Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1306

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1306 tas-26 ta’ Ġunju 2023 b'appoġġ għal proġett dwar żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani (ŻĦAQM LN) f'ambjent ta' sigurtà reġjonali li qed jevolvi

    ST/10401/2023/ADD/1

    ĠU L 161, 27.6.2023, p. 70–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1306/oj

    27.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 161/70


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1306

    tas-26 ta’ Ġunju 2023

    b'appoġġ għal proġett dwar żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani (ŻĦAQM LN) f'ambjent ta' sigurtà reġjonali li qed jevolvi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu;

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà;

    Billi:

    (1)

    L-Istrateġija Globali tal-Unjoni Ewropea tal-2016 għall-Politika Estera u ta' Sigurtà kif ukoll l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea tal-2003 kontra l-proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (AQM) huma bbażati fuq il-konvinzjoni li approċċ multilaterali għas-sigurtà, inkluż id-diżarm u n-nonproliferazzjoni, jipprovdi l-aħjar mod biex tinżamm l-ordni internazzjonali.

    (2)

    Il-politika tal-Unjoni, għalhekk, hi li tappoġġa, timplimenta u ssaħħaħ l-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tat-trattati, ftehimiet u normi eżistenti dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni u li tikkoopera ma' pajjiżi terzi u tassistihom fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont konvenzjonijiet u reġimi multilaterali.

    (3)

    Id-Dikjarazzjoni Konġunta tat-13 ta' Lulju 2008 tas-Summit ta' Pariġi għall-Mediterran, li stabbilixxiet l-Unjoni għall-Mediterran, affermat mill-ġdid l-aspirazzjoni komuni li tinkiseb il-paċi kif ukoll is-sigurtà reġjonali, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta' Barċellona adottata fil-Konferenza Ewro-Mediterranja tas-27 u t-28 ta' Novembru 1995, inter alia, billi jaderixxu mat-Trattati u l-Konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-AQM, kif ukoll permezz ta’ arranġamenti reġjonali bħal żoni ħielsa mill-armi nukleari.

    (4)

    Il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni (TNP) tal-2010 enfasizzat l-importanza ta' proċess li jwassal għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tagħha tal-1995 dwar il-Lvant Nofsani (ir-"Riżoluzzjoni tal-1995"). Għal dak il-għan, il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP approvat passi prattiċi, inter alia, il-konsiderazzjoni tal-offerti kollha immirati lejn l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-1995, inkluż l-offerta tal-Unjoni li tospita seminar ta' segwitu relatat ma' dak organizzat f'Ġunju 2008.

    (5)

    Il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2010 għarfet ukoll ir-rwol importanti li għandha s-soċjetà ċivili fil-kontribut għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-1995 u ħeġġet l-isforzi kollha f'dak ir-rigward.

    (6)

    Fl-Aġenda tiegħu għad-Diżarm intitolata "Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna",ippreżentata fl-24 ta' Mejju 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti wiegħed li jaħdem mal-Istati Membri tan-NU biex iż-żoni ħielsa mill-armi nukleari jissaħħu u jiġu kkonsolidati, inkluż bl-appoġġ biex jiġu stabbiliti aktar żoni bħal dawn, inkluż fil-Lvant Nofsani.

    (7)

    L-Unjoni esprimiet kontinwament ir-rieda tagħha li tassisti fil-proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-AQM fil-Lvant Nofsani (ŻĦAQM LN) billi tappoġġa proċessi biex tissaħħaħ il-fiduċja, b'mod partikolari permezz ta’ seminars u sessjonijiet ta' ħidma tal-Unjoni bħal dawk li saru fl-2008, l-2011 u l-2012, kif ukoll permezz tal-proġett appoġġat mill-Unjoni mill-2019 sal-2023 mill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) dwar miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja li jwasslu għal tali żona, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/938 (1).

