Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0027

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/27 tas-27 ta’ Settembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġġustament tal-livell limitu rilevanti għan-notifika ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

C/2021/6815

ĠU L 6, 11.1.2022, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/27/oj

11.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/9


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/27

tas-27 ta’ Settembru 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġġustament tal-livell limitu rilevanti għan-notifika ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 jistabbilixxi l-obbligu ta’ notifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti fir-rigward tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ kumpanija li għandha ishma ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar tal-Unjoni, meta l-pożizzjoni tilħaq jew taqa’ taħt il-livell limitu ta’ notifika rilevanti. Huwa meħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja jekk tali livell limitu ta’ notifika rilevanti jibqax xieraq fid-dawl tal-iżviluppi fis-swieq finanzjarji u tivvaluta jekk ikunx meħtieġ li dak il-limitu jiġi mmodifikat skont l-Artikolu 5(4) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Fil-bidu tal-2020, pressjoni sostanzjali fuq il-bejgħ u volatilità mhux tas-soltu li tirriżulta mit-tifqigħa globali tal-COVID-19 wasslet għal spirali sinifikanti ’l isfel fil-prezzijiet li jaffettwaw lill-emittenti mis-setturi kollha madwar is-swieq finanzjarji. L-awtoritàEwropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għamlet użu mis-setgħat ta’ intervent tagħha f’ċirkostanzi eċċezzjonali biex tnaqqas temporanjament il-livell limitu ta’ notifika rilevanti għal pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma, sabiex ittejjeb kemm l-attività ta’ monitoraġġ tal-ESMA kif ukoll tar-regolaturi ta’ tali pożizzjonijiet, tiddetermina jekk azzjonijiet aktar stretti jistgħux ikunu xierqa u jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr.

(3)

Peress li l-livell limitu ta’ notifika rilevanti aktar baxx għal pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma, li ilu fis-seħħ għal tnax-il xahar konsekuttivi u, minħabba kundizzjonijiet tas-suq parzjalment imtejba, ma setax jiġi estiż aktar bħala miżura ta’ emerġenza, huwa xieraq li jiġi vvalutat l-impatt ta’ tali miżura u jiġi ddeterminat jekk għandhiex issir permanenti billi jinbidel il-livell limitu eżistenti. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tqis l-opinjoni li (2)l-ESMA ħarġet fit-13 ta’ Mejju 2021.

(4)

L-iżviluppi reċenti fis-swieq finanzjarji osservati mill-Kummissjoni, bħall-instabbiltà kkawżata mit-tifqigħa globali tal-COVID-19, li wasslet għal rikors aktar frekwenti għal miżuri ta’ emerġenza dwar il-bejgħ bin-nieqes mir-regolaturi u l-ESMA, kif ukoll ir-riskju dejjem jikber ta’ investituri fil-livell tal-konsumatur li jkunu involuti fi prezzijiet qosra, enfasizzaw l-importanza li tinġabar intelligence addizzjonali f’pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma fuq bażi permanenti, li hija kritika għal skopijiet ta’ sorveljanza tas-suq. F’dak ir-rigward, l-opinjoni tal-ESMA vvalutat li l-livell limitu ta’ notifika rilevanti aktar baxx tejjeb b’mod sinifikanti t-trasparenza u l-monitoraġġ ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma fil-livell individwali, settorjali u fis-suq kollu, li rriżulta f’żieda fl-effiċjenza regolatorja. L-ESMA qieset ukoll li l-ispejjeż marġinali għall-implimentazzjoni mill-parteċipanti fis-suq għandhom ikunu negliġibbli, meta wieħed iqis li ilhom japplikaw tali livell limitu għal diversi xhur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-inċertezza fir-rigward tal-obbligu ta’ rappurtar regolatorju għandha tiġi evitata u r-regoli u l-obbligi f’dan ir-rigward għandhom ikunu stabbli. Fuq dik il-bażi, u filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-opinjoni tal-ESMA, li l-Kummissjoni taqbel magħhom, huwa xieraq li jiġi emendat il-livell limitu ta’ notifika rilevanti attwali u jiġi stabbilit b’mod permanenti għal 0,1 %.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 236/2012 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Livell limitu ta’ notifika rilevanti huwa perċentwal li huwa ugwali għal 0,1 % tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ dik il-kumpanija konċernata u kull 0,1 % aktar minn dak.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1.

(2)  ESMA70-156-4262.


Top