EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2107

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2107 tat-3 ta’ Novembru 2022 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (“Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka” (IĠP))

C/2022/7657

ĠU L 284, 4.11.2022, p. 52–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2107/oj

4.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/52


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2107

tat-3 ta’ Novembru 2022

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (“Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka” (IĠP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni mill-Finlandja biex tirreġistra l-isem “Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka” bħala indikazzjoni ġeografika protetta, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Fit-23 ta’ April 2021, il-Kummissjoni rċeviet l-avviż ta’ oppożizzjoni mill-Iżvezja. Il-Kummissjoni għaddiet l-avviż ta’ oppożizzjoni lill-Finlandja fis-27 ta’ April 2021. Fl-4 ta’ Ġunju 2021, l-Iżvezja ppreżentat dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni lill-Kummissjoni.

(3)

Wara li eżaminat id-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni u sabet li hija ammissibbli, f’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni stiednet lill-Finlandja u lill-Iżvezja, permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ Ġunju 2021, biex jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet xierqa bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim.

(4)

Fl-20 ta’ Lulju 2021, fuq talba tal-Finlandja, il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għall-konsultazzjonijiet bi tliet xhur. Il-konsultazzjonijiet bejn il-Finlandja u l-Iżvezja ntemmu mingħajr ma ntlaħaq ftehim. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li tqis ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet.

(5)

L-argumenti ewlenin tal-Iżvezja kif stabbiliti fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni tagħha u fil-konsultazzjonijiet imwettqa mal-Finlandja jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

(6)

L-Iżvezja sostniet li għadd sinifikanti ta’ prieżet minn varjetà ta’ produtturi u ditti ilhom jinbiegħu mill-inqas mill-2008 fis-suq Żvediż taħt id-denominazzjoni “Basturökt skinka”. Minħabba l-omonimija parzjali bl-isem li għandu jiġi rreġistrat, l-opponent argumenta li r-reġistrazzjoni kienet tipperikola l-eżistenza tal- “Basturökt skinka”, li kienet tirreferi għal prodotti kkummerċjalizzati legalment fl-Iżvezja mill-2008.

(7)

Barra minn hekk, l-Iżvezja sostniet li t-terminu “Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka”, fejn “aito/äkta” tiġi tradotta għal “ġenwin” jew “awtentiku”, ikun ġeneriku, speċjalment meta wieħed iqis li ma hemm l-ebda referenza għal post, reġjun jew pajjiż fl-isem applikat biex jiġi protett bħala indikazzjoni ġeografika protetta. Għalhekk ir-reġistrazzjoni, fil-fehma tal-Iżvezja, ma tikkonformax mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(8)

Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti esposti fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni mill-Iżvezja fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li qieset ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet xierqa mwettqa bejn l-applikant u l-avversarju u waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin.

(9)

“Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka” huwa isem kompost li jindika prodott li sar fiż-żona kollha tal-Finlandja bl-użu ta’ metodu tradizzjonali speċifiku ta’ affumikazzjoni diretta bi stikek/blokok tal-injam tal-alnu (Xiphydria camelus) f’sawna tad-duħħan. Iż-żmien tal-ipproċessar tiegħu huwa twil mill-inqas 12-il siegħa. Il-prodott ilu fis-suq mis-snin ħamsin taħt l-isem Finlandiż “Aito saunapalvikinkku” u l-isem Żvediż “Äkta basturökt skinka” jew “Äkta bastupalvad skinka”. Dan il-prodott huwa distint mill-prodott indikat kemm fil-Finlandja kif ukoll fl-Iżvezja bħala “saunapalvikinkku” jew “Basturökt skinka”, li jsir b’metodu ta’ produzzjoni differenti (metodu ta’ affumikar, fejn id-duħħan, li jiġi ġġenerat barra mis-sawna tal-affumikar, isir minn bċejjeċ tal-injam jew minn duħħan riġenerat). Il-kelma “aito/äkta (‘ġenwin”) fit-termini “Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka” tirreferi għall-fatt li l-prodott huwa ppreparat bl-użu biss tal-metodu tradizzjonali speċifiku deskritt hawn fuq, li bis-saħħa tiegħu l-prodott għandu l-karatteristiċi distinti tiegħu meta mqabbel ma’ “saunapalvikinkku” jew “Basturökt skinka”. L-Iżvezja kkonfermat li ma hemm l-ebda prodott fis-suq Żvediż li jsir b’metodu tradizzjonali u mibjugħ taħt l-isem “Äkta basturökt skinka”. Id-denominazzjoni “Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka” għalhekk tirreferi biss għall-prodott kif isir fil-Finlandja bl-użu ta’ dak il-metodu speċifiku ta’ produzzjoni.

(10)

Minn dan isegwi li l-isem kompost “Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka” jidentifika prodott li joriġina minn post speċifiku, b’mod partikolari f’pajjiż, li għandu kwalità u karatteristiċi speċifiċi attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu.

(11)

Huwa biss l-isem kompost li jirreferi għall-prodott speċifiku prodott fiż-żona ġeografika ddefinita skont il-metodu tradizzjonali. Għalhekk, it-termini komuni li l-isem kompost huwa magħmul minn prodott ikkummerċjalizzat fl-Iżvezja u fil-Finlandja, ma għandhomx jiġu protetti fihom infushom.

(12)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-protezzjoni jenħtieġ li tkun limitata għall-isem “Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka” fl-intier tiegħu, filwaqt li l-komponenti individwali ta’ dak l-isem jenħtieġ li jibqgħu jitħallew għal prodotti li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ “Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka” fl-Unjoni Ewropea kollha, dment li l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridiku tagħha jiġu rispettati.

(13)

Barra minn hekk, l-oppożizzjoni tal-Iżvezja tikkonċerna wkoll il-karattru ġeneriku tal-isem sħiħ “Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka” u l-fatt li ma hemm l-ebda referenza għal post, reġjun jew pajjiż.

(14)

Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, “termini ġeneriċi” tfisser l-ismijiet ta’ prodotti li, għalkemm għandhom x’jaqsmu mal-post, ir-reġjun jew il-pajjiż, fejn il-prodott kien oriġinarjament prodott jew kummerċjalizzat, saru l-isem komuni ta’ prodott fl-Unjoni.

(15)

L-isem “Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka” kollu jirreferi għal prodott speċifiku li jiġi prodott f’żona ġeografika speċifika u li jkollu kwalità u karatteristiċi speċifiċi u distintivi marbuta mal-oriġini ġeografika tiegħu. Għalhekk, huwa ċar li l-isem “Aito saunapalvikinkku/Äkta basturökt skinka”, fl-intier tiegħu, ma sarx isem komuni u għaldaqstant ma sarx ġeneriku.

(16)

Huwa minnu li l-isem jikkonsisti f’diversi termini komuni mingħajr terminu ġeografiku. Madankollu, sakemm l-isem sħiħ jindika prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, huwa eliġibbli għar-reġistrazzjoni bħala indikazzjoni ġeografika protetta.

(17)

Għaldaqstant, id-denominazzjoni “Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka” (IĠP) jenħtieġ li tiddaħħal fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti.

(18)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Aito saunapalvikinkku”/“Äkta basturökt skinka” (IĠP) hija rreġistrata.

L-isem fl-ewwel paragrafu jirreferi għal prodott tal-Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

It-termini “Saunapalvikinkku” u “Basturökt skinka” jistgħu jkomplu jintużaw fit-territorju tal-Unjoni, dment li jiġu rrispettati l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridiku tagħha.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 27, 25.1.2021, p. 29.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


Top