Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0829

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/829 tas-17 ta’ April 2023 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna (notifikata bid-dokument C(2023) 2490) (It-testi bl-Olandiż, bl-Estonjan, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Pollakk, bir-Rumen u bis-Slovakk biss huma awtentiċi)

    C/2023/2490

    ĠU L 104, 19.4.2023, p. 25–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/829/oj

    19.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 104/25


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/829

    tas-17 ta’ April 2023

    dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna

    (notifikata bid-dokument C(2023) 2490)

    (It-testi bl-Olandiż, bl-Estonjan, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Pollakk, bir-Rumen u bis-Slovakk biss huma awtentiċi)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53, l-ewwel paragrafu tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (2), u b’mod partikolari tal-Artikolu 76, l-ewwel paragrafu, tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-24 ta’ Frar 2022, ir-Russja bdiet aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna. B’riżultat ta’ dan, miljuni ta’ persuni ħarbu mill-Ukrajna, u l-Istati Membri fl-UE taw protezzjoni temporanja (3) lil madwar 4 miljun persuna. L-influss ta’ persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna joħloq sfida għall-Istati Membri kkonċernati meta jiġu biex jiżguraw li tingħata biżżejjed assistenza umanitarja u li jissodisfaw il-ħtiġijiet primarji ta’ dawk in-nies.

    (2)

    Fl-24 ta’ Frar 2022, l-Ukrajna talbet assistenza f’konformità mal-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fir-rigward tal-provvisti tal-protezzjoni ċivili.

    (3)

    Bħala espressjoni ta’ solidarjetà u appoġġ, l-Istati Membri u l-komunità internazzjonali wieġbu billi pprovdew merkanzija ta’ assistenza umanitarja sabiex titqassam lill-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari u li jaslu fl-Unjoni u lill-persuni oħra affettwati mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna.

    (4)

    Fl-1 ta’ Lulju 2022, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1108 (5). Dik id-Deċiżjoni tagħti, fir-rigward ta’ ċerti Stati Membri, eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lil persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna u lil persuni fil-bżonn fl-Ukrajna, mill-24 ta’ Frar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

    (5)

    Fil-25 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri dwar jekk kinitx meħtieġa estensjoni tal-validità tal-miżuri stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni. Wara dik il-konsultazzjoni, saru talbiet biex japplikaw, jew biex ikomplu japplikaw, dawk il-miżuri mill-Estonja, mil-Latvja, mil-Litwanja, mil-Lussemburgu, min-Netherlands, mill-Awstrija, mill-Polonja u mir-Rumanija, fit-2 ta’ Diċembru 2022, mis-Slovakkja fil-5 ta’ Diċembru 2022, u minn Franza fit-30 ta’ Diċembru 2022 (“l-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba”).

    (6)

    Peress li l-kriżi umanitarja kkawżata mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna għadha għaddejja u qed ikollha konsegwenzi kbar mhux biss għall-Ukrajna, iżda wkoll għal għadd ta’ Stati Membri, din tikkostitwixxi diżastru li jaffettwa t-territorju ta’ għadd ta’ Stati Membri skont it-tifsira tat-Titolu II, il-Kapitolu XVII, it-Taqsima C tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tat-Titolu VIII, il-Kapitolu 4, tad-Direttiva 2009/132/KE.

    (7)

