EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0163

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/163 tas-7 ta’ Frar 2022 li jistabbilixxi r-regoli dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti funzjonali għas-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi, ta’ sistemi, ta’ komponenti u ta’ unitajiet tekniċi separati

C/2022/582

ĠU L 27, 8.2.2022, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/163/oj

8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/163

tas-7 ta’ Frar 2022

li jistabbilixxi r-regoli dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti funzjonali għas-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi, ta’ sistemi, ta’ komponenti u ta’ unitajiet tekniċi separati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 8(15), 9(5) u 13(10) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8(15) tar-Regolament (UE) 2018/858, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi kriterji komuni għall-istabbiliment tal-iskala adegwata tal-kontrolli ta’ verifika tal-konformità tal-vetturi, tas-sistemi, tal-komponenti u tal-unitajiet tekniċi separati li jridu jitwettqu mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha wkoll is-setgħa li tistabbilixxi kriterji komuni għall-format tad-deskrizzjoni tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq ippjanati li l-Istati Membri jridu jipprovdu lill-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar (“il-Forum”) skont l-Artikolu 8(6) tar-Regolament (UE) 2018/858. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi kriterji komuni għall-format tar-rapport dwar is-sejbiet tal-kontrolli ta’ verifika tal-konformità li l-Istati Membri jridu iressqu lill-Forum skont l-Artikolu 8(7) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Jenħtieġ li sabiex jiġi żgurat mekkaniżmu robust għall-infurzar tal-konformità u biex l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jiġu pprovduti b’rekwiżiti uniformi għall-għażla ta’ sistemi, ta’ komponenti u ta’ unitajiet tekniċi separati tal-vetturi għat-testijiet jiġu stabbiliti l-kriterji għall-istabbiliment tal-iskala adegwata tal-kontrolli ta’ verifika tal-konformità. Peress li l-kontrolli ta’ verifika tal-konformità ma jistgħux jiġu applikati bl-istess mod minħabba d-differenzi f’kull Stat Membru rigward l-għadd ta’ vetturi, il-vetturi rreġistrati jew l-għadd ta’ lmenti, huwa importanti li dawk il-kriterji jkopru elementi differenti li jistgħu jintużaw f’konformità mal-ispeċifiċitajiet ta’ Stat Membru partikolari. Jenħtieġ li dawk il-kriterji jinkludu l-frekwenza tal-kontrolli dokumentarji, l-għadd ta’ vetturi rreġistrati, u l-għadd ta’ testijiet imwettqa għal kull Stat Membru.

(3)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-ippjanar annwali tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri u biex jiġi żgurat li s-sejbiet tagħhom wara kwalunkwe kontrolli ta’ verifika tal-konformità jiġu rrappurtati b’mod uniformi, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji komuni għall-format li jrid jintuża mill-Istati Membri meta jressqu lill-Forum id-deskrizzjoni komprensiva tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq ippjanati tagħhom imsemmija fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament (UE) 2018/858 u r-rapport dwar is-sejbiet tal-kontrolli ta’ verifika tal-konformità tagħhom imsemmi fl-Artikolu 8(7) ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li l-format tad-deskrizzjoni tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq ippjanati jinkludi informazzjoni dwar is-sistemi tal-vetturi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati ttestjati, l-atti regolatorji rilevanti vverifikati u l-ippjanar tat-testijiet. Jenħtieġ li l-format tar-rapport dwar is-sejbiet dwar il-kontrolli ta’ verifika tal-konformità jinkludi informazzjoni dwar il-prinċipji tal-valutazzjoni tar-riskju stabbiliti u l-analiżi tal-attivitajiet imwettqa.

(4)

Skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) 2018/858, jeħtieġ li tiġi speċifikata d-data li l-manifatturi għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mingħajr ħlas għall-fini tal-verifika tal-konformità.

(5)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(10) tar-Regolament (UE) 2018/858, jeħtieġ li tiġi speċifikata d-data li l-manifatturi għandhom jagħmlu disponibbli għal partijiet terzi mingħajr ħlas skont l-ewwel subparagrafu ta’ dak il-paragrafu għall-fini tal-ittestjar minn tali partijiet terzi għal nuqqas ta’ konformità possibbli.

(6)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(10) tar-Regolament (UE) 2018/858, jeħtieġ li jiġu speċifikati r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati minn partijiet terzi biex juru l-interess leġittimu tagħhom fl-oqsma tas-sikurezza pubblika jew tal-protezzjoni ambjentali u l-użu minnhom ta’ faċilitajiet ta’ ttestjar adegwati u biex jiggarantixxu li l-organizzazzjoni u l-operat tagħhom ikunu kompletament imparzjali u indipendenti.

