Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0160

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/160 tal-4 ta’ Frar 2022 li jistabbilixxi frekwenzi minimi uniformi ta’ ċerti kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1082/2003 u (KE) Nru 1505/2006 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/665

    ĠU L 26, 7.2.2022, p. 11–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/160/oj

    7.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 26/11


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/160

    tal-4 ta’ Frar 2022

    li jistabbilixxi frekwenzi minimi uniformi ta’ ċerti kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1082/2003 u (KE) Nru 1505/2006

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli ġenerali għall-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtorità kompetenti għall-verifika tal-konformità mar-regoli f’għadd ta’ oqsma, inkluża s-saħħa tal-annimali, fuq bażi ta’ riskju u bi frekwenzi xierqa. Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll metodi u tekniki għall-kontrolli uffiċjali, li jinkludu, fost l-oħrajn, spezzjonijiet ta’ bini, annimali u oġġetti taħt il-kontroll tal-operaturi.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ frekwenzi minimi uniformi ta’ kontrolli uffiċjali li għandhom jiġu stabbiliti, fejn dawn ikunu meħtieġa biex jirrispondu għal perikli u riskji speċifiċi għas-saħħa tal-annimali u biex jivverifikaw il-konformità mal-miżuri ta’ prevenzjoni u l-kontroll tal-mard.

    (3)

    Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għadd ta’ atti legali dwar is-saħħa tal-annimali stabbilixxew regoli għall-frekwenzi minimi għall-kontrolli uffiċjali, b’mod partikolari l-ispezzjonijiet. Ir-Regolament (UE) 2016/429 iħassar dawk l-atti legali b’effett mill-21 ta’ April 2021.

    (4)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (3) jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-approvazzjoni, fost l-oħrajn, tal-imfaqas u l-istabbilimenti li jżommu t-tjur, l-istabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa għall-ungulati u t-tjur, iċ-ċentri ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa, is-santwarji tal-annimali għall-klieb, qtates u inmsa, il-postijiet ta’ kontroll, l-istabbilimenti tal-produzzjoni tan-naħal bagħli iżolati ambjentalment, l-istabbilimenti ta’ kwarantina u l-istabbilimenti konfinati għall-annimali terrestri.

    (5)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/686 (4) jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-approvazzjoni ta’ stabbilimenti ta’ prodotti ġerminali għall-annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini li minnhom il-prodotti ġerminali ta’ dawk l-annimali jistgħu jinġarru lejn Stat Membru ieħor.

    (6)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/691 (5) jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-approvazzjoni ta’ ċerti stabbilimenti tal-akkwakultura u gruppi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura li jżommu annimali akkwatiċi li huma ta’ riskju sinifikanti għas-saħħa tal-annimali.

    (7)

    Huwa importanti li l-awtorità kompetenti tivverifika permezz ta’ kontrolli uffiċjali regolari, b’mod partikolari permezz ta’ spezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14(b) tar-Regolament (UE) 2017/625, li l-annimali u l-prodotti ġerminali jibqgħu jinżammu u jiġu prodotti taħt kundizzjonijiet uniformi ta’ approvazzjoni għall-istabbilimenti, li huma maħsuba biex itaffu r-riskji u l-perikli assoċjati mal-mard elenkat fir-Regolament (UE) 2016/429 u ma’ mard emerġenti. Bħala rispons għal dawk il-perikli u r-riskji uniformi għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kkawżati minn dak il-mard, f’dan ir-Regolament jenħtieġ jiġu stabbiliti frekwenzi minimi uniformi għall-ispezzjonijiet f’ċerti stabbilimenti approvati.

    (8)

    Għall-istabbilimenti tal-prodotti ġerminali approvati, kwalunkwe frekwenza minima uniformi għall-ispezzjonijiet jenħtieġ tqis in-natura mhux staġjonali tal-ġbir tas-semen tal-annimali bovini u porċini.

    (9)

    Jenħtieġ li kwalunkwe frekwenza minima uniformi għall-ispezzjonijiet f’ċerti stabbilimenti tal-akkwakultura approvati u fi gruppi approvati ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura tqis il-klassifikazzjoni tar-riskju ta’ dak l-istabbiliment jew ta’ dak il-grupp ta’ stabbilimenti f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 (6).

    (10)

    Fir-rigward tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ ċerti annimali, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1082/2003 (7) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1505/2006 (8) jistabbilixxu l-livell minimu ta’ kontrolli jew verifiki li għandhom jitwettqu fi stabbilimenti li jżommu annimali bovini, ovini u kaprini kull sena kif ukoll l-għadd ta’ annimali li għandhom jiġu spezzjonati f’kull wieħed minn dawk l-istabbilimenti.

    (11)

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jistabbilixxi wkoll rekwiżiti dettaljati għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini u kaprini biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tagħhom.