    (8)

    L-Unjoni tixtieq tkompli tappoġġa proċess li jwassal għal ŻĦAQM LN billi tkompli tappoġġa l-ħidma mill-UNIDIR għal dak l-għan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Għall-fini tal-avvanz tal-impenn tal-Unjoni li tistabbilixxi ŻĦAQM LN, l-Unjoni għandha tappoġġa proġett mill-UNIDIR, bl-objettivi ġenerali li ġejjin:

    l-assistenza fil-mitigazzjoni tax-xejriet reġjonali tal-proliferazzjoni tal-AQM;

    l-inkoraġġiment ta’ arranġamenti ta' sigurtà reġjonali u normi u proċessi għall-kontroll tal-armi, in-nonproliferazzjoni u d-diżarm;

    l-iżvilupp ta’ fehim aktar fil-fond tar-relazzjoni bejn iż-ŻĦAQM LN u l-iżviluppi reġjonali u internazzjonali attwali; kif ukoll

    il-promozzjoni ta’ ŻĦAQM LN effettiva, verifikabbli, inklużiva u sostenibbli.

    2.   Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fid-Dokument ta' Proġett fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli (“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(1) għandha ssir mill-UNIDIR, li għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti neċessarji mal-UNIDIR.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett msemmi fl-Artikolu 1(1) għandu jkun ta' EUR 2 099 969.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mar-regoli u l-proċeduri u applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hi għandha tikkonkludi ftehim finanzjarju mal-UNIDIR. Dak il-ftehim għandu jistipula li l-UNIDIR għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ kontribuzzjoni msemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni ta’ dak il-ftehim.

    Artikolu 4

    1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti narrattivi kull 12-il xahar imħejjijin mill-UNIDIR. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni imwettqa mill-Kunsill sa tmiem il-proġett.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(1).

    Artikolu 5

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' kontribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż sa dakinhar.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Ġunju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/938 tas-6 ta' Ġunju 2019 b'appoġġ għal proċess ta' tisħiħ tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa minn armi nukleari u l-armi l-oħra kollha ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani (ĠU L 149, 7.6.2019, p. 63).


    ANNESS

    Proġett b'appoġġ għal żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani (ŻĦAQM LN) f'ambjent ta' sigurtà reġjonali li qed jevolvi

    Il-Lvant Nofsani qed jara bidliet u żieda fl-instabbiltà, fis-sorsi ta' nuqqas ta' sigurtà u fl-akkwist u l-użu ta' armi konvenzjonali u fit-tħassib dwar aktar użu u proliferazzjoni ta' armi mhux konvenzjonali. B'riżultat ta' dan tal-aħħar u avvenimenti dinjija oħra, l-ambjent tas-sigurtà reġjonali għaddej minn bidliet sinifikanti li jista' jkollhom implikazzjonijiet dejjiema għall-proliferazzjoni reġjonali u internazzjonali tal-armi ta' qerda massiva (AQM). Il-proġett propost tal-UNIDIR ser jippromwovi n-nonproliferazzjoni tal-AQM, il-kontroll tal-armi, u normi u objettivi tad-diżarm fil-Lvant Nofsani billi jappoġġa l-inizjattiva taż-ŻĦAQM LN u l-proċessi rilevanti għas-sigurtà reġjonali permezz ta' riċerka rilevanti għall-politika, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, u d-djalogu.

