Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023H0120(01)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2022 dwar approċċ ikkoordinat mal-Unjoni kollha biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 2023/C 20/01

    ST/15623/2022/INIT

    ĠU C 20, 20.1.2023, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.1.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 20/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-8 ta' Diċembru 2022

    dwar approċċ ikkoordinat mal-Unjoni kollha biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2023/C 20/01)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 u l-Artikolu 292, l-ewwel u t-tieni sentenza, tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Bl-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern, huwa fl-interess tal-Istati Membri kollha u tal-Unjoni kollha kemm hi li tiġi identifikata b’mod ċar u titħares l-infrastruttura kritika rilevanti li tipprovdi servizzi essenzjali f’dak is-suq, speċjalment f’setturi ewlenin, bħall-enerġija, l-infrastruttura diġitali, it-trasport u l-ispazju, kif ukoll l-infrastruttura kritika b’rilevanza transfruntiera sinifikanti (1), li t-tfixkil tagħha jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq Stati Membri oħrajn.

    (2)

    Din ir-Rakkomandazzjoni, li hija att mhux vinkolanti, turi r-rieda politika tal-Istati Membri li jikkooperaw flimkien u l-impenn tagħhom għall-miżuri rakkomandati, enfasizzat fi pjan ta’ ħames punti maħruġ mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri. Din ir-Rakkomandazzjoni ma taffettwax il-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża tal-Istati Membri u ebda Stat Membru ma għandu jkun mistenni li jikkondividi informazzjoni li hija ta’ ħsara għal dawk l-interessi.

    (3)

    Filwaqt li primarjament huma l-Istati Membri u l-operaturi tal-infrastruttura kritika tagħhom li huma responsabbli li jiżguraw is-sigurtà u l-provvediment ta’ servizzi essenzjali mill-infrastruttura kritika, hi xierqa koordinazzjoni miżjuda fil-livell tal-Unjoni speċjalment fid-dawl tat-theddid li qed jevolvi li jista’ jkollu impatt fuq diversi Stati Membri simultanjament, bħall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kampanji ibridi kontra Stati Membri, jew jaffettwa r-reżiljenza u l-funzjonament tajjeb tal-ekonomija, is-suq uniku u s-soċjetà tal-Unjoni kollha kemm hi. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-infrastruttura kritika barra mit-territorju tal-Istati Membri, bħall-infrastruttura kritika taħt il-baħar jew l-infrastruttura tal-enerġija lil hinn mill-kosta.

    (4)

    Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 u l-21 ta’ Ottubru 2022, ikkundanna bil-qawwa l-atti ta’ sabotaġġ kontra l-infrastruttura kritika, bħal dawk kontra l-pipelines Nord Stream, li jindikaw ir-rieda tal-Unjoni li tilqa’ għal kwalunkwe tfixkil intenzjonat tal-infrastruttura kritika jew azzjonijiet ibridi oħra b’rispons magħqud u determinat.

    (5)

    Fid-dawl tax-xenarju ta’ theddid li qed jevolvi malajr, jenħtieġ li jittieħdu miżuri li jsaħħu r-reżiljenza bħala kwistjoni ta’ prijorità f’setturi ewlenin bħall-enerġija, l-infrastruttura diġitali, it-trasport u l-ispazju, u f’setturi rilevanti oħra identifikati mill-Istati Membri. Jenħtieġ li tali miżuri jikkonċentraw fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-infrastruttura kritika filwaqt li jqisu r-riskji rilevanti, speċjalment l-effetti kaskata, it-tfixkil fil-katina tal-provvista, id-dipendenza, l-impatti tat-tibdil fil-klima, il-bejjiegħa u s-sħab mhux affidabbli, u t-theddid u l-kampanji ibridi fosthom il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin. Fid-dawl tal-konsegwenzi possibbli, f’dak li għandu x’jaqsam mal-infrastruttura kritika nazzjonali jenħtieġ li tingħata prijorità lill-infrastruttura kritika b’rilevanza transfruntiera sinifikanti. L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu tali miżuri li jsaħħu r-reżiljenza, fejn xieraq, bħala kwistjoni ta’ urġenza, filwaqt li jżommu l-approċċ stabbilit fil-qafas legali li qed jevolvi.

    (6)

    Il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika Ewropea fis-setturi tal-enerġija u tat-trasport bħalissa hija rregolata mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (2), u s-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni ffukata fuq it-theddid relatat maċ-ċibernetika hija żgurata mid-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Bil-ħsieb li jiġi żgurat livell komuni ogħla ta’ reżiljenza u l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, taċ-ċibersigurtà u tas-suq finanzjarju, il-qafas legali eżistenti qed jiġi emendat u ssupplimentat bl-adozzjoni ta’ regoli ġodda applikabbli għall-entitajiet kritiċi (id-“Direttiva CER”), regoli msaħħa għal livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni (id-“Direttiva NIS2”) u regoli ġodda applikabbli għar-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju (“DORA”).

    (7)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u nazzjonali, jużaw l-għodod kollha disponibbli biex jimxu ’l quddiem u jgħinu fit-tisħiħ tar-reżiljenza fiżika u ċibernetika. B’rabta ma’ dan, l-infrastruttura kritika jenħtieġ li tinftiehem li tinkludi infrastruttura kritika rilevanti identifikata minn Stat Membru fil-livell nazzjonali jew indikata bħala infrastruttura kritika Ewropea skont id-Direttiva 2008/114/KE kif ukoll entitajiet kritiċi li jridu jiġu identifikati skont id-Direttiva CER jew, fejn rilevanti, entitajiet skont id-Direttiva NIS2. Il-kunċett ta’ reżiljenza jenħtieġ li jinftiehem bħala li jirreferi għall-kapaċità ta’ infrastruttura kritika li tipprevjeni, tipproteġi kontra, tirrispondi għal, tirreżisti, ittaffi, tassorbi, takkomoda jew tirkupra minn avvenimenti li jfixklu b’mod sinifikanti jew li għandhom il-potenzjal li jfixklu b’mod sinifikanti l-forniment ta’ servizzi essenzjali fis-suq intern, jiġifieri servizzi li huma kruċjali għaż-żamma ta’ funzjonijiet soċjetali u ekonomiċi essenzjali, għas-sikurezza u s-sigurtà pubblika, is-saħħa tal-popolazzjoni jew l-ambjent.

