Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2898

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2898 tad-19 ta’ Diċembru 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Noti ta’ Spjegazzjoni, Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata skont il-Konvenzjoni SA

    ST/16197/2023/ADD/1

    ĠU L, 2023/2898, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2898/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2898/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2898

    22.12.2023

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2898

    tad-19 ta’ Diċembru 2023

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Noti ta’ Spjegazzjoni, Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata skont il-Konvenzjoni SA

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31, l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE (1) l-Unjoni approvat il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (2), u l-Protokoll li Jemendaha (3) (il-Konvenzjoni SA), li stabbiliet, inter alia, il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (HSC — Harmonized System Committee).

    (2)

    Skont l-Artikolu 7(1), il-punti (b) u (c), tal-Konvenzjoni SA, l-HSC huwa responsabbli għat-tħejjija tan-Noti ta’ Spjegazzjoni, tal-Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, pariri oħra bħala gwida għall-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u għat-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-Sistema Armonizzata.

    (3)

    Skont l-Artikolu 8(3) tal-Konvenzjoni SA, in-Noti ta’ Spjegazzjoni, l-Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-Sistema Armonizzata, imħejjija matul sessjoni tal-HSC (“deċiżjonijiet tal-HSC”), għandhom jitqiesu li ġew approvati mill-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO — World Customs Organization) jekk, fit-tmiem tat-tieni xahar wara x-xahar li fih is-sessjoni li fiha ġew adottati ngħalqet, l-ebda Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni SA ma innotifikat lis-Segretarju Ġenerali tad-WCO li ppreżentat talba għal eżami mill-ġdid mill-HSC jew konsultazzjoni lill-Kunsill tad-WCO.

    (4)

    Skont l-Artikolu 8(4) tal-Konvenzjoni SA, ladarba kwistjoni tkun ġiet riferuta lill-Kunsill tad-WCO skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu, il-Kunsill tad-WCO għandu japprova dawn in-Noti ta’ Spjegazzjoni, l-Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, pariri jew rakkomandazzjonijiet oħra, sakemm kwalunkwe Membru tal-Kunsill tad-WCO li jkun Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni SA ma jkunx talab li jkunu riferuti sħaħ jew parzjalment lill-HSC sabiex jiġu eżaminati mill-ġdid.

    (5)

    Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fid-WCO fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Noti ta’ Spjegazzjoni, Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni SA, peress li d-deċiżjonijiet inkwistjoni mħejjija mill-HSC se jkunu kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (4).

    (6)

    Huwa fl-interess tal-Unjoni li l-pożizzjonijiet espressi mill-Unjoni fl-HSC huma stabbiliti skont il-prinċipji, il-kriterji u l-orjentazzjonijiet li jirregolaw il-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti. Huwa wkoll fl-interess tal-Unjoni li dawn il-pożizzjonijiet jiġu stabbiliti b’mod rapidu sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha fl-HSC.

    (7)

    Sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ wkoll titlob f’isem l-Unjoni li kwistjoni tiġi riferuta lill-Kunsill tad-WCO jew lill-HSC biex tiġi eżaminata mill-ġdid skont l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni SA, sabiex jiġi evitat li tiġi adottata deċiżjoni dwar kwistjoni li dwarha l-Kunsill tad-WCO jew ma jkunx jista’ jilħaq pożizzjoni qabel l-għeluq tal-iskadenza prevista fl-Artikolu 8(3) tal-Konvenzjoni SA jew ikun laħaq pożizzjoni li tkun differenti fis-sustanza mid-deċiżjoni li ġiet adottata mill-HSC.

    (8)

    Fid-dawl tan-natura dejjem tevolvi u teknika ħafna tal-klassifikazzjoni tal-oġġetti skont il-Konvenzjoni SA, il-volum għoli ta’ mistoqsijiet ittrattati fiż-żewġ laqgħat tal-HSC kull sena, u l-qafas ta’ żmien qasir disponibbli biex jitqiesu d-dokumenti maħruġa mis-Segretarjat tad-WCO u mill-Partijiet Kontraenti bi tħejjija għal-laqgħat tal-HSC u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-informazzjoni ġdida ppreżentata qabel jew matul dawn il-laqgħat u li taġixxi fuqha b’mod effettiv, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-passi meħtieġa, f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni.