    Kuntest u Raġunament

    Globalment, ir-reġimi ta' nonproliferazzjoni jinsabu fi kriżi. Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, dawn l-għodod iddgħajfu hekk kif l-interessi ġeopolitiċi ngħataw prijorità fuq in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi, u l-miżuri ta' diżarm. In-nuqqas li jiġi adottat Dokument Finali għat-tieni Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP konsekuttiva huwa biss eżempju wieħed iżda juri biċ-ċar il-kriżi li r-reġimi għaddejjin minnha bħalissa. F'dan l-isfond ġeostrateġiku wiesa', l-ambjent tas-sigurtà tal-Lvant Nofsani għaddej ukoll minn bidliet kbar. Fuq livell domestiku, l-inkwiet soċjali jew il-gwerra ċivili rriżultaw f'instabbiltà kontinwa, li kkawżat l-ispostament tal-popolazzjonijiet, u b'hekk affettwat is-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjuni ġirien. L-instabbiltà li għaddejja affettwat ukoll il-kapaċità tal-gvernijiet fir-reġjun li jindirizzaw kwistjonijiet ta' politika barranija, bħall-parteċipazzjoni f'inizjattivi multilaterali u reġjonali għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM. Reġjonalment, l-alleanzi ċċaqalqu, u biddlu l-bilanċi u l-iżbilanċi reġjonali tal-poter li ilhom jeżistu. Barra minn hekk, azzjonijiet meħuda minn atturi extra-reġjonali bħall-preżenza, l-attivitajiet u appoġġ militari flimkien mal-irtirar militari ħarbtu wkoll l-ambjent tas-sigurtà fir-reġjun.

    It-taħlita ta' instabbilitajiet domestiċi u reġjonali rriżultat f'żewġ proċessi paralleli li potenzjalment għandhom implikazzjonijiet dejjiema għall-proliferazzjoni reġjonali u internazzjonali tal-AQM. Minn naħa, ir-reġjun esperjenza żieda fl-akkwist u l-użu ta' armi konvenzjonali u potenzjalment mhux konvenzjonali, kif ukoll l-adozzjoni (jew it-theddida tal-adozzjoni) ta' kapaċitajiet ta' ħħeġġjar nukleari, li qed iseħħu fl-isfond tal-kapaċitajiet eżistenti tal-AQM. Min-naħa l-oħra, l-istati reġjonali wrew li huma aktar lesti li jindirizzaw il-problemi ta' sigurtà reġjonali tagħhom permezz ta' negozjati reġjonali u subreġjonali, kif muri mill-Ftehimiet ta' Abram, il-waqfien mill-ġlied fil-Jemen, il-ftehim ta' demarkazzjoni marittima bejn Iżrael u l-Libanu, id-djalogi bejn l-Iran u s-Sawdi u bejn l-Iran u l-Emirati, u l-isforzi li għaddejjin biex tiġi nnegozjata Żona Ħielsa mill-Armi tal-Qerda tal-Massa fil-Lvant Nofsani fin-Nazzjonijiet Uniti. Filwaqt li dawn iż-żewġ xejriet jistgħu jidhru kontradittorji mil-lat tal-implikazzjonijiet tagħhom għall-proliferazzjoni tal-AQM, jistgħu jkomplu jseħħu b'mod parallel – u x'aktarx hekk ser jagħmlu.

    Objettivi tal-proġett

    Il-proġett propost ser ikollu erba' objettivi ġenerali:

    Il-mitigazzjoni tax-xejriet reġjonali tal-proliferazzjoni tal-AQM.

    L-inkoraġġiment ta' arranġamenti għas-sigurtà reġjonali u l-kontroll tal-armi, in-nonproliferazzjoni, u n-normi u l-proċessi għad-diżarm.

    L-iżvilupp ta' fehim aktar fil-fond tar-relazzjoni bejn iż-ŻĦAQM LN u l-iżviluppi reġjonali u internazzjonali attwali, u

    Il-promozzjoni ta' ŻĦAQM LN effettiva, verifikabbli, inklużiva u sostenibbli.

