EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2428

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2428 tat-12 ta’ Diċembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

ST/15253/2022/INIT

ĠU L 318I, 12.12.2022, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2428/oj

12.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 318/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2428

tat-12 ta’ Diċembru 2022

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

(2)

Fil-25 ta' Settembru 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li tikkundanna l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani kontra dimostranti mhux vjolenti, filwaqt li nnota dan kien wassal għal imwiet kif ukoll għadd kbir ta' persuni midruba. Id-dikjarazzjoni spjegat ukoll li dawk responsabbli għall-qtil ta' Mahsa Amini jridu jinżammu responsabbli, u appellat lill-awtoritajiet Iranjani biex jiżguraw investigazzjonijiet trasparenti u kredibbli biex jiċċaraw l-għadd ta' persuni mejta u arrestati, biex jeħilsu lid-dimostranti mhux vjolenti kollha u biex jipprovdu proċess xieraq lid-detenuti kollha. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni enfasizzat li d-deċiżjoni tal-Iran li jirrestrinġi b'mod sever l-aċċess għall-Internet u jimblokka pjattaformi ta' messaġġi istantanji tikser b'mod sfaċċat il-libertà tal-espressjoni. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni stqarret li l-Unjoni ser tikkunsidra l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza l-qtil ta' Mahsa Amini u l-mod kif il-forzi tas-sigurtà Iranjani wieġbu għad-dimostrazzjonijiet li segwew.

(3)

F'dan il-kuntest, u f'konformità mal-impenn tal-Unjoni li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta' tħassib mal-Iran, fosthom is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jenħtieġ li għoxrin persuna u entità waħda jiġu inklużi fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1.


ANNESS

Il-persuni u l-entità li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“136.

JEBELLI Peyman

پیمان جبلی

Data tat-twelid: 25.1.1967

Post tat-twelid: Tehran, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Kariga: Direttur tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB)

Peyman Jebelli huwa d-Direttur tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB), li għandha l-fama ħażina ta' leħen ir-reġim.

L-IRIB tillimita serjament u ċċaħħad il-fluss liberu tal-informazzjoni lill-poplu Iranjan. Barra minn hekk, l-IRIB hija involuta attivament fl-organizzazzjoni u x-xandir ta' "ammissjonijiet ta' ħtija" furzati minn persuni li jikkritikaw ir-reġim, miksuba permezz ta' intimidazzjoni u vjolenza ħarxa. Dawn l-"ammissjonijiet ta' ħtija" ta' spiss jixxandru wara protesti pubbliċi, jew qabel eżekuzzjoni bħala mezz biex jitnaqqsu r-reazzjonijiet mill-pubbliku. Bħala Direttur tal-IRIB, Jebelli huwa responsabbli mill-azzjonijiet tal-IRIB kif ukoll mill-kontenut tal-aħbarijiet.

12.12.2022

 

 

 

Filwaqt li diversi membri tal-persunal tax-xandir statali ta' profil għoli rriżenjaw reċentement u ċaħdu r-reazzjoni vjolenti tar-reġim Iranjan għall-protesti tal-2022, Jebelli jkompli jaġixxi fil-pożizzjoni tiegħu. Il-ħatra tiegħu bħala direttur tas-sors uffiċjali ewlieni tal-aħbarijiet tal-Iran ġiet awtorizzata mill-Mexxej Suprem Ali Khamenei u tindika prossimità ideoloġika mar-reġim.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran

 

137.

REZVANI Ali

رضوانی علی

Data tat-twelid: 1984

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Kariga: Reporter u preżentatur tal-aħbarijiet rigward affarijiet politiċi u ta' sigurtà tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB)

Ali Rezvani huwa reporter għall-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB) preżentatur tal-aħbarijiet fuq il-programm tal-aħbarijiet ta' kull filgħaxija tat-20:30 tal-IRIB.

L-IRIB hija organizzazzjoni tal-media Iranjana kkontrollata mill-istat u inkarigata mit-tixrid ta' informazzjoni mill-gvern. Ix-xandir tal-aħbarijiet ta' kull filgħaxija tat-20:30 tal-IRIB, li jiġi trażmess fuq il-Kanal 2, huwa l-programm ewlieni tal-aħbarijiet u huwa meqjus bħala l-pjattaforma ewlenija tal-IRIB għall-implimentazzjoni tal-aġendi tal-forzi tas-sigurtà, inkluż il-Ministeru għall-Intelligence (MOIS) u l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC). Każijiet dokumentati juru li l-aħbarijiet tat-20:30 ixandru ammissjonijiet ta' ħtija furzati.

