Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022H1220(01)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2022 dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal: il-miri ta' Barċellona għall-2030 2022/C 484/01

    ST/14785/2022/INIT

    ĠU C 484, 20.12.2022, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 484/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-8 ta' Diċembru 2022

    dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal: il-miri ta' Barċellona għall-2030

    (2022/C 484/01)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 flimkien mal-Artikolu 153(1), il-punt (i), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Sabiex jitneħħew id-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, fl-2002 il-Kunsill Ewropew f’Barċellona stabbilixxa miri għall-kura tat-tfal li għandhom jintlaħqu sal-2010: jiġifieri li tingħata edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (“ECEC”) lil mill-inqas 33 % tat-tfal ta’ inqas minn tliet snin u lil mill-inqas 90 % tat-tfal ta’ bejn l-età ta’ 3 snin età u l-età obbligatorja għall-iskola (1). Filwaqt li dawk il-miri ntlaħqu bħala medja tal-Unjoni Ewropea, għad hemm differenzi sinifikanti bejn u fi ħdan l-Istati Membri, b’mod partikolari għat-tfal minn unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx u għall-grupp ta’ tfal bl-inqas età.

    (2)

    L-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-parteċipazzjoni f’ECEC aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità għolja waqt li jqisu d-domanda għas-servizzi tal- ECEC u konformement max-xejriet nazzjonali tal-għoti tas-servizzi, sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jtejbu l-iżvilupp soċjali u konjittiv tat-tfal kollha, b’mod partikolari t-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minn ambjenti żvantaġġati.

    (3)

    Ir-responsabbiltajiet tal-kura tat-tfal, b’mod partikolari t-tfal ta’ età żgħira ħafna, huma restrizzjoni sinifikanti għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Fl-2021, fl-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, 27,9 % tan-nisa li kienu barra mill-forza tax-xogħol indikaw li r-raġuni ewlenija għaliex ma kinux qed ifittxu impjieg kien il-fatt li kienu qed jieħdu ħsieb tfal jew adulti li kellhom bżonn ta’ kura, imqabbel ma’ 8 % biss tal-irġiel. Fl-2019, qabel il-pandemija, dawn iċ-ċifri kienu 32,6 % u 7,6 % rispettivament (2). Fl-istess ħin, ir-rata tal-impjieg tal-persuni bi tfal ta’ inqas minn 6 snin kienet ta’ 90,1 % għall-irġiel meta mqabbla ma’ 67,2 % għan-nisa. Ir-responsabbiltajiet ta’ kura mhux imħallsa jżommu lil madwar 7,7 miljun mara fl-Ewropa milli jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, imqabbel ma’ 450 000 biss għall-irġiel. Is-sehem sproporzjonat tan-nisa fix-xogħol tal-kura huwa wkoll waħda mill-kawżi ewlenin tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi (3).

    (4)

    Għan-nisa hemm ukoll probabbiltà akbar li jadattaw is-sistemi tax-xogħol tagħhom għar-responsabbiltajiet tal-kura. Dan għandu impatt dejjiemi fuq il-karrieri tagħhom u jikkontribwixxi għad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet. In-nisa impjegati jqattgħu medja ta’ 90 minuta kuljum aktar mill-irġiel impjegati fuq xogħol tad-dar u fuq attivitajiet ta’ kura diretta. L-indirizzar tad-differenzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi jirrappreżenta argument għall-vijabilità ċar peress li jikkontribwixxi għat-tkabbir u x’aktarx li jiġġenera impatti pożittivi fuq il-produttività. Barra minn hekk, l-indirizzar tad-differenzi bejn il-ġeneri għandu impatti pożittivi stabbiliti ferm fuq it-tnaqqis tal-faqar u fuq l-inklużjoni soċjali u joffri rispons għall-problema tal-forza tax-xogħol li qed tonqos.

    (5)

    Id-disponibbiltà ta’ servizzi tal-kura affordabbli u ta’ kwalità għandha impatt pożittiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-impjieg ta’ min jipprovdi l-kura, b’mod partikolari n-nisa. Hekk kif l-għoti tal-ECEC żdied madwar l-Unjoni, id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi tnaqqset minn 17,7-il punt perċentwali fl-2002 għal 10,8 punti perċentwali fl-2021. Madankollu, il-progress waqaf f’dawn l-aħħar snin.

    (6)

    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-“Pilastru”) jenfasizza l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-ECEC bħala objettivi ewlenin tal-Unjoni. Il-Pilastru jiddikjara li t-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel iridu jiġu żgurati u mrawma fl-oqsma kollha, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg u fil-progressjoni tal-karriera. Jagħraf ukoll id-dritt tat-tfal għal ECEC affordabbli ta’ kwalità tajba, id-dritt tat-tfal għal protezzjoni mill-faqar, u d-dritt tat-tfal minn ambjenti żvantaġġati għal miżuri speċifiċi biex jissaħħu l-opportunitajiet indaqs.

    (7)

    Il-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru jipproponi li, sal-2030, mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn 20 u 64 sena għandhom ikunu impjegati. Biex tintlaħaq dik il-mira, il-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi l-għan li, meta titqabbel mal-2019, id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi tiċkien mill-inqas bin-nofs, inkluż permezz ta’ żieda fl-għoti ta’ ECEC formali. Il-pjan ta’ azzjoni jirrikonoxxi li ż-żieda fil-għoti ta’ ECEC formali ssostni parteċipazzjoni aktar b’saħħitha tan-nisa fis-suq tax-xogħol u rikonċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u dik privata.

    (8)

    Hemm diverġenza sostanzjali fost l-Istati Membri fil-mod kif jipprovdu sostenn lill-ġenituri. F’ċerti Stati Membri, tingħata aktar enfasi lill-offerta ta’ skemi ta’ liv tal-ġenituri mħallas jew ikkumpensat b’mod xieraq għal mill-inqas l-ewwel 12-il xahar tal-ħajja tal-wild, li tirriżulta f’rati tat-teħid għoljin ħafna ta’ liv tal-ġenituri. Stati Membri oħra jiffukaw aktar fuq l-għoti ta’ servizzi tal-ECEC lit-tfal minn età żgħira ħafna. Tipikament, f’dan il-grupp tal-aħħar ta’ Stati Membri, it-tfal diġà jipparteċipaw fl-ECEC fl-ewwel sena tagħhom, u l-liv tal-ġenituri mħallas jew ikkumpensat ma jaqbiżx il-minimu meħtieġ skont il-liġi tal-Unjoni. Il-mira l-ġdida għat-tfal ta’ inqas minn 3 snin stabbilita f’din ir-Rakkomandazzjoni hija bl-għan li jinstab bilanċ bejn dawn l-approċċi diverġenti. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għall-grupp ta’ tfal ta’ inqas minn 3 snin, il-mira globali hija ta’ rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 45 % li l-Istati Membri kollha għandhom iħabirku biex jilħqu.

