This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R1233
Commission Implementing Regulation (EU) 2022/1233 of 18 July 2022 amending Implementing Regulation (EU) 2020/492 imposing definitive anti-dumping duties on imports of certain woven and/or stitched glass fibre fabrics originating in the People’s Republic of China and Egypt
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1233 tat-18 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1233 tat-18 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu
C/2022/4917
ĠU L 190, 19.7.2022, p. 70–78
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
19.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 190/70 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1233
tat-18 ta’ Lulju 2022
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Il-miżuri fis-seħħ
(1) |
Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazji anti-dumping definittivi imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 (2) fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (“il-miżuri oriġinali”). |
(2) |
Il-prodott investigat huwa wkoll suġġett għal dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/776 (3). Madankollu, id-dazju kompensatorju mhuwiex suġġett għal din l-investigazzjoni mill-ġdid. |
1.2. Talba għal investigazzjoni mill-ġdid u bidu ta’ assorbiment
(3) |
Il-Kummissjoni rċeviet talba għal investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Eġittu (“il-pajjiż ikkonċernat”) skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku. |
(4) |
It-talba tressqet fit-18 ta’ Ottubru 2021 minn TECH-FAB Europe e.V., assoċjazzjoni ta’ produtturi tal-UE ta’ materjali tal-fibra tal-ħġieġ (glass fibre fabrics, “GFF”) (“l-applikanti”), li tirrappreżenta aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-GFF. |
(5) |
L-applikanti ppreżentaw biżżejjed evidenza li turi li wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, il-prezzijiet Eġizzjani tal-esportazzjoni naqsu. Jidher li t-tnaqqis fil-prezzijiet Eġizzjani tal-esportazzjoni xekkel l-effetti rimedjali intiżi tal-miżuri fis-seħħ. L-evidenza inkluża fit-talba indikat li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni ma setax jiġi spjegat minn tnaqqis fil-prezz tal-materja prima ewlenija jew minn bidla fit-taħlita tal-prodott. |
1.3. Il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping
(6) |
Fl-1 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni ħabbret il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (l-“Avviż ta’ Ftuħ mill-Ġdid”) (4). |
(7) |
L-investigazzjoni mill-ġdid kienet tikkonċerna d-dazju anti-dumping attwali ta’ 20 % impost fuq Jushi Egypt For Fiberglass Industry S.A.E (“Jushi Egypt”), Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics S.A.E. (“Hengshi Egypt”) (imsejħa kollettivament bħala “CNBM group”) u dwar “Il-kumpaniji l-oħra kollha” kif stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492 (5). |
1.4. Partijiet interessati
(8) |
Fl-Avviż ta’ Ftuħ mill-Ġdid, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni mill-ġdid. Barra minn dan, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-applikanti, lill-produtturi esportaturi u lill-importaturi magħrufa li huma kkonċernati u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat dwar l-investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment u stednithom biex jipparteċipaw. |
(9) |
Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. |
1.5. It-teħid ta’ kampjuni tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li għandu jiġi investigat mill-ġdid
(10) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku jkunx meħtieġ fir-rigward tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, dawk il-partijiet intalbu jippreżentaw ruħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba fl-Avviż ta’ Ftuħ mill-Ġdid. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tal-Eġittu għall-Unjoni Ewropea tidentifika u/jew tikkuntattja produtturi oħrajn, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni mill-ġdid. Madankollu, peress li Jushi Egypt u Hengshi Egypt biss ippreżentaw ruħhom, il-kampjunar ma kienx meħtieġ. |
