EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0375

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/375 tas-16 ta’ Frar 2023 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT għal oġġetti impurtata lejn il-Litwanja fl-2021 u fl-2022 biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni (notifikat bid-dokument C(2023) 1032) (It-test bil-Litwan biss huwa awtentiku)

C/2023/1032

ĠU L 51, 20.2.2023, p. 83–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/375/oj

20.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/83


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/375

tas-16 ta’ Frar 2023

dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT għal oġġetti impurtata lejn il-Litwanja fl-2021 u fl-2022 biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni

(notifikat bid-dokument C(2023) 1032)

(It-test bil-Litwan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53, tagħha

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (2), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tiegħu,

Billi:

(1)

F’Ġunju 2021, l-għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li qasmu l-fruntiera bejn il-Litwajna u l-Belarus mingħajr awtorizzazzjoni beda jiżdied. Il-kawża ta’ dan kien in-nuqqas ta’ rispett lejn il-liġi internazzjonali, id-drittijiet fundamentali, u d-drittijiet tal-bniedem min-naħa tar-reġim tal-Belarus permezz tal-instrumentalizzazzjoni ta’ migranti, li kellha impatt qawwi fuq il-Litwanja bħala pajjiż ġar, dan issarraf fi sfidi eċċezzjonali fir-rigward tal-ħarsien tal-fruntiera, l-akkoljenza u l-akkomodazzjoni ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi. Mal-bidu ta’ Awwissu 2021, kien hemm ’il fuq minn 55 darba aktar persuni reġistrati li kienu qasmu l-fruntiera tal-Litwanja mill-Belarus b’mod irregolari milli kien hemm fl-2020. Iż-żieda fl-għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li qasmu l-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Belarus b’mod mhux awtorizzat wassal lil-Litwanja biex tiddikjara stat ta’ emerġenza fil-pajjiż kollu fit-2 ta’ Lulju 2021.

(2)

Fil-15 ta’ Lulju 2021, il-Litwanja talbet l-assistenza f’konformità mal-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) biex tindirizza s-sitwazzjoni ta’ emerġenza. 19-il Stat Membru u pajjiż terz parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili wieġbu għat-talba ta’ assistenza tal-Litwanja. L-assistenza offruta tikkonsisti fl-għoti ta’ sistemi tat-tisħin u kundizzjonaturi tal-arja, sodod tal-kampijiet, ġeneraturi tal-elettriku, djar kontejner (residenzjali u sanitarji), kampijiet u qigħan xierqa, settijiet tad-dawl, imwejjed, siġġijiet, gvieret, imħaded, basktijiet tal-irqad, imtieraħ, armarji, kampijiet tal-imħażen, razzjonijiet ta’ ikel, u assistenza oħra in natura.

(3)

Fit-13 ta’ Ottubru 2021, il-Litwanja ressqet talba, li kienet emendata fil-15 ta’ April 2022 u fis-6 ta’ Ġunju 2022, għall-għoti ta’ eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fir-rigward ta’ oġġetti importati lejn il-Litwanja u li se jitqassmu jew jingħataw bla ħlas lin-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u lill-persuni apolidi li jkunu qasmu l-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Belarus b’mod mhux awtorizzat kif ukoll lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali.

(4)

Sakemm ikun hemm notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Litwanja awtorizzat is-sospensjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuq kif imsemmi fl-Artikolu 76, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u s-sospensjoni tal-VAT imponibbli fuq l-oġġetti kif imsemmi fl-Artikolu 53, it-tieni paragrafu, tad-Direttiva 2009/132/KE.

(5)

Il-Litwanja kkonfermat li l-ewwel importazzjoni ta’ oġġetti li se jitqassmu jew jingħataw bla ħlas lin-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u lill-persuni apolidi li qasmu l-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Belarus b’mod mhux awtorizzat kif ukoll lil applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, seħħet fit-12 ta’ Awwissu 2021.

(6)

Il-Litwanja infurmat lill-Kummissjoni li l-oġġetti ġew importati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera mis- Servizz tal-Gwardji tal-Fruntiera tal-Istat tal-Litwanja u li t-tqassim u l-għoti bla ħlas ta’ oġġetti importati lil nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li qasmu l-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Belarus b’mod mhux awtorizzat kif ukoll lil applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, twettqu minn organizzazzjonijiet nominati tal-Istat.

(7)

Il-kriżi umanitarja li teħtieġ assistenza urġenti minn Stati Membri oħra u minn pajjiżi terzi sabiex ikunu mħarsa għadd kbir ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li qasmu l-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Belarus b’mod mhux awtorizzat kif ukoll applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, speċjalment tul il-ħarifa u x-xitwa, u l-isfidi estremi li dan joħloq għal-Litwanja, jikkostitwixxu diżastru fit-tifsira tal-Kapitolu XVII, it-Taqsima C, tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tat-Titolu VIII, il-Kapitolu 4, tad-Direttiva 2009/132/KE.