12.12.2022

 

 

 

Fil-kapaċità tiegħu bħala reporter tal-IRIB, Ali Rezvani jieħu sehem f'interrogazzjonijiet li jwasslu għal ammissjonijiet ta' ħtija furzati, b'hekk jinvolvi ruħu direttament u jiffaċilita ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Fil-kapaċità tiegħu bħala preżentatur tal-aħbarijiet tat-20:30, Rezvani jippromwovi l-aġenda tal-forzi tas-sigurtà Iranjani, li tiġġustifika l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħat-tortura u l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji. Rezvani jippromwovi wkoll b'mod persistenti l-propaganda kontra persuni li jikkritikaw ir-reġim sabiex jintimidahom u biex jiġġustifika u jħeġġeġ it-trattament ħażin tagħhom, u b'hekk jikser il-libertà tal-espressjoni ħielsa tagħhom.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

 

138.

ZABIHPOUR Ameneh Sadat

ذبیح پور آمنه سادات

Data tat-twelid: 7.8.1984

Post tat-twelid: Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: mara

Kariga: Reporter tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB) u kap tal-grupp tal-media barranija bil-lingwa Persjana fl-IRIB

Nru tal-passaport: 09324611

Ameneh Sadat Zabihpour hija l-kap tal-grupp tal-media barranija bil-lingwa Persjana fl-IRIB, li għandu l-fama ħażina ta' leħen ir-reġim.

L-IRIB jillimita serjament u jċaħħad il-fluss liberu tal-informazzjoni lill-poplu Iranjan. Barra minn hekk, l-IRIB huwa involut attivament fl-organizzazzjoni u x-xandir ta' "ammissjonijiet ta' ħtija" furzati minn persuni li jikkritikaw ir-reġim, miksuba permezz ta' intimidazzjoni u vjolenza ħarxa. Dawn l-"ammissjonijiet ta' ħtija" ta' spiss jixxandru wara protesti pubbliċi, jew qabel eżekuzzjoni bħala mezz biex jitnaqqsu r-reazzjonijiet mill-pubbliku.

Filwaqt li diversi membri tal-persunal tax-xandir statali ta' profil għoli rriżenjaw reċentement u ċaħdu r-reazzjoni vjolenti tar-reġim Iranjan għall-protesti tal-2022, Zabihpour tkompli taġixxi fil-pożizzjoni tagħha. Hija interrogat lil persuni li jikkritikaw ir-reġim u pproduċiet videos ta' ammissjonijiet ta' ħtija furzati.

Għalhekk iġġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

139.

KHATAMI Seyyed Ahmad

خاتمی سید احمد

Data tat-twelid: 8.5.1960

Post tat-twelid: Semnan, l-Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Kariga: Imam għat-talb ta' nhar ta' Ġimgħa, membru tal-Assemblea ta' Esperti għat-Tmexxija

Seyyed Ahmad Khatami huwa membru reliġjuż estremist u imam influwenti għat-talb ta' nhar ta' Ġimgħa f'Tehran. Khatami huwa wkoll membru tal-Assemblea ta' Esperti għat-Tmexxija, entità Iranjana li hija nnifisha tinsab involuta fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem peress li żammet lura milli tirrispetta d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali.

Bħala membru reliġjuż qrib l-awtoritajiet statali u b'udjenza kbira, huwa juża l-pożizzjoni tiegħu biex jattakka verbalment u jxewwex il-vjolenza kontra d-dimostranti. Huwa mhux biss jiddefendi l-azzjonijiet repressivi tal-forzi tas-sigurtà tal-Iran iżda wkoll, f'diversi okkażjonijiet, ħeġġeġ trattament saħansitra aktar iebes tad-dimostranti, inkluż il-piena tal-mewt.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

140.