1.6. Kampjunar tal-importaturi mhux relatati
(11) |
Sabiex tiddeċiedi jekk kienx hemm bżonn li jittieħed kampjun u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fl-Avviż ta’ Ftuħ mill-Ġdid. L-ebda wieħed mill-importaturi mhux relatati ma ppreżenta ruħu u għalhekk il-kampjunar ma kienx meħtieġ. |
1.7. Tweġibiet għall-kwestjonarji u l-verifiki
(12) |
Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil Jushi Egypt u Hengshi Egypt, li t-tnejn wieġbu għalih. |
(13) |
Il-Kummissjoni fittxet l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għall-għan ta’ din l-investigazzjoni mill-ġdid. Fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku fil-bini ta’ Jushi Egypt, Hengshi Egypt u negozjant relatat ma’ Hengshi Egypt, Huajin Capital Limited f’Hong Kong. Għalhekk, il-Kummissjoni kkontroverifikat mill-bogħod l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa ta’ dawn it-tliet kumpanijji għad-determinazzjonijiet tagħha f’konformità mal-Avviż tagħha dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (6). |
(14) |
Barra minn hekk, saru żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku fil-bini tal-importaturi/negozjanti li ġejjin relatati ma’ Jushi Egypt/Hengshi Egypt:
|
1.8. Il-perjodu kopert mill-investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment
(15) |
Il-perjodu tal-investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment (“AIP”) kien mill-1 ta’ Ottubru 2020 sat-30 ta’ Settembru 2021. Il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (“OIP”) kien mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2018. |
1.9. Kummenti dwar il-bidu
(16) |
Wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni mill-ġdid, il-Gvern tal-Eġittu (GTE) sostna li investigazzjoni mill-ġdid skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku tkun inkompatibbli mal-ftehim anti-dumping tad-WTO (ADA). Il-GTE sostna (i) li skont il-previżjonijiet tad-WTO ma hu previst l-ebda rieżami bħal dan; (ii) li l-Artikolu 12(3) tar-Regolament bażiku jkun inkompatibbli mal-Artikolu 9.1. ADA sa fejn dazju aktar baxx ma jistax jiġi impost bħala riżultat ta’ tali investigazzjoni mill-ġdid u (iii) li l-miżuri imposti wara investigazzjoni mill-ġdid skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku wkoll ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet mogħtija mill-Artikolu XX (d) tal-GATT 1994. |
(17) |
Il-GTE sostna wkoll li b’kuntrast mal-obbligi skont l-Artikolu 11(3) tal-ADA investigazzjoni mill-ġdid skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku ma teħtieġx investigazzjoni ta’ dannu. |
(18) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-fatt li l-ADA ma jipprevedix b’mod espliċitu l-possibbiltà li jiġi rieżaminat il-marġni tad-dumping biex jitqies l-assorbiment tad-dazji anti-dumping ma jfissirx li tali rieżami jkun inkonsistenti mad-WTO. Għall-kuntrarju, tali rieżami jiffoka fuq id-determinazzjoni tal-marġni tad-dumping biex jiżgura li l-livell tad-dazji jista’ jelimina b’mod adegwat l-effetti tad-dumping dannuż u għalhekk huwa ġustifikat skont l-Artikoli 11.1 u 11.2 tal-ADA, u f’konformità sħiħa mar-regoli applikabbli tal-ADA inkluż l-Artikolu 2. |
(19) |
Fir-rigward tat-talba dwar l-Artikolu 12(3) tar-Regolament bażiku, ta’ min jinnota li l-investigazzjoni mill-ġdid preżenti ma stabbilixxietx marġni ta’ dumping aktar baxx fuq l-importazzjonijiet tal-GFF mill-Eġittu. It-talba għalhekk hija immaterjali. |
(20) |
Fir-rigward tar-rekwiżit li l-investigazzjoni għandha tkopri kemm id-dumping kif ukoll id-dannu, għall-kuntrarju tar-rieżamijiet skont l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12 huwa limitat għall-investigazzjoni mill-ġdid tal-marġnijiet tad-dumping biss. Fi kwalunkwe każ, fl-investigazzjoni preżenti l-Kummissjoni rrevediet il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu sabiex tikkonforma bis-sħiħ mar-regoli rilevanti dwar il-livell tad-dazju. |
