EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2404

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2404 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati għall-istħarriġ dwar pesti ta’ kwarantina f’żona protetta u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/70/KEE

C/2022/6499

ĠU L 317, 9.12.2022, p. 42–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2404/oj

9.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/42


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2404

tal-14 ta’ Settembru 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati għall-istħarriġ dwar pesti ta’ kwarantina f’żona protetta u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/70/KEE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(5), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 34(1), it-tieni subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 jipprevedi r-regoli bażiċi dwar is-saħħa tal-pjanti fl-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 32(4), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligu li l-Istati Membri jinkludu, meta japplikaw għal żona protetta ġdida, ir-riżultati tal-istħarriġ ta’ mill-inqas tliet snin preċedenti biex juru li ma kienx hemm il-pest ta’ kwarantina f’żona protetta (“il-pest”) fit-territorju kkonċernat.

(3)

L-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jwettqu stħarriġ annwali ta’ kull żona protetta fir-rigward tal-pesti u li jirrappurtaw ir-riżultati ta’ dak l-istħarriġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kull sena.

(4)

Ir-regoli dwar it-tħejjija tal-istħarriġ jenħtieġ li jinkludu rekwiżiti li jikkonċernaw il-kunsiderazzjoni tal-bijoloġija tal-pest u tal-pjanti ospitanti kkonċernati, u li ż-żmien tal-istħarriġ ikun xieraq għad-detezzjoni tal-pest. Dawk l-elementi huma importanti biex it-tħejjija tal-istħarriġ tkun kompluta u adattata sew għall-istħarriġ ikkonċernat.

(5)

Jenħtieġ li l-kontenut tal-istħarriġ jinkludi indikazzjonijiet dwar mapep, deskrizzjoni taż-żona tal-istħarriġ, eżamijiet, teħid ta’ kampjuni u ttestjar, popolazzjonijiet fil-mira, metodi ta’ detezzjoni u fatturi ta’ riskju, biex jiġu żgurati l-kompletezza, l-effettività u l-effiċjenza tagħhom.

(6)

L-istħarriġ jenħtieġ li jitwettaq ukoll f’żona ta’ lqugħ madwar iż-żona protetta u jkun aktar intensiv minn dak fiż-żona protetta, minħabba li l-pest mhuwiex ipprojbit fiż-żona ta’ lqugħ u ma huma applikabbli l-ebda miżuri kontrih hemmhekk. Dan huwa meħtieġ biex jiġi kkonfermat li fiż-żona ta’ lqugħ ma kienx hemm il-pest u biex jiġi ppreservat aħjar l-istatus ħieles mill-pesti taż-żona protetta. Dan huwa wkoll konformi mal-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji applikabbli għall-istabbiliment ta’ żoni ħielsa mill-pesti (2) użati b’mod korrispondenti għall-istabbiliment ta’ żoni protetti skont id-dritt tal-Unjoni. Dawk l-istandards internazzjonali jirrikjedu l-istabbiliment ta’ żoni ta’ lqugħ għall-istabbiliment u ż-żamma ta’ żoni ħielsa mill-pesti, fejn l-iżolament ġeografiku ma jitqiesx adegwat biex jipprevjeni l-introduzzjoni jew l-infestazzjoni mill-ġdid ta’ tali żoni, jew fejn ma jkun hemm l-ebda mezz ieħor għall-prevenzjoni tal-moviment ta’ pesti lejn żoni bħal dawn.

(7)

Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li l-istħarriġ fil-faxex interni taż-żona protetta, tul il-fruntiera maż-żona protetta, jiġi intensifikat meta mqabbel ma’ dawk fil-bqija taż-żona protetta.

(8)

Sabiex il-kontenut tal-istħarriġ ikun konsistenti, jenħtieġ li jiġi stabbilit mudell ta’ rappurtar. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1231 (3) stabbilixxa l-format u l-istruzzjonijiet għar-rapporti annwali dwar ir-riżultati tal-istħarriġ f’żoni fejn mhuwiex magħruf li huma preżenti l-pesti. Sabiex ikun hemm approċċ armonizzat fir-rappurtar tar-riżultati tal-istħarriġ fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġi adottat format simili għar-rappurtar tar-riżultati tal-istħarriġ f’żoni protetti, filwaqt li jitqiesu l-elementi speċifiċi ta’ dan l-istħarriġ.