    (9)

    Madankollu, l-Istati Membri li qegħdin ’l isfel mill-mira preċedenti ta’ 33 % mhumiex mistennija li neċessarjament jilħqu l-mira preċedenti jew dik ġdida sal-2030. Minflok, hu rrakkomandat li jżidu r-rati tal-parteċipazzjoni tagħhom b’mill-inqas perċentwali speċifika li tirrifletti l-linja bażi ta’ kull Stat Membru kkonċernat u l-mudell tiegħu tat-teħid tal-liv tal-ġenituri. Dan għandu jippermetti li dawn l-Istati Membri, b’mod realistiku, joqorbu lejn il-mira ta’ 45 %. L-Istati Membri li huma aktar ’il bogħod milli jilħqu l-mira huma mistennija li jagħmlu sforz akbar biex jirkupraw.

    (10)

    Minħabba l-varjazzjonijiet sostanzjali fir-rati tal-parteċipazzjoni fl-ECEC minn sena għall-oħra, u l-fatt li d-data għall-2021 għadha tirrifletti l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 f’xi Stati Membri, ir-rata medja tal-parteċipazzjoni fl-ECEC matul l-aħħar 5 snin qabel l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni (skont id-data tal-UE-SILC) intgħażlet bħala l-linja bażi għad-determinazzjoni taż-żieda minima fil-parteċipazzjoni fl-ECEC għall-Istati Membri li għadhom ma laħqux il-mira preċedenti.

    (11)

    Fil-livell tal-Unjoni, diversi rakkomandazzjonijiet u direttivi fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jindirizzaw ċerti kwistjonijiet li huma rilevanti għall-miri ta’ Barċellona. Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), pereżempju, toħloq qafas għat-teħid bilanċjat bejn il-ġeneri tal-liv tal-ġenituri u ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli, kif ukoll tal-liv tal-familjari li jindukraw.

    (12)

    Diversi inizjattivi tal-Unjoni enfasizzaw l-importanza tal-ECEC għat-tfal. Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq dawk l-inizjattivi ta’ politika, jiġifieri r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (5), li tinkludi mira fil-livell tal-Unjoni li mill-inqas 96 % tat-tfal ta’ bejn 3 snin u l-età tal-bidu tal-edukazzjoni primarja obbligatorja jipparteċipaw fl-ECEC; ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal (6), li tgħin lill-Istati Membri jtejbu s-servizzi tal-ECEC u tenfasizza li dawk is-servizzi jridu jkunu inklużivi, aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità għolja; il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal” (7), li tinkludi sensiela ta’ azzjonijiet essenzjali li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni sabiex tippromwovi u tipproteġi aħjar id-drittijiet tat-tfal u tirrikonoxxi r-rwol tal-ECEC għall-benefiċċju tal-iżvilupp konjittiv u soċjali tat-tfal; u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (8), li għandha l-għan li tiżgura li t-tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali jkollhom aċċess mingħajr ħlas u effettiv għas-servizzi essenzjali, inkluż għall-ECEC, fir-reġjuni kollha, inkluż f’żoni remoti u rurali.

    (13)

    Meta jinvestu fis-servizzi tal-ECEC, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu numru ta’ dimensjonijiet lil hinn mis-sempliċi disponibbiltà ta’ postijiet, bħall-intensità taż-żmien tal-parteċipazzjoni, is-sehem tat-tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali li jipparteċipaw fl-ECEC, kif ukoll l-aċċessibilità, l-affordabilità u l-kwalità tas-servizzi pprovduti. Għalhekk, din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi miżuri sabiex jiġu indirizzati dawk l-aspetti.

    (14)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għall-indokraturi primarji, l-aktar in-nisa, jenħtieġ li l-attendenza, f’termini tan-numru ta’ sigħat tal-ECEC, tkun biżżejjed sabiex tippermetti lill-ġenituri jqattgħu ħin sinifikattiv f’xogħol bi ħlas. Għandha titħeġġeġ il-parteċipazzjoni, b’kont meħud tal-aħjar interessi tat-tfal, filwaqt li tiġi permessa wkoll għażla tal-ġenituri ugwali bejn il-ġeneri fir-rigward tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-użu tas-servizzi tal-ECEC. Meta t-tfal ikunu għadhom ma jattendux l-ECEC full-time, iż-żewġ ġenituri għandhom jagħmlu użu mid-drittijiet għal-liv tal-ġenituri u mill-arranġamenti tax-xogħol flessibbli previsti fid-Direttiva (UE) 2019/1158, bħax-xogħol part-time, il-ħinijiet tax-xogħol flessibbli u t-telexogħol, sabiex jiżguraw li r-responsabbiltajiet tal-kura jinqasmu indaqs, u l-parteċipazzjoni għandha tiżdied gradwalment hekk kif it-tfal jikbru. Minħabba l-importanza ta’ din id-dimensjoni, huwa importanti li jsir monitoraġġ tal-intensità taż-żmien tal-parteċipazzjoni tat-tfal fl-ECEC flimkien mal-parteċipazzjoni fl-ECEC b’mod ġenerali.

    (15)

    Barra minn hekk, in-nisa b’livell baxx ta’ ħiliet professjonali, in-nisa migranti, in-nisa minn unitajiet domestiċi b’introjtu baxx li għandhom it-tfal, u l-ġenituri singli nisa jħabbtu wiċċhom ma’ aktar barrieri fit-taħriġ u biex isibu impjieg u aktar diżinċentivi biex jidħlu jew jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol minħabba restrizzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji għall-parteċipazzjoni tat-tfal tagħhom fl-ECEC. L-inkoraġġiment ta’ aktar parteċipazzjoni ta’ tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u minn ambjenti żvantaġġati f’ECEC inklużivi jkollu impatt ta’ benefiċċju fuq il-possibiltajiet għar-ritorn ta’ ommijiethom fid-dinja tax-xogħol. Jgħin ukoll sabiex in-nisa jirrikonċiljaw aħjar il-ħajja tagħhom tax-xogħol, tal-familja u dik privata.