    (9)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1707 (5) stabbiliet proċedura effiċjenti u mħaffa għall-istabbiliment tal-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar l-approvazzjoni tan-Noti ta’ Spjegazzjoni, tal-Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni jew ta’ pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata skont il-Konvenzjoni SA, u dwar it-tħejjija ta’ tali atti fid-WCO. Peress li din se tiskadi fl-31 ta’ Diċembru 2023, jixraq li tiġi sostitwita b’Deċiżjoni ġdida.

    (10)

    Fid-dawl tad-disponibbiltà ripetutament tard tad-dokumenti ta’ ħidma qabel il-laqgħat tal-HSC, u sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet u l-interessi tal-Unjoni fi ħdan id-WCO, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex titlob lis-Segretarjat tad-WCO jiżgura d-disponibbiltà tad-dokumenti ta’ ħidma f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-HSC, sabiex tali dokumenti jintbagħtu mill-inqas 30 jum qabel il-ftuħ tas-sessjoni rilevanti.

    (11)

    Biex jiġi żgurat li l-Kunsill jkun jista’ jivvaluta u, fejn xieraq, jirrevedi l-politika f’din id-Deċiżjoni fuq bażi regolari, u fl-ispirtu tal-kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 13(2) tat-TUE, il-validità ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien. Bi tħejjija għal Reviżjoni Strateġika tas-Sistema Armonizzata, li hija ppjanata li tiġi diskussa fil-Kummissjoni Politika tad-WCO u l-Kunsill tad-WCO f’Ġunju 2024, il-perjodu ta’ validità ta’ din id-Deċiżjoni jista’ jitqassar qabel l-iskadenza tagħha, fuq proposta mill-Kummissjoni.

    (12)

    Sabiex tinżamm pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni ta' Noti ta' Spjegazzjoni, Opinjonijiet ta' Klassifikazzjoni jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata skont il-Konvenzjoni SA, u dwar it-tħejjija ta' tali atti fid-WCO wara l-iskadenza tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1707 fil-31 ta’ Diċembru 2023, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024 u għalhekk jenħtieġ li tidħol fis-seħħ b'urġenza,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar l-approvazzjoni tan-Noti ta’ Spjegazzjoni, tal-Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni jew ta’ pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata skont il-Konvenzjoni SA, u dwar it-tħejjija ta’ tali atti fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, għandha tiġi stabbilita f’konformità mal-prinċipji, l-kriterji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima I tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed skont l-Artikolu 1 għandha titwettaq f’konformità mal-ispeċifikazzjoni stipulata fit-Taqsima II tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. RIBERA RODRÍGUEZ


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1).

    (2)   ĠU L 198, 20.7.1987, p. 3.

    (3)   ĠU L 198, 20.7.1987, p. 11.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1707 tat-13 ta’ Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Noti ta’ Spjegazzjoni, Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata skont il-Konvenzjoni SA (ĠU L 385, 17.11.2020, p. 11).


    ANNESS

    I.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Noti ta’ Spjegazzjoni, Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata skont il-Konvenzjoni SA

    1.   PRINĊIPJI

    Fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), l-Unjoni għandha:

    (a)

    tippromwovi, tikkontribwixxi u tiffaċilita l-klassifikazzjoni doganali tal-oġġetti u l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tas-Sistema Armonizzata (SA), u t-tnaqqis tal-għadd ta’ kawżi u tilwim li jikkonċernaw l-interpretazzjonijiet diverġenti tas-SA;

    (b)

    taħdem lejn l-involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati fil-fażi ta’ tħejjija għad-deċiżjonijiet tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (KSA) u tiżgura li d-deċiżjonijiet adottati fid-WCO jkunu f’konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (Konvenzjoni SA) (1);

    (c)

    tiżgura li l-miżuri adottati fid-WCO jkunu konsistenti mar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA;

    (d)

    tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki żviluppati mill-Unjoni fil-qasam ikkonċernat;

    (e)

    tippromwovi s-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tan-Nomenklatura tas-SA skont l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet tal-utenti u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda;

    (f)

    tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħra tagħha, inkluż l-objettiv li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u l-impenji internazzjonali sal-punt rilevanti fid-dawl tan-natura speċifika tal-klassifikazzjoni doganali.