(21) |
Il-GTE sostna wkoll li l-miżuri fis-seħħ kellhom l-effett ta’ rimedju maħsub u li tnaqqis sinifikanti fil-volum tal-importazzjonijiet tal-GFF bejn l-2018 u l-2020 wera n-nuqqas ta’ prattiki ta’ assorbiment mill-esportaturi. Fit-tweġiba tiegħu għad-divulgazzjoni finali, il-GTE tenna l-argument tiegħu li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod oġġettiv il-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ tali importazzjonijiet fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni għal prodotti simili. L-ewwel nett, l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku ma jżommx lill-Kummissjoni milli twettaq investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment u milli possibbilment iżżid il-miżuri anti-dumping fil-każ ta’ tnaqqis fl-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat. It-tieni, bidliet fil-volumi tal-importazzjoni, bħala tali, ma jikkostitwixxux jew jinfluwenzaw l-assorbiment tad-dazji anti-dumping f’termini ta’ bidliet fil-prezzijiet tal-esportazzjoni. It-tielet, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-GFF fl-Unjoni naqsu wara l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping, xorta jibqgħu mdaqqsa u, fil-fatt, wieħed miż-żewġ produtturi esportaturi rdoppja l-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-Unjoni fl-AIP. B’hekk, din it-talba hija miċħuda. |
(22) |
Vestas Wind Systems A/S (“Vestas”), utent tal-GFF, issottomettiet matul l-investigazzjoni mill-ġdid li abbażi tar-rekords tagħha, kemm il-prezz FOB kif ukoll il-kostijiet tal-iżbark li Vestas ħallset għall-GFF importat mill-Eġittu lejn l-Unjoni żdiedu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddikjarat dan li ġej: L-ewwel nett, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni hija bbażata fuq data tal-bejgħ miġbura u vverifikata pprovduta mill-produtturi esportaturi li turi tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni fl-AIP meta mqabbla mal-OIP. It-tieni, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq it-totalità tal-bejgħ lill-klijenti indipendenti kollha fl-Unjoni matul l-AIP u l-OIP rispettivament u mhijiex limitata għal analiżi tal-bejgħ lil klijenti individwali. Għalhekk, it-talba mressqa minn Vestas hija miċħuda. |
(23) |
Barra minn hekk, Vestas argumentat li l-impożizzjoni jew iż-żieda ta’ dazji anti-dumping fuq il-GFF tmur direttament kontra l-interess tal-Unjoni. Ta’ min jinnota li l-investigazzjoni mill-ġdid attwali hija limitata għad-determinazzjoni ta’ jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsux jew jekk kienx hemm moviment, jew moviment insuffiċjenti, fil-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat mill-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali u sussegwentement, jekk applikabbli, biex jiġi kkalkulat mill-ġdid il-marġni tad-dumping abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni vvalutati mill-ġdid. Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, tali investigazzjoni mill-ġdid ma tinkludix aspetti tal-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, it-talba tiġi miċħuda. |
2. IL-PRODOTT LI QED JIĠI INVESTIGAT
(24) |
Il-prodott li qed jiġi investigat huwa drappijiet ta’ faxex u/jew ħjut tal-fibra tal-ħġieġ b’filament kontinwu minsuġa u/jew meħjuta b’elementi oħra jew mingħajrhom, minbarra prodotti li huma imprenjati jew imxappin minn qabel (pre-preg) u eskluż drapp b’malja miftuħa b’ċelloli ta’ daqs ta’ aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, li joriġinaw mill-Eġittu li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet ex 7019 61 00, ex 7019 62 00, ex 7019 63 00, ex 7019 64 00, ex 7019 65 00, ex 7019 66 00, ex 7019 69 10, ex 7019 69 90 and ex 7019 90 00 (kodiċijiet TARIC 7019610081, 7019610083, 7019610084, 7019620081, 7019620083, 7019620084, 7019630081, 7019630083, 7019630084, 7019640081, 7019640083, 7019640084, 7019650081, 7019650083, 7019650084, 7019660081, 7019660083, 7019660084, 7019691081, 7019691083, 7019691084, 7019699081, 7019699083, 7019699084, 7019900081, 7019900083 u 7019900084) (“il-prodott li qed jiġi investigat”). |