    (16)

    Il-ġenituri b’diżabilità u l-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità jħabbtu wiċċhom ma’ barrieri u sfidi partikolari fejn jidħol l-aċċess għas-suq tax-xogħol. Il-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni tat-tfal b’diżabilità fl-ECEC normali, fejn ikun xieraq, filwaqt li jitqiesu t-tip u l-grad ta’ diżabilità, valutazzjoni esperta u l-aħjar interessi tat-tfal, tista’ tgħin lill-ġenituri tagħhom biex jirrikonċiljaw aħjar ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata tagħhom.

    (17)

    Il-parteċipazzjoni fl-ECEC għandha diversi benefiċċji għat-tfal. Hemm evidenza li turi li l-għoti ta’ ECEC ta’ kwalità għandu rwol kruċjali fit-titjib tal-iżvilupp konjittiv, soċjali u edukattiv tat-tfal sa minn età ċkejkna. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal, il-parteċipazzjoni fl-ECEC tista’ tkun għodda effettiva għall-kisba ta’ ekwità edukattiva għat-tfal f’sitwazzjonijiet żvantaġġati, bħat-tfal b’diżabilità jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali, it-tfal f’unitajiet domestiċi f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, inkluż familji b’ġenitur wieħed, tfal minn ambjent ta’ migrazzjoni, tfal refuġjati, tfal Rom u tfal minn gruppi ta’ minoranzi oħrajn, tfal li jgħixu f’żoni rurali u remoti b’infrastruttura inadegwata tal-kura u tfal f’kura alternattiva.

    (18)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom (9) jenfasizzaw li l-aċċess ugwali għal ECEC ta’ kwalità u inklużiva huwa essenzjali biex titkisser it-trażmissjoni tal-esklużjoni soċjali u jinkisbu opportunitajiet indaqs għat-tfal f’sitwazzjonijiet żvantaġġati. Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal tirrakkomanda li l-Istati Membri jressqu pjanijiet nazzjonali li jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni fi żmien 9 xhur minn meta tiġi adottata. Madankollu, ir-rati tal-parteċipazzjoni tat-tfal f’sitwazzjonijiet żvantaġġati għadhom ferm aktar baxxi, speċjalment fost it-tfal l-aktar ċkejknin, u aktar tard dan jista’ jirriżulta f’riżultati edukattivi agħar u rati għoljin ta’ tluq bikri mill-iskola, b’mod partikolari għat-tfal Rom jew it-tfal minn ambjent ta’ migrazzjoni, kif ukoll it-tfal imċaħħda mill-kura ta’ ġenituri. Għaldaqstant huwa importanti li jingħalaq id-distakk bejn il-parteċipazzjoni ta’ dawk it-tfal u dik tal-popolazzjoni ġenerali tat-tfal fl-ECEC. Jeħtieġ tingħata attenzjoni wkoll sabiex tonqos id-differenza fil-parteċipazzjoni bejn l-ogħla kwintil tal-introjtu u dak l-aktar baxx. Il-parteċipazzjoni fl-ECEC hija rilevanti wkoll għat-tfal li jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll għal tfal oħrajn li jfittxu l-protezzjoni fl-Unjoni jew jibbenefikaw minnha. L-aċċess ugwali għas-servizzi normali u mhux segregati tal-ECEC għandu jkun żgurat għal dawk it-tfal potenzjalment vulnerabbli kollha.

    (19)

    Bl-istess mod, it-tfal b’diżabilità għandhom id-dritt li jipparteċipaw fl-ECEC normali fuq bażi ugwali ma’ oħrajn. Nofs it-tfal b’diżabilità jindukrawhom il-ġenituri tagħhom biss. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li l-ECEC jkunu aċċessibbli, inklużivi u kkombinati ma’ miżuri mmirati li jgħinu fl-indirizzar ta’ ħtiġijiet speċifiċi, inkluż permezz ta’ miżuri biex jiġu indirizzati l-barrieri u s-segregazzjoni, it-tagħmir tal-persunal biex jikseb il-kompetenzi neċessarji jew ir-reklutaġġ ta’ persunal dedikat sabiex jindirizza l-ħtiġijiet individwali, u kurrikuli individwalizzati fejn ikun meħtieġ.

    (20)

    Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex jiċkien id-distakk fil-parteċipazzjoni tat-tfal f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali kif ukoll dak tat-tfal b’diżabilità jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali fis-sistemi tal-ECEC fejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-affarijiet soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni huma responsabbli separatament għal partijiet differenti mill-ECEC.

    (21)

    Kwalità għolja tal-ECEC hija essenzjali biex jiġi żgurat li t-tfal jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni fl-ECEC. Filwaqt li ma hemm ebda mod uniku kif jiġi ddefinit u jitkejjel il-kunċett tal-kwalità fl-ambjenti tal-ECEC, l-essenza tinsab fil-kwalità tal-interazzjoni bejn l-adulti u t-tfal, irrispettivament mis-sistema tal-ECEC fis-seħħ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-għoti ta’ servizz tal-ECEC ta’ kwalità għolja, li jqis id-diversi dimensjonijiet imsemmija fir-Rakkomandazzjoni dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal, inkluż l-aċċess għas-servizzi tal-ECEC, il-kwalifiki u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal, il-kurrikulu pedagoġiku, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, u l-governanza u l-finanzjament tas-servizzi tal-ECEC. Elementi bħan-numru ta’ tfal għal kull membru tal-persunal, il-kwalifiki tal-persunal u t-taħriġ professjonali kontinwu huma partikularment importanti.

    (22)

    Il-kwalità tal-għoti tal-ECEC hija wkoll fattur importanti li jistabbilixxi l-fiduċja bejn il-ġenituri u l-istituzzjonijiet li jipprovdu l-edukazzjoni u l-kura, u għalhekk fattur importanti li jiffaċilita parteċipazzjoni akbar fl-ECEC.

