Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1559

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1559 tal-14 ta’ Lulju 2023 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea rigward id-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati dwar emendi għal dak l-Arranġament

    ST/10117/2023/INIT

    ĠU L 190, 28.7.2023, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1559/oj

    28.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 190/6


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1559

    tal-14 ta’ Lulju 2023

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea rigward id-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati dwar emendi għal dak l-Arranġament

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”), żviluppati fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (‘OECD’), ġew trasposti u b’hekk magħmula legalment vinkolanti fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    (2)

    Il-Parteċipanti fl-Arranġament (il-“Parteċipanti”) għandhom jaqblu dwar emendi għall-Arranġament, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-termini massimi ta’ ripagament, il-profil ta’ ripagament u r-rati minimi tal-primjum.

    (3)

    Mill-adozzjoni tiegħu fl-1978 sa issa, qatt ma kien hemm rieżami komprensiv tal-kontinwazzjoni tal-adegwatezza ġenerali tar-regoli stabbiliti fl-Arranġament. Ir-rieżami komprensiv juri li hemm bżonn li l-Arranġament jiġi mmodernizzat sostanzjalment biex jiġi żgurat li r-regoli tiegħu jqisu l-bidla fiċ-ċirkostanzi dinjija u jkunu xierqa għall-futur. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-regoli ma jkunux riġidi sproporzjonatament meta mqabbla mal-objettivi tal-Arranġament li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti bejn il-Parteċipanti u tiġi evitata l-esklużjoni tas-settur privat.

    (4)

    L-emendi proposti għall-Arranġament jippermettu lill-aġenziji tal-kreditu għall-esportazzjoni tal-Parteċipanti joffru lix-xerrejja u lill-mutwatarji ta’ oġġetti u servizzi esportati f’pajjiżi terzi termini u kondizzjonijiet ta’ finanzjament li huma allinjati ma’ prattiki tas-suq sodi, u b’hekk jippermettu li jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u li l-lakuni fil-finanzjament jimtlew mingħajr ma jiġu eskluż is-settur privat. B’dan il-mod, l-Arranġament modernizzat isaħħaħ il-kompetittività globali tal-esportaturi tal-Unjoni, u għalhekk jagħti kontribut sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Unjoni.

    (5)

    Bħala riżultat ta’ dawk l-emendi proposti, huma meħtieġa wkoll aktar bidliet fl-Arranġament bil-ħsieb li tiġi ssimplifikata u żgurata koerenza akbar fi ħdan l-Arranġament u l-Annessi tiegħu, inkluż fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ notifika ex-ante.

    (6)

    Barra minn hekk, ir-rieżami komprensiv tal-Arranġament enfasizza l-ħtieġa li jiġu riveduti l-proċeduri għall-estensjoni tal-Linji Komuni li mhumiex marbuta ma’ tranżazzjoni speċifika. Il-proċeduri riveduti jeskludu l-possibbiltà għal Parteċipanti individwali li jestendu unilateralment tali Linji Komuni. Dawk il-proċeduri riveduti għalhekk iqisu aħjar il-ħtieġa li l-Unjoni taqbel formalment dwar pożizzjoni qabel kwalunkwe estensjoni ta’ tali Linji Komuni.

    (7)

    Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni dwar id-deċiżjoni tal-Parteċipanti dwar emendi għall-Arranġament, peress li d-deċiżjoni ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod determinati l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011.

    (8)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni għaldaqstant jenħtieġ li tkun li jiġu appoġġati l-emendi abbażi tal-abbozz mehmuż tal-verżjoni konsolidata tal-Arranġament,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”) dwar emendi għall-Arranġament għandha tkun li jiġu appoġġati l-emendi abbażi tal-abbozz tal-verżjoni konsolidata tal-Arranġament mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (2).

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. CALVIÑO SANTAMARÍA


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).

    (2)  Ara d-dokument ST 10117/23 ADD 1fuq http://register.consilium.europa.eu.


    Top