    Approċċ tal-proġett

    Il-proġett ser jieħu approċċ olistiku, li jindirizza l-komponenti kollha tar-riċerka, jiġbor l-ideat, joħloq proposti ġodda, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, u d-djalogu, u jaħdem biex jilħaq u jinkludi parteċipanti u udjenzi differenti. Il-proġett propost ser jikseb dawn billi jimplimenta tliet linji ta' ħidma (eżiti) u l-outputs assoċjati tagħhom:

    Linja ta' ħidma 1: Approfondiment tal-fehim u l-apprezzament tal-kawżi, il-motivazzjonijiet, u r-riskji assoċjati mal-proliferazzjoni reġjonali tal-AQM biex jiġu identifikati soluzzjonijiet biex tissaħħaħ is-sigurtà reġjonali u jiġu promossi soluzzjonijiet reġjonali għall-proliferazzjoni tal-AQM fil-Lvant Nofsani. Il-linja ta' ħidma 1 għandha l-għan li żżid is-sensibilizzazzjoni u l-fehim tal-fatturi li jixprunaw it-tixrid tal-AQM fir-reġjun tal-Lvant Nofsani. L-għan huwa li jiġu identifikati l-kawżi għeruq tal-proliferazzjoni tal-AQM, inkluż motivazzjonijiet strateġiċi, politiċi, jew oħrajn, kif ukoll ir-riskji u l-konsegwenzi assoċjati. L-objettiv ġenerali aħħari ta' din il-linja ta' ħidma huwa li jiġu identifikati soluzzjonijiet prattiċi biex tissaħħaħ is-sigurtà reġjonali u tiġi evitata l-proliferazzjoni tal-AQM fil-Lvant Nofsani. Dan jinkludi l-promozzjoni ta' proċessi ta' sigurtà reġjonali li għaddejjin bħalissa u dawk ġodda kif ukoll l-inizjattiva taż-ŻĦAQM LN, li tipprojbixxi l-pussess, il-produzzjoni, u l-użu ta' AQM fir-reġjun u tippromwovi l-isforzi għad-diżarm u n-nonproliferazzjoni. Billi tapprofondixxi l-fehim tal-isfidi u tesplora soluzzjonijiet potenzjali, il-Linja ta' Ħidma 1 għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp ta' Lvant Nofsani aktar sigur u stabbli.

    Linja ta' ħidma 2: It-tisħiħ tal-kapaċitajiet reġjonali biex jittejjeb il-fehim tal-problemi u l-kapaċità li jiġu identifikati soluzzjonijiet relatati man-negozjati u l-implimentazzjoni taż-ŻĦAQM LN. L-objettiv ta' din il-Linja ta' Ħidma 2 huwa li tiżdied il-kapaċità tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani biex jinvolvu ruħhom b'mod effettiv fin-negozjati u fl-implimentazzjoni tal-proċessi ta' sigurtà reġjonali b'mod ġenerali, u b'mod partikolari, iż-ŻĦAQM LN. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-kapaċità ta' atturi reġjonali li jifhmu l-kumplessitajiet tal-problema tal-proliferazzjoni tal-AQM, kif ukoll l-iżvilupp tal-kapaċità tagħhom li jidentifikaw u jimplimentaw soluzzjonijiet prattiċi. L-attivitajiet f'din il-linja ta' ħidma ser jinvolvu l-għoti ta' taħriġ u programmi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet għal uffiċjali tal-gvern, esperti, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, kif ukoll appoġġ għall-espansjoni tal-udjenza fil-mira fir-reġjun. L-għan ġenerali huwa li tinħoloq komunità reġjonali aktar infurmata u impenjata li tkun mgħammra aħjar biex tindirizza l-isfidi tal-proliferazzjoni tal-AQM u tippromwovi sigurtà reġjonali. Permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet reġjonali u t-titjib tal-fehim tal-kwistjonijiet, din il-linja ta' ħidma għandha l-għan li tappoġġa n-negozjar u l-implimentazzjoni effettivi tal-proċess ta' sigurtà reġjonali li għaddej u dak ġdid, inkluż iż-ŻĦAQM LN, u b'estensjoni ta' dan, tinkoraġġixxi arranġamenti reġjonali oħra ta' sigurtà u kontroll tal-armi, nonproliferazzjoni, u proċessi ta' diżarm.