    (23)

    L-aċċessibilità hija dimensjoni importanti oħra fl-għoti tal-ECEC. Din tinkludi infrastruttura adegwata u kapaċitajiet tal-akkoljenza u ħinijiet tal-ftuħ xierqa, kif ukoll adattament għall-bżonnijiet speċjali tal-ġenituri, u assistenza sabiex jingħelbu proċeduri amministrattivi kumplessi. L-appoġġ fit-twettiq tal-proċeduri amministrattivi għandu jingħata f’diversi forom, inkluż appoġġ lingwistiku u diġitali, speċjalment għall-gruppi f’sitwazzjoni vulnerabbli jew minn ambjenti żvantaġġati li, pereżempju, mhumiex kapaċi jużaw għodod diġitali jew m’għandhomx aċċess għalihom. Jinkludi wkoll l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità, inkluż tfal, ġenituri u professjonisti, skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u r-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

    (24)

    Barra minn hekk, l-aċċessibilità tinkludi s-simplifikazzjoni tal-proċeduri u l-professjonalizzazzjoni tal-persunal u tal-ispeċjalisti sabiex it-tfal b’diżabilità jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali u gruppi vulnerabbli oħra f’faċilitajiet normali mhux segregati jingħataw appoġġ adegwat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitneħħew u ma jitħalliex li jkun hemm barrieri għall-użu tas-servizzi tal-ECEC, inkluż għal persuni b’diżabilità, u li s-servizzi tal-ECEC ikunu tabilħaqq inklużivi.

    (25)

    Meta tiġi indirizzata l-aċċessibilità, għandhom jitqiesu l-iżbilanċi territorjali. Il-ħin twil tal-ivvjaġġar marbut mad-distanza, man-nuqqas ta’ konnessjonijiet tat-trasport jew konnessjonijiet tat-trasport limitati u mal-konġestjoni tat-traffiku jista’ jkun barriera għall-parteċipazzjoni, b’mod partikolari għat-tfal b’diżabilità jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali. Iż-żoni remoti u rurali huma partikularment żvantaġġati minħabba nuqqas ta’ servizzi suffiċjenti lokali tal-ECEC. Żbilanċi territorjali bħal dawn jistgħu jaggravaw il-problemi tal-affordabilità. Għalhekk huwa importanti li jiġu kkunsidrati l-profili differenti tal-utenti tas-servizzi tal-ECEC fil-pjanijiet ta’ mobbiltà, u li tiġi inkluża l-kopertura territorjali fil-ġbir tad-data għall-finijiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ.

    (26)

    F’ħafna Stati Membri, il-kost għoli tal-ECEC għadu barriera kbira għall-parteċipazzjoni. Id-data tal-Eurostat turi li l-fattur tal-kost għandu rwol sinifikanti fid-deċiżjoni li ma jintużawx servizzi formali tal-kura tat-tfal f’ħafna pajjiżi, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi f’riskju ta’ faqar. Skont l-istatistika tal-Unjoni dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien għall-2016, 13 % tal-ġenituri ma jużawx is-servizzi tal-kura tat-tfal minħabba l-kost u 11 % isibuha moderatament diffiċli jew diffiċli ħafna biex jaffordjawh. Dawn il-perċentwali jikbru b’aktar mid-doppju, għal 28 % u għal 27 % rispettivament, għall-unitajiet domestiċi f’riskju ta’ faqar. Ir-riċerka xjentifika turi l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali, edukattivi u ta’ żvilupp sostanzjali tal-ECEC ta’ kwalità għolja. L-iżgurar ta’ ECEC affordabbli huwa ta’ benefiċċju biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tan-nisa u għall-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; dan għandu wkoll impatt pożittiv fit-tul fuq l-edukazzjoni minn età żgħira, li jwitti t-triq għal attitudni pożittiva għat-tagħlim tul il-ħajja kollha, li jmur lil hinn mit-tfal involuti u jinfirex fis-soċjetà b’mod ġenerali. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kostijiet tal-ECEC ikunu proporzjonati skont l-introjtu tal-unitajiet domestiċi u ma jservux bħala barriera għall-parteċipazzjoni fl-ECEC. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iqisu wkoll kostijiet oħrajn relatati mal-parteċipazzjoni fl-ECEC bħat-trasport, il-ħwejjeġ u t-tagħmir meħtieġ f’sitwazzjonijiet ta’ kura.

    (27)

    Mod wieħed kif jiġi żgurat l-għoti adegwat ta’ ECEC ta’ kwalità li jkunu aċċessibbli u affordabbli huwa billi jiġi stabbilit intitolament legali għall-ECEC, li permezz tiegħu l-awtoritajiet pubbliċi jiggarantixxu post għat-tfal kollha li l-ġenituri tagħhom jitolbuh, irrispettivament mill-istatus fl-impjieg, soċjoekonomiku jew tal-familja tagħhom. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, diġà jeżisti intitolament legali bħal dan, iżda l-età tal-bidu għall-intitolament tvarja sostanzjalment. Idealment, m’għandux ikun hemm intervall bejn it-tmiem tal-liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri bi ħlas jew kumpens adegwat u intitolament legali għall-ECEC.

    (28)

    Iż-żieda fid-disponibbiltà għall-familji ta’ servizzi tal-ECEC li jkunu ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u affordabbli u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-salarji fis-settur tal-ECEC mistennija jġibu benefiċċji ekonomiċi. Fl-istess ħin, is-sostenibbiltà fiskali tal-investiment fl-ECEC tista’ tiġi ottimizzata billi jiġi evalwat l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi u billi jkun hemm monitoraġġ regolari u titjib kontinwu fil-kosteffettività, abbażi tal-aħjar prattiki, inkluż tfassil effiċjenti tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament li jkun koerenti mas-sostenibbiltà ġenerali tal-finanzi pubbliċi.

    (29)

    L-aċċess faċli u ugwali mingħajr ebda diskriminazzjoni għal informazzjoni adegwata online u offline dwar l-ECEC hu ta’ importanza kruċjali għall-ġenituri kollha irrispettivament mill-għamla u l-istatus tal-familji, inkluż sħubijiet ċivili, kif rikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan jikkonċerna informazzjoni dwar l-intitolament għal servizzi xierqa u d-disponibbiltà tagħhom, il-modalitajiet tal-aċċess u l-eliġibbiltà għal appoġġ finanzjarju, fejn japplika.

    (30)

    In-nuqqas ta’ għarfien dwar id-drittijiet tal-ġenituri u tat-tfal fir-rigward tal-ECEC u r-rilevanza tagħhom għall-kisbiet edukattivi futuri huwa ostaklu ieħor għall-użu tas-servizzi li jħalli impatt fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. L-għoti ta’ informazzjoni korretta u bir-reqqa lill-ġenituri għandu jwassal għal deċiżjonijiet informati u kkunsidrati sew dwar l-għażliet ta’ kura.