    (8)

    Jenħtieġ li l-esperti nazzjonali jiltaqgħu sabiex jikkoordinaw il-ħidma biex jinkiseb livell komuni ogħla ta’ reżiljenza u protezzjoni għall-infrastruttura kritika li jrid jiġi introdott permezz tar-regoli l-ġodda applikabbli għall-entitajiet kritiċi. Dik il-ħidma koordinata ser tippermetti l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar attivitajiet bħall-elaborazzjoni ta’ metodoloġiji biex jiġu identifikati s-servizzi essenzjali pprovduti minn infrastruttura kritika. Il-Kummissjoni diġà bdiet tlaqqa’ lil dawk l-esperti u tiffaċilita ħidmiethom, u għandha l-ħsieb li tkompli din il-ħidma. Ladarba d-Direttiva CER tkun daħlet fis-seħħ u jkun ġie stabbilit Grupp għar-Reżiljenza ta’ Entitajiet Kritiċi skont dik id-Direttiva, jenħtieġ li din il-ħidma antiċipatorja titkompla minn dak il-grupp f’konformità mal-kompiti tiegħu.

    (9)

    Filwaqt li jiġi rikonoxxut ix-xenarju tat-theddid mibdul, jenħtieġ li jkompli jiġi żviluppat il-potenzjal tat-twettiq ta’ simulazzjonijiet ta’ kriżi tal-infrastruttura kritika fil-livell nazzjonali peress li simulazzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu utli għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-infrastruttura kritika. Fir-rigward tal-importanza speċifika tas-settur tal-enerġija, u l-konsegwenzi għall-Unjoni kollha li jirriżultaw mit-tfixkil possibbli tiegħu, dak is-settur jista’ jibbenefika l-aktar mit-twettiq ta’ simulazzjonijiet ta’ kriżi fuq il-bażi ta’ prinċipji maqbula b’mod komuni. Simulazzjonijiet bħal dawn jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri, li jenħtieġ li jinkoraġġixxu u jappoġġaw lill-operaturi tal-infrastruttura kritika biex iwettqu dawn is-simulazzjonijiet, fejn dawn jiġu vvalutati bħala ta’ benefiċċju u f’konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom.

    (10)

    Sabiex jiġi żgurat rispons koordinat u effettiv għat-theddid attwali u antiċipat, il-Kummissjoni hija mħeġġa tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-Istati Membri, b’mod partikolari billi tipprovdi informazzjoni rilevanti fil-forma ta’ sessjonijiet ta’ tagħrif, u manwali u linji gwida mhux vinkolanti. Jenħtieġ li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), b’mod partikolari permezz taċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE u ċ-Ċellola ta’ Fużjoni kontra t-Theddid Ibridu tiegħu, bl-appoġġ tad-Direttorat tal-Intelligence tal-Istat Maġġur tal-Unjoni Ewropea (EUMS) fil-qafas tal-Kapaċità Unika ta’ Analiżi tal-Intelligence (SIAC), jipprovdi valutazzjonijiet tat-theddid. Il-Kummissjoni hija mistiedna wkoll, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tippromwovi l-adozzjoni ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni ffinanzjati mill-Unjoni.

    (11)

    Hekk kif qed tiżdied l-interdipendenza tal-infrastruttura fiżika u dik diġitali, huwa possibbli għall-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi mmirati lejn oqsma kritiċi li jirriżultaw fi tfixkil jew ħsara għall-infrastruttura fiżika, jew għas-sabotaġġ tal-infrastruttura fiżika biex irendu s-servizzi diġitali inaċċessibbli. L-Istati Membri huma mistiedna jaċċelleraw il-ħidma ta’ tħejjija għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-qafas legali l-ġdid applikabbli għall-entitajiet kritiċi u l-qafas legali msaħħaħ għaċ-ċibersigurtà, filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza miksuba fil-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit mid-Direttiva (UE) 2016/1148 (“il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS”), malajr kemm jista’ jkun, filwaqt li jitqiesu l-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni, u jenħtieġ li tali ħidma ta’ tħejjija tavvanza b’mod parallel u koerenti.

    (12)

    Minbarra t-titjib tat-tħejjija, huwa importanti wkoll li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ rispons rapidu u effettiv għal tfixkil tas-servizzi essenzjali pprovduti minn infrastruttura kritika. Għaldaqstant, din ir-Rakkomandazzjoni tinkludi miżuri kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali, inkluż billi tenfasizza r-rwol ta’ appoġġ u l-valur miżjud li jista’ jinkiseb permezz tal-introduzzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa u tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u permezz tal-użu ta’ assi rilevanti tal-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (13)

    Il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) u l-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS f’kooperazzjoni mal-korpi u l-aġenziji ċivili u militari rilevanti u n-networks stabbiliti, inkluż in-network Ewropew ta’ organizzazzjonijiet ta’ kollegament dwar il-kriżi ċibernetika (EU-CyCLONe), għandhom iwettqu evalwazzjoni tar-riskju u jibnu xenarji ta’ riskju. Barra minn hekk, b’segwitu għas-Sejħa Ministerjali Konġunta ta’ Nevers, bħalissa qed issir valutazzjoni tar-riskju mill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, bl-għajnuna tal-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), u f’kooperazzjoni mal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC). Dawk iż-żewġ eżerċizzji ser ikunu konsistenti u kkoordinati mal-eżerċizzju ta’ bini ta’ xenarji fi ħdan il-UCPM, li jinkludi avvenimenti ta’ ċibersigurtà u l-impatt tagħhom fuq il-ħajja reali, li bħalissa qed jiġi żviluppat mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Fl-interess tal-effiċjenza, l-effettività u l-konsistenza, u għall-applikazzjoni tajba ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, ir-riżultati ta’ dawk l-eżerċizzji suppost li jiġu riflessi fil-livell nazzjonali.