(7)

Jenħtieġ li sabiex jiġi żgurat li l-partijiet terzi jkunu kapaċi jwettqu l-verifiki tal-konformità f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-atti regolatorji elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/858, ir-rapporti tat-testijiet tagħhom jikkonformaw mal-format stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/683 (2) u jissodisfaw ir-rekwiżiti fir-rigward tal-kompetenza u tal-kwalità tal-faċilitajiet tal-ittestjar.

(8)

Il-miżuri li għandhom jittieħdu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8(15), 9(5) u 13(10) tar-Regolament (UE) 2018/858 jikkonċernaw il-verifika tal-konformità ta’ vetturi, ta’ sistemi, ta’ komponenti u ta’ unitajiet tekniċi separati. Dawn il-miżuri huma sostanzjalment marbuta mill-għan tagħhom u mill-kuntest li fih għandhom japplikaw. Huwa għalhekk xieraq li dan ir-Regolament jiġi adottat abbażi tat-tliet dispożizzjonijiet kollha sabiex tinkiseb verifika konsistenti tal-konformità.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur (TCMV),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kriterji biex tiġi stabbilita l-iskala adegwata tal-kontrolli ta’ verifika tal-konformità

L-iskala adegwata tal-kontrolli ta’ verifika tal-konformità tal-vetturi, tas-sistemi, tal-komponenti, u tal-unitajiet tekniċi separati mwettqa mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandha tiġi stabbilita abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-frekwenza tal-kontrolli dokumentarji fuq vetturi, sistemi, komponenti, u unitajiet tekniċi separati mwettqa fuq vetturi rreġistrati fl-Istat Membru rilevanti fis-sena preċedenti;

(b)

l-għadd ta’ testijiet fis-sena filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2018/858;

(c)

klassifikazzjoni tal-perikli tal-atti regolatorji elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/858, abbażi tar-riskju u l-probabbiltà li jseħħ il-periklu;

(d)

l-għadd ta’ vetturi ġodda rreġistrati fl-Istat Membru rilevanti fis-sena preċedenti, skont il-marka u l-isem kummerċjali;

(e)

l-ilmenti sostanzjati għal kull għamla u l-isem kummerċjali tal-vetturi fit-tliet snin preċedenti;

(f)

l-informazzjoni skambjata fil-Forum fit-tliet snin preċedenti;

(g)

ir-riżultati tal-ittestjar ippubblikati minn partijiet terzi fit-tliet snin preċedenti, li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6;

(h)

il-perċentwal tat-testijiet allokati għan-numru ta’ vetturi rreġistrati u l-perċentwal tat-testijiet allokati għall-kampjunar aleatorju.

Artikolu 2

Format tad-deskrizzjoni tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq ippjanati

Id-deskrizzjoni tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq ippjanati msemmija fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament (UE) 2018/858 għandha titressaq lill-Forum fil-format stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Format tar-rapport tas-sejbiet wara l-kontrolli ta’ verifika tal-konformità

Ir-rapport tas-sejbiet wara l-kontrolli ta’ verifika tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8(7) tar-Regolament (UE) 2018/858 għandu jitressaq lill-Forum fil-format stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Data li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mill-manifatturi għall-fini tal-verifika tal-konformità

Id-data li trid titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mill-manifatturi sabiex din tkun tista’ twettaq it-testijiet u l-ispezzjonijiet skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/858 għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

il-parametri u l-konfigurazzjonijiet li huma meħtieġa biex jiġu replikati b’mod preċiż il-kundizzjonijiet tat-test li kienu japplikaw fiż-żmien tal-ittestjar għall-approvazzjoni tat-tip, inklużi r-rapporti kollha tat-testijiet imsemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2018/858 u l-informazzjoni rilevanti biex jitwettqu t-testijiet u l-kontrolli meħtieġa skont dak ir-Regolament (UE) 2018/858 u l-atti regolatorji elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament;

(b)

il-pakketti ta’ dokumentazzjoni estiżi meħtieġa skont l-atti regolatorji elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/858, inkluża informazzjoni dwar strateġiji awżiljarji għall-emissjonijiet (AES) f’konformità mal- Anness I, Appendiċi 3a tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 (3);

(c)

il-pakkett dwar it-trasparenza tal-ittestjar meħtieġ għall-ittestjar tal-vetturi għall-emissjonijiet deskritt fl-Anness II, punt 5.9 tar-Regolament (UE) 2017/1151;

(d)

kopja taċ-ċertifikat ta’ konformità ta’ kull vettura li trid tiġi ttestjata;

(e)

l-informazzjoni teknika rilevanti l-oħra kollha meħtieġa biex jitwettqu t-testijiet.