(9)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/70/KEE (4) tistabbilixxi wkoll regoli dettaljati biex isir stħarriġ għall-iskop tar-rikonoxximent ta’ żoni protetti. Peress li ġiet adottata skont l-atti legali preċedenti tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-pjanti, dik id-Direttiva issa hija obsoleta u jenħtieġ li titħassar,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għal:

(a)

stħarriġ għall-istabbiliment ta’ żona protetta ġdida skont l-Artikolu 32(3) jew (6) tar-Regolament (UE) 2016/2031; kif ukoll

(b)

il-preparazzjoni u l-kontenut ta’ stħarriġ annwali skont l-Artikolu 34(1) ta’ dak ir-Regolament (UE) 2016/2031.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“żona ta’ lqugħ” tfisser żona madwar żona protetta sabiex tiġi minimizzata l-probabbiltà tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-pest fiż-żona protetta;

(b)

“faxxa ta’ ġewwa” tfisser naħa minn żona protetta, b’wisa’ ekwivalenti għall-wisa’ taż-żona ta’ lqugħ, madwar iż-żona protetta fuq in-naħa ta’ ġewwa tul il-fruntiera esterna tagħha;

(c)

“stħarriġ” tfisser stħarriġ ta’ detezzjoni mmirat lejn il-pest f’żona protetta u, fejn xieraq, żona ta’ lqugħ;

(d)

“żona demarkata” tfisser żona demarkata, wara sejba tal-pest f’żona protetta, kif deskritt fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(e)

“stħarriġ ibbażat fuq l-istatistika” tfisser stħarriġ imwettaq abbażi tal-linji gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għal stħarriġ statistikament sodi u bbażati fuq ir-riskju għall-pesti tal-pjanti (5).

Artikolu 3

Tħejjija ta’ stħarriġ

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, jew persuni oħra taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti, għandhom iħejju l-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 1 (“l-istħarriġ”) f’konformità mal-paragrafi 2 sa 6.

2.   L-istħarriġ għandu jkun:

(a)

abbażi tar-riskju;

(b)

ibbażat fuq prinċipji xjentifiċi u tekniċi sodi;

(c)

imwettaq b’kont meħud tal-bijoloġija tal-pest u l-preżenza ta’ speċijiet ospitanti fiż-żona protetta; kif ukoll

(d)

imwettqa fl-aktar żminijiet xierqa għad-detezzjoni tal-pest.

3.   L-istħarriġ għandu jiġi estiż għal żona ta’ lqugħ madwar iż-żona protetta.

L-istħarriġ fiż-żoni ta’ lqugħ għandu jkun aktar intensiv milli fiż-żona protetta, b’għadd ogħla ta’ attivitajiet ta’ stħarriġ (eżamijiet viżwali, kampjuni, nases u testijiet, fejn xieraq).

Il-wisa’ taż-żona ta’ lqugħ għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-bijoloġija tal-pest u l-kapaċità potenzjali ta’ tixrid tiegħu.

Ma għandu jkun meħtieġ l-ebda stħarriġ fiż-żona ta’ lqugħ meta minħabba l-bijoloġija tal-pest, in-nuqqas ta’ pjanti ospitanti, il-pożizzjoni ġeografika taż-żona protetta jew in-natura tal-iżolament spazjali tagħha, ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ introduzzjoni tal-pest fiż-żona protetta permezz tat-tixrid naturali miż-żoni ġirien.

4.   Jekk ma jkun hemm l-ebda possibbiltà li tiġi stabbilita żona ta’ lqugħ fit-territorju maġenb iż-żona protetta, għandha tiġi stabbilita faxxa interna fiż-żona protetta.