    (31)

    Is-settur tal-ECEC ibati minn nuqqas ta’ persunal f’bosta pajjiżi. Dan jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ strateġiji multipli, bħat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-prospetti tal-karriera u tar-remunerazzjoni, billi jingħataw possibiltajiet regolari ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, bl-iżvilupp ta’ strateġiji kreattivi ta’ reklutaġġ, u billi gruppi sottorappreżentati differenti jiġu mistiedna jingħaqdu mal-forza tax-xogħol tal-ECEC, bħal pereżempju persuni minn ambjenti kulturali varji, migranti u refuġjati. Mekkaniżmu sempliċi u rapidu għar-rikonoxximent tal-kwalifiki jista’ jgħin biex jiġu indirizzati l-iskarsezzi. Pereżempju, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/554 (11) tindirizza l-aċċess ta’ min jaħrab mill-gwerra fl-Ukrajna għal professjonijiet regolati.

    (32)

    Il-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-persunal fl-ECEC għandha tikkontribwixxi biex tattira ħaddiema ġodda u fl-istess ħin tgħin biex jiġi żgurat li dawk li qed jaħdmu f’dan is-settur ikunu lesti u kapaċi jibqgħu fl-impjieg tagħhom sakemm jirtiraw. Tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-indirizzar tas-segregazzjoni tal-ġeneri fis-settur tal-ECEC. F’dan il-kuntest, il-linji gwida ta’ politika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti għal persunal tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal (12) jagħtu gwida dwar l-implimentazzjoni possibbli ta’ rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp professjonali u tal-karriera, remunerazzjoni xierqa, inklużi paga ugwali, u impjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol sostenibbli, kif ukoll il-promozzjoni tad-djalogu soċjali f’dan is-settur.

    (33)

    Il-kura għat-tfal ma tispiċċax malli jidħlu l-iskola primarja. Il-ħtiġijiet ta’ kura għat-tfal mill-età tal-iskola primarja wkoll jistgħu jillimitaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-ħinijiet tax-xogħol tal-ommijiet jekk ma jkunx hemm soluzzjonijiet adegwati, ta’ kwalità u affordabbli għall-kura wara l-iskola u matul il-vaganzi fil-kuntest tas-sistemi skolastiċi nazzjonali. Jekk ma jkun hemm ebda disponibbiltà ta’ kura għal tfal akbar fl-età, id-disponibbiltà tal-ECEC għal ħuthom iżgħar minnhom ma tippermettix il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol, li mbagħad jista’ jkollu impatt fuq il-parteċipazzjoni tal-aħwa ż-żgħar fl-ECEC. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprovdu kura adegwata, ta’ kwalità u affordabbli barra mill-iskola. Hu rrakkomandat li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri jinkludu, fejn ikun rilevanti, offerta għas-superviżjoni u l-appoġġ għall-homework għat-tfal kollha, inkluż tfal minn ambjenti żvantaġġati.

    (34)

    Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għadu sfida kbira għal ħafna ġenituri, b’mod partikolari għan-nisa. Id-diffikultà fl-ibbilanċjar tar-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-kura hija ostaklu kbir li jikkontribwixxi għas-sottorappreżentanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol. F’dan il-kuntest, l-istereotipi marbuta mal-ġeneru spiss jinfluwenzaw ir-rwoli tan-nisa u tal-irġiel fir-rigward tal-kura. L-iżbilanċ fl-għoti tal-kura min-nisa meta mqabbel mal-irġiel ikompli jsaħħaħ l-istereotipi marbuta mal-ġeneru kemm fl-impjiegi kif ukoll fir-rwoli tal-irġiel u tan-nisa.

    (35)

    Din id-differenza persistenti bejn il-ġeneri fl-għoti tal-kura għandha tiġi indirizzata, b’mod partikolari billi l-missirijiet jiġu mħeġġa jużaw il-liv tal-paternità, il-liv tal-ġenituri u l-arranġamenti dwar ħinijiet tax-xogħol flessibbli, fejn ikun rilevanti, flimkien ma’ qsim aktar ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ kura fost il-koppji fir-rigward ta’ xogħol bi ħlas u xogħol bla ħlas (13). L-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1158 għandha ttejjeb id-drittijiet tal-ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ kura għal-liv tal-paternità u tal-ġenituri u li jitolbu arranġamenti dwar ħinijiet tax-xogħol flessibbli. Għandu jkun hemm aktar azzjoni li tiffoka fuq is-sensibilizzazzjoni dwar dawn id-drittijiet ġodda u fuq il-monitoraġġ ta’ jekk il-ħaddiema jistgħux jagħmlu użu sħiħ minn dawn id-drittijiet mingħajr ma jġarrbu trattament mhux favorevoli fuq ix-xogħol.

    (36)

    Minbarra miżuri oħra biex jirrikonċiljaw ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, għandha tingħata promozzjoni lil soluzzjonijiet flessibbli għall-użu tal-ECEC, kif meħtieġ. Pereżempju, ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ kura kieku jgawdu minn aċċess għal servizzi komplementari ta’ kura tat-tfal bħal pereżempju ftuħ kmieni, għoti ta’ ikel u għeluq tard.

    (37)

    Biex jinftiehmu aħjar il-ħtiġijiet u r-restrizzjonijiet tal-kura, l-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ data adegwata b’livell suffiċjenti ta’ granularità, ta’ affidabbiltà u ta’ komparabbiltà. Peress li d-Direttiva (UE) 2019/1158 ma fihiex dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ġbir ta’ data, din id-data għandha tkun tinkludi l-użu tal-liv tal-paternità u tal-ġenituri, filwaqt li jitqies il-manwal metodoloġiku għall-qafas tal-indikaturi tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata żviluppat mill-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS) biex jappoġġa l-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni xierqa ta’ dik id-Direttiva.

    (38)

    Għandu jsir monitoraġġ regolari tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, tar-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni u tal-Portal ta’ Monitoraġġ tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jappoġġaw b’mod partikolari lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u l-kalkolu possibbli ta’ indikatur għall-kejl tad-distakk bejn il-ġeneri fl-għoti tal-kura, li jfisser id-differenza fil-ħin iddedikat għall-kura min-nisa u mill-irġiel, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, u l-użu tal-ħin f’xogħol bi ħlas u bla ħlas, sabiex jiġu mifhuma aħjar l-interdipendenzi bejn dawk l-elementi bil-għan li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u ta’ politiki soċjali bbażati fuq l-evidenza. L-Istati Membri għandhom ukoll ikomplu bl-isforzi tagħhom biex ifasslu u jimplimentaw riformi fis-settur tal-ECEC, filwaqt li jagħmlu l-aħjar użu mill-appoġġ tal-Kummissjoni, inkluż permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI), permezz tal-iskambju ta’ prattiki tajbin u l-użu ta’ proċessi u metodoloġiji xierqa, u permezz tal-ġbir ta’ data, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u koordinazzjoni interistituzzjonali aktar effettivi u effiċjenti u l-ippjanar, l-allokazzjoni u l-iżvilupp professjonali tar-riżorsi umani fis-settur tal-ECEC.