    Linja ta' ħidma 3: L-appoġġ ta' ŻĦAQM LN effettiva, verifikabbli, inklużiva u sostenibbli. Sabiex jiġi żgurat li ż-ŻĦAQM LN tkun komprensiva, effettiva u verifikabbli, il-linja ta' ħidma 3 ser tiffoka wkoll fuq l-appoġġ ta' aspetti tekniċi u legali relatati man-negozjati u l-implimentazzjoni taż-żona. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan ta' din il-linja ta' ħidma huwa li tippromwovi ŻĦAQM LN li tista' tinkiseb u li tkun sostenibbli, jiġifieri li tista' tinkiseb u tkun dejjiema u tkompli sservi bħala għodda ewlenija għat-tisħiħ tas-sigurtà reġjonali u l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-AQM fil-Lvant Nofsani.

    Attivitajiet tal-proġett u outputs mistennija

    Il-proġett ser jagħmel attivitajiet, jorganizza avvenimenti, u jippubblika rapporti biex jippromwovi l-erba' attivitajiet ta' reviżjoni matul it-tliet linji ta' ħidma.

    Linja ta' ħidma 1: Approfondiment tal-fehim u l-apprezzament tal-kawżi, il-motivazzjonijiet, u r-riskji assoċjati mal-proliferazzjoni reġjonali tal-AQM bl-għan li jiġu identifikati soluzzjonijiet biex tissaħħaħ is-sigurtà reġjonali u tiġi promossa ż-ŻĦAQM LN bħala waħda mis-soluzzjonijiet reġjonali għall-proliferazzjoni tal-AQM fil-Lvant Nofsani. Taħt din il-linja ta' ħidma, il-proġett ser:

    Ilaqqa' żewġ diskussjonijiet madwar mejda jew aktar biex jiġu diskussi żviluppi reġjonali u internazzjonali attwali u l-impatt tagħhom fuq il-perċezzjonijiet ta' theddid reġjonali. Dan ser jinvolvi t-tlaqqigħ ta' esperti, uffiċjali tal-gvern, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex jiskambjaw fehmiet u perspettivi dwar l-isfidi tas-sigurtà reġjonali u biex jiddiskutu modi kif jistgħu jissaħħu l-kooperazzjoni u l-istabbiltà reġjonali.

    Iwettaq riċerka li timmappja l-perċezzjonijiet ta' theddid reġjonali, filwaqt li jeżamina s-sett ta' għodod għall-kisba tal-kontroll tal-armi, in-nonproliferazzjoni u d-diżarm u s-sigurtà reġjonali, u jidentifika kif il-proċessi ta' sigurtà reġjonali kif ukoll iż-ŻĦAQM LN jistgħu jindirizzaw dawn l-isfidi. Din ir-riċerka ser tinvolvi analiżi komprensiva tal-fatturi li jixprunaw il-proliferazzjoni tal-AQM fir-reġjun, kif ukoll eżami tal-qawwiet u d-dgħufijiet tal-proċessi u l-mekkaniżmi ta' sigurtà reġjonali eżistenti.

    Jippubblika dokument li jiġbor fil-qosor is-sejbiet tar-riċerka u jidentifika modi kif jittaffew il-kawżi, il-motivazzjonijiet u r-riskji assoċjati mal-proliferazzjoni reġjonali tal-AQM. Dan id-dokument ser jipprovdi punti politiċi għat-tisħiħ tal-proċessi ta' sigurtà reġjonali u l-promozzjoni taż-ŻĦAQM LN bħala waħda mill-għodod ewlenin għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-AQM fil-Lvant Nofsani.