Il-faxxa ta’ ġewwa ma għandhiex tiġi stabbilita meta minħabba l-bijoloġija tal-pest, in-nuqqas ta’ pjanti ospitanti, il-pożizzjoni ġeografika taż-żona protetta jew in-natura tal-iżolament spazjali tagħha, ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ introduzzjoni tal-pest fiż-żona protetta permezz tat-tixrid naturali miż-żoni ġirien.

L-istħarriġ fil-faxex interni għandu jkun aktar intensiv milli fil-bqija taż-żona protetta, b’għadd akbar ta’ attivitajiet ta’ stħarriġ (eżamijiet viżwali, kampjuni, nases u testijiet, fejn xieraq).

5.   Fil-każ li l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li twettaq stħarriġ ibbażat fuq l-istatistika, id-disinn tal-istħarriġ u l-iskema ta’ kampjunar użata għandhom ikunu xierqa biex jidentifikaw fiż-żona protetta kkonċernata, b’livell suffiċjenti ta’ fiduċja, livell baxx ta’ preżenza ta’ pjanti infestati mill-pest.

6.   Fil-każ li l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li twettaq stħarriġ ibbażat fuq l-istatistika fiż-żona ta’ lqugħ jew fil-banda ta’ ġewwa, id-disinn tal-istħarriġ u l-iskema ta’ kampjunar użata għandhom ikunu xierqa biex jidentifikaw, b’livell ogħla ta’ fiduċja milli fiż-żona protetta nnifisha, livell baxx ta’ preżenza tal-pest.

Artikolu 4

Kontenut tal-istħarriġ

L-istħarriġ għandu jinkludi fih dawn l-elementi:

(a)

mappa bid-delimitazzjoni ġeografika taż-żona protetta u, fejn xieraq, iż-żona ta’ lqugħ jew il-faxxa ta’ ġewwa, bid-dettalji tal-post tal-attivitajiet tal-istħarriġ imwettqa u li tindika l-punti tal-istħarriġ, is-sejbiet jew it-tifqigħat u kwalunkwe żona demarkata stabbilita;

(b)

deskrizzjoni ta’:

(i)

iż-żona tal-istħarriġ, inklużi s-siti tal-istħarriġ;

(ii)

il-materjal tal-pjanti jew il-komodità, u

(iii)

fejn xieraq, iż-żona ta’ lqugħ jew il-faxxa ta’ ġewwa;

(c)

il-lista ta’ pjanti ospitanti;

(d)

l-identifikazzjoni taż-żoni ta’ riskju fejn il-pest jista’ jkun preżenti;

(e)

informazzjoni dwar ix-xhur tas-sena, li matulhom twettaq l-istħarriġ;

(f)

fejn jixraq:

(i)

l-għadd ta’ eżamijiet viżwali biex jinstabu sintomi jew sinjali tal-preżenza tal-pest,

(ii)

l-għadd ta’ kampjuni, it-tip u l-għadd ta’ testijiet u ta’ nases li jattiraw il-pest;

(iii)

kwalunkwe miżura oħra li hija xierqa biex tiżgura d-detezzjoni tal-pest;

(g)

fil-każ ta’ stħarriġ ibbażat fuq l-istatistika, is-suppożizzjonijiet sottostanti għad-disinn tal-istħarriġ għal kull pest, inkluża deskrizzjoni ta’:

(i)

il-popolazzjoni fil-mira, l-unità epidemjoloġika u l-unitajiet ta’ spezzjoni;

(ii)

il-metodu tad-detezzjoni u s-sensittività tal-metodu;

(iii)

kwalunkwe fattur tar-riskju, li jindika l-livelli tar-riskju u r-riskji relattivi u l-proporzjonijiet korrispondenti tal-popolazzjoni tal-pjanti ospitanti; kif ukoll

(iv)

fil-każ ta’ sejba tal-pest, il-miżuri meħuda jew ir-referenza għall-EUROPHYT-Outbreaks.

Artikolu 5

Rappurtar dwar ir-riżultati tal-istħarriġ

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw, għal kull żona protetta u bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness I, informazzjoni ġenerali u r-riżultati tal-istħarriġ.