    (12)

    L-annimali bovini, ovini jew kaprini li mhumiex identifikati jew irreġistrati f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jista’ jkollhom rwol fit-tixrid tal-mard elenkat fir-Regolament (UE) 2016/429 u fil-mard emerġenti. Biex jiġi mmitigat dak il-periklu u r-riskju uniformi għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, biex tiġi vverifikata b’mod regolari l-konformità tal-operaturi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-Regolament (UE) 2017/625, jenħtieġ li jiġu stabbiliti frekwenzi minimi uniformi għall-ispezzjonijiet matul it-twettiq tal-kontrolli uffiċjali fuq l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini, ovini u kaprini.

    (13)

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ma ħassarx b’mod espliċitu r-Regolamenti (KE) Nru 1082/2003 u (KE) Nru 1505/2006. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, dan ir-Regolament jenħtieġ li jħassar dawk ir-Regolamenti.

    (14)

    Ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll.

    (15)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi frekwenzi minimi uniformi għall-kontrolli uffiċjali, b’mod partikolari, l-ispezzjonijiet tal-annimali u tal-prodotti ġerminali, u l-kundizzjonijiet li skonthom jinżammu jew jiġu prodotti fl-istabbilimenti li ġejjin:

    (a)

    l-istabbilimenti approvati għall-annimali terrestri miżmuma u l-bajd għat-tifqis imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

    (b)

    l-istabbilimenti tal-prodotti ġerminali approvati msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686;

    (c)

    ċerti stabbilimenti tal-akkwakultura approvati skont l-Artikolu 176(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u gruppi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvati skont l-Artikolu 177, ta’ dak ir-Regolament;

    (d)

    l-istabbilimenti rreġistrati għall-annimali terrestri miżmuma msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 li jżommu annimali bovini, ovini jew kaprini.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429, fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, fir-Regolament Delegat (UE) 2020/686, fir-Regolament Delegat (UE) 2020/688 (9) u fir-Regolament Delegat (UE) 2020/990 (10):

    (a)

    “stabbiliment” kif iddefinit fl-Artikolu 4(27) tar-Regolament (UE) 2016/429;

    (b)

    “mafqas” kif iddefinit fl-Artikolu 4(47) tar-Regolament (UE) 2016/429;

    (c)

    “operazzjoni ta’ ġbir f’daqqa” kif iddefinit fl-Artikolu 4(49) tar-Regolament (UE) 2016/429;

    (d)

    “ċentru ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa” kif iddefinit fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

    (e)

    “santwarju tal-annimali” kif iddefinit fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

    (f)

    “postijiet tal-kontroll” kif iddefinit fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

    (g)

    “stabbiliment ta’ produzzjoni iżolata ambjentalment” kif iddefinit fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

    (h)

    “stabbiliment ta’ kwarantina approvat” kif iddefinit fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/688;

    (i)

    “stabbiliment konfinat” kif iddefinit fl-Artikolu 4(48) tar-Regolament (UE) 2016/429;

    (j)

    “stabbiliment tal-prodotti ġerminali approvat” kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686;

    (k)

    “stabbiliment tal-akkwakultura approvat” kif iddefinit fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990;

    (l)

    “grupp ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvat” kif iddefinit fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990.

    Artikolu 3

    Frekwenza minima uniformi ta’ spezzjonijiet f’ċerti stabbilimenti approvati

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (11) għandhom iwettqu mill-inqas darba kull sena kalendarja, kontrolli uffiċjali, u b’mod partikolari jispezzjonaw annimali u bajd għat-tifqis u l-kundizzjonijiet li fihom dawk l-annimali u l-bajd għat-tifqis jinżammu jew jiġu prodotti fit-tipi ta’ stabbilimenti li ġejjin fit-territorju tagħhom, u li jkunu kisbu approvazzjoni mill-awtorità kompetenti:

    (a)

    imfaqas u stabbilimenti li jżommu t-tjur;

    (b)

    stabbilimenti għall-operazzjonijiet tal-ġbir f’daqqa għall-ungulati u t-tjur;

    (c)

    ċentri tal-ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa;

    (d)

    santwarji tal-annimali għall-klieb, il-qtates u l-inmsa;

    (e)

    postijiet ta’ kontroll;

    (f)

    stabbilimenti tal-produzzjoni tan-naħal bagħli iżolata ambjentalment;

    (g)

    stabbilimenti ta’ kwarantina approvati;

    (h)

    stabbilimenti konfinati.