    2.   KRITERJI

    Il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fid-WCO:

    (a)

    għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-kriterji ġenerali li ġejjin:

    il-prinċipju li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tal-oġġetti għal skopijiet doganali għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom kif definiti mill-kliem tal-intestaturi rilevanti tas-SA u min-noti tat-Taqsima jew tal-Kapitolu, u

    ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif stabbiliti fl-Anness tal-Konvenzjoni SA.

    (b)

    fejn applikabbli, għandhom iqisu l-kriterji speċifiċi li ġejjin:

    il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea relatata mal-klassifikazzjoni doganali tal-oġġetti,

    in-Nomenklatura tas-SA u n-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-SA, l-Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni u d-deċiżjonijiet meħuda mill-KSA,

    is-subintestaturi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) (2) u n-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-NM,

    ir-Regolamenti u d-Deċiżjonijiet dwar il-klassifikazzjoni adottati mill-Kummissjoni,

    il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, it-Taqsima dwar in-Nomenklatura tat-Tariffa u l-Istatistika, u

    kwalunkwe att jew linja gwida legali oħra relatata mal-klassifikazzjoni doganali tal-oġġetti żviluppata mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni.

    3.   ORJENTAZZJONIJIET

    L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li ġejjin fid-WCO, f’konformità mal-prinċipji u l-kriterji msemmija fil-punt 1 u 2:

    (a)

    tipproponi u tħejji Noti ta’ Spjegazzjoni, Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni jew pariri oħra bħala gwida għall-interpretazzjoni tas-SA;

    (b)

    tipprepara rakkomandazzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-SA;

    II.   Speċifikazzjoni dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Noti ta’ Spjegazzjoni, Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata skont il-Konvenzjoni SA

    Qabel kull laqgħa tal-KSA li matulha l-KSA jintalab jadotta deċiżjonijiet li għandhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis l-aktar informazzjoni teknika u informazzjoni rilevanti oħra riċenti trażmessa lill-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipji, il-kriterji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fit-taqsima I. Sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet u l-interessi tal-Unjoni fi ħdan id-WCO, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lid-disponibbiltà tad-dokumenti ta’ ħidma f’konformità mar-regoli tal-proċeduri tal-KSA.

    Għal dan l-għan, u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Kunsill, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-KSA msemmija fil-punt 1, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni. Il-Kunsill għandu jeżamina d-dokumenti tal-Kummissjoni fl-aħjar perjodu ta’ żmien possibbli.

    Jekk il-Kunsill ma japprovax parti speċifika tal-proposta, il-Kummissjoni mhux ser tippreżenta pożizzjoni tal-Unjoni dwar dik il-parti fil-KSA.

    F’każijiet fejn il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun differenti fis-sustanza mid-deċiżjoni adottata mill-KSA, il-Kummissjoni għandha, fi żmien biżżejjed qabel l-iskadenza prevista fl-Artikolu 8(3) tal-Konvenzjoni SA, tibgħat lill-Kunsill għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni, dokument bil-miktub li jistabbilixxi li d-deċiżjonijiet inkwistjoni jistgħu jiġu aċċettati jew li l-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill tad-WCO u lill-KSA biex tiġi eżaminata mill-ġdid skont l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni SA.

    Sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet tal-Unjoni u jiġi evitat li tiġi adottata fid-WCO deċiżjoni dwar kwistjoni li dwarha l-Kunsill ma jkunx jista’ jilħaq pożizzjoni qabel l-iskadenza prevista fl-Artikolu 8(3) tal-Konvenzjoni SA, il-Kummissjoni għandha titlob f’isem l-Unjoni li l-kwistjoni tiġi riferuta lill-Kunsill tad-WCO jew lill-KSA biex tiġi eżaminata mill-ġdid skont l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni SA.


    (1)   ĠU L 198, 20.7.1987, p. 3.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, ĠU L 256, 7.9.1987, p. 9. 1.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2898/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top