L-Istati Membri għandhom jużaw waħda mill-mudelli stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament biex jirrapportaw dwar ir-riżultati tal-istħarriġ skont:

(a)

l-Artikolu 32(4), il-punt b, tar-Regolament (UE) 2016/2031; jew

(b)

l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Artikolu 6

Tħassir tad-Direttiva 92/70/KEE

Id-Direttiva 92/70/KEE titħassar.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  ISPM 4 Rekwiżiti għall-istabbiliment ta’ żoni ħielsa mill-pesti u ISPM 26 Stabbiliment ta’ żoni ħielsa mill-pesti għad-dubbien tal-frott (Tephritidae).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1231 tas-27 ta’ Awwissu 2020 dwar il-format u l-istruzzjonijiet għar-rapporti annwali rigward ir-riżultati tal-istħarriġ u dwar il-format tal-programmi ta’ stħarriġ pluriennali u l-arranġamenti prattiċi, previsti rispettivament fl-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 280, 28.8.2020, p. 1 ).

(4)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/70/KEE tat-30 ta’ Lulju 1992 li tippreskrivi regoli dettaljati biex isir stħarriġ għall-iskopijiet tar-rikonoxximent ta’ żoni protetti fil-Komunità (ĠU L 250, 29.8.1992, p. 37).

(5)  EFSA, General guidelines for statistically sound and risk-based surveys of plant pests, it-8 ta’ Settembru 2020, doi:10.2903/sp.efsa.2020.EN-1919.


ANNESS I

Mudell għar-riżultati ta’ informazzjoni ġenerali tal-istħarriġ

Stat Membru

 

Awtorità Kompetenti

 

Persuna ta’ kuntatt (isem, titolu tal-impjieg fi ħdan l-awtorità kompetenti, isem l-organizzazzjoni, in-numru tat-telefown u l-kont tal-posta elettronika funzjonali)

 

Organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fl-istħarriġ

 

Laboratorji li jieħdu sehem fl-istħarriġ

 

Pest ta’ kwarantina f’żona protetta

 

Isem/Deskrizzjoni taż-żona protetta (ŻP), kif elenkat fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072

 

Sena ta’ stabbiliment taż-ŻP

 

Sena/snin tal-istħarriġ.

Fil-każ ta’ talba għal ŻP ġdida, jekk jogħġbok indika s-snin koperti mill-istħarriġ.

 

Daqs taż-ŻP (ettari)

 

L-istabbiliment ta’ żona ta’ lqugħ jew ta’ faxxa interna (iva/le). Jekk jogħġbok iġġustifika f’każ li din iż-żona ma tkunx stabbilita.

 

Wisa’ (m) taż-żona ta’ lqugħ jew tal-faxxa ta’ ġewwa, jekk applikabbli

 

Mappa tal-konfini taż-ŻP, inkluża ż-żona ta’ lqugħ jew il-faxxa ta’ ġewwa, jekk applikabbli.

Jekk jogħġbok indika l-punti tal-istħarriġ, is-sejbiet/tifqigħat u, fejn applikabbli, iż-żoni demarkati stabbiliti.

 

Stħarriġ ibbażat fuq l-istatistika (iva/le)

 

Sejbiet/tifqigħat matul l-aħħar stħarriġ (iva/le)

 

Deskrizzjoni tas-sejbiet/tifqigħat (1) u azzjonijiet meħuda jew referenza għall-EUROPHYT-Outbreak

 


(1)  Inkluża referenza għan-notifikazzjoni/notifikazzjonijiet ta’ azzjonijiet meħuda f’konformità mal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).


ANNESS II

Mudelli għar-rapportar tar-riżultati tal-istħarriġ annwali jew tal-istħarriġ biex jintalab pest ta’ kwarantina f’żona protetta ġdida

PARTI A

1.   Mudell għar-rapportar tar-riżultati tal-istħarriġ annwali

Image 1

2.   Struzzjonijiet dwar kif jimtela l-mudell

Jekk dan il-mudell jimtela għal pest ta’ kwarantina f’żona protetta, il-mudell fil-Parti B ta’ dan l-Anness ma għandux jimtela għall-istess pest.