    (39)

    Il-kliem “edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal” għandu jinftiehem, kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ECEC ta’ Kwalità Għolja, bħala li jirreferi għal kwalunkwe arranġament regolat li jipprovdi edukazzjoni u kura għat-tfal mit-twelid sal-età obbligatorja għall-iskola primarja — irrispettivament mill-kuntest, mill-finanzjament, mill-ħinijiet tal-ftuħ jew mill-kontenut tal-programm — u jinkludi kura f’ċentri ta’ matul il-jum jew fid-dar, servizzi finanzjati mill-privat jew minn fondi pubbliċi, kif ukoll servizzi ta’ qabel l-iskola u preprimarji.

    (40)

    Biex jiġi vvalutat l-impatt ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, għandha ssegwi l-progress tagħha u tirrapporta regolarment dwarha lill-Kunsill,

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    OBJETTIV U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

    1.

    Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tħeġġeġ lill-Istati Membri, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, iżidu l-parteċipazzjoni f’edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC) li jkunu aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità għolja sabiex jiffaċilitaw u jħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jsaħħu l-iżvilupp soċjali u konjittiv tat-tfal u s-suċċess edukattiv tagħhom, b’mod partikolari għat-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minn ambjenti żvantaġġati.

    2.

    Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonċerna l-ECEC għat-tfal kollha.

    MIRI GĦALL-EDUKAZZJONI U L-KURA BIKRIJA TAT-TFAL

    3.

    (a)

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jipprovdu servizzi ta’ ECEC ta’ kwalità għolja f’konformità mal-kompetenzi nazzjonali, il-livelli tat-teħid ta’ liv tal-ġenituri u x-xejriet tal-għoti tas-servizzi tal-ECEC, u jiżguraw li sal-2030 mill-inqas 45 % tat-tfal ta’ taħt it-3 snin jipparteċipaw fl-ECEC skont id-data tal-UE-SILC.

    Minkejja l-ewwel subparagrafu, hu rrakkomandat li l-Istati Membri li għadhom ma laħqux il-mira stabbilita fl-2002 ta' rata ta' parteċipazzjoni ta' 33 % fl-ECEC għal dan il-grupp tal-età jżidu l-parteċipazzjoni, sal-2030, mill-inqas b'perċentwal speċifiku mqabbel mar-rata attwali tagħhom ta' parteċipazzjoni kif imfisser fil-punti (i) u (ii) ta’ dan il-punt. Ir-rata tal-parteċipazzjoni attwali għandha tiġi kkalkulata bħala r-rata medja tal-parteċipazzjoni fl-ECEC tat-tfal ta' taħt it-3 snin miksuba fis-snin 2017-2021 skont id-data tal-UE-SILC. Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jżidu l-parteċipazzjoni fl-ECEC meta mqabbel mar-rati ta' parteċipazzjoni attwali rispettivi tagħhom kif ġej:

    (i)

    b'mill-inqas 90 % għall-Istati Membri li r-rata ta' parteċipazzjoni tagħhom hija iktar baxxa minn 20 %; jew

    (ii)

    b'mill-inqas 45 %, jew sakemm tintlaħaq rata ta' parteċipazzjoni ta' mill-inqas 45 %, għall-Istati Membri li r-rata ta' parteċipazzjoni tagħhom hija bejn 20 % u 33 %.

    (b)

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jipprovdu servizzi tal-ECEC ta’ kwalità għolja għat-tfal mill-età ta’ 3 snin sabiex, sal-2030, jilħqu l-mira miftiehma fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (14), u b’hekk mill-inqas 96 % tat-tfal mill-età ta’ 3 snin sal-età obbligatorja tal-bidu tal-edukazzjoni primarja għandhom jipparteċipaw fl-ECEC.

    INDIKATUR GĦALL-INTENSITÀ TAL-PARTEĊIPAZZJONI

    4.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jappoġġaw livell ta’ disponibbiltà tas-servizzi tal-ECEC li jkun kompatibbli mal-benesseri u l-iżvilupp tat-tfal u jippermetti l-parteċipazzjoni sinifikattiva tal-ġenituri, speċjalment tal-ommijiet, fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jippermetti wkoll l-għażla tal-ġenituri ugwali bejn il-ġeneri fl-użu tas-servizzi tal-ECEC.

    5.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jieħdu passi biex is-servizzi tal-ECEC jkunu disponibbli b’mod li jippermetti lit-tfal jipparteċipaw għal mill-inqas 25 siegħa fil-ġimgħa.

    6.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jippromwovu d-disponibbiltà tas-servizzi tal-ECEC jew ta’ servizzi komplementari qabel u wara l-ħinijiet regolari tax-xogħol tas-servizzi tal-ECEC, kif adatt, biex jipprevedu l-ħin tal-ivvjaġġar u biex il-kura tat-tfal tkun kompatibbli bis-sħiħ mal-benesseri tat-tfal u mal-ħinijiet tax-xogħol tal-ġenituri u l-ħtieġa tagħhom li jirrikonċiljaw ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata.

    L-INKLUŻJONI TA' TFAL MINN AMBJENTI ŻVANTAĠĠATI, TFAL B'DIŻABILITÀ, TFAL BI BŻONNIJIET SPEĊIFIĊI JEW TFAL BI BŻONNIJIET EDUKATTIVI SPEĊJALI

    7.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri:

    (a)

    ikollhom fis-seħħ miżuri mmirati biex jippermettu u jżidu l-parteċipazzjoni fl-ECEC ta' tfal minn ambjenti żvantaġġati, inkluż tfal f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali jew minn ambjent ta' migrazzjoni, u tfal b'għarfien insuffiċjenti tal-lingwa tal-iskola, kif ukoll tfal b'diżabilità, bi bżonnijiet speċifiċi jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali;

    (b)

    jieħdu l-passi meħtieġa biex inaqqsu d-differenza fil-parteċipazzjoni fl-ECEC bejn it-tfal f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali u l-popolazzjoni ġenerali tat-tfal;

    (c)

    jistinkaw biex iżidu l-parteċipazzjoni fl-ECEC normali tat-tfal b'diżabilità u t-tfal bi bżonnijiet speċifiċi jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali jew bżonnijiet speċifiċi, meta jkun adatt; u

    (d)

    jappoġġaw programmi ta' taħriġ għall-persunal tal-ECEC imfassla biex jgħinuhom joffru ECEC ta' kwalità għat-tfal minn ambjenti żvantaġġati, inkluż tfal f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, kif ukoll tfal b'diżabilità, bi bżonnijiet speċifiċi jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali.