Artikolu 5

Data li trid issir disponibbli mill-manifatturi lil partijiet terzi għall-fini ta’ ttestjar għal nuqqas ta’ konformità possibbli

Id-data li trid issir disponibbli mill-manifatturi lil partijiet terzi skont l-Artikolu 13(10) tar-Regolament (UE) 2018/858 għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

il-parametri u l-konfigurazzjonijiet li huma meħtieġa biex jiġu replikati b’mod preċiż il-kundizzjonijiet tat-test li kienu japplikaw fiż-żmien tal-ittestjar għall-approvazzjoni tat-tip, inklużi r-rapporti kollha tat-testijiet imsemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2018/858 u l-informazzjoni rilevanti biex jitwettqu t-testijiet u l-kontrolli meħtieġa skont dak ir-Regolament (UE) 2018/858 u l-atti regolatorji elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament;

(b)

il-pakketti ta’ dokumentazzjoni estiżi meħtieġa skont l-atti regolatorji elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/858, inkluża informazzjoni dwar l-Istrateġija Awżiljarja għall-Kontroll tal-Emissjonijiet (AES) f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1151, l-Anness I, l-Appendiċi 3a u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 (4), l-Anness I, l-Appendiċi 11;

(c)

il-pakkett dwar it-trasparenza tal-ittestjar meħtieġ għall-ittestjar tal-vetturi għall-emissjonijiet deskritt fl-Anness II, punt 5.9 tar-Regolament (UE) 2017/1151;

(d)

kopja taċ-ċertifikat ta’ konformità ta’ kull vettura li trid tiġi ttestjata;

(e)

l-informazzjoni teknika rilevanti l-oħra kollha meħtieġa biex jitwettqu t-testijiet.

Artikolu 6

Rekwiżiti għal partijiet terzi biex juru l-interess leġittimu tagħhom u l-użu minnhom ta’ faċilitajiet tal-ittestjar adegwati

1.   Għall-finijiet li juru l-interessi leġittimi tagħhom fl-oqsma tas-sikurezza pubblika jew tal-protezzjoni ambjentali skont l-Artikolu 13(10) tar-Regolament (UE) 2018/858, il-partijiet terzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu persuna fiżika jew ġuridika stabbilita skont id-dritt ta’ Stat Membru;

(b)

għandhom ikunu mhux governattivi u mingħajr skop ta’ qligħ;

(c)

ma għandhomx ikunu involuti f’aspetti tal-approvazzjoni tat-tip jew fil-proċess tad-disinn, tal-manifattura, tal-provvista jew tal-manutenzjoni ta’ vettura, ta’ sistema, ta’ komponent jew ta’ unità teknika separata;

(d)

huma għandhom jipprovdu dikjarazzjoni li tiddikjara li josservaw il-kunfidenzjalità fil-kuntest tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u tal-preservazzjoni tad-data personali u li l-persunal tagħhom josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha pprovduta mill-manifatturi, inkluż iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u l-annessi tiegħu u d-data magħmula disponibbli f’konformità mal-Artikolu 5;

(e)

huma għandhom juru li jagħmlu użu minn faċilitajiet ta’ ttestjar adegwati f’konformità mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Għall-finijiet li jintwera li partijiet terzi jagħmlu użu minn faċilitajiet ta’ ttestjar xierqa għall-finijiet ta’ kontrolli u testijiet tal-konformità, dawn il-faċilitajiet għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ma jkunux involuti fil-proċess tad-disinn, tal-manifattura, tal-provvista jew tal-manutenzjoni tal-vettura, tas-sistema, tal-komponent jew tal-unità teknika separata li huma jivvalutaw, jittestjaw jew jispezzjonaw;

(b)

ikunu akkreditati f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard EN ISO/IEC 17025:2017 dwar ir-rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza tal-laboratorji tal-ittestjar u tal-kalibrazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-akkreditazzjoni jkopri t-testijiet li jwettaq skont l-atti regolatorji elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/858;

(c)

ikunu akkreditati f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard EN ISO/IEC 17020:2012 għal kriterji ġenerali għat-tħaddim ta’ diversi tipi ta’ korpi li jwettqu spezzjoni jew inkella l-iskop tal-akkreditazzjoni skont EN ISO/IEC 17025:2017 jiġi estiż biex ikopri l-proċedura ta’ spezzjoni;

(d)

huma għandhom jipprovdu dikjarazzjoni li fiha jistqarru li josservaw il-kunfidenzjalità fil-kuntest tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u tal-preservazzjoni tad-data personali u li l-persunal tagħhom josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha pprovduta mill-manifatturi, inkluż iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u l-annessi tiegħu u d-data magħmula disponibbli f’konformità mal-Artikolu 5.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 151. 14.6.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/683 tal-15 ta’ April 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti amministrattivi għall-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi (ĠU L 163, 26.5.2020, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u li jemenda l-Annessi I u III għad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 167, 25.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Format tad-deskrizzjoni komprensiva tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq ippjanati