    (14)

    Sabiex issaħħaħ minnufih it-tħejjija u l-kapaċità ta’ rispons għal inċidenti ċibernetiċi fuq skala kbira, il-Kummissjoni stabbiliet programm fuq medda qasira ta’ żmien biex tappoġġa l-Istati Membri, permezz ta’ finanzjament addizzjonali allokat lill-ENISA. Is-servizzi proposti jinkludu, fost oħrajn, azzjonijiet ta’ tħejjija, bħall-ittestjar tal-penetrazzjoni ta’ entitajiet sabiex jiġu identifikati l-vulnerabbiltajiet. Il-programm jista’ jsaħħaħ ukoll il-possibbiltajiet ta’ assistenza lill-Istati Membri f’każ ta’ inċident ta’ ċibersigurtà fuq skala kbira li jaffettwa l-entitajiet kritiċi. Dan huwa l-ewwel pass f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2022 dwar l-iżvilupp tal-qagħda taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea (il-“konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qagħda taċ-ċibersigurtà tal-UE”) li jitolbu lill-Kummissjoni tressaq proposta għal Fond għal Emerġenzi Ċibernetiċi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minn dawk l-opportunitajiet, f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli, u huma mħeġġa jkomplu l-ħidma fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jissorveljaw u jevalwaw b’mod regolari l-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għall-Ġestjoni ta’ Kriżijiet Ċibernetiċi żviluppat reċentement fil-Kunsill. Dak il-Pjan Direzzjonali huwa dokument ħaj u għandu jiġi rivedut u aġġornat, meta jkun meħtieġ.

    (15)

    Il-kejbils ta’ komunikazzjoni globali ta’ taħt il-baħar huma essenzjali għall-konnettività globali u fi ħdan l-UE. Minħabba t-tul sinifikanti ta’ tali kejbils u l-installazzjoni tagħhom f’qiegħ il-baħar, il-monitoraġġ viżwali taħt l-ilma għall-biċċa l-kbira tas-sezzjonijiet tal-kejbils huwa estremament diffiċli. Il-ġuriżdizzjoni kondiviża u kwistjonijiet ġuriżdizzjonali oħra b’rabta ma’ tali kejbils jirrappreżentaw każ speċifiku għall-kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali rigward il-protezzjoni u l-irkupru tal-infrastruttura. Għaldaqstant huwa meħtieġ li l-valutazzjonijiet tar-riskju li għaddejjin u dawk ippjanati dwar l-infrastruttura diġitali u dik fiżika li jirfdu s-servizzi diġitali jiġu kkomplementati b’valutazzjonijiet tar-riskju speċifiku u għażliet għal miżuri ta’ mitigazzjoni li jikkonċernaw kejbils ta’ komunikazzjoni taħt il-baħar. L-Istati Membri jistiednu lill-Kummissjoni twettaq studji għal dak l-għan u taqsam is-sejbiet tagħha mal-Istati Membri.

    (16)

    Is-setturi tal-enerġija u tat-trasport jistgħu jiġu milquta wkoll minn theddid relatat mal-infrastruttura diġitali, pereżempju, b’rabta mat-teknoloġiji tal-enerġija li jinkorporaw komponenti diġitali. Is-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista assoċjati hija importanti għall-kontinwità tal-provvista tas-servizzi essenzjali u għall-kontroll strateġiku tal-infrastruttura kritika fis-settur tal-enerġija. Jenħtieġ li dawn iċ-ċirkustanzi jitqiesu meta jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    (17)

    L-importanza dejjem tikber tal-infrastruttura spazjali, l-assi tal-art relatati mal-ispazju, inkluż il-faċilitajiet tal-produzzjoni, u s-servizzi bbażati fl-ispazju għal attivitajiet relatati mas-sigurtà tagħmilha essenzjali li jiġu żgurati r-reżiljenza u l-protezzjoni tal-ispazju tal-Unjoni u tal-assi u s-servizzi tagħha relatati mal-art fl-Unjoni. Għall-istess raġunijiet, huwa essenzjali wkoll, fil-qafas ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, li jsir użu aktar strutturat tad-data u s-servizzi bbażati fl-ispazju, li huma pprovduti minn sistemi u programmi spazjali għas-sorveljanza u l-insegwiment u għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika f’setturi oħra. L-Istrateġija Spazjali tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża l-ġdida ser tipproponi azzjonijiet adatti f’dan ir-rigward, li jenħtieġ li jitqiesu fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    (18)

    Hija meħtieġa wkoll kooperazzjoni fil-livell internazzjonali sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv ir-riskji għall-infrastruttura kritika, fost l-oħrajn, fl-ilmijiet internazzjonali. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma mistiedna jikkooperaw mal-Kummissjoni u mar-Rappreżentant Għoli biex jieħdu ċerti passi sabiex tinkiseb tali kooperazzjoni, filwaqt li jqisu li kwalunkwe pass bħal dan għandu jittieħed biss f’konformità mal-kompiti u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar ir-relazzjonijiet esterni.

    (19)

    Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha tal-15 ta’ Frar 2022 intitolata “Kontribut tal-Kummissjoni għad-difiża Ewropea”, b’appoġġ għall-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża - Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, il-Kummissjoni ser tivvaluta l-Linji ta’ Referenza Settorjali għar-Reżiljenza Ibrida f’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli u mal-Istati Membri, billi tidentifika l-lakuni u l-ħtiġijiet kif ukoll il-passi biex dawn jiġu indirizzati sal-2023. Jenħtieġ li dik l-inizjattiva sservi ta’ bażi għall-ħidma skont din ir-Rakkomandazzjoni, billi tgħin biex jissaħħu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni tal-azzjoni, għal aktar tisħiħ tar-reżiljenza, inkluż dik tal-infrastruttura kritika.

    (20)

    L-Istrateġija tal-2014 dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni Rivedut tagħha appellaw għall-protezzjoni akbar tal-infrastruttura marittima kritika, inkluż taħt l-ilma, u b’mod partikolari l-infrastruttura tat-trasport, tal-enerġija u tal-komunikazzjoni marittima, fost oħrajn billi tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni marittima permezz ta’ interoperabbiltà mtejba u skambju ta’ informazzjoni simplifikat (mandatorju u volontarju). Dik l-Istrateġija u dak il-Pjan ta’ Azzjoni bħalissa qed jiġu aġġornati, u ser jinkludu azzjonijiet imsaħħa li għandhom l-għan li jipproteġu l-infrastruttura marittima kritika. Dawk l-azzjonijiet jenħtieġ li jikkomplementaw din ir-Rakkomandazzjoni.