3. SEJBIET TAL-INVESTIGAZZJONI MILL-ĠDID TA’ ASSORBIMENT
(25) |
L-investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku għandha l-għan li tistabbilixxi jekk il-prezzijiet ta’ esportazzjoni naqsux jew le jew jekk ma kienx hemm moviment jew jekk kienx hemm moviment insuffiċjenti fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni tal-prodott investigat mindu saret l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali. Bħala t-tieni pass, jekk jiġi konkluż li l-miżura kellha twassal għal movimenti f’tali prezzijiet, mela allura, biex jitneħħa d-dannu stabbilit preċedentement skont l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet tal-esportazzjoni għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku u l-marġnijiet tad-dumping għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid biex jitqiesu l-prezzijiet tal-esportazzjoni vvalutati mill-ġdid. |
3.1. Tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni
(26) |
F’dan il-każ, iż-żewġ produtturi esportaturi esportaw lejn l-Unjoni jew direttament lil klijenti indipendenti jew permezz ta’ kumpaniji relatati u l-analiżi tal-Kummissjoni ffukat kif xieraq fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-esportazzjoni fl-AIP meta mqabbla mal-OIP. |
(27) |
Meta stabbilixxiet jekk kienx hemm tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni, għal kull kumpanija eżaminata, il-Kummissjoni stabbilxxiet il-kost, il-prezzijiet tal-assigurazzjoni u tal-merkanzija (CIF) tal-esportazzjoni fil-fruntiera doganali tal-Unjoni matul l-AIP u qabblet dawn il-prezzijiet korrispondenti mal-prezzijiet tal-esportazzjoni ddeterminati fl-OIP. |
(28) |
Il-Kummissjoni qabblet għal kull wieħed mill-produtturi esportaturi l-prezzijiet tat-tipi ta’ prodotti mibjugħa fl-AIP mal-istess tipi ta’ prodotti mibjugħa fl-OIP u kkalkulat għalihom id-differenza fil-prezz medju peżat. |
(29) |
It-tqabbil ta’ hawn fuq li sar għaż-żewġ produtturi esportaturi relatati rriżulta fi tnaqqis medju ponderat fil-prezz tal-esportazzjoni ta’ 12 % għas-CNBM group, li jindika prima facie li kien qed iseħħ l-assorbiment tal-miżuri fis-seħħ. |
(30) |
Għalhekk, il-marġnijiet tad-dumping ġew ikkalkulati mill-ġdid, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. |
3.2. Id-dumping
3.2.1. Introduzzjoni
(31) |
Wara li ġie stabbilit assorbiment possibbli għas-CNBM group, il-marġni tad-dumping ġie kkalkulat mill-ġdid, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. |
(32) |
Fir-rigward tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-AIP, miġbura u vverifikati jew kontroverifikati fil-qafas ta’ din l-investigazzjoni mill-ġdid intużaw, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament bażiku. |
(33) |
F’dan il-każ, iż-żewġ produtturi esportaturi relatati esportaw lejn l-Unjoni jew direttament lil klijenti indipendenti jew permezz ta’ kumpaniji relatati, stabbiliti f’Hong Kong jew fl-Unjoni. |
(34) |
Fejn il-produtturi esportaturi esportaw il-prodott investigat direttament lill-konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz li tħallas attwalment jew dak pagabbli għall-prodott investigat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku. |
(35) |
Fejn il-produtturi esportaturi esportaw il-prodott investigat lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpanija relatata li taġixxi bħala importatur, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa’ nbiegħ għall-ewwel darba lill-konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F’dak il-każ, saru aġġustamenti fil-prezz għall-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid inklużi l-ispejjeż SG &A tal-importaturi relatati li jinsabu fl-Unjoni, u profitt raġonevoli (stabbilit għal 5 % fl-investigazzjoni oriġinali). |
(36) |
