Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1387

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1387 tad-9 ta’ Awwissu 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2022/5624

ĠU L 208, 10.8.2022, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1387/oj

10.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 208/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1387

tad-9 ta’ Awwissu 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju (grain-oriented flat-rolled products of silicon-electrical steel, GOES), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka huma soġġetti għal dazju anti-dumping definittiv, kif impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/58 (2).

(2)

Fis-7 ta’ Lulju 2021, AK Steel Corporation (“l-applikant”), il-kodiċi addizzjonali TARIC (3) C044, kumpanija li tinsab fl-Istati Uniti tal-Amerka, li l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni ta’ prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju huma soġġetti għal dazju anti-dumping ad valorem ta’ 22 %, informat lill-Kummissjoni li kienet bidlet l-isem tagħha għal “Cleveland-Cliffs Steel Corporation”, bil-bażi f’Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerka.

(3)

Il-kumpanija talbet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-bidla fl-isem ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju anti-dumping individwali applikata lilha skont l-isem li kellha qabel.

(4)

Il-Kummissjoni stiednet lill-kumpanija biex tipprovdi tweġiba għal kwestjonarju, liema ntbagħtet fl-20 ta’ Awwissu 2021. Fit-3 ta’ Jannar 2022 ġew ipprovduti kjarifiki addizzjonali.

(5)

Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni pprovduta u kkonkludiet li l-bidla fl-isem kienet irreġistrata kif suppost mal-awtoritajiet rilevanti, u ma wasslitx għal xi relazzjoni ġdida ma’ gruppi oħra ta’ kumpaniji li ma kinux investigati mill-Kummissjoni.

(6)

Il-Kummissjoni vvalutat, fost l-oħrajn, id-dokumenti ta’ prova li ġejjin li ġew ipprovduti mill-applikant: ċertifikat ta’ emenda, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija u rapporti finanzjarji awditjati. L-industrija tal-Unjoni ġiet ikkonsultata dwar it-talba iżda ma pprovdiet l-ebda kumment.

(7)

Għaldaqstant, din il-bidla fl-isem ma taffettwax is-sejbiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 u b’mod partikolari r-rata tad-dazju anti-dumping ad valorem applikabbli għaliha.

(8)

Jenħtieġ li l-bidla fl-isem ikollha effett mid-data li fiha l-kumpanija infurmat lill-Kummissjoni li isimha nbidel (kif indikat fil-premessa 2 hawn fuq).

(9)

Minħabba l-kunsiderazzjonijiet fil-premessi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 jiġi emendat biex jirrifletti l-bidla fl-isem tal-kumpanija li qabel kienet attribwita għall-kodiċi TARIC addizzjonali C044.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 huwa emendat kif ġej:

“AK Steel Corporation, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerika

22,0 %

C044”

huwa sostitwit minn

“Cleveland-Cliffs Steel Corporation, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerka

22,0 %

C044”

2.   Il-kodiċi addizzjonali TARIC C044, li preċedentement kien attribwit lil AK Steel Corporation, għandu japplika għal Cleveland-Cliffs Steel Corporation mis-7 ta’ Lulju 2021 ’l hemm. Kwalunkwe dazju definittiv imħallas fuq importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn Cleveland-Cliffs Steel Corporation li jaqbeż id-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 fir-rigward ta’ AK Steel Corporation għandu jiġi rimborżat jew jinħafer f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/58 tal-14 ta’ Jannar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 10, 17.1.2022, p. 17).

(3)  It-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea.


Top