MIRAHMADI Seyyed Majid

مجید سید میراحمدی

Post tat-twelid: Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Viċi Ministru għall-Intern tal-Iran

Il-Brigadier Ġeneral Seyyed Majid Mirahmadi huwa l-Viċi Ministru għall-Intern tal-Iran, responsabbli mill-monitoraġġ tal-forzi tas-sigurtà u tal-forzi tal-pulizija tal-Iran, atturi li huma involuti fil-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

Il-forzi tas-sigurtà u l-forzi tal-pulizija tal-Iran qed irażżnu l-protesti b'mod vjolenti, jisparaw direttament fuq id-dimostranti paċifiċi u jarrestaw b'mod arbitrarju lil persuni b'diżrispett totali għad-drittijiet tal-bniedem tagħhom.

Fid-dikjarazzjonijiet tiegħu, Mirahmadi jirreferi għall-protesti bħala rvellijiet li għandhom jintemmu, jikkriminalizza u jhedded lil dawk li jipparteċipaw fi protesti paċifiċi. Huwa personalment qed jaħbi deliberatament il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-forzi taħt l-awtorità tiegħu, pereżempju, billi jgħid li d-dimostranta ta' 16-il sena Nika Shakrami wettqet suwiċidju. Ir-rapporti jindikaw li huwa ferm probabbli li mietet f’idejn il-forzi tas-sigurtà.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

141.

MOUSAVI Sayyed Abdolrahim

موسوی سید عبدالرحیم

Data tat-twelid: 1959/1960

Post tat-twelid: Qom, l-Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Maġġur Ġeneral

Kariga: Kap kmandant fl-armata Iranjana

Il-Maġġur Ġeneral Sayyed Abdolrahim Mousavi huwa l-Kap kmandant tal-Armata Iranjana. Fil-kapaċità tiegħu jġorr ir-responsabbiltà għall-involviment tal-Armata Iranjana fir-reazzjoni vjolenti tar-reġim għall-protesti tal-2022.

F'diversi okkażjonijiet, Mousavi ddeskriva l-protesti fl-Iran bħala rvellijiet organizzati u ppjanati mill-għedewwa tal-Iran u b'hekk ppreżenta l-protesti bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali. Huwa uża lingwaġġ ta' theddid dirett lejn il-parteċipanti fil-moviment ta' protesta. Huwa faħħar ukoll ir-reazzjoni vjolenti tal-forzi tas-sigurtà Iranjani għad-dimostranti u ddeskriviha bħala mezz effettiv biex jiġu newtralizzati l-għedewwa tal-Iran.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

142.

BORMAHANI Mohsen

محسن برمهانی

Data tat-twelid: 24.5.1979

Post tat-twelid: Neishabur, l-Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Nru tal-passaport: A54062245 (Iran), jiskadi fit-12.7.2026

Numru tal-identità nazzjonali: 1063893488 (Iran)

Kariga: Viċi Direttur tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB)

Mohsen Bormahani huwa l-Viċi Direttur tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB), li jaġixxi bħala leħen ir-reġim.

Fil-pożizzjoni tiegħu, Bormahani jġorr ir-responsabbiltà għall-kontenut tal-IRIB. L-IRIB jillimita serjament u jċaħħad il-fluss liberu tal-informazzjoni lejn il-poplu Iranjan. Barra minn hekk, l-IRIB huwa involut attivament fl-organizzazzjoni u x-xandir ta' "ammissjonijiet ta' ħtija" furzati minn persuni li jikkritikaw ir-reġim, miksuba permezz ta' intimidazzjoni u vjolenza ħarxa. Dawn l-"ammissjonijiet ta' ħtija" ta' spiss jixxandru wara protesti pubbliċi, jew qabel eżekuzzjoni bħala mezz biex jitnaqqsu r-reazzjonijiet mill-pubbliku.

Filwaqt li diversi membri tal-persunal tax-xandir statali ta' profil għoli rriżenjaw reċentement u ċaħdu r-reazzjoni vjolenti tar-reġim Iranjan għall-protesti tal-2022 fl-Iran, Bormahani jkompli jaġixxi fil-pożizzjoni tiegħu bħala Viċi Direttur u f’dikjarazzjonijiet reċenti tiegħu ddefenda r-reġim.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

143.

JOKAR Morteza

جوکار مرتضا

(magħruf ukoll bħala JOWKAR Morteza)

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Kurunell

Kariga: viċi kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran fil-provinċji ta’ Sistan u Baluchestan

Il-Kurunell Morteza Jokar huwa l-viċi kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi tal-Iran (LEF) fil-provinċji ta’ Sistan u Baluchestan.