Il-valuri normali kif stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali jintużaw għall-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping matul l-AIP, sakemm ma tintalabx reviżjoni tal-valur normali filwaqt li jitqiesu l-bidliet fl-AIP skont l-Artikolu 12(5) tar-Regolament bażiku. |
(37) |
Fil-każ preżenti, il-produtturi esportaturi ma talbux reviżjoni tal-valur normali. Għalhekk, il-valuri normali użati għall-kalkolu mill-ġdid tal-marġni tad-dumping f’dan il-każ huma dawk stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali. |
(38) |
Għal Jushi Egypt, it-tipi kollha ta’ prodotti mibjugħa fl-AIP inbiegħu wkoll fl-OIP u għalhekk il-valuri normali kollha kienu faċilment disponibbli. Għal Hengshi Egypt, żewġ tipi ta’ prodotti mibjugħa fl-AIP ma nbiegħux fl-OIP. Għalhekk, il-valur normali għal dawk iż-żewġ prodotti ġie sostitwit mill-valur normali għat-tipi ta’ prodotti li l-aktar jixxiebhu mibjugħa minn Hengshi Egypt fl-investigazzjoni oriġinali. |
(39) |
Fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni finali, Hengshi Egypt sostniet li għal wieħed mit-tipi ta’ prodotti, mhuwiex xieraq li jintuża l-valur normali mill-OIP, minħabba li dan it-tip ta’ prodott sar biss bħala parti minn produzzjoni bi prova u nbiegħ fi kwantità żgħira bħala kampjun. Minflok, Hengshi Egypt issuġġeriet li jintuża l-valur normali mill-OIP għal tip ta’ prodott ieħor, allegatament l-eqreb. |
(40) |
L-ewwel nett, ta’ min jinnota li l-investigazzjoni oriġinali stabbiliet li t-tip ta’ prodott inkwistjoni kien prodott għal użu kummerċjali u l-valur normali għat-tip ta’ prodott imsemmi kien stabbilit u użat kif xieraq għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping fl-OIP. L-ebda waħda minn dawn id-determinazzjonijiet ma ġiet ikkontestata minn Hengshi Egypt fl-investigazzjoni oriġinali. It-tieni, l-użu arbitrarju ta’ valur normali għal tip ta’ prodott differenti, filwaqt li l-valur normali stabbilit u li qabel ma ġiex ikkontestat għat-tip ta’ prodott li jaqbel huwa disponibbli ma jkunx fondat. Id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-kumpanija wara d-divulgazzjoni finali lanqas ma setgħu jiġu vverifikati. Il-Kummissjoni għalhekk issostni li l-valur normali għat-tip ta’ prodott prodott u mibjugħ kummerċjalment fl-OIP (għalkemm fi kwantitajiet limitati) u li jikkorrispondi għat-tip ta’ prodott mibjugħ lill-Unjoni fl-AIP huwa l-eqreb u l-aktar indikatur affidabbli li għandu jintuża għall-kalkoli tad-dumping f’dan il-każ. |
(41) |
Barra minn hekk, għalkemm Hengshi Egypt setgħet titlob reviżjoni tal-valur normali abbażi tal-Artikolu 12(5) tar-Regolament bażiku, li kieku qieset li seħħew bidliet fil-valuri normali fl-AIP li jistħoqqilhom eżami mill-ġdid, hija ma għamlitx dan. Madankollu, filwaqt li l-Artikolu 12(5) tar-Regolament bażiku jippermetti reviżjoni en bloc tal-valur normali, ma jippermettix rivalutazzjoni selettiva għal tip wieħed biss jew għal ftit tipi ta’ prodotti magħżula. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, it-talba mqajma minn Hengshi Egypt għandha tiġi miċħuda. |
(42) |
B’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali, Jushi Egypt ma qablitx li tittratta kemm lil Jushi Egypt kif ukoll lil Hengshi Egypt b’mod konġunt għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tar-Regolament bażiku dwar ir-reviżjoni tal-valuri normali. Jushi Egypt tissuġġerixxi li l-Kummissjoni kellha taċċetta t-talba individwali tagħha għal rivalutazzjoni tal-valur normali. |
(43) |
Jushi Egypt sostniet li filwaqt li hija stess ikkontribwiet għat-tnaqqis allegat fil-prezz tal-esportazzjoni għas-CNBM group kollu, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ Hengshi Egypt baqgħu fl-istess livell bħal matul l-OIP. It-tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ Jushi Egypt, madankollu, ikun ir-riżultat tal-isforz ta’ Jushi Egypt biex tnaqqas il-kostijiet tagħha fl-AIP, u għalhekk ikun hemm effett ugwali tat-tnaqqis fil-kostijiet fuq il-valur normali. Bħala konklużjoni, Jushi Egypt targumenta li għalhekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħha ma ġewx assorbiti u konsegwentement lanqas il-prezzijiet tal-esportazzjoni tas-CNBM group. Barra minn hekk, skont Jushi Egypt, il-marġni ta’ dumping uniku għall-grupp ta’ kumpaniji kellu jkun ibbażat fuq il-marġni ta’ dumping rivedut għal Jushi Egypt u l-marġni ta’ dumping oriġinali għal Hengshi Egypt. |