    KWALITÀ

    8.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw li:

    (a)

    is-servizzi tal-ECEC għat-tfal kollha jkunu ta' kwalità għolja, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp fiżiku, soċjali, emottiv, konjittiv u edukattiv b'saħħtu u l-benesseri tat-tfal, u sabiex tiżdied il-fiduċja tal-ġenituri fis-servizzi; u li

    (b)

    l-Oqfsa nazzjonali jew reġjonali tal-Kwalità li l-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta' Edukazzjoni u Kura Bikrija ta' Kwalità Għolja tat-Tfal jinkludu l-forniment ta' servizzi għat-tfal taż-żewġ gruppi ta' età koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni; l-Oqfsa tal-Kwalità għandhom b'mod partikolari jipprevedu:

    proporzjonijiet persunal-tfal u daqsijiet tal-gruppi adegwati, b'kont meħud tal-etajiet tat-tfal u ta' kwalunkwe diżabilità jew bżonnijiet edukattivi speċjali li jista' jkollhom, b'mod partikolari f'sistemi maqsuma tal-ECEC, sabiex jiġu evitati lakuni fejn tidħol il-kura;

    appoġġ għall-professjonalizzazzjoni tal-persunal kollu tal-ECEC, inkluż billi jogħla l-livell meħtieġ ta' edukazzjoni inizjali u billi jiġi żgurat l-iżvilupp professjonali kontinwu, inkluż l-għarfien tad-drittijiet tat-tfal, permezz ta' opportunitajiet adegwati ta' taħriġ u ta' taħriġ tul il-ħajja; u

    ambjent sikur, ta' għożża u ta' indukrar, kurrikulu ta' kwalità u opportunitajiet ta' tagħlim xierqa għall-bżonnijiet speċifiċi ta' kull kategorija ta' tfal u kull grupp ta' etajiet, u spazju soċjali, kulturali u fiżiku li joffri firxa ta' possibiltajiet li jippermettu lit-tfal jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom.

    DISTRIBUZZJONI TERRITORJALI

    9.

    Hu rakkomandat li l-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi għat-tfal u għall-familji tagħhom fl-aċċess għal faċilità ta’ edukazzjoni u ta’ kura xierqa billi jipprovdu kopertura territorjali suffiċjenti tas-servizz tal-ECEC. Għal dak il-għan, hu rrakkomandat, b’mod partikolari, li l-Istati Membri:

    (a)

    jorganizzaw is-servizz tal-ECEC b'mod adegwat fiż-żoni urbani u rurali, fiż-żoni, ir-reġjuni u r-reġjuni ultraperiferiċi għonja u dawk żvantaġġati, filwaqt li jqisu l-istrutturi nazzjonali kif ukoll il-karatteristiċi speċifiċi taż-żoni, inkluż id-densità tal-popolazzjoni tat-tfal u d-distribuzzjoni tat-tfal skont l-età, b'mod li jkun kompletament allinjat mal-prinċipji tad-desegregazzjoni u n-nondiskriminazzjoni u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; u

    (b)

    iqisu, kif xieraq, il-ħtieġa ta' ħinijiet tal-ivvjaġġar raġonevoli, inkluż għall-ġenituri li jużaw il-mobbiltà attiva u t-trasport pubbliku, meta jorganizzaw l-ECEC jew jiżviluppaw il-politika dwar fejn ikunu jinsabu s-servizzi tal-ECEC.

    AFFORDABILITÀ

    10.

    Għat-tfal għajr dawk koperti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal, li għandhom igawdu minn edukazzjoni mingħajr ħlas u aċċess affordabbli u effettiv għal servizzi tal-ECEC ta’ kwalità kif definiti f’dik ir-Rakkomandazzjoni, hu rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw li l-kost nett tal-ECEC ikun raġonevolment proporzjonat mal-ispejjeż l-oħrajn u l-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi, b’attenzjoni partikolari għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, inkluż l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u ġenitur singlu. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma mħeġġa:

    (a)

    jillimitaw l-ispejjeż mill-but għall-ġenituri; u

    (b)

    fejn japplika, jintroduċu tariffi fuq skala flessibbli proporzjonati għall-introjtu tal-familja jew tariffa massima għall-ECEC.

    AĊĊESSIBILITÀ

    11.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jneħħu kontinwament l-ostakli għall-aċċess ugwali għall-ECEC għat-tfal kollha mingħajr diskriminazzjoni. F’dak il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex:

    (a)

    jiġu offruti soluzzjonijiet għall-ġenituri b'ħinijiet tax-xogħol mhux tipiċi sabiex jirrikonċiljaw aħjar ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, filwaqt li jitħares il-benesseri tat-tfal;

    (b)

    jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-ġenituri singli, li l-biċċa l-kbira minnhom huma nisa;

    (c)

    jitjieb l-aċċess għall-ECEC irrispettivament mill-istatus tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol, b'mod koerenti mal-provvediment ta' inċentivi favur ix-xogħol;

    (d)

    tiġi żgurata l-aċċessibilità tal-bini, tal-infrastruttura, tas-servizzi ta' appoġġ fil-komunità u tat-trasport kif ukoll tal-materjal tat-tagħlim u l-għodod diġitali għall-ġenituri u għat-tfal b'diżabilità jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali;

    (e)

    jiġu offruti appoġġ effettiv fl-edukazzjoni u l-kura u informazzjoni u komunikazzjoni xierqa għat-tfal u l-ġenituri b'diżabilità jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali kif ukoll dawk f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, u jiġu indirizzati l-barrieri lingwistiċi u kulturali, inkluż barrieri li jħabbtu wiċċhom magħhom it-tfal minn ambjent ta' migrazzjoni, sabiex it-tfal ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-ECEC offruti f'faċilitajiet normali li jkunu inklużivi u mhux segregati;

    (f)

    b'mod proattiv jingħataw appoġġ u informazzjoni ċara dwar il-benefiċċji ta' attendenza fl-ECEC u dwar l-opportunitajiet eżistenti, ir-regoli tal-eliġibbiltà, u l-proċeduri amministrattivi għall-aċċess għas-servizzi tal-ECEC għall-ġenituri kollha mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-istatus u l-għamla tal-familja; u

    (g)

    jingħata appoġġ amministrattiv għar-reġistrazzjoni, b'attenzjoni partikolari għall-ġenituri f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minn ambjenti żvantaġġati.