Għall-kolonna 1:

Indika s-sena tal-istħarriġ. Fil-każ ta’ rapport ta’ stħarriġ biex tintalab żona protetta, inkludi d-data ta’ mill-inqas it-tliet snin preċedenti, bl-użu ta’ ringiela separata għal kull sena.

Għall-kolonna 2:

Indika l-isem xjentifiku tal-pest ta’ kwarantina f’żona protetta (kif elenkat fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 jew l-isem xjentifiku l-aktar aċċettat meta l-pest ikun għadu mhux elenkat), billi tuża ringiela waħda għal kull pest.

Għall-kolonna 3:

Indika l-isem taż-żona protetta, bl-użu ta’ ringieli separati meta jkun hemm aktar minn żona protetta waħda għall-istess pest fit-territorju tal-Istat Membru, kif elenkat fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072.

Għall-kolonna 4:

Indika ż-żona: ŻP (żona protetta), ŻL (żona ta’ lqugħ) jew FĠ (faxxa ta’ ġewwa), bl-użu ta’ ringieli differenti.

Għall-kolonna 5:

Indika l-għadd u d-deskrizzjoni tas-siti tal-istħarriġ, billi tagħżel waħda (jew aktar) mill-entrati li ġejjin għad-deskrizzjoni, u l-għadd ta’ stħarriġ imwettaq:

1.

Fil-beraħ (żona ta’ produzzjoni): 1.1 għalqa (tista’ tinħadem, bur); 1.2. ġnien bis-siġar tal-frott/vinja; 1.3. mixtla; 1.4. foresta;

2.

Fil-beraħ (oħrajn): 2.1. ġonna privati; 2.2. siti pubbliċi; 2.3. żona ta’ konservazzjoni; 2.4. pjanti selvaġġi f’żoni għajr żoni ta’ konservazzjoni; 2.5. oħrajn, bi speċifikazzjoni tal-każ partikolari (eż. ħanut tal-pjanti, siti kummerċjali li jużaw materjal tal-imballaġġ magħmul mill-injam, industrija tal-injam, artijiet mistagħdra, network tat-tisqija u tad-drenaġġ, eċċ.);

3.

Kundizzjonijiet magħluqa fiżikament: 3.1. serra; 3.2. sit privat, għajr serra; 3.3. sit pubbliku, għajr serra; 3.4. oħrajn, bi speċifikazzjoni tal-każ partikolari (eż. ħanut tal-pjanti, siti kummerċjali li jużaw materjal tal-imballaġġ magħmul mill-injam, industrija tal-injam).

Għall-kolonni 6, 7 u 8:

Fakultattiv.

Għall-kolonna 6:

Indika liema huma ż-żoni ta’ riskju identifikat abbażi tal-bijoloġija tal-pest/pesti, il-preżenza tal-pjanti ospitanti, il-kondizzjonijiet ekoklimatiċi u l-postijiet ta’ riskju.

Għall-kolonna 7:

Indika ż-żona totali koperta mill-popolazzjoni fil-mira (ha) fiż-żona protetta.

Għall-kolonna 8:

Indika l-proporzjon taż-żona mistħarrġa tal-popolazzjoni fil-mira (iż-żona mistħarrġa/iż-żona tal-popolazzjoni fil-mira) f’perċentwal.

Għall-kolonna 9:

Indika l-pjanti, il-frott, iż-żrieragħ, il-ħamrija, il-materjal tal-ippakkjar, l-injam, il-makkinarju, il-vetturi, il-vettur, l-ilma, oħrajn, filwaqt li tispeċifika l-każ speċifiku, bl-użu ta’ kemm hemm bżonn ringieli.

Għall-kolonna 10:

Indika l-lista ta’ speċijiet/ġeneri tal-pjanti li ġew mistħarrġa, bl-użu ta’ ringiela waħda għal kull speċi/ġeneru tal-pjanti.

Għall-kolonna 11:

Indika x-xhur tas-sena meta twettaq l-istħarriġ.