    (21)

    It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-infrastruttura kritika jikkontribwixxi għal sforzi usa’ biex jiġu miġġielda t-theddid u l-kampanji ibridi kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu – reazzjoni tal-Unjoni Ewropea”. L-Azzjoni 1 tal-Qafas Konġunt, jiġifieri l-Istħarriġ dwar ir-Riskju Ibridu, taqdi rwol ewlieni fl-identifikazzjoni tal-vulnerabbiltajiet li potenzjalment jaffettwaw l-istrutturi u n-networks nazzjonali u pan-Ewropej. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2022 dwar Qafas għal rispons koordinat tal-UE għal kampanji ibridi ser tipprevedi azzjoni koordinata aktar b’saħħitha permezz tal-applikazzjoni tas-Sett ta’ Għodod tal-UE kontra Theddid Ibridu fl-oqsma kollha affettwati.

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    KAPITOLU I: GĦAN, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U PRIJORITIZZAZZJONI

    (1)

    Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi sensiela ta’ azzjonijiet immirati fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali biex jappoġġaw u jtejbu r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika, fuq bażi volontarja, b’enfasi fuq infrastruttura kritika b’rilevanza transfruntiera sinifikanti u f’setturi ewlenin identifikati, bħall-enerġija, l-infrastruttura diġitali, it-trasport u l-ispazju. Dawk l-azzjonijiet immirati jikkonsistu fi tħejjija mtejba, rispons imsaħħaħ u kooperazzjoni internazzjonali.

    (2)

    L-informazzjoni kondiviża sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, li hija kunfidenzjali skont ir-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali, kif ukoll ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità tan-negozju, jenħtieġ li tiġi skambjata mal-Kummissjoni u ma’ awtoritajiet rilevanti oħra biss meta dak l-iskambju jkun meħtieġ għall-applikazzjoni tajba ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni ma taffettwax il-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża tal-Istati Membri, u ebda Stat Membru ma għandu jkun mistenni li jikkondividi informazzjoni li tmur kontra dawn l-interessi.

    KAPITOLU II: TĦEJJIJA MSAĦĦA

    Azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri

    (3)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw approċċ li jkopri l-perikli kollha meta jaġġornaw il-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom jew l-analiżijiet ekwivalenti eżistenti tagħhom, f’konformità man-natura li qed tevolvi tat-theddid attwali għall-infrastruttura kritika tagħhom, speċjalment f’setturi ewlenin identifikati u, fejn possibbli, fis-setturi kollha koperti mill-qafas legali ġdid li jmiss applikabbli għall-entitajiet kritiċi.

    (4)

    L-Istati Membri huma mistiedna jaċċelleraw il-ħidma preparatorja u jadottaw miżuri li jsaħħu r-reżiljenza, fejn possibbli, skont il-mandat tal-qafas legali futur applikabbli għall-entitajiet kritiċi, b’enfasi partikolari fuq il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni rilevanti fost l-Istati Membri u mal-Kummissjoni, fuq l-identifikazzjoni ta’ entitajiet kritiċi b’rilevanza transfruntiera sinifikanti u fuq it-tisħiħ tal-appoġġ għall-entitajiet kritiċi identifikati sabiex tittejjeb ir-reżiljenza tagħhom.

    (5)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw it-taħriġ u l-eżerċizzji tal-esperti u l-kondiviżjoni bejn l-esperti tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda. Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu lill-esperti jipparteċipaw fi pjattaformi ta’ taħriġ eżistenti, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, pereżempju taħt il-UCPM.

    (6)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu u jappoġġaw lill-operaturi tal-infrastruttura kritika, tal-anqas fis-settur tal-enerġija, biex iwettqu simulazzjonijiet ta’ kriżi, skont il-prinċipji maqbula b’mod komuni fil-livell tal-Unjoni, fejn dawn ikunu ta’ benefiċċju. Is-simulazzjonijiet ta’ kriżi jenħtieġ li jivvalutaw ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika kontra t-theddid antagonistiku kkawżat mill-bniedem. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jimmiraw li jidentifikaw l-infrastruttura kritika rilevanti li għandha tiġi ttestjata u jikkonsultaw ma’ operaturi tal-infrastruttura kritika rilevanti malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn tmiem l-ewwel trimestru tal-2023. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw lill-operaturi tal-infrastruttura kritika sabiex iwettqu dawk it-testijiet malajr kemm jista’ jkun u jkollhom l-għan li jlestuhom sa tmiem l-2023, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Il-Kunsill biħsiebu jivvaluta s-sitwazzjoni attwali tas-simulazzjonijiet ta’ kriżi sal-aħħar ta’ April 2023.

    (7)

    Minħabba t-theddid li qed jevolvi malajr għall-infrastruttura kritika, iż-żamma tal-livell għoli ta’ protezzjoni tagħha hija ta’ importanza vitali. L-Istati Membri huma mħeġġa jallokaw biżżejjed riżorsi finanzjarji biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tagħhom u jappoġġawhom, sabiex ikunu jistgħu jsaħħu r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jallokaw biżżejjed riżorsi finanzjarji lill-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni ta’ inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira biex jappoġġawhom, u jiżguraw li t-timijiet tagħhom ta’ rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters (CSIRTs) u l-awtoritajiet kompetenti jiġu mobilizzati bis-sħiħ fin-Network tas-CSIRTs u l-EU-CyCLONe, rispettivament.

    (8)

    L-Istati Membri huma mistiedna, f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli, biex jagħmlu użu minn opportunitajiet potenzjali ta’ finanzjament fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali biex isaħħu r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika fl-Unjoni għalihom infushom, u wkoll biex jinkoraġġixxu lill-operaturi tal-infrastruttura kritika biex jagħmlu użu minn tali opportunitajiet ta’ finanzjament, inkluż pereżempju networks trans-Ewropej, kontra l-firxa sħiħa ta’ theddid sinifikanti, b’mod partikolari fi ħdan il-programmi ffinanzjati mill-Fond għas-Sigurtà Interna stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), il-UCPM u l-Pjan REPowerEU tal-Kummissjoni. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jagħmlu l-aħjar użu mir-riżultati tal-proġetti rilevanti taħt programmi ta’ riċerka, bħal Orizzont Ewropa stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    (9)

    Fir-rigward tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni u tan-networks fl-Unjoni, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS huwa mistieden, filwaqt li jaġixxi f’konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2016/1148, iħaffef il-ħidma li qed iwettaq abbażi tas-Sejħa Ministerjali Konġunta ta’ Nevers dwar valutazzjoni tar-riskju mmirata u jenħtieġ li jippreżenta l-ewwel rakkomandazzjonijiet mill-aktar fis possibbli. Dik il-valutazzjoni tar-riskju jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni għall-evalwazzjoni li għaddejja tar-riskju ċibernetiku transsettorjali u għax-xenarji mitluba mill-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qagħda taċ-ċibersigurtà tal-UE. Barra minn hekk, dik il-ħidma jenħtieġ li ssir billi jiġu żgurati l-koerenza u l-komplementarjetà mal-ħidma mwettqa mill-fergħa ta’ ħidma tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS fuq is-sigurtà tal-katina tal-provvista tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni kif ukoll minn gruppi rilevanti oħra.

