Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0419

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/419 tal-14 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 1352/2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen

    ST/7085/2022/INIT

    ĠU L 86, 14.3.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/419/oj

    14.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 86/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/419

    tal-14 ta’ Marzu 2022

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 1352/2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1352/2014 tat-18 ta' Diċembru 2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1352/2014.

    (2)

    Fit-28 ta' Frar 2022, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2140 (2014) żied entità waħda fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

    (3)

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 huwa b'dan emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    É. BORNE


    (1)  ĠU L 365, 19.12.2014, p. 60.


    ANNESS

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-intestatura “Lista ta' persuni u entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 2” hija sostitwita kif ġej:

    “Lista ta' persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikoli 1a u 2”;

    (2)

    taħt l-intestatura “Lista ta' persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikoli 1a u 2”, jiżdiedu s-subintestatura u l-entità li ġejjin.

    “B.    ENTITAJIET

    1.

    THE HOUTHIS  (*1) (magħrufin ukoll bħala: (a) ANSARALLAH; (b) ANSAR ALLAH; (c) PARTISANS OF GOD; (d) SUPPORTERS OF GOD).

    Informazzjoni: The Houthis involvew ruħhom f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà, u l-istabbiltà tal-Jemen.

    Data tad-deżinjazzjoni min-NU:24.02.2022.

    Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    The Houthis involvew ruħhom f'attakki li laqtu ċ-ċittadini u l-infrastruttura ċivili fil-Jemen, implimentaw politika ta' vjolenza sesswali u repressjoni fil-konfront ta' nisa politikament attivi u professjonisti, involvew ruħhom fir-reklutaġġ u l-użu ta' tfal, inċitaw il-vjolenza kontra gruppi inkluż abbażi tar-reliġjon u n-nazzjonalità, u użaw b'mod indiskriminat mini tal-art u apparat esplożiv improvviżat fil-Kosta tal-Punent tal-Jemen. The Houthis xekklu wkoll il-kunsinna ta' għajnuna umanitarja lill-Jemen, jew l-aċċess għal għajnuna umanitarja fil-Jemen, jew id-distribuzzjoni tagħha.

    The Houthis wettqu attakki fuq it-trasport marittimu kummerċjali fil-Baħar l-Aħmar bl-użu ta' apparat esplożiv improvviżat fuq l-ilma u mini tal-baħar.

    The Houthis wettqu wkoll attakki terroristiċi transfruntiera ripetuti li laqtu ċ-ċittadini u l-infrastruttura ċivili fir-Renju tal-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda u heddew li jolqtu intenzjonalment siti ċivili.

    (*1)  L-Artikolu 2 ma għandux japplika għal din l-entità.”"


    (*1)  L-Artikolu 2 ma għandux japplika għal din l-entità.””


    Top