Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023A0508(01)

    Opinjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Mejju 2023 dwar il-pjan modifikat għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mir-repożitorju tal-iskart ta’ livell baxx u intermedju ta’ Loviisa li hemm fis-sit ta’ Loviisa fil-Finlandja (It-testi bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi) 2023/C 163/01

    C/2023/2855

    ĠU C 163, 8.5.2023, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 163/1


    OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-5 ta' Mejju 2023

    dwar il-pjan modifikat għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mir-repożitorju tal-iskart ta’ livell baxx u intermedju ta’ Loviisa li hemm fis-sit ta’ Loviisa fil-Finlandja

    (It-testi bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

    (2023/C 163/01)

    Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt saret skont id-dispożizzjonijiet tal-Art 37 tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal valutazzjonijiet oħra li jridu jsiru skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).

    Fit-3 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet Data Ġenerali mingħand il-Gvern Franċiż, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, rigward il-pjan modifikat għar-rimi tal-iskart radjuattiv (2) li jirriżulta mir-repożitorju tal-iskart ta’ livell baxx u intermedju ta’ Loviisa. Is-sottomissjoni tinkludi l-kostruzzjoni l-ġdida fir-repożitorju għar-rimi tal-iskart tad-dekummissjonar mill-impjant tal-enerġija ta’ Loviisa, u ammonti żgħar ta’ skart radjuattiv iġġenerat band’oħra fil-Finlandja.

    Abbażi ta’ din id-data u tal-informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni talbet fit-8 ta’ Diċembru 2022 u l-awtoritajiet Franċiżi pprovdew fl-1 ta’ Frar 2023, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

    1.

    Id-distanza mis-sit sal-eqreb fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ l-Estonja hi 58km. Id-distanza sal-Federazzjoni Russa hi 45km.

    2.

    Tul il-perjodu operazzjonali tal-faċilità tar-rimi:

    Il-pjan modifikat għadu jipprevedi li l-iskart radjuattiv se jitqiegħed mingħajr l-intenzjoni ta’ rkupru.

    F’kundizzjonijiet normali tal-operat, ir-repożitorju la jirrilaxxa effluwenti radjuattivi fl-arja u lanqas likwidi.

    F’każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi li jistgħu jiġru wara aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fil-pjan modifikat, dawn ir-rilaxxi aktarx ma jikkaġunawx kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż ġar li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (3).

    3.

    Wara l-perjodu operazzjonali tal-faċilità tar-rimi:

    Il-miżuri previsti, fil-pjan modifikat, għall-għeluq finali tar-repożitorju kif deskritt fid-Data Ġenerali, jipprovdu assigurazzjoni li l-konklużjonijiet skont il-punt 2 ta’ hawn fuq se jibqgħu validi fit-tul.

    Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-pjan modifikat għar-rimi tal-iskart radjuattiv fi kwalunkwe għamla li jirriżulta mir-repożitorju tal-iskart ta’ livell baxx u intermedju ta’ Loviisa, li hemm fis-sit ta’ Loviisa fil-Finlandja, waqt il-ħajja operazzjonali tiegħu u anki wara l-għeluq finali tiegħu, kif ukoll fil-każ ta’ aċċidenti tat-tip u d-daqs ikkunsidrat fid-Data Ġenerali, mhix mistennija tikkaġuna kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza.

    Magħmul fi Brussell, 5 ta' Mejju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Kadri SIMSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali jenħtieġ li jiġu vvalutati f’aktar dettall. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE; tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u tad-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.

    (2)  Ir-rimi tal-iskart radjuattiv skont it-tifsira tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/635/Euratom tal-11 ta’ Ottubru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 36).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).


    Top