Għall-kolonna 12:

Indika d-dettalji tal-istħarriġ, filwaqt li titqies il-bijoloġija tal-pest. Indika b’M/A meta l-informazzjoni ta’ ċerta kolonna ma tkunx applikabbli għall-pest inkwistjoni. Uża ringieli differenti (eż. biex tirrapporta tipi differenti ta’ testijiet u l-għadd tagħhom).

Għall-kolonna 13:

Indika l-għadd ta’ riżultati pożittivi għal kull pest. Dan l-għadd jista’ jvarja mill-għadd ta’ tifqigħat meta jiġu inklużi diversi riżultati pożittivi f’notifika waħda ta’ tifqigħa.

Għall-kolonna 14:

Indika n-notifiki tat-tifqigħat tas-sena meta sar l-istħarriġ. In-numru tan-notifika tat-tifqigħa ma hemmx għalfejn ikun inkluż meta l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet li s-sejba hija waħda mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(2), fl-Artikolu 15(2) jew fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2016/2031. F’dak il-każ, jekk jogħġbok indika r-raġuni għaliex ma tajtx din l-informazzjoni fil-kolonna 15 (“Kummenti”).

Għall-kolonna 15:

Inkludi kwalunkwe tagħrif rilevanti ieħor u, fejn applikabbli, informazzjoni dwar ir-riżultati tal-istħarriġ ta’ pjanti asintomatiċi b’sejbiet pożittivi.

PARTI B

1.   Mudell għar-rapportar tar-riżultati tal-istħarriġ ibbażati fuq l-istatistika

Image 2

2.   Struzzjonijiet dwar kif timtela l-formola

Jekk dan il-mudell jimtela għal pest ta’ kwarantina f’żona protetta, il-mudell fil-Parti B ta’ dan l-Anness ma għandux jimtela għall-istess pest.

Spjega s-suppożizzjonijiet sottostanti għad-disinn tal-istħarriġ għal kull pest. Ikteb fil-qosor u ġġustifika:

il-popolazzjoni fil-mira, l-unità epidemjoloġika u l-unitajiet ta’ spezzjoni,

il-metodu tad-detezzjoni u s-sensittività tal-metodu,

il-fattur/fatturi tar-riskju, u indika l-livelli tar-riskju u r-riskji u l-proporzjonijiet relattivi korrispondenti tal-popolazzjoni tal-pjanti ospitanti.

Għall-kolonna 1:

Indika s-sena tal-istħarriġ. Fil-każ ta’ rapport ta’ stħarriġ biex tintalab żona protetta, inkludi d-data ta’ mill-inqas it-tliet snin preċedenti, bl-użu ta’ ringiela separata għal kull sena.

Għall-kolonna 2:

Indika l-isem xjentifiku tal-pest ta’ kwarantina f’żona protetta (kif elenkat fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 jew l-isem xjentifiku l-aktar aċċettat meta l-pest ikun għadu mhux elenkat), billi tuża ringiela waħda għal kull pest.

Għall-kolonna 3:

Indika l-isem taż-żona protetta, bl-użu ta’ ringieli separati meta jkun hemm aktar minn żona protetta waħda għall-istess pest fit-territorju tal-Istat Membru, kif elenkat fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072.

Għall-kolonna 4:

Indika ż-żona: ŻP (żona protetta), ŻL (żona ta’ lqugħ) jew FĠ (faxxa ta’ ġewwa), bl-użu ta’ ringieli differenti.

Għall-kolonna 5:

Indika l-għadd u d-deskrizzjoni tas-siti tal-istħarriġ, billi tagħżel waħda (jew aktar) mill-entrati li ġejjin għad-deskrizzjoni, u l-għadd ta’ stħarriġ mwettqa:

1.

Fil-beraħ (żona ta’ produzzjoni): 1.1 għalqa (tista’ tinħadem, bur); 1.2 ġnien bis-siġar tal-frott/vinja; 1.3 mixtla; 1.4 foresta;

2.

Fil-beraħ (oħrajn): 2.1 ġonna privati; 2.2 siti pubbliċi; 2.3 żona ta’ konservazzjoni; 2.4 pjanti selvaġġi f’żoni għajr żoni ta’ konservazzjoni; 2.5 oħrajn, bi speċifikazzjoni tal-każ partikolari (eż. ħanut tal-pjanti, siti kummerċjali li jużaw materjal tal-imballaġġ magħmul mill-injam, industrija tal-injam, artijiet mistagħdra, network tat-tisqija u tad-drenaġġ, eċċ.);

3.