(8)

Għalhekk huwa xieraq li l-Litwanja tingħata kemm eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuq l-oġġetti importati għall-finijiet deskritti fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 kif ukoll eżenzjoni mill-VAT imponibbli fuq l-oġġetti importati għall-finijiet deskritti fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/132/KE.

(9)

Sabiex ikunu sorveljati l-importazzjonijiet li għalihom jingħataw eżenzjoni mid-dazji u eżenzjoni mill-VAT u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ din il-miżura, filwaqt li jitqies li miżura oħra simili, jiġifieri id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1108 (4), tapplika mill-24 ta’ Frar 2022, il-Litwanja jenħtieġ li tkun meħtieġa tinforma lill-Kummissjoni bin-natura u l-kwantitajiet ta’ oġġetti mdaħħla mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT bil-għan li jitqassmu jew jingħataw b’xejn lin-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u lill-persuni apolidi li jkunu qasmu l-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Belarus b’mod mhux awtorizzat kif ukoll lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, u li tinfurmaha bil-miżuri meħuda biex ikun evitat li l-oġġetti jintużaw għal finijiet oħra għajr għall-benefiċċju ta’ dawn il-persuni.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, jiġu evitati l-irregolaritajiet, u jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Litwanja tirrapporta lill-Kummissjoni fi żmien l-iskadenza stabbilita b’din id-Deċiżjoni, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll doganali pertinenti applikati f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fir-rigward tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni u l-użu liberi ta’ oġġetti li għalihom jingħata l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazji doganali jew l-eżenzjoni mill-VAT.

(11)

Meta jitqiesu l-isfidi estremi li qed taffaċċja l-Litwanja, jenħtieġ li jingħataw kemm eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni kif ukoll eżenzjoni mill-VAT fir-rigward ta’ importazzjonijiet magħmula lejn il-Litwanja mit-12 ta’ Awwissu 2021 sal-31 ta’ Lulju 2022, kif mitlub mil-Litwanja fis-6 ta’ Ġunju 2022.

(12)

Fil-25 ta’ Novembru 2022, l-Istati Membri ġew ikkonsultati f’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2009/132/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-oġġetti importati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera mis-Servizz tal-Gwardji tal-Fruntiera tal-Istat tal-Litwanja għandhom jiddaħħlu mingħajr dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009, u jkunu eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2009/132/KE, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-oġġetti jkunu maħsuba għal wieħed minn dawn l-użi li ġejjin:

(i)

it-tqassim bla ħlas minn organizzazzjonijiet nominati tal-Istat lil nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li jkunu qasmu l-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Belarus b’mod mhux awtorizzat kif ukoll lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali;

(ii)

l-għoti bla ħlas lil nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li jkunu qasmu l-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Belarus b’mod mhux awtorizzat, kif ukoll lil applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, minn organizzazzjonijiet nominati tal-Istat, filwaqt li jibqgħu l-proprjetà ta’ dawk l-organizzazzjonijiet;

(b)

l-oġġetti jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 75, 78, 79 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u fl-Artikoli 52, 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE.

Artikolu 2

Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu 2023, il-Litwanja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni konsolidata fir-rigward tal-oġġetti mdaħħla mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u eżentata mill-VAT skont l-Artikolu 1:

(i)

in-numru tad-dikjarazzjoni doganali;

(ii)

id-data tal-aċċettazzjoni;

(iii)

il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda;

(iv)

il-kodiċi tat-Tariffa Integrata tal-Komunità Ewropea;

(v)

il-massa netta;

(vi)

l-unità supplimentari, fejn japplika;

(vii)

il-valur tal-oġġetti;

(viii)

ir-rata tad-dazju;

(ix)

ir-rata tal-VAT;

(x)

l-ammont ta’ dazji u VAT mhux miġbura;

(xi)

l-oriġini tal-oġġetti;

(xii)

it-titoli tal-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-punt (a) (ii), fir-rigward tal-oġġetti magħmula disponibbli lil nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li jkunu qasmu l-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Belarus b’mod mhux awtorizzat kif ukoll għal applikanti għall-protezzjoni internazzjonali;

(b)

elenku ta’ organizzazzjonijiet nominati tal-Istat responsabbli mit-tqassim u mill-għoti ta’ oġġetti li jgawdu mill-eżenzjoni mid-dazji u mill-eżenzjoni mill-VAT lil nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li jkunu qasmu l-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Belarus b’mod mhux awtorizzat kif ukoll għal applikanti għall-protezzjoni internazzjonali;

(c)

il-miżuri li ttieħdu biex jiżguraw konformità mal-Artikoli 78, 79, u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u mal-Artikoli 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE;

(d)

il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji u, fejn xieraq, ta’ kontroll, meħuda mil-Litwanja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, fir-rigward tal-oġġetti li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-Artikolu 1 għandu japplika għall-importazzjoni ta’ oġġetti lejn il-Litwanja magħmula mit-12 ta’ Awwissu 2021 sal-31 ta’ Lulju 2022.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Għandha tapplika mit-12 ta’ Awwissu 2021.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5.

(2)  ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1108 tal-1 ta’ Lulju 2022 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna (ĠU L 178, 5.7.2022, p. 57).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


Top