This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D2810
Council Decision (EU) 2023/2810 of 11 December 2023 on the position to be taken on behalf of the European Union in the Western and Central Pacific Fisheries Commission (WCPFC) and repealing Decision (EU) 2019/862
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2810 tal-11 ta’ Diċembru 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/862
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2810 tal-11 ta’ Diċembru 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/862
ST/13460/2023/INIT
ĠU L, 2023/2810, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2810/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2023/2810 |
15.12.2023 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2810
tal-11 ta’ Diċembru 2023
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/862
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/75/KE (1), l-Unjoni ssieħbet fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent("Konvenzjoni WCPF"), li stabbiliet il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali ("WCPFC"). |
(2) |
Il-WCPFC tadotta miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni biex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul ta' stokkijiet ta' ħut migratorju ħafna fiż-Żona tal-Konvenzjoni WCPF u tippromwovi l-aħjar użu tagħhom. Tali miżuri jistgħu jsiru vinkolanti għall-Unjoni. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b'mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirrestawra u jmantni l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada 'l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta' ġestjoni u ta' konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġa l-iżvilupp ta' għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista' jkun, ta' qabdiet mhux mixtieqa, u trażżan l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema marina u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha. |
(4) |
F'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna”, “Strateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima – l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” u “Strateġija mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” , huwa essenzjali li tiġi protetta n-natura u titreġġa' lura d-degradazzjoni tal-ekosistemi. It-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità ma għandhomx jippreġudikaw id-disponibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi li ekosistemi f'saħħithom tal-baħar jipprovdu lis-sajjieda, lill-komunitajiet kostali u lill-umanità inġenerali. |
(5) |
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari”tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastiks u t-tniġġis tal-baħar kif ukoll it-telf jew l-abbandun tal-irkaptu tas-sajd fil-baħar. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Perkors lejn Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd - Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija” jimmira li jnaqqas b’50 % l-iskart tal-plastik fil-baħar u bi 30 % l-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent. |
(6) |
Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Inwittu t-triq lejn pjaneta blu sostenibbli” tenfasizza l-importanza tal-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar taħt l-azzjoni esterna tal-Unjoni. L-Unjoni hija l-aktar attur prominenti fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u fil-korpi tas-sajd madwar id-dinja. Hemmhekk, l-Unjoni tippromwovi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut, tippromwovi t-teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti abbażi ta' parir xjentifiku sod, ittejjeb ir-riċerka xjentifika, u ssaħħaħ il-konformità. |
(7) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-WCPFC għall-perjodu 2024-2028, minħabba li l-miżuri ta' konservazzjoni u infurzar tal-WCPFC jistgħu jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (3), (KE) Nru 1224/2009 (4) u r-Regolamenti (UE) 2017/2403 (5) u (UE) 2022/2056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
(8) |
Attwalment il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-WCPFC hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/862 (7). Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u li tiġi sostitwita b’Deċiżjoni ġdida li tkopri l-perjodu 2024-2028. |
(9) |
Fid-dawl tan-natura li dejjem qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-WCPF u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-WCPFC, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għal sena għall-perjodu 2024-2028, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) hija stipulata fl-Anness I.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni minn sena għall-oħra tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-WCPFC għandha ssir f'konformità mal-Anness II.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni tal-Unjoni stipulata fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-WCPFC fl-2029.
Artikolu 4
Id-Deċiżjoni (UE) 2019/862 hija b'dan imħassra.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
L. PLANAS PUCHADES
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/75/KE tas-26 ta' April 2004 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent (ĠU L 32, 4.2.2005, p. 1).
(2) Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
(6) Ir-Regolament (UE) 2022/2056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2022 li jistabbilixxi miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni applikabbli fiż-Żona tal-Konvenzjoni dwar is-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 (ĠU L 276, 26.10.2022, p. 1).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/862 tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC), u li tħassar id-Deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, għall-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju (WCPFC) (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 44).
ANNESS I
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kummissjoni tas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC)
1. PRINĊIPJI
Fil-qafas tal-WCPFC, l-Unjoni għandha:
(a) |
tiżgura li l-miżuri adottati fil-WCPFC jkunu konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikularment mal-Konvenzjoni tal-1982 tan-Nazzjonijiet Uniti fuq id-Dritt Marittimu, mal-Ftehim tal-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni ta' Ħażniet ta' Ħut li jpassi f'żona limitata (straddling) u Ħażniet ta' Ħut li jpassi ħafna (highly migratory), mal-Ftehim tal-1993 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) biex jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni minn bastimenti tas-sajd f'ibħra internazzjonali, u mal-Ftehim tal-2009 tal-FAO dwar Miżuri tal-Istat Portwarju; |
(b) |
tippromwovi l-objettivi tal-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali u fil-15-il Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, partikularment fiż-żieda fil-protezzjoni tal-bijodiversità marina u l-protezzjoni ta' 30 % tal-oċean tad-dinja permezz ta' żoni protetti tal-baħar; |
(c) |
tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar il-Bijodiversità – il-ħtieġa għal azzjoni urġenti, mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni tan-natura, u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt", u Ewropa aktar b'saħħitha fid-dinja; |
(d) |
taġixxi f'konformità mal-objettivi u l-prinċipji segwiti mill-Unjoni fil-politika komuni tas-sajd, jiġifieri permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, u biex jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista' jkun il-qabdiet possibbli mhux mixtieqa, u telimina gradwalment l-iskartar, u timminimizza l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-abitati tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd tal-Unjoni ekonomikament vijabbli u kompetittiv, sabiex jiġi pprovdut standard tal-għajxien ġust lil dawk li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi; |
(e) |
tkun konformi mal-Konklużjonijiet tad-19 ta' Marzu 2012 tal-Kunsill dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd; |
(f) |
tkun konformi mal-Konklużjonijiet tat-13 ta' Diċembru 2022 tal-Kunsill dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani għal oċeani u ibħra sikuri, siguri, nodfa, f'saħħithom u ġestiti b'mod sostenibbli fir-rigward tal-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar; |
(g) |
taħdem favur involviment xieraq tal-partijiet konċernati fil-fażi tal-preparazzjoni għall-miżuri WCPFC u tiżgura li l-miżuri adottati fil-WCPFC jkunu skont l-objettivi tal-Konvenzjoni WCPFC; |
(h) |
tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs); |
(i) |
tara li jkun hemm konsistenza u sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tagħha tas-sajd ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha notevolment fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-impjiegi, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni; |
(j) |
timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fl-ambitu taż-Żona tal-Konvenzjoni WCPFC abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta' dawk il-prinċipji u ta' dawk l-istandards; |
(k) |
fejn xieraq, tippromwovi l-koordinazzjoni bejn il-WCPFC, ir-RFMOs eżistenti u konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli, skont il-mandati tagħhom; |
(l) |
tippromwovi l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni fost l-RFMOs tat-tonn permezz ta’ l’hekk imsejjaħ -proċess Kobe għall-RFMO tat-tonn. |
2. ORJENTAZZJONIJIET
L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mill-WCPFC tal-azzjonijiet li ġejjin:
(a) |
miżuri li jippromwovu l-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar u li jippromwovu s-sostenibbiltà tal-istokkijiet, filwaqt li jitqiesu kunsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima; |
(b) |
miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni WCPFC abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, bħalma huma l-qabdiet totali permissibbli u l-kwoti jew ir-regolazzjoni tal-isforz fis-sajd li jistad riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal baħar regolati mill-WCPFC, bil-mira li jiġu restawrati u mantenuti dawn ir-riżorsi tal-anqas f'livelli li jippermettu rendiment massimu sostenibbli. Fejn meħtieġ, dawk il-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet, li jġarrbu sajd eċċessiv biex l-isforz tas-sajd jinżamm f'livelli kommensurati mal-irkupru ta' dawn l-istokkijiet; |
(c) |
miżuri li jippromwovu l-ġbir ta' data dwar is-sajd li jippermettu valutazzjonijiet robusti tal-istokkijiet, jappoġġaw il-ħidma xjentifika tal-Kumitat Xjentifiku tal-WCPFC u jsejsu deċiżjonijiet ta' ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza, miżuri li jimmiraw li jsaħħu l-kumitat ta' konformità tiegħu, jippromwovu kultura ta' konformità u ta' twettiq ta' rieżamijiet tal-prestazzjoni perjodiċi indipendenti; |
(d) |
tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-WCPFC u l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu biex jiġi żgurat approċċ koerenti għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar rilevanti partikularment fir-rigward tal-ġbir tad-data biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjonijiet robusti tal-istokkijiet; |
(e) |
miżuri għall-prevenzjoni, id-deterrent u l-eliminazzjoni ta' attivitajiet ta' sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) fiż-Żona tal-Konvenzjoni WCPFC, inkluż l-elenkar tal-bastimenti IUU u l-elenkar komuni ma' RFMOs oħra, u miżuri li jippromwovu t-traċċabbiltà tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd abbażi tal-Linji Gwida Volontarji għall-Iskemi ta' Dokumentazzjoni tal-Qbid; |
(f) |
miżuri ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-Żona tal-Konvenzjoni WCPFC sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fil-WCPFC inkluż it-tisħiħ tal-kontroll fuq l-operazzjonijiet tat-trażbord abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar it-Trażbord; |
(g) |
miżuri biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar u l-abitati tagħhom, inkluż miżuri protettivi għal ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fiż-Żona tal-Konvenzjoni WCPFC bi qbil mal-Konvenzjoni WCPFC u l-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, miżuri biex jiġi evitat u jitnaqqas kemm jista' jkun il-qbid mhux mixtieq, inkluż partikularment l-ispeċijiet vulnerabbli tal-baħar, u biex gradwalment jiġi eliminat il-qbid skartat; |
(h) |
miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar u jiġi prevenut l-iskariku tal-plastik fil-baħar u jitnaqqas l-impatt tal-plastik fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar inkluż miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta' Rkaptu tas-Sajd Abbandunat, Mitluf jew Skartat Mod Ieħor fl-oċean u biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u l-irkupru ta' tali rkaptu abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Markar tal-Irkaptu tas-Sajd; |
(i) |
miżuri mmirati lejn il-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tas-sajd għall-pinen tal-klieb il-baħar u li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art bil-pinen kollha mwaħħla kif tipprovdi n-natura; |
(j) |
rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sa fejn huwa permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol ; |
(k) |
approċċi komuni ma' RFMOs oħrajn, fejn xieraq, partikularment dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun; |
(l) |
miżuri tekniċi addizzjonali bbażati fuq pariri mill-korpi sussidjarji u gruppi ta' ħidma tal-WCPFC; |
(m) |
miżuri konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. |
ANNESS II
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC)
Qabel kull laqgħa annwali tal-WCPFC, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tqis l-aktar informazzjoni xjentifika u informazzjoni rilevanti oħra mibgħuta lill-Kummissjoni f'konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.
Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tibgħat lill-Kunsill jew lil korpi preparatorji minn żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-WCPFC, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.
Jekk matul laqgħa tal-WCFPC ma jkunx jista' jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis elementi ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2810/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)