Kundizzjonijiet magħluqa fiżikament: 3.1 serra; 3.2 sit privat, għajr serra; 3.3 sit pubbliku, għajr serra; 3.4 oħrajn, bi speċifikazzjoni tal-każ partikolari (eż. ħanut tal-pjanti, siti kummerċjali li jużaw materjal tal-imballaġġ magħmul mill-injam, industrija tal-injam).

Għall-kolonna 6:

Indika x-xhur tas-sena meta twettaq l-istħarriġ.

Għall-kolonna 7:

Indika l-popolazzjoni fil-mira magħżula billi tipprovdi kif xieraq il-lista tal-ispeċijiet ospitanti u ż-żona koperta. Il-popolazzjoni fil-mira hija definita bħala l-ġabra ta’ unitajiet ta’ spezzjoni. Id-daqs tagħha huwa ddefinit tipikament għal żoni agrikoli bl-ettari, iżda jista’ jkun lottijiet, għelieqi, serer eċċ. Jekk jogħġbok iġġustifika l-għażla li saret fis-suppożizzjonijiet sottostanti. Indika l-unitajiet ta’ spezzjoni mistħarrġa. “Unità ta’ spezzjoni” tfisser pjanti, partijiet ta’ pjanti, prodotti bażiċi, materjali, vetturi ta’ pesti li ġew eżaminati bir-reqqa għall-identifikazzjoni u għall-individwazzjoni tal-pesti. Jekk iż-żona tal-popolazzjoni fil-mira ma tkunx disponibbli, indika M/A u inkludi l-għadd ta’ unitajiet ta’ spezzjoni li jiffurmaw il-popolazzjoni fil-mira.

Għall-kolonna 8:

Indika l-unitajiet epidemjoloġiċi mistħarrġa, filwaqt li tindika d-deskrizzjoni u l-unità ta’ kejl tagħha. “Unità epidemjoloġika” tfisser żona omoġenja fejn l-interazzjonijiet bejn il-pest, il-pjanti ospitanti u l-fatturi u l-kundizzjonijiet abijotiċi u bijotiċi jirriżultaw fl-istess epidemjoloġija, jekk il-pest ikun preżenti. L-unitajiet epidemjoloġiċi huma suddiviżjoni tal-popolazzjoni fil-mira li hija omoġenja f’termini tal-epidemjoloġija b’mill-inqas pjanta ospitanti waħda. F’xi każijiet il-popolazzjoni tal-pjanti ospitanti kollha f’reġjun/żona/pajjiż tista’ tiġi definita bħala unità epidemjoloġika. Dawn jistgħu jkunu reġjuni NUTS (Klassifikazzjoni Komuni ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika), ċentri urbani, foresti, ġonna tax-xandri jew irziezet, jew ettari. L-għażla tal-unitajiet epidemjoloġiċi għandha tiġi ġġustifikata fis-suppożizzjonijiet sottostanti.

Għall-kolonna 9:

Indika l-metodi użati matul l-istħarriġ inkluż l-għadd ta’ attivitajiet f’kull każ, skont ir-rekwiżiti legali speċifiċi tal-istħarriġ dwar il-pesti ta’ kull pest. Indika b’M/A meta l-informazzjoni ta’ ċerta kolonna ma tkunx disponibbli.

Għall-kolonna 10:

Indika stima tal-effettività tal-kampjunar. L-effettività tal-kampjunar tfisser il-probabbiltà li jintgħażlu partijiet ta’ pjanti infettati minn pjanta infettata. Għall-vetturi, hija l-effettività tal-metodu li jaqbad vettur pożittiv meta jkun preżenti fiż-żona tal-istħarriġ. Għall-ħamrija, hija l-effettività tal-għażla ta’ kampjun tal-ħamrija li jkun fih il-pest meta l-pest ikun preżenti fiż-żona tal-istħarriġ.