(44) |
L-ewwel nett, kif spjegat fil-premessa (29), ta’ min jinnota li ġie stabbilit tnaqqis fil-prezz tal-esportazzjoni ta’ 12 % għas-CNBM group li jinkludi kemm Jushi Egypt kif ukoll Hengshi Egypt, li wassal għall-kalkolu mill-ġdid tal-marġnijiet tad-dumping għaż-żewġ entitajiet produtturi skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament bażiku. |
(45) |
It-tieni, huwa mfakkar li s-CNBM group iddikjara b’mod espliċitu li mhux se jfittex reviżjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi relatati tagħhom, Jushi Egypt u Hengshi Egypt. Sussegwentement, il-Kummissjoni pproċediet, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, bil-kalkolu mill-ġdid tal-marġnijiet tad-dumping abbażi tal-valuri normali mill-OIP. |
(46) |
It-tielet, skont l-Artikolu 9(5), it-tieni subparagrafu tar-Regolament bażiku, il-fornituri b’rabtiet strutturali u korporattivi eżistenti jistgħu jitqiesu bħala entità waħda għall-fini tal-ispeċifikazzjoni tad-dazju anti-dumping. Dan jimplika li approċċ uniformi fil-livell tal-grupp ta’ produtturi relatati għandu jiġi adottat ukoll fl-applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) u fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet mill-ġdid ta’ assorbiment. Inkella, approċċi differenti applikati għal produtturi esportaturi individwali li jappartjenu għall-istess grupp li diġà jinsabu fl-istadji preliminari ta’ investigazzjonijiet mill-ġdid ta’ assorbiment jistgħu jirriżultaw f’eżitu mgħawweġ tal-investigazzjonijiet mill-ġdid u s-sitwazzjonijiet, fejn il-produtturi esportaturi jaħarbu mill-applikazzjoni ta’ dazji anti-dumping (miżjuda). Ta’ min jinnota wkoll, fir-rigward tat-trattament ta’ Jushi Egypt u Hengshi Egypt bħala li jappartjeni għall-istess grupp korporattiv, li l-approċċ meħud mill-Kummissjoni f’din l-investigazzjoni mill-ġdid huwa konsistenti bis-sħiħ mal-approċċ adottat fl-investigazzjoni oriġinali. Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, it-talba ta’ Jushi Egypt għandha tiġi miċħuda. |
3.2.2. Tqabbil
(47) |
Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw fuq bażi ta’ prezz mill-fabbrika. |
(48) |
Fejn iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ saru aġġustamenti għall-kostijiet tat-trasport, tal-assigurazzjoni, tal-immaniġġjar, tat-tagħbija, il-kost tal-kreditu, u t-tariffi tal-bank. |
(49) |
Barra minn hekk, matul l-AIP, Hengshi Egypt esportat il-GFF lejn l-Unjoni anki permezz ta’ negozjant relatat li jinsab barra mill-Unjoni, f’Hong Kong. Għalhekk, sar ukoll aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) għall-bejgħ permezz ta’ dik il-kumpanija kummerċjali relatata f’konformità mal-investigazzjoni oriġinali. L-aġġustament kien jikkonsisti fit-tnaqqis tal-SG&A tal-kumpanija kummerċjali u profitt ta’ 5 % (kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali). |
3.2.3. Marġini tad-dumping
(50) |
Sabiex jiġi stabbilit il-marġni tad-dumping għaż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip tal-prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott investigat, fuq bażi ta’ prezz tal-fabbrika, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku. |
(51) |
Peress li ż-żewġ produtturi li kkooperaw kienu relatati, ġie stabbilit marġni tad-dumping uniku bbażat fuq il-medja ponderata tal-marġnijiet tad-dumping individwali tagħhom. |
(52) |
Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta’ dumping medji ponderati, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, żviluppaw kif ġej:
|
3.2.4. Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu
(53) |
