Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0569

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/569 tad-9 ta’ Marzu 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-proposti għall-emendar tal-Anness 16, il-Volumi I sa III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dwar l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni tal-ambjent

    ST/6534/2023/INIT

    ĠU L 74, 13.3.2023, p. 61–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/569/oj

    13.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 74/61


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/569

    tad-9 ta’ Marzu 2023

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-proposti għall-emendar tal-Anness 16, il-Volumi I sa III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dwar l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni tal-ambjent

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

    (2)

    L-Istati Membri kollha huma Stati Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO.

    (3)

    Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati Internazzjonali (SPRI).

    (4)

    L-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ġew adottati mill-Kunsill tal-ICAO bħala l-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, fil-Volumi I sa IV.

    (5)

    Il-Kunsill tal-ICAO, waqt il-228 Sessjoni tiegħu li għandha ssir bejn it-13 u l-31 ta’ Marzu 2023, għandu jadotta għadd ta’ emendi għall-Anness 16, il-Volumi I sa III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

    (6)

    Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO peress li l-emendi proposti għandhom effett legali, minħabba li huma vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (2).

    (7)

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni jenħtieġ li tkun li tappoġġa l-emendi għall-Volumi I sa III.

    (8)

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

    (9)

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni wara l-adozzjoni mill-Kunsill tal-ICAO tal-emendi għall-Anness 16, il-Volumi I sa III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li għandha titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz ta’ proċedura ta’ Ittra tal-Istat tal-ICAO, jenħtieġ li tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni u jenħtieġ li tiġi nnotifikata l-konformità ma’ dawk il-miżuri. Meta l-liġi tal-Unjoni tiddevja mill-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali li jkunu għadhom kif ġew adottati wara data tal-applikazzjoni prevista ta’ dawk l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali, kwalunkwe differenza minn dawk l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali partikolari jenħtieġ li tiġi notifikata lill-ICAO,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-228 Sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti tagħha, fir-rigward ta’ proposti għall-emendar tal-Anness 16, il-Volumi I sa III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dwar Standards u Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni ambjentali għandha tkun li tappoġġa l-emendi proposti fl-intier tagħhom.

    2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta mingħajr ebda bidla sostanzjali l-emendi proposti għall-Anness 16, il-Volumi I sa III talKonvenzjoni ta’ Chicago msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni u għandha tkun li tiġi nnotifikata l-konformità mal-miżura adottata bi tweġiba għall-Ittra rispettiva tal-Istat tal-ICAO. Meta l-liġi tal-Unjoni tiddevja mill-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali li jkunu għadhom kif ġew adottati wara d-data tal-applikazzjoni prevista ta’ dawk l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali, kwalunkwe differenza minn dawk l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali partikolari għandha tiġi notifikata lill-ICAO. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xieraq u mill-inqas xahrejn qabel kwalunkwe skadenza stabbilita mill-ICAO biex jiġu nnotifikati d-differenzi, tissottometti lill-Kunsill, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni, dokument preparatorju li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-ICAO f’isem l-Unjoni.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

    Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. STRÖMMER


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).


    Top