Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0258

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/258 tas-6 ta’ Frar 2023 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/710

ST/16115/2022/INIT

ĠU L 35, 7.2.2023, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/258/oj

7.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/21


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/258

tas-6 ta’ Frar 2023

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/710

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Novembru 1996, il-Kunsill qabel li jaħtar Mibgħut Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani.

(2)

Fid-29 ta’ April 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/710 (1) li taħtar lis-Sur Sven KOOPMANS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani. Il-mandat tar-RSUE għandu jiskadi fit-28 ta’ Frar 2023.

(3)

Jenħtieġ li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż għal perjodu ieħor ta’ 24 xahar u jenħtieġ li jiġi stabbilit ammont ta’ referenza finanzjarja ġdid għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2023 sat-28 ta’ Frar 2025.

(4)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/710 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

(5)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/710 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat ta’ Sven KOOPMANS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani huwa estiż sat-28 ta’ Frar 2025. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).”

;

(2)

fl-Artikolu 5(1), jinżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2023 sat-28 ta’ Frar 2025 għandu jkun ta’ EUR 2 499 330,98.”;

(3)

fl-Artikolu 14, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress regolari u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta’ Novembru 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/710 tad-29 ta’ April 2021 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani (ĠU L 147, 30.4.2021, p. 12).


Top