(trid timtela mill-Istat Membru u titressaq lill-Forum sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu)

Stat Membru: …

Isem l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq: …

Persuna ta’ kuntatt fi ħdan l-awtorità (isem, email u numru tat-telefon): …

Perjodu kopert: JJ.XX.SSSS - JJ.XX.SSSS

Stat Membru (1):

Għamla (2):

Isem kummerċjali (3):

Varjant/verżjoni (4)

Kategorija tal-vettura (5) jew sistema, komponent u unità teknika separata:

Att(i) regolatorju(i) (6):

Suġġett(i) (7):

Kontrolli tad-dokumenti/testijiet tal-laboratorju/testijiet fit-triq:

Perjodu tal-bidu ppjanat:

Rimarki:

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(1)  In-numru distintiv tal-Istat Membru li jkun ħareġ l-approvazzjoni tat-tip kif stipulat fit-tabella fl-Anness IV, il-punt 2.1 tar-Regolament (UE) 2020/683.

(2)  L-isem kummerċjali tal-manifattur stabbilit fil-punt 0.1. taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ vettura sħiħa.

(3)  L-isem kummerċjali stabbilit fil-punt 0.2.1. taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ vettura sħiħa.

(4)  Fejn applikabbli.

(5)  Kategorija tal-vettura (eż. M1, N1).

(6)  Atti regolatorji applikabbli elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/858.

(7)  Soġġett għall-atti regolatorji applikabbli elenkati fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2018/858.


ANNESS II

Format tar-rapport tas-sejbiet dwar il-kontrolli ta’ verifika tal-konformità

(trid timtela mill-Istat Membru u titressaq lill-Forum sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara t-tmiem il-perjodu ta’ sentejn ikkonċernat)

1.

Informazzjoni:

Stat Membru: …

Isem l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq: …

Perjodu kopert: JJ.XX.SSSS - JJ.XX.SSSS

2.

Ġenerali: (organizzazzjoni u infrastruttura tas-sorveljanza tas-suq)

Ministeru responsabbli għal dan is-settur;

Isem u dettalji tal-kuntatt tal-Awtorità tas-Sorveljanza tas-Suq kompetenti

(l-indirizz tagħhom; inkluż l-indirizz elettroniku tagħhom (email), u l-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom);

Għadd ta’ persunal tas-sorveljanza tas-suq awtomobilistiku;

Riżorsi tat-test (laboratorju proprju jew estern);

Kjarifika dwar kif jiġi żgurat li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iwettqu dmirijiethom b’mod indipendenti u imparzjali.

3.

Spjegazzjoni mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti tagħhom tal-valutazzjoni tar-riskju:

spjegazzjoni qasira tal-prinċipji tal-valutazzjoni tar-riskju stabbiliti;

deskrizzjoni tal-kriterji użati għall-valutazzjoni tar-riskju;

spjegazzjoni dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-attivitajiet bejn l-awtoritajiet nazzjonali;

4.

Attivitajiet ta’ deskrizzjoni mwettqa matul il-perjodu ta’ ppjanar preċedenti:

Għadd totali ta’ kontrolli tas-sorveljanza tas-suq imwettqa kull sena;

Għadd ta’ nonkonformitajiet identifikati kull sena u għal kull tip ta’ vettura;

Informazzjoni speċifika fir-rigward tan-nonkonformitajiet identifikati kull sena (il-leġiżlazzjoni applikabbli/is-suġġett) u x-xejriet identifikati f’każijiet ta’ nonkonformità;

Għadd ta’ miżuri korrettivi u restrittivi miftuħa fir-rigward tan-nonkonformitajiet identifikati fis-sena;

Għadd u ammont ta’ flus ta’ penali imposti mill-Istati Membri għal kull sena u għal kull leġiżlazzjoni;

5.

Sejbiet/analiżijiet:

Punti b’Saħħithom u Dgħufijiet (interni - livell mikro) tal-Awtorità tas-Sorveljanza tas-Suq;

Opportunitajiet u Theddidiet (esterni - livell meso u makro) ibbażati fuq sejbiet u nonkonformitajiet permezz ta’ kontrolli tas-sorveljanza tas-suq;

Lezzjonijiet meħuda (interni — livell mikro);

Lezzjonijiet meħuda (esterni — livell meso u makro);

6.

Miżuri u azzjonijiet:

Miżuri u azzjonijiet interni (livell mikro) ippjanati għas-sentejn li ġejjin;

Miżuri u azzjonijiet esterni (livelli meso u makro) ippjanati għas-sentejn li ġejjin;

7.

Rimarki:

 


Top