Imbagħad il-Kummissjoni ddeterminat il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu abbażi ta’ tqabbil tal-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tas-CNBM group stabbilit fl-AIP mal-prezz medju ponderat mhux dannuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni kif stabbilit matul l-OIP. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjonijiet. |
(54) |
Fuq din il-bażi, il-marġni tal-ħsara ta’ CNBM group żdied minn 63,9 % għal 109,3 %. |
(55) |
Bi tweġiba għad-divulgazzjoni finali. CNBM group u l-GTE sostnew b’referenza għal-livell dejjem jonqos tal-importazzjonijiet mill-Eġittu u t-tnaqqis li rriżulta fis-sehem mis-suq ta’ CNBM fl-Unjoni li l-miżuri anti-dumping fis-seħħ diġà pproteġew tajjeb l-industrija tal-Unjoni, li rkuprat jew kellha l-opportunità li tirkupra mill-allegat dannu materjali. B’referenza għal investigazzjoni parallela kontra ċ-ċirkomvenzjoni (7), is-CNBM group sostna wkoll li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni kienu allegatament qed jiżdiedu, u dan juri li l-industrija tal-Unjoni kienet irkuprat mid-dannu materjali mġarrab. Is-CNBM group ikkontesta wkoll il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni biex tikkalkula l-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz, filwaqt li rrefera għas-sottomissjonijiet tagħhom fl-investigazzjoni oriġinali kif ukoll żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward (8). Barra minn hekk, b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali, il-GTE ssottometta li fir-rieżami tal-marġni tal-eliminazzjoni tad-dannu, il-Kummissjoni użat livell differenti ta’ kummerċ biex tqabbel il-prezzijiet u b’hekk naqset milli taġixxi b’mod konsistenti mal-Artikolu 3 tal-ADA dwar tqabbil ġust. |
(56) |
Kif stabbilit fil-premessa (20), l-investigazzjoni mill-ġdid preżenti hija limitata għal aspetti ta’ dumping biss. Il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ġie kkalkulat mill-ġdid biss sabiex ikun hemm konformità sħiħa mar-regoli rilevanti dwar il-livell tad-dazju u ma jistax jaffettwa l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni mill-ġdid, peress li d-dazji kemm fl-investigazzjoni oriġinali kif ukoll f’din l-investigazzjoni mill-ġdid huma stabbiliti fil-livell tal-marġni tad-dumping (ara l-premessa (58) għal aktar dettalji). Fir-rigward tal-użu ta’ informazzjoni minn investigazzjoni parallela, ta’ min jinnota li CNBM jirreferi għal investigazzjoni differenti u għal informazzjoni li mhijiex disponibbli fil-file tal-każ f’dan il-każ. Għalhekk anki jekk tali informazzjoni kellha tkun rilevanti għall-finijiet ta’ dan il-każ (li mhijiex), ma tistax tintuża f’dan il-każ. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, it-talbiet tas-CNBM group u tal-GTE għandhom jiġu miċħuda. |
4. KONKLUŻJONI
(57) |
Il-marġni tad-dumping ikkalkulat għall-AIP żdied meta mqabbel ma’ dak stabbilit fl-OIP. Għaldaqstant, il-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott investigat mis-CNBM group għandhom jiġu emendati skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament bażiku. |
(58) |
Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, l-ammont tad-dazji għandu jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping. Fl-investigazzjoni antisussidji oriġinali (9), il-Kummissjoni ma kkumpensat l-ebda skema ta’ sussidju kontinġenti fuq l-esportazzjoni skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (ir-Regolament bażiku kontra s-sussidju). Għalhekk, id-dazju kumpensatorju ma għandux għalfejn jitnaqqas sabiex jiġi ddeterminat id-dazju anti-dumping il-ġdid. |
(59) |
Konsegwentement, ir-rata riveduta ta’ dazju anti-dumping applikabbli, qabel id-dazju, għall-prezz nett ħieles minn kull piż fil-fruntiera tal-Unjoni tkun kif ġej:
|
(60) |
Bi tweġiba għad-divulgazzjoni finali, l-applikanti sostnew li, minħabba ż-żieda kbira fit-twaqqigħ tal-prezz, il-Kummissjoni kellha tuża d-diskrezzjoni sħiħa tagħha u tirdoppja d-dazju anti-dumping. |
(61) |