    Bl-organizzazzjoni ta' diskussjonijiet madwar mejda, it-twettiq ta' riċerka, u l-pubblikazzjoni ta' dokument, dawn l-isforzi għandhom l-għan li jżidu l-fehim tal-perċezzjonijiet ta' theddid reġjonali u li jidentifikaw soluzzjonijiet prattiċi għat-tisħiħ tas-sigurtà reġjonali u l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-AQM fil-Lvant Nofsani.

    Linja ta' ħidma 2: It-tisħiħ tal-kapaċitajiet reġjonali biex jittejjeb il-fehim tal-problemi u l-kapaċità li jiġu identifikati soluzzjonijiet relatati man-negozjati u l-implimentazzjoni taż-ŻĦAQM LN. Taħt din il-linja ta' ħidma, il-proġett ser:

    Joħloq networks ta' individwi u istituzzjonijiet li jaħdmu fuq is-sigurtà reġjonali u jippromwovuha, inkluż iż-ŻĦAQM LN, biex isaħħu l-fehim tal-kwistjonijiet bl-objettiv li dawn l-individwi u istituzzjonijiet ikunu jistgħu jinfurmaw il-politiki nazzjonali tagħhom u jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet li għaddejjin u dawk futuri. Dan ser jinvolvi l-ħolqien ta' sħubijiet ma' organizzazzjonijiet u inizjattivi eżistenti, kif ukoll l-appoġġ għall-iżvilupp ta' networks u alleanzi ġodda ddedikati għall-promozzjoni taż-ŻĦAQM LN. L-għan huwa li jiġu stabbiliti, imsaħħa u integrati l-isforzi eżistenti għall-promozzjoni taż-ŻĦAQM LN u li jiġi massimizzat l-impatt tagħha fuq is-sigurtà reġjonali.

    Jorganizza mill-inqas żewġ sessjonijiet ta' ħidma għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għal uffiċjali u esperti reġjonali biex jissaħħaħ il-fehim ta' kwistjonijiet relatati mas-sigurtà reġjonali, il-proliferazzjoni tal-AQM u l-isforzi biex dawn jiġu indirizzati, inkluż dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni taż-ŻĦAQM LN. Dawn is-sessjonijiet ta' ħidma ser jipprovdu opportunitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni biex il-parteċipanti japprofondixxu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom u jiżviluppaw soluzzjonijiet prattiċi ta' negozjar u implimentazzjoni.

    Iżomm u jtejjeb l-għodod online taż-ŻĦAQM LN fuq is-sit web tal-UNIDIR. Dan ser jinvolvi l-aġġornament tar-riżorsi u l-materjali eżistenti, kif ukoll l-iżvilupp ta' għodod u riżorsi online ġodda biex jappoġġaw il-promozzjoni u l-implimentazzjoni taż-ŻĦAQM LN.

    Jittraduċi mill-inqas tliet pubblikazzjonijiet b'lingwi reġjonali. Dan ser jgħin l-iżvilupp ta' terminoloġija bil-lingwi lokali u b'estensjoni ta' dan il-fehim minn esperti reġjonali attwali u futuri, iżid l-aċċess għall-informazzjoni u r-riżorsi relatati maż-ŻĦAQM LN fost l-udjenzi reġjonali u jippromwovi l-viżibbiltà u l-fehim tagħha fir-reġjun.

    Bil-ħolqien ta' networks, l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, iż-żamma u t-titjib tal-għodod online, u t-traduzzjoni ta' pubblikazzjonijiet, dawn l-isforzi għandhom l-għan li jippromwovu l-isforzi ta' sigurtà reġjonali u ż-ŻĦAQM LN u li jsaħħu l-kapaċità reġjonali biex ir-reġjuni jinvolvu ruħhom b'mod effettiv fin-negozjati u l-implimentazzjoni tagħhom.

    Linja ta' ħidma 3: Il-promozzjoni ta' ŻĦAQM LN effettiva, verifikabbli, inklużiva u sostenibbli.