    (10)

    Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS huwa mistieden ukoll, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-ENISA, biex ikompli l-ħidma tiegħu dwar is-sigurtà tal-infrastruttura diġitali, inkluż fir-rigward tal-infrastruttura ta’ taħt il-baħar, jiġifieri l-kejbils ta’ komunikazzjoni taħt il-baħar. Mistieden ukoll jibda l-ħidma tiegħu fuq is-settur spazjali, inkluż billi jħejji, fejn meħtieġ, gwida politika u metodoloġiji ta’ ġestjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà bbażati fuq approċċ għall-perikli kollha u approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-operaturi fis-settur spazjali bl-għan li tiżdied ir-reżiljenza tal-infrastruttura bbażata fuq l-art li tappoġġa l-forniment ta’ servizzi bbażati fl-ispazju.

    (11)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw b’mod sħiħ is-servizzi ta’ tħejjija taċ-ċibersigurtà offruti fil-programm ta’ appoġġ tal-Kummissjoni fuq perjodu qasir implimentat mal-ENISA, pereżempju l-ittestjar tal-penetrazzjoni għall-identifikazzjoni tal-vulnerabbiltajiet, u, f’dan il-kuntest, huma mħeġġa jagħtu prijorità lill-entitajiet li joperaw infrastruttura kritika fis-setturi tal-enerġija, tal-infrastruttura diġitali u tat-trasport.

    (12)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ miċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (ECCC). Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu liċ-Ċentri ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tagħhom jinvolvu ruħhom b’mod proattiv mal-membri tal-komunità taċ-ċibersigurtà biex jibnu l-kapaċità fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali biex jappoġġaw aħjar lill-operaturi ta’ servizzi essenzjali.

    (13)

    Huwa importanti li l-Istati Membri jiksbu l-implimentazzjoni tal-miżuri rakkomandati fis-Sett ta’ Għodod tal-UE għas-Sigurtà tal-5G u b’mod partikolari li l-Istati Membri jippromulgaw restrizzjonijiet fuq il-fornituri ta; riskju għoli, meta jitqies li telf ta’ ħin jista’ jżid il-vulnerabbiltà tan-networks fl-Unjoni, u jsaħħu wkoll il-protezzjoni fiżika u mhux fiżika ta’ partijiet kritiċi u sensittivi tan-networks 5G, inkluż permezz ta’ kontrolli stretti tal-aċċess. Barra minn hekk, l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jenħtieġ li jivvalutaw il-ħtieġa għal azzjoni komplementari sabiex jiġi żgurat livell konsistenti ta’ sigurtà u reżiljenza tan-networks 5G.

    (14)

    L-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni u l-ENISA jenħtieġ li jikkonċentraw fuq l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ottubru 2022 dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista tal-ICT.

    (15)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-kodiċi tan-network li ġej għall-aspetti taċ-ċibersigurtà tal-flussi transfruntiera tal-elettriku[...] fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1148 u l-gwida rilevanti mogħtija mill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, speċjalment id-Dokument ta’ Referenza tiegħu dwar il-miżuri ta’ sigurtà għall-Operaturi ta’ Servizzi Essenzjali.

    (16)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw l-użu ta’ Copernicus, Galileo u s-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) għas-sorveljanza sabiex jikkondividu l-informazzjoni rilevanti mal-esperti mlaqqgħin skont il-punt 15. Jenħtieġ li jsir użu tajjeb tal-kapaċitajiet offruti mill-Komunikazzjonijiet Governattivi bis-Satellita tal-Unjoni (GOVSATCOM) tal-Programm Spazjali tal-Unjoni għall-monitoraġġ tal-infrastruttura kritika u l-appoġġ għat-tbassir tal-kriżijiet u r-rispons għalihom.

    Azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni

    (17)

    Id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-esperti maħtura tal-Istati Membri u mal-Kummissjoni jenħtieġ li jissaħħu, bil-ħsieb li tissaħħaħ ir-reżiljenza fiżika tal-infrastruttura kritika, b’mod partikolari billi:

    (a)

    jikkontribwixxu għat-tħejjija, l-iżvilupp u l-promozzjoni ta' għodod volontarji komuni biex jappoġġaw lill-Istati Membri fit-tisħiħ ta' tali reżiljenza, fosthom metodoloġiji u xenarji ta' riskju;

    (b)

    jappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-qafas legali l-ġdid applikabbli għall-entitajiet kritiċi, inkluż billi jħeġġu lill-Kummissjoni tadotta l-att delegat fil-ħin;

    (c)

    jappoġġaw it-twettiq tas-simulazzjonijiet ta' kriżi msemmija fil-punt 6, abbażi ta' prinċipji komuni, li jibdew b'tali simulazzjonijiet li jiffukaw fuq theddid antagonistiku magħmul mill-bniedem fis-settur tal-enerġija u sussegwentement f'setturi ewlenin oħra, kif ukoll jappoġġaw u jipprovdu pariri dwar it-twettiq ta' tali simulazzjonijiet ta' kriżi, fuq talba ta' Stat Membru;

    (d)

    jużaw kwalunkwe pjattaforma sigura, ladarba tkun ġiet stabbilita mill-Kummissjoni, biex jiġbru, jevalwaw u jikkondividu, fuq bażi volontarja, l-aħjar prattiki, it-tagħlimiet meħuda mill-esperjenzi nazzjonali u informazzjoni oħra relatata ma' tali reżiljenza.

    Il-ħidma ta' dawk l-esperti maħtura jenħtieġ li tagħti attenzjoni partikolari lid-dipendenzi transsettorjali u lill-infrastruttura kritika b'rilevanza transfruntiera sinifikanti, u jenħtieġ li titkompla fil-Kunsill u l-Kummissjoni, fejn meħtieġ.