Fil-funzjoni tiegħu, huwa responsabbli li dderieġa r-repressjoni vjolenti tad-dimostranti ċivili fil-provinċji ta’ Sistan u Baluchestan wara l-mewt ta' Mahsa Amini f'Settembru 2022. Il-forzi taħt il-kmand tiegħu huma responsabbli li sparaw munizzjon attiv fuq id-dimostranti waqt il-massakru tat-30 ta' Settembru 2022 f'Zahedan u l-massakru tal-4 ta' Novembru 2022 f'Khash, fejn mietu u ndarbu għexieren ta' persuni. Twettqu wkoll repressjonijiet vjolenti oħra ta' protesti f'bliet provinċjali oħra (Saravan, Chabahar, Iranshahr, Rask, Sarbaz u oħrajn) taħt il-kontroll tiegħu matul il-ħarifa tal-2022.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

144.

SOURI Majid

سوری مجید

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Kurunell

Kariga: Viċi Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta' Lorestan

Il-Kurunell Majid Souri huwa l-Viċi Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta' Lorestan.

Huwa responsabbli mir-repressjoni vjolenti min-naħa tal-forzi tas-sigurtà tal-protesti fl-2022, speċjalment fil-belt ta' Khorramabad fejn inġabru l-persuni biex jibku l-mewt ta' Nika Shakrami, żagħżugħa Iranjana li għebet ftit wara l-mewt ta' Mahsa Amini.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

145.

KARIMI Mohsen

کریمی محصن

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta' Markazi

Il-Brigadier Ġeneral Mohsen Karimi huwa l-kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta’ Markazi.

Huwa responsabbli mir-repressjoni vjolenti min-naħa tal-forzi tas-sigurtà tal-protesti fl-2022 li wasslet ukoll għall-mewt taż-żagħżugħ ta' 19-il sena Mehrshad Shahidi f'ċentru ta' detenzjoni tal-IRGC f'Arak.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

146.

HEYDARNIA Alireza

حیدرنیا علیرضا

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta' Alborz

Il-Brigadier Ġeneral Alireza Heydarnia huwa l-Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta’ Alborz.

L-IRGC huwa responsabbli għar-repressjoni vjolenti tad-dimostranti, b'mod partikolari fil-belt ta' Karaj, f'Alborz fl-2022. F'dik il-belt, il-forzi tas-sigurtà rażżnu d-dimostranti fl-okkażjoni ta' manifestazzjonijiet f'ġieh il-vittmi tal-protesti fl-okkażjoni tal-40 jum mill-mewt tagħhom. Fis-17 ta' Ottubru 2022, il-forzi tas-sigurtà f'Karaj ħatfu mill-isptar u stupraw ripetutament lil Armita Abbasi, tfajla ta' 20 sena.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

147.

GARSHASBI Amanollah

گرشاسبی امانالله

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Viċi Kmandant tal-Korp tal-Gwardji Rivoluzzjonarji Iżlamiċi (IRGC) fil-provinċji ta’ Sistan u Baluchestan

Il-Brigadier Ġeneral Amanollah Garshasbi huwa l-viċi kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċji ta’ Sistan u Baluchestan.Il-korp provinċjali ta' "Salaman" jinsab taħt il-kmand tiegħu.

Il-provinċji ta’ Sistan u Baluchestan raw xi wħud mill-aktar repressjonijiet vjolenti mill-forzi tas-sigurtà Iranjani, inkluż mill-IRGC, matul il-protesti tal-2022. Fit-30 ta’ Settembru 2022, il-kapitali tal-provinċja ta’ Zahedan rat “il-Ġimgħa mdemmija”, meta l-forzi tas-sigurtà fetħu n-nar fuq protesta li ffurmat madwar it-talb tal-Ġimgħa. Huwa stmat li sparaw fuq mill-inqas 70 dimostrant u dawn sfaw maqtula. Minn dakinhar ’l hawn, kompliet il-vjolenza kontra l-parteċipanti fi protesti.

Garshasbi għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

148.

REYHANI Bahman

بهمن ریحانی

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Viċi kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-Punent tal-Iran, responsabbli mill-provinċja ta' Kermanshah.