    Il-pubblikazzjoni ta' mill-inqas tliet dokumenti ta' politika li jindirizzaw kwistjonijiet li qed joħolqu diffikultajiet fin-negozjati u/jew fl-implimentazzjoni taż-ŻĦAQM LN. Dawn id-dokumenti ser jindirizzaw firxa ta' kwistjonijiet relatati mas-sigurtà reġjonali, id-diżarm, u n-nonproliferazzjoni, u ser jipprovdu implikazzjonijiet u opzjonijiet biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Ser jipprovdu analiżi komprensiva u infurmata tal-isfidi ewlenin li qed tiffaċċa ż-ŻĦAQM LN u jikkontribwixxu għan-negozjar u l-implimentazzjoni b'suċċess tagħha.

    L-organizzazzjoni ta' mill-inqas żewġ avvenimenti pubbliċi biex jiġu diskussi kwistjonijiet pertinenti għan-negozjati u l-implimentazzjoni taż-ŻĦAQM LN. Dawn l-avvenimenti ser ilaqqgħu esperti, uffiċjali tal-gvern, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex jiddiskutu u jiskambjaw il-fehmiet dwar l-isfidi u l-opportunitajiet relatati maż-ŻĦAQM LN.

    L-għoti ta' informazzjoni u l-offerta ta' appoġġ għall-isforzi li għaddejjin taż-ŻĦAQM LN relatati mal-implimentazzjoni tagħha u ma' proċessi ta' sigurtà reġjonali oħra. Dan ser jinvolvi l-għoti ta' appoġġ u parir lill-partijiet ikkonċernati rilevanti.

    Bil-pubblikazzjoni ta' dokumenti ta' politika, l-organizzazzjoni ta' avvenimenti pubbliċi, u l-għoti ta' informazzjoni u appoġġ, dawn l-isforzi għandhom l-għan li jikkontribwixxu għan-negozjar u l-implimentazzjoni taż-ŻĦAQM LN u li jindirizzaw l-isfidi ewlenin li jistgħu jinqalgħu matul dawn il-proċessi.

    L-udjenza fil-mira

    Il-proġett propost ser jikkontribwixxi għall-kontroll tal-armi, id-diżarm, u l-isforzi ta' nonproliferazzjoni kemm fil-livell reġjonali kif ukoll dak internazzjonali. L-udjenza fil-mira tinkludi tliet gruppi li jikkoinċidu:

    Dawk li jfasslu l-politika u d-diplomatiċi fir-reġjun li jaħdmu fuq il-kontroll tal-armi, id-diżarm, u n-nonproliferazzjoni kif ukoll fuq kwistjonijiet ta' sigurtà reġjonali. Dan jinkludi wkoll uffiċjali u esperti reġjonali, u dawk li jaħdmu f'fora reġjonali u multilaterali, inkluż it-TNP, is-CWC, il-Konferenzi ta' Reviżjoni tal-BWC, u l-Konferenza dwar iż-ŻĦAQM LN. Ser tingħata attenzjoni speċjali biex jintlaħqu gruppi inqas rappreżentati bħal żgħażagħ li jfasslu l-politika, esperti, nisa, u xjentisti mir-reġjun li spiss ikunu neqsin mill-konverżazzjonijiet.

    Dawk li jfasslu l-politika ta' sigurtà internazzjonali, diplomatiċi, u riċerkaturi, b'mod partikolari dawk li jiffukaw fuq il-kontroll tal-armi, id-diżarm, u n-nonproliferazzjoni ta' armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom fil-Lvant Nofsani kif ukoll iż-ŻĦAQM LN u s-sigurtà reġjonali, jew teknoloġiji emerġenti.

    Akkademiċi u prattikanti tal-Lvant Nofsani li jippruvaw isegwu u jifhmu d-dinamiki li qed jinbidlu b'mod rapidu fir-reġjun, l-Istati Membri tar-reġjun u l-popolazzjonijiet tiegħu, l-implikazzjonijiet tat-tibdil fl-alleanzi u fil-kapaċitajiet fuq is-sigurtà reġjonali u l-prospetti tal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta' sorsi attwali u futuri ta' tensjoni, kunflitti, u proliferazzjoni.