    (18)

    L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw kwalunkwe appoġġ offrut mill-Kummissjoni, pereżempju permezz ta’ tħejjija ta’ manwal u linji gwida bħal Manwal dwar il-Protezzjoni tal-Infrastruttura Kritika u l-Ispazji Pubbliċi kontra Sistemi ta’ Inġenji tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ, u għodod għall-valutazzjonijiet tar-riskju. Is-SEAE, b’mod partikolari permezz taċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE u ċ-Ċellola ta’ Fużjoni kontra t-Theddid Ibridu tiegħu, bl-appoġġ tad-Direttorat tal-Intelligence tal-EUMS fil-qafas tas-SIAC, hu mitlub jagħmel sessjonijiet ta’ tagħrif dwar it-theddid għall-infrastruttura kritika fl-Unjoni sabiex jittejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni.

    (19)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni biex tadotta r-riżultati ta’ proġetti dwar ir-reżiljenza ta’ infrastruttura kritika iffinanzjati fil-qafas tal-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Unjoni. Il-Kunsill jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid, fi ħdan il-baġit allokat għal Orizzont Ewropa taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, il-finanzjament għal tali reżiljenza, mingħajr ħsara għall-finanzjament tal-proġetti l-oħra ta’ riċerka u innovazzjoni relatati mas-sigurtà ċivili taħt Orizzont Ewropa.

    (20)

    Minħabba l-kompiti stipulati fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Qagħda taċ-Ċibersigurtà, il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli u l-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS huma mistiedna jintensifikaw, f’konformità mal-kompiti u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni, il-ħidma man-networks u l-korpi u l-aġenziji ċivili u militari rilevanti fit-twettiq tal-evalwazzjoni tar-riskju u l-bini ta’ xenarji ta’ riskju taċ-ċibersigurtà, billi jitqiesu b’mod partikolari l-importanza tal-enerġija, tal-infrastruttura diġitali, tal-infrastruttura tat-trasport u tal-ispazju u l-interdipendenzi bejn is-setturi u l-Istati Membri. Jenħtieġ li dak l-eżerċizzju jqis ir-riskji relatati għall-infrastruttura li fuqha jiddependu dawk is-setturi. Fejn ikun ta’ benefiċċju, l-evalwazzjoni u x-xenarji tar-riskju jistgħu jitwettqu fuq bażi regolari u jenħtieġ li jikkomplementaw, jibnu fuq u jevitaw duplikazzjoni ma’ valutazzjonijiet tar-riskju eżistenti jew ippjanati f’dawk is-setturi u jinfurmaw lid-diskussjonijiet dwar kif tista’ tissaħħaħ ir-reżiljenza ġenerali tal-entitajiet li joperaw infrastruttura kritika u kif jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet.

    (21)

    Il-Kummissjoni hija mistiedna taċċellera l-attivitajiet tagħha, f’konformità mal-kompiti rispettivi tagħha fl-ambitu tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi, dwar l-appoġġ għat-tħejjija u r-rispons tal-Istati Membri għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, u b’mod partikolari:

    (a)

    twettaq studju komprensiv (9), sabiex tikkomplementa l-valutazzjonijiet tar-riskju rilevanti fil-kuntest tas-Sigurtà tan-Networks u tal-Informazzjoni, li jqis l-infrastruttura taħt il-baħar, jiġifieri l-kejbils ta' komunikazzjoni taħt il-baħar, li jikkollegaw lill-Istati Membri kif ukoll lill-Ewropa globalment u jenħtieġ li s-sejbiet tiegħu jiġu kondiviżi mal-Istati Membri;

    (b)

    tappoġġa t-tħejjija u r-rispons tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni għal inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira jew inċidenti kbar, f'konformità mal-qafas legali msaħħaħ għaċ-ċibersigurtà u regoli applikabbli rilevanti oħra (10);

    (c)

    taċċellera l-kunċett ewlieni tal-Fond ta' Emerġenza Ċibernetika b'diskussjoni xierqa mal-Istati Membri.

    (22)

    Il-Kummissjoni hija mħeġġa: tintensifika l-ħidma fuq azzjoni antiċipatorja orjentata lejn il-futur, inkluż b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri skont l-Artikoli 6 u 10 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, u fil-forma ta’ ppjanar ta’ kontinġenza biex tappoġġa t-tħejjija operazzjonali u r-rispons taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) għal tfixkil tal-infrastruttura kritika; iżżid l-investimenti f’approċċi preventivi u t-tħejjija tal-popolazzjoni; u żżid l-appoġġ relatat mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet taħt in-Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili.

    (23)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni trawwem l-użu tal-assi ta’ sorveljanza tal-Unjoni (Copernicus, Galileo u EGNOS) biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-infrastruttura kritika, u fejn rilevanti l-viċinanzi immedjati tagħhom, u biex tappoġġa għażliet oħra ta’ sorveljanza previsti fil-Programm Spazjali tal-Unjoni, bħall-Għarfien tas-Sitwazzjoni fl-Ispazju u oqfsa ta’ Sorveljanza u Insegwiment fl-Ispazju tal-UE.

    (24)

    Fejn rilevanti u f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom, l-aġenziji tal-Unjoni u korpi rilevanti oħra huma mitluba jipprovdu appoġġ dwar kwistjonijiet relatati mar-reżiljenza tal-infrastruttura kritika, b’mod partikolari kif ġej:

    (a)

    l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (EUROPOL) rigward il-ġbir ta' informazzjoni, l-analiżi kriminali u l-appoġġ investigattiv f'azzjonijiet transfruntiera ta' infurzar tal-liġi u, fejn rilevanti u xieraq, il-kondiviżjoni tal-eżiti mal-Istati Membri;

    (b)

    l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u s-sikurezza tas-settur marittimu fl-Unjoni, inkluż is-servizzi ta' sorveljanza marittima għal kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u s-sikurezza marittima;

    (c)

    l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (EUSPA) u ċ-Ċentru Satellitari tal-UE (SatCen) jistgħu jkunu f'pożizzjoni li jassistu permezz ta' operazzjonijiet fi ħdan il-Programm Spazjali tal-Unjoni;

    (d)

    l-ECCC fir-rigward tal-attivitajiet relatati maċ-ċibersigurtà, anke f'kooperazzjoni mal-ENISA, tista' tappoġġa l-innovazzjoni u l-politika industrijali fiċ-ċibersigurtà.