Il-Brigadier Ġeneral Bahman Reyhani huwa l-viċi kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-Punent tal-Iran, responsabbli mill-provinċja ta' Kermanshah. Il-korp provinċjali ta' "Hazrat Nabi Akram" jinsab taħt il-kmand tiegħu.

Il-provinċja ta' Kermanshah rat repressjoni vjolenti mill-forzi tas-sigurtà Iranjani, inkluż mill-IRGC, matul il-protesti tal-2022. Reyhani huwa fost dawk responsabbli għall-vjolenza tal-IRGC kontra d-dimostranti fil-provinċja ta' Kermanshah.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

149.

SHAHSAVARI Habib

شهسواری حبیب

Data tat-twelid: 1963/1964

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Kmandant tal-korp provinċjali ta’ “Shohada” tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja tal-Punent tal-Ażerbajġan

Il-Brigadier Ġeneral Habib Shahsavari huwa l-kmandant tal-korp tat-truppi tal-art ta’ "Shohada" tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) għall-provinċja tal-Punent tal-Ażerbajġan.

It-truppi tal-IRGC taħt il-kmand tiegħu wettqu operazzjonijiet kontra d-dimostranti fir-reġjuni Kurdi tal-Iran. B'mod partikolari, mill-15 ta' Novembru 2022, tali operazzjonijiet twettqu kontra dimostranti fil-bliet ta' Piranshahr, Mahabad u Bukan fil-Punent tal-Ażerbajġan. It-truppi tal-IRGC użaw forza sproporzjonata f'dawn l-operazzjonijiet. Skont l-istimi tal-NGO, l-operazzjonijiet tal-IRGC fil-bliet ta' Mahabad u Bukan qatlu erba' u tnax-il persuna rispettivament.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

150.

ABDOLLAHPOUR Mohammad

عبدللاهپور محمد

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Kmandant tal-korp provinċjali ta’ Quds tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta' Gilan

Il-Brigadier Ġeneral Mohammad Abdollahpour huwa l-kmandant tal-korp provinċjali ta’ Quds tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta' Gilan.

Il-provinċja ta' Gilan rat repressjoni vjolenti mill-forzi tas-sigurtà Iranjani, inkluż mill-forzi tal-IRGC taħt il-kmand ta' Abdollahpour, matul il-protesti tal-2022.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

151.

MOSLEMI Siavash

مسلمی سیاوش

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Kmandant tal-korp provinċjali ta’ Karbala tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta' Mazandaran

Il-Brigadier Ġeneral Siavash Moslemi ilu l-kmandant tal-korp provinċjali ta’ Karbala tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta' Mazandaran minn Ġunju 2020.

Fl-2022, it-truppi tal-IRGC taħt il-kmand tiegħu wettqu operazzjonijiet kontra d-dimostranti u f'dawk l-operazzjonijiet użaw forza sproporzjonata. Bħala kmandant tat-truppi impenjati, Moslemi huwa fost dawk responsabbli għall-vjolenza kontra d-dimostranti.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

152.

ZULQADR Ahmad

ذوالقدر احمد

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Kmandant tal-korp provinċjali ta’ Seyyed al-Shohada" tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta' Tehran

Il-Brigadier Ġeneral Ahmad Zulqadr ilu l-kmandant tal-korp provinċjali ta’ Seyyed al-Shohada tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta' Tehran minn Novembru 2020. Huwa wkoll il-viċi kmandant tal-korp tal-IRGC fil-belt ta' Tehran.

Skont ir-rapporti tal-media, Zulqadr intgħażel għall-kariga tiegħu speċjalment minħabba li huwa espert fir-repressjoni tal-protesti. Fl-2022, ir-repressjoni tad-dimostranti f'Tehran kienet partikularment vjolenti.

Bħala kmandant tat-truppi tal-IRGC impenjati f'din il-vjolenza fuq id-dimostranti, huwa għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

153.

KASHKOULI Morteza

کشکولی مرتضی

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Kmandant tal-korp provinċjali ta’ Hazrat Abulfazl tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta' Lorestan

Il-Brigadier Ġeneral Morteza Kashkouli huwa l-kmandant tal-korp provinċjali ta’ Hazrat Abulfazl tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta' Lorestan.