    Perjodu ta' żmien tal-proġett

    Il-proġett huwa mistenni li jibda f'nofs Lulju 2023 u jkompli għal 36 xahar. Huwa mistenni li jiġi konkluż f'Lulju 2026. Sal-aħħar xhur tal-2026 ser ikunu ġew prodotti r-rapporti narrattivi finali tal-proġett u r-rapporti finanzjarji.

    Governanza u superviżjoni tal-proġett

    Dan il-proġett ser jitwettaq taħt l-awspiċi tal-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR). L-UNIDIR huwa istituzzjoni awtonoma fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, li ġie stabbilit fl-1980 bil-fini li jwettaq riċerka indipendenti dwar id-diżarm u dwar problemi relatati, b'mod partikolari kwistjonijiet tas-sigurtà internazzjonali. L-UNIDIR jinsab f'Ġinevra u għandu reputazzjoni globali u għarfien espert storiku dwar kwistjonijiet tal-AQM, inklużi memorja istituzzjonali sinifikanti u arkivju tal-proċessi tad-diżarm, inklużi TNP u żoni ħielsa mill-armi nukleari fid-dinja kollha, u rekord sostanzjali ta' pubblikazzjonijiet, li huma lkoll aċċessibbli u disponibbli pubblikament online mingħajr ħlas.

    Komponent importanti tal-funzjonijiet tal-UNIDIR huwa li jsejjaħ u jiffaċilita djalogu informali fost diversi esperti dwar kwistjonijiet tad-diżarm li jvarjaw minn kwistjonijiet tal-AQM għal teknoloġiji ta' armi ġodda u emerġenti. Għalhekk l-UNIDIR għandu network wiesa' li jista' joqgħod fuqu u esperjenza fl-organizzazzjoni ta' laqgħat f'Ġinevra u f'postijiet oħra, u fit-tħejjija ta' rapporti sommarji u ta' segwitu.

    L-UNIDIR huwa mmexxi minn Bord ta' Fiduċjarji li jservi wkoll bħala Bord Konsultattiv għal Kwistjonijiet ta' Diżarm, li jirċievi r-rapporti tad-Direttur tal-UNIDIR. Il-Bord ta' Fiduċjarji jlaqqa' flimkien grupp diversifikat ta' esperti mid-dinja kollha, li lkoll iservu fil-kapaċità personali tagħhom u li jiltaqa' darbtejn f'sena biex jirrieżamina l-attivitajiet sostantivi u finanzjarji tal-UNIDIR. Il-Bord ta' Fiduċjarji jirrapporta annwalment dwar il-ħidma tiegħu lis-Segretarju Ġenerali tan-NU. Id-Direttur tal-UNIDIR huwa responsabbli għall-organizzazzjoni, id-direzzjoni u l-amministrazzjoni tal-UNIDIR, inklużi r-riżultati tiegħu ta' riċerka sostantiva kif ukoll il-proċessi finanzjarji u amministrattivi tiegħu.

    Filwaqt li l-UNIDIR huwa organizzazzjoni awtonoma, huwa jsegwi r-Regoli u r-Regolamenti Finanzjarji tan-NU u l-finanzi tiegħu huma soġġetti għal awditu mill-Bord ta' Awdituri tan-NU. Il-finanzi kollha tal-proġett huma amministrati u ġestiti permezz tal-Umoja u huma soġġetti għal rieżami kull tliet xhur. L-UNIDIR jirrapporta dwar il-progress u l-finanzi ta' proġetti individwali lid-donaturi rilevanti tal-inqas kull sena u sa kull tliet xhur, skont ir-rekwiżiti tad-donatur individwali.


    Top