    KAPITOLU III: RISPONS IMSAĦĦAĦ

    Azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri

    (25)

    L-Istati Membri huma mistiedna:

    (a)

    ikomplu l-koordinazzjoni tar-rispons tagħhom, fejn rilevanti, u jżommu l-ħarsa ġenerali tar-rispons transsettorjali għal tfixkil akut ta' servizzi essenzjali pprovduti minn infrastruttura kritika. Dan jista' jsir fil-qafas ta': Pjan ta' Azzjoni futur dwar rispons koordinat għal tfixkil tal-infrastruttura kritika b'rilevanza transfruntiera sinifikanti; l-arranġamenti eżistenti tar-Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (IPCR) għall-koordinazzjoni tar-rispons politiku fir-rigward tal-infrastruttura kritika b'rilevanza transfruntiera; il-Pjan ta' Azzjoni għal inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 (11); EU-CyCLONe; fil-Qafas għal reazzjoni koordinata tal-UE għal kampanji ibridi u s-Sett ta' Għodod tal-UE kontra Theddid Ibridu fil-każ ta' theddid u kampanji ibridi; u fis-Sistema ta' Twissija Rapida fil-każ ta' diżinformazzjoni;

    (b)

    iżidu l-iskambju ta' informazzjoni fil-livell operazzjonali mal-ERCC fi ħdan il-kuntest tal-UCPM sabiex titjieb it-twissija bikrija u biex jikkoordinaw ir-rispons tagħhom fl-ambitu tal-UCPM f'każ ta' tfixkil tal-infrastruttura kritika b'rilevanza transfruntiera sinifikanti, biex b'hekk tkun żgurata reazzjoni aktar rapida ffaċilitata mill-Unjoni meta tkun meħtieġa;

    (c)

    iżidu d-disponibbiltà tagħhom li jirrispondu, fejn rilevanti, permezz ta' għodod eżistenti jew li għad iridu jiġu żviluppati għal tali tfixkil sinifikanti msemmi fil-punt (a);

    (d)

    jipparteċipaw fl-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċitajiet ta' rispons rilevanti fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili (ECPP) u rescEU;

    (e)

    jinkoraġġixxu lill-operaturi ta' infrastruttura kritika u lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom biex ikunu jistgħu jirrestawraw malajr prestazzjoni bażika tas-servizzi essenzjali pprovduti minn dawk l-operaturi ta' infrastruttura kritika;

    (f)

    jinkoraġġixxu lill-operaturi ta' infrastruttura kritika, biex meta jkunu qed jibnu l-infrastruttura kritika tagħhom mill-ġdid, jibnuha biex tkun kemm jista' jkun reżiljenti, filwaqt li titqies il-proporzjonalità tal-miżuri fir-rigward tal-valutazzjonijiet tar-riskju u l-kostijiet, mal-firxa sħiħa ta' riskji sinifikanti li jistgħu japplikaw għaliha, inkluż f'xenarji klimatiċi avversi.

    (26)

    L-Istati Membri huma mistiedna jaċċelleraw il-ħidma preparatorja, fejn possibbli, kif inkarigati mill-qafas legali msaħħaħ dwar iċ-ċibersigurtà, bl-għan li jtejbu il-kapaċitajiet tal-Iskwadri ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-CSIRTs nazzjonali, bil-ħsieb tal-kompiti l-ġodda tas-CSIRTs kif ukoll l-għadd akbar ta’ entitajiet minn setturi ġodda, jirrieżaminaw u jaġġornaw l-istrateġiji taċ-ċibersigurtà tagħhom f’waqthom u jadottaw malajr kemm jista’ jkun pjanijiet nazzjonali ta’ rispons għal inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà, jekk mhux diġà jeżistu.

    (27)

    L-Istati Membri huma mistiedna jqisu, fil-livell nazzjonali, l-aktar mezzi rilevanti biex jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu konxji tal-ħtieġa li tiġi avvanzata r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika permezz ta’ kooperazzjoni ma’ bejjiegħa u sħab fdati. Huwa importanti li jsir investiment f’kapaċità addizzjonali, speċjalment fis-setturi fejn l-infrastruttura attwali tinsab fi tmiem il-ħajja tagħha, pereżempju infrastruttura tal-kejbils ta’ komunikazzjoni taħt il-baħar, biex tkun tista’ tiġi żgurata l-kontinwità tal-forniment ta’ servizzi essenzjali f’każ ta’ tfixkil, u biex jitnaqqsu d-dipendenzi mhux mixtieqa.

    (28)

    L-Istati Membri huma mħeġġa jagħtu attenzjoni lill-komunikazzjoni strateġika proattiva fil-livell nazzjonali fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-theddid u l-kampanji ibridi, u minħabba l-involviment potenzjali tal-avversarji f’manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin billi jsawru n-narrattivi dwar inċidenti mmirati lejn infrastruttura kritika.

    Azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni

    (29)

    Il-Kummissjoni hija mistiedna taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, biex tkompli tiżviluppa l-korpi, l-istrumenti u l-kapaċitajiet ta’ rispons rilevanti, bil-ħsieb li tissaħħaħ it-tħejjija operazzjonali biex jiġu indirizzati l-effetti immedjati u indiretti ta’ tfixkil sinifikanti tas-servizzi essenzjali rilevanti pprovduti minn infrastruttura kritika, b’mod partikolari esperti u riżorsi disponibbli permezz tal-ECPP u rescEU taħt l-UCPM jew Timijiet futuri ta’ Rispons Rapidu kontra Theddid Ibridu.

    (30)

    Filwaqt li tqis ix-xenarju ta’ theddid li qed jevolvi u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-UCPM, hija mistiedna:

    (a)

    tanalizza u tittestja kontinwament l-adegwatezza u l-livell ta' tħejjija operazzjonali tal-kapaċitajiet ta' rispons eżistenti;

    (b)

    timmonitorja u tidentifika regolarment lakuni potenzjalment sinifikanti fil-kapaċità ta' rispons fil-kapaċitajiet tal-ECPP u rescEU;

    (c)

    tkompli tintensifika l-kollaborazzjoni transsettorjali biex tiżgura rispons adegwat fil-livell tal-Unjoni, u torganizza taħriġ u eżerċizzji regolari biex tittestja tali kollaborazzjoni f'kooperazzjoni ma' Stat Membru wieħed jew aktar;

    (d)

    tkompli tiżviluppa aktar l-ERCC bħala ċ-ċentru transsettorjali ta' emerġenza fil-livell tal-Unjoni għall-koordinazzjoni tal-appoġġ lill-Istati Membri affettwati.

