022–2026): working together for the health of humans, animals, plants and the environment (who.int)

    (74)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/451 tat-3 ta' Marzu 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea għal ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll emendi komplementari għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), ĠU L 92, 21.3.2022, p. 1.

    (75)  https://apps.who.int/gb/ebwha/pdf_files/EB144/B144_19-en.pdf.

    (76)  https://www.fao.org/antimicrobial-resistance/quadripartite/the-platform/en/.

    (77)  https://europa.eu/capacity4dev/tei-jp-tracker/tei/sustainable%C2%A0health-security-africa.

    (78)  https://mptf.undp.org/fund/amr00.

    (79)  https://research-and-innovation.ec.europa.eu/research-area/health/edctp_en.

    (80)  https://icars-global.org/

    (81)  https://gardp.org/

    (82)  https://www.reactgroup.org/


    ANNESS

    COM(2023) 191 final

    Il-kontributi tal-Istati Membri biex jintlaħqu l-miri rakkomandati tal-UE stipulati fil-punt E ta' din ir-Rakkomandazzjoni (1).

    1.   

    Miri nazzjonali rakkomandati dwar il-konsum totali ta’ antibijotiċi fis-setturi tal-komunità u tal-isptarijiet flimkien, inkluż fil-faċilitajiet tal-kura fit-tul (DDD għal kull 1 000 abitant kuljum)

    Stat Membru

    Konsum totali ta' antibijotiċi fis-setturi tal-komunità u tal-isptarijiet flimkien, inkluż fil-faċilitajiet tal-kura fit-tul (DDD għal kull 1 000 abitant kuljum) fl-2019 (2)

    Mira rakkomandata għat-tnaqqis sal-2030

    NL

    9,5

    3 %

    AT

    11,6

    3 %

    EE

    11,8

    3 %

    SE

    11,8

    3 %

    DE

    12,6  (3)

    9 %

    SI

    13,0

    9 %

    LV

    13,9

    9 %

    HU

    14,4

    9 %

    FI

    14,7

    9 %

    DK

    15,3

    9 %

    LT

    16,1

    9 %

    CZ

    16,9

    9 %

    HR

    18,8

    9 %

    PT

    19,3

    9 %

    SK

    19,3

    9 %

    BG

    20,7

    18 %

    MT

    20,7

    18 %

    LU

    21,1

    18 %

    BE

    21,4

    18 %

    IT

    21,7

    18 %

    IE

    22,8

    27 %

    PL

    23,6

    27 %

    ES

    24,9

    27 %

    FR

    25,1

    27 %

    RO

    25,8

    27 %

    CY

    30,1

    27 %

    EL

    34,1

    27 %

    2.   

    Il-miri nazzjonali rakkomandati dwar il-perċentwal tal-konsum tal-antibijotiċi tal-grupp Access mill-konsum tal-antibijotiċi kollha (Access, Watch, Reserve, Unclassified) elenkati fil-klassifika AWaRe tad-WHO (4)

    Stat Membru

    Perċentwal tal-konsum tal-antibijotiċi tal-grupp Access mill-konsum tal-antibijotiċi kollha (Access, Watch, Reserve, Unclassified) elenkati fil-klassifikazzjoni AWaRe fl-2019 (5)

    Mira rakkomandata sal-2030

    DK

    79,1

    Mill-inqas 65 %

    FI

    73,2

    FR

    72,0

    NL

    71,2

    SE

    71,0

    IE

    70,3

    LV

    68,6

    BE

    67,9

    LT

    67,5

    ES

    63,0

    HR

    62,7

    SI

    62,1

    PT

    61,4

    EE

    61,3

    Mill-inqas 65 %

    PL

    60,4

    CZ

    60,2

    LU

    59,5

    AT

    58,1

    RO

    52,8

    HU

    50,5

    MT

    49,9

    IT

    48,9

    CY

    48,9

    EL

    46,8

    BG

    45,1

    SK

    42,4

    DE

    L-ebda data (6)

    3.   

    Miri nazzjonali rakkomandati dwar l-inċidenza ta’ infezzjonijiet fid-demm bi Staphylococcus aureus (MRSA) reżistenti għall-metiċillina (għadd għal kull 100 000 tal-popolazzjoni)

    Stat Membru

    Inċidenza ta' infezzjonijiet fid-demm bi Staphylococcus aureus (MRSA) reżistenti għall-metiċillina (għadd ta' infezzjonijiet fid-demm (7) għal kull 100 000 tal-popolazzjoni) fl-2019

    Mira rakkomandata għat-tnaqqis sal-2030

    NL

    0,4

    3 %

    DK

    0,8

    3 %

    EE

    0,8

    3 %

    FI

    1,1

    3 %

    SE

    1,3

    3 %

    BG

    1,5

    3 %

    LV

    1,9

    6 %

    LU

    2,1

    6 %

    AT

    2,2

    6 %

    LT

    2,2

    6 %

    SI

    2,4

    6 %

    BE

    2,6

    6 %

    HR

    2,7

    6 %

    IE

    3,1

    6 %

    CZ

    3,1

    6 %

    DE

    3,6

    10 %

    MT

    3,8

    10 %

    HU

    4,2

    10 %

    ES

    4,2

    10 %

    PL

    4,3

    10 %

    EL

    4,6

    10 %

    SK

    5,0

    10 %

    FR

    5,6

    18 %

    CY

    6,9

    18 %

    PT

    11,4

    18 %

    IT

    13,6

    18 %

    RO

    13,7

    18 %

    4.   

