Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0694

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/694 tat-22 ta’ Marzu 2023 dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “End The Horse Slaughter Age” (notifikata bid-dokument C(2023) 1839) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    C/2023/1839

    ĠU L 91, 29.3.2023, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/694/oj

    29.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 91/15


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/694

    tat-22 ta’ Marzu 2023

    dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “End The Horse Slaughter Age”

    (notifikata bid-dokument C(2023) 1839)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta’ Jannar 2023 il-Kummissjoni ġiet ippreżentata talba dwar ir-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “End The Horse Slaughter Age”.

    (2)

    L-għanijiet tal-inizjattiva kif ġew spjegati mill-organizzaturi huma: “L-inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej End The Horse Slaughter Age titlob liġi li tipprojbixxi l-qtil taż-żwiemel, inkluż fil-projbizzjoni wkoll it-tgħammir u l-esportazzjoni tagħhom għall-produzzjoni tal-pil, il-ġilda, il-laħam jew għall-manifattura ta’ mediċini jew sustanzi oħra. L-inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej End The Horse Slaughter Age titlob ukoll liġi li twaqqaf it-trasport fuq distanzi twal ta’ żwiemel madwar l-Ewropa għall-qatla u regolament li jipproteġi ż-żwiemel milli jkunu mġiegħla jagħmlu xogħol żejjed jew taħriġ iebes.”

    (3)

    L-inizjattiva tinkludi anness li jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond. L-organizzaturi jsostnu li l-qtil taż-żwiemel għall-konsum mill-bniedem huwa prattika krudili, xprunata mid-domanda għal-laħam taż-żiemel, li mhuwiex sikur għall-konsum mill-bniedem. Bil-projbizzjoni tal-qtil taż-żwiemel jixtiequ jġibu l-leġiżlazzjoni dwar iż-żwiemel konformi mal-leġiżlazzjoni għall-klieb u l-qtates.

    (4)

    Dokument addizzjonali b’xi dettalji ulterjuri dwar l-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta u abbozz ta’ att legali li jesprimi l-għanijiet ewlenin tal-inizjattiva ġew ippreżentati wkoll mill-grupp ta’ organizzaturi bħala parti mit-talba għar-reġistrazzjoni tagħhom.

    (5)

    Il-Kummissjoni tqis li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. L-Artikolu 43(2) tat-Trattat jipprovdi lill-Kummissjoni, inter alia, bis-setgħa li tipproponi leġiżlazzjoni li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja. L-Artikoli 114 u 207 tat-Trattat jipprovdu lill-Kummissjoni bis-setgħa li tipproponi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni taż-żwiemel għall-produzzjoni tal-pil, tal-ġilda, tal-laħam jew għall-manifattura ta’ mediċini jew sustanzi oħra.

    (6)

    Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

    (7)

    Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.

    (8)

    L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (9)

    Għaldaqstant jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “End The Horse Slaughter Age” tiġi rreġistrata.

    (10)

    Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “End The Horse Slaughter Age” għandha tiġi rreġistrata.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “End The Horse Slaughter Age”, irrappreżentat mis-Sinjura Paola SGARBAZZINI u mis-Sinjura Nora PAGLIONICO li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Věra JOUROVÁ

    Viċi President


    (1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.


    Top