Fl-2022, it-truppi tal-IRGC taħt il-kmand tiegħu wettqu operazzjonijiet kontra d-dimostranti fir-reġjuni Kurdi tal-Iran. B'mod partikolari, twettqu operazzjonijiet fil-belt ta' Khorramabad ta' Lorestan. It-truppi tal-IRGC użaw forza sproporzjonata f'dawn l-operazzjonijiet u użaw munizzjon attiv fuq id-dimostranti.

Bħala kmandant ta' dawk il-forzi tal-IRGC, Kashkouli huwa fost dawk responsabbli għal dik il-vjolenza. Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

154.

BAYAT Isa

بیات عیسی

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Kurunell

Kariga: Kmandant tat-364 brigata tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) (Shahid Nasirzadeh) f'Mahabad, fil-provinċja tal-Punent tal-Ażerbajġan

Il-Kurunell Isa Bayat ilu kmandant tat-364 brigata tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) (Shahid Nasirzadeh) f'Mahabad, fil-provinċja tal-Punent tal-Ażerbajġan, minn Ġunju 2022.

Fl-2022, it-truppi tal-IRGC taħt il-kmand tiegħu wettqu operazzjonijiet militari kontra d-dimostranti fir-reġjuni Kurdi tal-Iran. B'mod partikolari, mill-15 ta' Novembru 2022, tali operazzjonijiet twettqu kontra dimostranti f'Mahabad, bl-użu ta' forza sproporzjonata u wasslu għall-qtil ta' erba' persuni.

Bħala kmandant ta' unità tal-IRGC li wettqet dawn l-operazzjonijiet, Bayat huwa responsabbli għall-vjolenza fuq id-dimostranti. Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

155.

ASANLOO Mohammad Taghi

آصانلو محمد تقی

Post tat-twelid: Provinċja ta' Zanjan, l-Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Kmandant tal-kwartieri ġenerali reġjonali Hamzeh Seyyed Al-Shohada tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-Majjistral tal-Iran

Il-Brigadier Ġeneral Mohammad Taghi Asanloo huwa l-kmandant tal-kwartieri ġenerali reġjonali Hamzeh Seyyed Al-Shohada tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-Majjistral tal-Iran, responsabbli għall-provinċji ta' Kordestan u l-Punent tal-Ażerbajġan.

Il-kwartieri ġenerali ta' “Hamzeh Seyed Al-Shohada” għandhom il-missjoni speċifika li jwaqqfu l-inkwiet fir-reġjuni Kurdi fil-Majjistral tal-Iran. Fl-2022, taħt il-kmand ta' Asanloo, it-truppi tal-IRGC f'din iż-żona wettqu operazzjonijiet militari kontra d-dimostranti fir-reġjun Kurd tal-Iran. B'mod partikolari, mill-15 ta' Novembru 2022, it-truppi tal-IRGC taħt il-kmand ta' Asanloo wettqu tali operazzjonijiet kontra dimostranti fil-bliet ta' Piranshahr, Mahabad u Bukan.

It-truppi tal-IRGC użaw forza sproporzjonata f'dawn l-operazzjonijiet. Skont l-istimi tal-NGO, l-operazzjonijiet tal-IRGC kontra d-dimostranti fir-reġjuni Kurdi wasslu għall-qtil ta' 42 persuna mill-15 ta' Novembru 2022.

Bħala kmandant tat-truppi tal-IRGC fir-reġjun, Asanloo huwa responsabbli għall-vjolenza fuq id-dimostranti mwettqa mit-truppi tiegħu. Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022”.

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“12.

Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB)

سازمان صدا و سيمای جمهوری اسلامی ايران

Indirizz: Jamejam Street, Valiasr Avenue, 19395-3333 Tehran, Iran

Tip ta' entità: kumpannija tax-xandir ta' proprjetà tal-istat

Entitajiet assoċjati oħra: Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)

Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB) hija kumpannija tax-xandir ta' proprjetà tal-istat li għandha l-fama ta' leħen ir-reġim.

L-IRIB hija responsabbli għall-produzzjoni u x-xandir tal-ammissjonijiet ta’ ħtija furzati tad-detenuti, inkluż il-ġurnalisti, l-attivisti politiċi u persuni li jagħmlu parti mill-minoranzi Kurdi u Għarab, b'hekk tikser id-drittijiet internazzjonali rikonoxxuti għal smigħ ġust u proċess korrett.

L-IRIB għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022”.


Top