EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1103

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1103 tat-28 ta’ Ġunju 2022 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2022/4649

ĠU L 177, 4.7.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1103/oj

4.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1103

tat-28 ta’ Ġunju 2022

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, jenħtieġ li l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), bis-saħħa tar-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li mhijiex konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

għad-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Grixa tal-fażola tas-sojja mill-estrazzjoni b’solvent tal-fażola tas-sojja.

Il-grixa tal-fażola tas-sojja hija magħmula mill-fażola tas-sojja li tiġi mqaxxra, imkissra, imsaħħna u magħmula fjokki qabel l-estrazzjoni taż-żejt bl-eżan. Imbagħad, il-fjokki jitnixxfu bi proċess ta’ tneħħija tas-solventi u xiwi. Wara dan, il-fjokki jitnixxfu bl-arja sħuna biex titnaqqas l-umdità. Fl-aħħar stadju tal-ipproċessar, il-fjokki jintaħnu u l-qxur li jkunu tneħħew qabel jintefgħu mill-ġdid biex tinkiseb grixa bil-karatteristiċi analitiċi li ġejjin (bejn wieħed u ieħor skont il-piż):

47 % proteini;

8 % ilma;

5 % fibri;

1,5 % xaħam.

Bix-xiwi jitneħħa s-solvent residwu u jitnaqqsu l-fatturi antinutrizzjonali, speċjalment l-attività tal-ureażi.

Il-grixa tal-fażola tas-sojja hija ppreżentata għall-importazzjoni bl-ingrossa u tista’ tintuża direttament bħala għalf tal-annimali mingħajr aktar ipproċessar.

2304 00 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regola ġenerali nru 1 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċi NM 2304 00 00 .

It-tneħħija tas-solventi u x-xiwi kif ukoll l-istandardizzazzjoni tal-kontenut tal-fibri bit-tfigħ mill-ġdid tal-qxur taż-żrieragħ li jkunu tneħħew qabel, huma proċessi tekniċi normali fil-produzzjoni taż-żejt u tal-grixa tal-fażola tas-sojja. Għalhekk il-prodott iżomm il-karattru ta’ residwu li jirriżulta mill-estrazzjoni taż-żejt tal-fażola tas-sojja, użat bħala għalf tal-annimali (ara wkoll in-Nota ta’ Spjegazzjoni Ġenerali tas-Sistema Armonizzata (NSSA) tal-ewwel paragrafu tal-Kapitolu 23 u n-Nota ta’ Spjegazzjoni Ġenerali tas-Sistema Armonizzata tal-ewwel paragrafu tal-intestatura 2304 ).

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 2304 00 00 bħala residwi solidi oħra li jirriżultaw mill-estrazzjoni taż-żejt tal-fażola tas-sojja.


Top