    (31)

    Il-Kunsill huwa impenjat li jagħti bidu għall-ħidma bil-ħsieb li japprova Pjan ta’ Azzjoni dwar rispons koordinat għal tfixkil ta’ infrastruttura kritika b’rilevanza transfruntiera sinifikanti, li jiddeskrivi u jistabbilixxi l-objettivi u l-modi ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fir-rispons għal inċidenti kontra tali infrastruttura kritika. Il-Kunsill jistenna b’interess l-abbozz tal-Kummissjoni għat-tali Pjan ta’ Azzjoni, li jibni fuq l-appoġġ u l-kontributi tal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jkun koerenti u interoperabbli għalkollox mal-protokoll operazzjonali rivedut tal-Unjoni għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu (“Playbook tal-UE”) u jqis il-Pjan ta’ Azzjoni eżistenti dwar rispons koordinat għal inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà transfruntiera fuq skala kbira (12) u l-mandat ta’ EU-CyCLONe stipulat fid-Direttiva NIS2 u jevita d-duplikazzjoni tal-istrutturi u l-attivitajiet. Jenħtieġ li dak il-Pjan ta’ Azzjoni jirrispetta bis-sħiħ l-arranġamenti tal-IPCR għall-koordinazzjoni tar-rispons.

    (32)

    Il-Kummissjoni hija mistiedna tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati u esperti rilevanti dwar miżuri xierqa fir-rigward ta’ inċidenti sinifikanti possibbli rigward infrastruttura taħt il-baħar, li għandhom jiġu ppreżentati flimkien mal-istudju ta’ evalwazzjoni imsemmi fil-punt 20(a), kif ukoll biex jiġu elaborati aktar l-ippjanar ta’ kontinġenza, ix-xenarji ta’ riskju, u l-għanijiet tal-Unjoni marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri stipulati fid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.

    KAPITOLU IV: KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

    Azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri

    (33)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw, fejn xieraq u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, ma’ pajjiżi terzi rilevanti fir-rigward tar-reżiljenza ta’ infrastruttura kritika b’rilevanza transfruntiera sinifikanti.

    (34)

    L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-Kummissjoni u mar-Rappreżentant Għoli sabiex jindirizzaw b’mod effettiv ir-riskji għall-infrastruttura kritika fl-ilmijiet internazzjonali.

    (35)

    L-Istati Membri huma mistiedna jikkontribwixxu, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mar-Rappreżentant Għoli, għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni aċċellerati tas-Sett ta’ Għodod tal-UE kontra Theddid Ibridu u tal-linji gwida ta’ implimentazzjoni msemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2022 dwar Qafas għal reazzjoni koordinata tal-UE għal kampanji ibridi u jużawhom sussegwentement biex jagħtu effett sħiħ lill-Qafas għal rispons koordinat tal-UE għal kampanji ibridi, b’mod partikolari meta jikkunsidraw u jħejju risponsi komprensivi u koordinati tal-Unjoni għal kampanji ibridi u theddid ibridu, inkluż dawk kontra operaturi ta’ infrastruttura kritika.

    Azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni

    (36)

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli huma mistiedna jappoġġaw, fejn xieraq u f’konformità mal-kompiti u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni, pajjiżi terzi rilevanti biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika fit-territorju tagħhom u b’mod partikolari l-infrastruttura kritika li hija fiżikament konnessa mat-territorju tagħhom u dak ta’ Stat Membru.

    (37)

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f’konformità mal-kompiti u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni, ser isaħħu l-koordinazzjoni man-NATO dwar ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika ta’ interess komuni permezz tad-djalogu strutturat bejn l-UE u n-NATO dwar ir-reżiljenza, b’rispett sħiħ tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont it-Trattati u l-prinċipji ewlenin li jiggwidaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO kif maqbula mill-Kunsill Ewropew, b’mod partikolari r-reċiproċità, l-inklużività u l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet. F’dan il-kuntest, dik il-kooperazzjoni ser titmexxa ’l quddiem fi ħdan id-Djalogu Strutturat bejn l-UE u n-NATO dwar ir-Reżiljenza, inkorporat fil-mekkaniżmu eżistenti bejn il-persunal rispettiv għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti, filwaqt li tiġi żgurata t-trasparenza sħiħa u l-involviment sħiħ tal-Istati Membri kollha.

    (38)

    Il-Kummissjoni hija mistiedna tikkunsidra l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi rilevanti, fejn meħtieġ u xieraq, fil-qafas tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tar-reżiljenza ta’ infrastruttura kritika li hija fiżikament konnessa mat-territorju ta’ Stat Membru u dak ta’ pajjiż terz.

    Magħmul fi Brussell, 8 ta' Diċembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. RAKUŠAN


    (1)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw tali rilevanza f'konformità mal-prattiki nazzjonali tagħhom u jistgħu jagħmlu dan fuq il-bażi ta', fost fatturi oħrajn, il-valutazzjoni tar-riskju u l-impatt u n-natura tal-avveniment.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 94).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

    (9)  Jenħtieġ li dan l-istudju jinkludi l-immappjar tal-kapaċitajiet u r-ridondanzi, il-vulnerabbiltajiet, it-theddid u r-riskji għad-disponibbiltà tas-servizz tagħha, l-impatt tal-perjodu ta' qtugħ tal-kejbils (trans-Atlantiċi) taħt il-baħar għall-Istati Membri u l-Unjoni kollha kemm hi u l-mitigazzjoni tar-riskju, filwaqt li titqies is-sensittività ta' tali informazzjoni u l-ħtieġa li tiġi protetta.

    (10)  Jenħtieġ li tingħata wkoll attenzjoni partikolari lill-attivitajiet kollha li jħejju għal rispons ikkoordinat effettiv fil-livell tal-Unjoni fil-każ ta' inċident ċibernetiku kbir transfruntier jew theddida relatata li jista' jkollhom impatt sistemiku fuq is-settur finanzjarju tal-Unjoni, skont il-mandat tal-qafas legali l-ġdid dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali.

    (11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 tat-13 ta' Settembru 2017 dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira (ĠU L 239, 19.9.2017, p. 36).

    (12)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 tat-13 ta' Settembru 2017 dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira.


    Top