    Għalhekk jixraq li l-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba jiġu awtorizzati jagħtu eżenzjoni mid-dazji imponibbli fuq għall-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u eżenzjoni mill-VAT imponibbli fuq merkanzija importata għall-iskopijiet deskritti fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/132/KE minn organizzazzjonijiet tal-Istat, organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba, jew f’isimhom. Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni bla preċedent, jixraq li l-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba jiġu awtorizzati jagħtu eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni u eżenzjoni mill-VAT fuq merkanzija għal assistenza umanitarja importati biex tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera anki minn organizzazzjonijiet tal-Istat jew organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi oħra li huma approvati u jwettqu attivitajiet simili fi Stat Membru ieħor li jkun qed jagħmel it-talba fejn il-merkanzija tkun maħsuba biex tintuża. Sabiex tingħata tweġiba għat-talbiet tal-Istati Membri biex tingħata assistenza lill-persuni li baqgħu fl-Ukrajna u li huma affettwati serjament mill-aggressjoni militari, jeħtieġ ukoll li jiġi awtorizzat aktar trasferiment ta’ dik il-merkanzija lejn organizzazzjonijiet tal-Istat Ukreni jew organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti Ukreni għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas ta’ dik il-merkanzija lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna. Barra minn hekk, jixraq li l-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba jiġu awtorizzati jagħtu eżenzjoni mid-dazji imponibbli fuq l-importazzjoni fuq il-merkanzija importata għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u eżenzjoni mill-VAT imponibbli fuq merkanzija importata għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/132/KE meta dawn jiġu importati għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera mill-aġenziji għal għajnuna f’każ ta’ diżastru, jew f’isimhom, sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom matul il-perjodu li jipprovdu għajnuna f’każ ta’ diżastru lill-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna.

    (8)

    Sabiex jiġu mmonitorjati l-importazzjonijiet li għalihom tingħata eżenzjoni mid-dazji ta’ importazzjoni jew eżenzjoni mill-VAT, jenħtieġ li l-Istati Membri li jagħmlu t-talba jinfurmaw lill-Kummissjoni bin-natura u l-kwantitajiet u l-valur tal-merkanzija differenti mdaħħla mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u l-VAT għad-distribuzzjoni jew id-disponibbiltà mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna, bl-organizzazzjonijiet li jkunu approvaw għad-distribuzzjoni jew għad-disponibbiltà ta’ dik il-merkanzija u bil-miżuri meħuda biex jiġi evitat li l-merkanzija tintuża għal skopijiet oħra għajr dawk li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna.

    (9)

    Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, jiġu evitati l-irregolaritajiet, u jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Istati Membri li jagħmlu t-talba jiżguraw l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll doganali pertinenti fir-rigward tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni u użu liberi u t-trasferiment sussegwenti lejn l-Ukrajna, ta’ merkanzija li għaliha tingħata l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni jew mill-eżenzjoni mill-VAT. Il-miżuri meħuda jenħtieġ li jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni sal-iskadenza stabbilita f’din id-Deċiżjoni.

    (10)

    Filwaqt li jitqiesu l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba, jenħtieġ li l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT jingħataw għall-importazzjonijiet li saru mill-1 ta’ Jannar 2023. Jenħtieġ li l-eżenzjoni tibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2023.

    (11)

    Fis-16 ta’ Jannar 2023, l-Istati Membri ġew ikkonsultati f’konformità mal-Artikolu 76, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u mal-Artikolu 53, l-ewwel paragrafu tad-Direttiva 2009/132/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-merkanzija għandha tiddaħħal mingħajr dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009, u tkun eżentata mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2009/132/KE, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-merkanzija tkun maħsuba għal wieħed minn dawn l-użi li ġejjin:

    (i)

    distribuzzjoni mingħajr ħlas mill-korpi u l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (c) għall-benefiċċju tal-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna;

    (ii)

    tkun magħmula disponibbli mingħajr ħlas għall-benefiċċju tal-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna filwaqt li tibqa’ l-proprjetà tal-korpi u l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (c);

    (b)

    il-merkanzija tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 75, 78, 79 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u fl-Artikoli 52, 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE;

    (c)

    il-merkanzija tkun importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera mill-organizzazzjonijiet tal-Istat, fosthom korpi tal-Istat, korpi pubbliċi u korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika, jew f’isimhom, jew minn organizzazzjonijiet filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li qed jagħmlu t-talba fejn il-merkanzija tkun maħsuba li tintuża, jew f’isimhom.