    Miri nazzjonali rakkomandati dwar l-inċidenza ta’ infezzjonijiet fid-demm b’Escherichia coli reżistenti għaċ-ċefalosporina tat-tielet ġenerazzjoni (għadd għal kull 100 000 tal-popolazzjoni)

    Stati Membri

    Inċidenza ta' infezzjonijiet fid-demm (8) bl-Escherichia coli reżistenti għaċ-ċefalosporina tat-tielet ġenerazzjoni (għadd għal kull 100 000 tal-popolazzjoni) fl-2019

    Mira rakkomandata għat-tnaqqis sal-2030

    EL

    2,6

    0 %

    BG

    4,3

    0 %

    NL

    4,5

    0 %

    LV

    5,0

    0 %

    HR

    5,3

    0 %

    LT

    5,6

    0 %

    HU

    5,7

    0 %

    CY

    6,2

    5 %

    RO

    6,3

    5 %

    SK

    6,4

    5 %

    CZ

    6,6

    5 %

    DK

    6,6

    5 %

    AT

    7,1

    10 %

    PL

    7,4

    10 %

    SI

    7,7

    10 %

    ES

    7,8

    10 %

    EE

    7,9

    10 %

    FI

    8,0

    10 %

    IE

    8,3

    10 %

    FR

    8,6

    10 %

    SE

    9,6

    10 %

    LU

    10,1

    12 %

    PT

    10,3

    12 %

    DE

    12,0

    12 %

    MT

    12,4

    12 %

    BE

    13,2

    12 %

    IT

    23,2

    12 %

    5.   

    Miri nazzjonali rakkomandati dwar l-inċidenza ta’ infezzjonijiet fid-demm bil-Klebsiella pneumoniae reżistenti għall-karbapenem (għadd għal kull 100 000 tal-popolazzjoni)

    Stat Membru

    Inċidenza ta' infezzjonijiet fid-demm bil-Klebsiella pneumoniae reżistenti għall-karbapenema (9) (għadd għal kull 100 000 tal-popolazzjoni) fl-2019

    Mira rakkomandata għat-tnaqqis sal-2030

    EE

    0,00

    0 %

    LV

    0,00

    0 %

    NL

    0,02

    0 %

    SE

    0,03

    0 %

    SI

    0,05

    2 %

    FI

    0,06

    2 %

    DK

    0,07

    2 %

    CZ

    0,09

    2 %

    HU

    0,09

    2 %

    IE

    0,11

    2 %

    LU

    0,16

    2 %

    DE

    0,20

    2 %

    AT

    0,20

    2 %

    FR

    0,22

    2 %

    BE

    0,27

    2 %

    SK

    0,52

    4 %

    LT

    0,54

    4 %

    ES

    0,76

    4 %

    HR

    1,20

    4 %

    PL

    1,38

    4 %

    MT

    2,13

    4 %

    BG

    2,29

    4 %

    CY

    2,61

    5 %

    PT

    2,93

    5 %

    RO

    7,12

    5 %

    IT

    8,51

    5 %

    EL

    13,05

    5 %


    (1)  Xi Stati Membri għamlu progress fl-indirizzar tal-AMR jew il-konsum tal-antimikrobiċi mis-sena bażi tal-2019.

    (2)  Data min-Network Ewropew ta' Sorveljanza tal-Konsum tal-Antimikrobiċi (ESAC-Net). Id-data dwar il-popolazzjoni ġejja mill-Eurostat.

    (3)  Il-Ġermanja ma rrappurtatx data dwar il-konsum għas-settur tal-isptarijiet lil ESAC-Net. Il-konsum totali ġie stmat abbażi tal-proporzjon medju tal-UE tal-konsum tas-settur tal-isptarijiet bħala parti tal-konsum totali.

    (4)  https://www.who.int/publications/i/item/2021-aware-classification

    (5)  Data min-Network Ewropew ta' Sorveljanza tal-Konsum tal-Antimikrobiċi (ESAC-Net). Id-data dwar il-popolazzjoni ġejja mill-Eurostat.

    (6)  Il-Ġermanja ma rrappurtatx data dwar il-konsum għas-settur tal-isptarijiet lil ESAC-Net. Għalhekk, dan il-perċentwal ma jistax jiġi kkalkulat.

    (7)  Abbażi tad-data eżistenti dwar l-iżolati invażivi disponibbli min-Network Ewropew ta' Sorveljanza tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (EARS-Net), li fiha l-iżolati invażivi huma l-aktar (>99 %) mill-infezzjonijiet tad-demm b'perċentwal żgħir ħafna (<1 %) ta' iżolati mill-meningitides. Id-data dwar il-popolazzjoni ġejja mill-Eurostat.

    (8)  Abbażi tad-data eżistenti dwar l-iżolati invażivi disponibbli min-Network Ewropew ta' Sorveljanza tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (EARS-Net), li fiha l-iżolati invażivi huma l-aktar (>99 %) mill-infezzjonijiet tad-demm b'perċentwal żgħir ħafna (<1 %) ta' iżolati mill-meningitides. Id-data dwar il-popolazzjoni ġejja mill-Eurostat.

    (9)  Abbażi tad-data eżistenti dwar l-iżolati invażivi disponibbli min-Network Ewropew ta' Sorveljanza tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (EARS-Net), li fiha l-iżolati invażivi huma l-aktar (>99 %) mill-infezzjonijiet tad-demm b'perċentwal żgħir ħafna (<1 %) ta' iżolati mill-meningitides. Id-data dwar il-popolazzjoni ġejja mill-Eurostat.


    Top