    Artikolu 4

    Frekwenza minima uniformi ta’ spezzjonijiet fi stabbilimenti ta’ prodotti ġerminali approvati

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali, u b’mod partikolari jispezzjonaw prodotti ġerminali, ħlief il-bajd għat-tifqis, u l-kundizzjonijiet li fihom dawk il-prodotti ġerminali jiġu prodotti kull sena kalendarja fit-tipi ta’ stabbilimenti li ġejjin fit-territorju tagħhom, u li jkunu kisbu approvazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti:

    (a)

    mill-inqas darbtejn kull sena kalendarja: ċentri tal-ġbir tas-semen għall-annimali bovini u porċini;

    (b)

    mill-inqas darba kull sena kalendarja:

    (i)

    ċentri tal-ġbir tas-semen għall-annimali ovini, kaprini u ekwini;

    (ii)

    timijiet tal-ġbir jew tal-produzzjoni ta’ embrijuni;

    (iii)

    stabbilimenti tal-ipproċessar tal-prodotti ġerminali;

    (iv)

    ċentri tal-ħżin tal-prodotti ġerminali.

    Artikolu 5

    Frekwenza minima uniformi ta’ spezzjonijiet f’ċerti stabbilimenti tal-akkwakultura approvati u f’ċerti gruppi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvati

    L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha twettaq kontrolli uffiċjali, u b’mod partikolari tispezzjona l-annimali tal-akkwakultura u l-kundizzjonijiet li fihom jinżammu dawk l-annimali jinżammu f’ċerti stabbilimenti tal-akkwakultura approvati u gruppi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvati fit-territorju tiegħu. Dawk il-kontrolli uffiċjali għandhom iqisu l-klassifikazzjoni tar-riskju tal-istabbiliment tal-akkwakultura approvat jew tal-grupp ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvat, iddeterminati mill-awtorità kompetenti skont il-punt 1.2, tal-Parti 1, tal-Kapitolu 1, tal-Anness VI tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689, jew il-klassifikazzjoni tar-riskju tal-istabbilimenti f’kompartimenti dipendenti msemmija fl-Artikolu 73(3)(b), ta’ dak ir-Regolament, kif ġej:

    (a)

    stabbilimenti b’riskju għoli għandhom jiġu spezzjonati mill-inqas darba kull sena kalendarja;

    (b)

    stabbilimenti b’riskju medju għandhom jiġu spezzjonati mill-inqas darba kull sentejn kalendarji;

    (c)

    stabbilimenti b’riskju baxx għandhom jiġu spezzjonati mill-inqas darba kull tliet snin kalendarji.

    Artikolu 6

    Frekwenza minima uniformi ta’ spezzjonijiet fl-istabbilimenti li jżommu annimali bovini, ovini u kaprini

    L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha twettaq kontrolli uffiċjali, u b’mod partikolari tispezzjona, l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini u kaprini kull sena kalendarja f’mill-inqas 3 % tal-istabbilimenti fit-territorju tiegħu li jżommu dawk l-annimali.

    Artikolu 7

    Tħassir

    1.   Ir-Regolamenti (KE) Nru 1082/2003 u (KE) Nru 1505/2006 huma mħassra.

    2.   Ir-referenzi għar-Regolamenti mħassrin għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/686 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ stabbilimenti tal-prodotti ġerminali u r-rekwiżiti tat-traċċabbiltà u tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni tal-prodotti ġerminali ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/691 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għal stabbilimenti tal-akkwakultura u trasportaturi ta’ annimali akkwatiċi (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 345).

    (6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għas-sorveljanza, għall-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-istat ta’ ħelsien mill-mard għal ċertu mard elenkat u emerġenti (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 211).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1082/2003 tat-23 ta’ Ġunju 2003 li jniżżel regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta’ kontrolli li għandhom isiru fil-qafas tas-sistema għall-identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali bovini (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 9).

    (8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1505/2006 tal-11 ta’ Ottubru 2006 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 fir-rigward tal-livell minimu ta’ kontrolli li għandhom isiru fir-rigward tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u l-kaprini (ĠU L 280, 12.10.2006, p. 3).

    (9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali terrestri u bajd għat-tifqis (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 140).

    (10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/990 tat-28 ta’ April 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi u prodotti li joriġinaw minn annimali akkwatiċi (ĠU L 221, 10.7.2020, p. 42).

    (11)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-“Istati Membri” jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.


    ANNESS

    Tabelli ta’ korrelazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2)

    1.   Regolament (KE) Nru 1082/2003

    Regolament (KE) Nru 1082/2003

    Dan ir-Regolament

    Artikolu 1

    -

    Artikolu 2(1)

    Artikolu 6

    Artikolu 2(2)

    -

    Artikolu 2(3)

    -

    Artikolu 2(4)

    -

    Artikolu 2(5)

    -

    Artikolu 2(6)

    -

    Artikolu 3

    -

    Artikolu 4

    -

    Artikolu 5

    -

    Anness I

    -

    2.   Regolament (KE) Nru 1505/2006

    Regolament (KE) Nru 1505/2006

    Dan ir-Regolament

    Artikolu 1

    -

    Artikolu 2

    -

    Artikolu 3

    -

    Artikolu 4

    -

    Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 6

    Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu

    -

    Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu

    -

    Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu

    -

    Artikolu 6

    -

    Artikolu 7

    -

    Anness

    -


    Top