    2.   Il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tiddaħħal ukoll ħielsa mid-dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u eżentati mill-VAT mal-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2009/132/KE fi Stat Membru li qed jagħmel it-talba għajr l-Istat Membru li qed jagħmel it-talba fejn il-merkanzija hija maħsuba li tintuża, sakemm il-merkanzija tiġi importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera minn organizzazzjoni tal-Istat jew organizzazzjoni tal-karità jew filantropika oħra li tkun approvata mill-awtoritajiet kompetenti u li twettaq attivitajiet simili fl-Istat Membru fejn il-merkanzija hija maħsuba li tintuża.

    3.   It-trasferiment tal-merkanzija bejn iż-żewġ Stati Membri għandu jkun soġġett għal notifika minn qabel minn organizzazzjoni tal-karità jew filantropika approvata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel it-talba li jagħti eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u mill-VAT.

    4.   Soġġett għal notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel it-talba li jagħti l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni, l-organizzazzjonijiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u mill-eżenzjoni mill-VAT f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, jistgħu jittrasferixxu l-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1, li għaliha jkunu ngħataw eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u mill-VAT, lill-organizzazzjonijiet tal-Istat Ukreni jew organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti Ukreni għad-distribuzzjoni tal-merkanzija mingħajr ħlas lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna.

    5.   Soġġett għall-Artikoli 75 sa 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u l-Artikoli 52 sa 57 tad-Direttiva 2009/132/KE, il-merkanzija għandha tiddaħħal ukoll mingħajr dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tkun eżentata mill-VAT mal-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2009/132/KE, meta din tkun importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera minn aġenziji li jagħtu l-għajnuna f’każ ta’ diżastru jew f’isimhom, sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom tul il-perjodu li fih jagħtu għajnuna f’każ ta’ diżastru lill-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jirrapportaw informazzjoni rigward in-natura u l-kwantitajiet u l-valur ta’ merkanzija li jkunu daħħlu kull xahar mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT skont l-Artikolu 1, lill-Kummissjoni kull xahar, fil-ħmistax-il jum tax-xahar ta’ wara x-xahar ta’ rappurtar.

    Sal-31 ta’ Marzu 2024, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    lista tal-organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(c);

    (b)

    l-informazzjoni konsolidata li ġejja fir-rigward tal-merkanzija mdaħħla mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u VAT skont l-Artikolu 1:

    (i)

    in-numru tad-dikjarazzjoni doganali;

    (ii)

    id-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali;

    (iii)

    il-kodiċi tal-proċedura doganali;

    (iv)

    l-Istat Membru li qed jagħmel it-talba jew il-pajjiż tad-destinazzjoni fejn il-merkanzija kienet maħsuba tintuża;

    (v)

    il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda;

    (vi)

    il-kodiċi tat-Tariffa Integrata tal-Komunità Ewropea (TARIC);

    (vii)

    il-massa netta;

    (viii)

    l-unità supplimentari, jekk applikabbli;

    (ix)

    il-valur tal-merkanzija;

    (x)

    ir-rata tad-dazju;

    (xi)

    ir-rata tal-VAT;

    (xii)

    l-ammont ta’ dazji u VAT mhux miġbura;

    (xiii)

    l-oriġini tal-merkanzija;

    (xiv)

    it-titoli tal-korpi u tal-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(c);

    (c)

    il-miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli 78, 79 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u mal-Artikoli 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE u, kif jixraq, il-ġestjoni tar-riskju u l-miżuri ta’ kontroll doganali meħuda skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), fir-rigward tal-merkanzija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    L-Artikolu 1 għandu japplika għall-importazzjonijiet fl-Estonja, fi Franza, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu, fl-Olanda, fl-Awstrija, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Rumanija u lir-Repubblika Slovakka.

    Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ April 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Paolo GENTILONI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5.

    (2)   ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja, ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1.

    (4)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1108 tal-1 ta’ Lulju 2022 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna (ĠU L 178, 5.7.2022, p. 57).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


    Top