Huwa osservat li l-Kummissjoni aġixxiet f’konformità mal-Artikolu 9(4), 12(2) u 12(3) tar-Regolament bażiku billi kkalkulat mill-ġdid il-marġni tad-dumping biex tqis il-prezzijiet aktar baxxi tal-esportazzjoni u stabbiliet id-dazju anti-dumping rivedut fil-livell tal-marġni tad-dumping stabbilit. Il-Kummissjoni hija marbuta bid-dispożizzjonijiet imsemmija u kuntrarjament għal dak li jsostnu l-applikanti ma għandha l-ebda diskrezzjoni fl-iffissar tad-dazju lil hinn mil-livell tal-marġni tad-dumping f’dan il-każ. Għaldaqstant, it-talba tal-applikanti ma għandha ebda bażi legali u għandha tiġi miċħuda. |
(62) |
Fis-17 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni divulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-GFF li joriġinaw mill-Eġittu. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni. Il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u meqjusa fejn kien ġustifikat. |
(63) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492, l-Artikolu 1(1) u 1(2) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:
“1. Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ drappijiet ta’ faxex u/jew ħjut tal-fibra tal-ħġieġ b’filament kontinwu minsuġa u/jew meħjuta b’elementi oħra jew mingħajrhom, minbarra prodotti li huma impregnati jew impregnati minn qabel (prepreg), u minbarra materjali b’malja miftuħa b’ċelloli ta’ daqs ta’ aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 61 00, ex 7019 62 00, ex 7019 63 00, ex 7019 64 00, ex 7019 65 00, ex 7019 66 00, ex 7019 69 10, ex 7019 69 90 u ex 7019 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 7019610081, 7019610083, 7019610084, 7019620081, 7019620083, 7019620084, 7019630081, 7019630083, 7019630084, 7019640081, 7019640083, 7019640084, 7019650081, 7019650083, 7019650084, 7019660081, 7019660083, 7019660084, 7019691081, 7019691083, 7019691084, 7019699081, 7019699083, 7019699084, 7019900081, 7019900083 u 7019900084).
2. Id-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, liberu fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandu jkun kif ġej:
Pajjiż ikkonċernat |
Kumpanija |
Dazju anti-dumping definittiv |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
RPĊ |
Jushi Group Co. Ltd; Zhejiang Hengshi Fiberglass Fabrics Co. Ltd; Taishan Fiberglass Inc. |
69,0 % |
C531 |
PGTEX China Co. Ltd; Chongqing Tenways Material Corp. |
37,6 % |
C532 |
|
Kumpaniji oħra li kkooperaw kemm fl-investigazzjoni kontra s-sussidji kif ukoll dik anti-dumping elenkati fl- Anness I |
37,6 % |
Ara l-Anness I |
|
Kumpaniji oħra li kkooperaw fl-investigazzjoni anti-dumping iżda mhux fl-investigazzjoni antisussidji elenkati fl-Anness II |
34,0 % |
Ara l-Anness II |
|
Il-kumpaniji l-oħrajn kollha |
69,0 % |
C999 |
|
l-Eġittu |
Jushi Egypt For Fiberglass Industry S.A.E; Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics S.A.E. |
33,1 % |
C533 |
Il-kumpaniji l-oħrajn kollha |
33,1 % |
C999” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 tal-1 ta’ April 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU L 108, 6.4.2020, p. 1)
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/776 tat-12 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU L 189, 15.6.2020, p. 1).
(4) Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mill-Eġittu (ĠU C 483, 1.12.2021, p. 29).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492, emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776.
(6) Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).
(7) Ara r-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2230 tal-14 ta’ Diċembru 2021 li jibda investigazzjoni li tikkonċerna ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta kkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija u kemm jekk le, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 448, 15.12.2021, p. 58).
(8) Il-Kawża T-242/19, Giant Electric Vehicle Kunshan vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2022:259, paragrafu 90; Il-Kawżi T-30/19 u T-72/19, CRIA u CCCMC vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2022:266, paragrafu 153.
(9) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776.
(10) Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).