Għall-kolonna 11:

“Sensittività tal-metodu” tfisser il-probabbiltà ta’ metodu biex tiġi individwata b’mod korrett il-preżenza ta’ pesti. Is-sensittività tal-metodu hija definita bħala l-probabbiltà li ospitant verament pożittiv jiġi individwat u kkonfermat bħala pożittiv u mhux identifikat ħażin. Hija l-multiplikazzjoni tal-effettività tal-kampjunar (jiġifieri l-probabbiltà li jintgħażlu partijiet infettati tal-pjanti minn pjanta infettata) bis-sensittività dijanjostika (karatterizzata mill-eżamijiet viżwali u/jew mit-test tal-laboratorju użati fil-proċess ta’ identifikazzjoni).

Għall-kolonna 12:

Ipprovdi l-fatturi ta’ riskju f’kolonni differenti, uża daqstant kolonni skont il-bżonn. Għal kull fattur ta’ riskju indika l-livell ta’ riskju u r-riskju relattiv korrispondenti u l-proporzjon tal-popolazzjoni tal-pjanti ospitanti.

Għall-kolonna B:

Indika d-dettalji tal-istħarriġ, skont ir-rekwiżiti legali speċifiċi tal-istħarriġ dwar il-pesti għal kull pest. Indika b’M/A meta l-informazzjoni ta’ ċerta kolonna ma tkunx applikabbli. L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’dawn il-kolonni hija relatata mal-informazzjoni inkluża fil-kolonna 9 “Metodi ta’ detezzjoni”.

Għall-kolonna 18:

Indika l-għadd a’ siti tal-qbid f’każ li dan ikun differenti mill-għadd inkluż fil-kolonna 16 “Għadd ta’ nases” (eż. l-istess nassa tintuża f’postijiet differenti).

Għall-kolonna 20:

Indika l-għadd ta’ kampjuni li nstabu pożittivi, negattivi jew mhux determinati. “Mhux determinati” huma dawk il-kampjuni analizzati li għalihom ma nkiseb l-ebda riżultat minħabba fatturi differenti (eż. taħt il-livell ta’ detezzjoni, kampjun mhux ipproċessat-mhux identifikat, antik).

Għall-kolonna 21:

Indika n-notifiki tat-tifqigħat tas-sena meta sar l-istħarriġ. In-numru tan-notifika tat-tifqigħat ma hemmx għalfejn ikun inkluż meta l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet li s-sejba hija waħda mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(2), fl-Artikolu 15(2) jew fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2016/2031. F’dan il-każ, jekk jogħġbok indika r-raġuni għaliex ma tajtx din l-informazzjoni fil-kolonna 24 (“Kummenti”).

Għall-kolonna 22:

Indika s-sensittività tal-istħarriġ, kif definit fl-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji (ISPM) Nru. 31 (“Metodoloġiji għat-teħid ta’ kampjuni ta’ mill-kunsinni”). Dan il-valur tal-livell ta’ fiduċja miksub tal-ħelsien mill-pesti huwa kkalkulat abbażi tal-eżamijiet (u/jew il-kampjuni) imwettqa minħabba s-sensittività tal-metodu u l-prevalenza tad-disinn.

Għall-kolonna 23:

Indika l-prevalenza tad-disinn ibbażata fuq stima ta’ qabel l-istħarriġ tal-probabbiltà ta’ prevalenza attwali tal-pest fl-għalqa. Il-prevalenza tad-disinn hija stabbilita bħala mira tal-istħarriġ u tikkorrispondi mal-kompromess li qed jagħmlu l-maniġers tar-riskju bejn ir-riskju li jkollhom il-pest u r-riżorsi disponibbli għall-istħarriġ. Tipikament, għal stħarriġ ta’ individwazzjoni jiġi stabbilit valur ta’ 1 %.

Għall-kolonna 24:

Inkludi kwalunkwe tagħrif rilevanti ieħor u, fejn applikabbli, informazzjoni dwar ir-riżultati tal-istħarriġ ta’ pjanti asintomatiċi b’sejbiet pożittivi.


Top