    12.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jikkunsidraw li jintroduċu intitolament legali għall-ECEC. Meta jiddeterminaw l-età tal-bidu għal dak l-intitolament, hu rrakkomandat li l-Istati Membri jqisu d-disponibbiltà u t-tul ta’ liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri bi ħlas jew kumpens adegwat, u jistinkaw sabiex jiġu evitati lakuni bejn tmiem dak il-liv u l-bidu tal-ECEC.

    SERVIZZI KOMPLEMENTARI U KURA BARRA MILL-ISKOLA

    13.

    Minbarra l-għoti ta’ servizzi tal-ECEC, hu rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw approċċ komprensiv għall-kura għat-tfal, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet ta’ kura għat-tfal ta’ etajiet differenti, inkluż dawk tal-età tal-iskola primarja, billi jiffaċilitaw kura affordabbli, aċċessibbli u ta’ kwalità barra mill-iskola għat-tfal kollha tal-iskejjel primarji (kopertura wara l-iskola u fil-vaganzi), inkluż dawk b’diżabilità jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali, filwaqt li jqisu l-organizzazzjoni nazzjonali tal-iskejjel u tal-vaganzi. Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jinkludu f’dawk is-servizzi, fejn ikun rilevanti, appoġġ għall-homework għat-tfal kollha, inkluż b’mod partikolari t-tfal minn ambjenti żvantaġġati jew f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

    GĦARFIEN DWAR ID-DRITTIJIET

    14.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jippromwovu l-għarfien tal-ġenituri dwar id-drittijiet tagħhom, inkluż, fejn japplika, dwar l-intitolament għal post fl-ECEC, filwaqt li jqisu li tradizzjonijiet u ambjenti differenti jistgħu jinfluwenzaw l-għarfien u l-perċezzjoni tas-sistema tal-ECEC u l-fiduċja fiha.

    15.

    L-Istati Membri huma mħeġġa biex b’mod proattiv jinfurmaw lill-ġenituri dwar il-possibiltajiet, il-benefiċċji u l-kostijiet tal-użu tal-ECEC u, fejn japplika, dwar l-appoġġ finanzjarju disponibbli. Għandha tingħata kunsiderazzjoni:

    (a)

    lill-ħtiġijiet tal-ġenituri għal informazzjoni dwar l-ECEC filwaqt li jitqiesu d-diversità tal-ħiliet, il-kapaċitajiet, il-kuntest soċjoekonomiku, u kwalunkwe diżabilità; u

    (b)

    lill-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni online kif ukoll offline, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet lingwistiċi differenti u d-disponibbiltà ta' għodod diġitali.

    16.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri effettivi, imparzjali u aċċessibbli għall-ilmenti biex jiġu rrappurtati problemi jew inċidenti lill-awtoritajiet kompetenti.

    KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL U ĦILIET TAL-PERSUNAL

    17.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jappoġġaw impjieg ta’ kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-persunal tal-ECEC, b’mod partikolari billi jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv u billi jappoġġaw l-iżvilupp ta’ pagi attraenti, arranġamenti tax-xogħol adegwati, standards għolja ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u ugwaljanza u nondiskriminazzjoni fis-settur, waqt li tiġi rispettata l-awtonomija tas-sħab soċjali.

    18.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet u n-nuqqasijiet ta’ ħaddiema fl-ECEC, b’mod partikolari billi:

    (a)

    itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwi sabiex il-ħaddiema attwali u futuri fl-ECEC jiġu mgħammra bil-ħiliet u bil-kompetenzi neċessarji;

    (b)

    jibnu perkorsi tal-karriera fis-settur tal-ECEC, inkluż permezz ta' titjib tal-ħiliet, taħriġ mill-ġdid u servizzi ta' informazzjoni u ta' gwida;

    (c)

    joffru status professjonali u prospetti ta' karriera attraenti lill-ħaddiema tal-ECEC;

    (d)

    jimplimentaw miżuri sabiex jiġu indirizzati l-istereotipi marbuta mal-ġeneru u s-segregazzjoni skont il-ġeneru u sabiex jagħmlu l-professjoni aktar attraenti; u

    (e)

    jiżviluppaw networks professjonali għall-persuni impjegati fis-settur tal-ECEC, fejn adatt.

    L-INDIRIZZAR TAD-DIFFERENZA BEJN IL-ĠENERI FIL-PAGI

    19.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jħeġġu l-kondiviżjoni ugwali tal-kura għat-tfal bejn il-ġenituri billi:

    (a)

    jiġġieldu kontra l-istereotipi marbuta mal-ġeneru u jħeġġu parteċipazzjoni bilanċjata taż-żewġ ġenituri fir-responsabbiltajiet tal-kura fuq l-istess livell, inkluż permezz ta' kampanji ta' komunikazzjoni; u

    (b)

    jippromwovu u jappoġġaw id-disponibbiltà u t-teħid ugwali bejn il-ġeneri ta' arranġamenti tax-xogħol favorevoli għall-familji, kif ukoll it-teħid tal-liv tal-ġenituri miż-żewġ ġenituri, speċjalment l-irġiel, matul il-ħajja.

    GOVERNANZA U ĠBIR TA' DATA

    20.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw governanza tajba u effettiva tal-politika fl-ECEC, b’mod partikolari billi:

    (a)

    jiżguraw kooperazzjoni b'saħħitha bejn l-istituzzjonijiet differenti li jfasslu l-politika u s-servizzi tal-ECEC, u jappoġġaw il-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet u ma' servizzi oħrajn li jfasslu l-politika inkarigati mill-iżvilupp u mill-edukazzjoni bikrija tat-tfal; u

    (b)

    jimmobilizzaw u jagħmlu użu kosteffettiv minn finanzjament xieraq u sostenibbli għall-ECEC, inkluż billi jagħmlu użu mill-fondi u mill-istrumenti tal-Unjoni, u billi jsegwu politiki li jwasslu għall-finanzjament sostenibbli tas-servizzi tal-ECEC li jkunu koerenti mas-sostenibbiltà ġenerali tal-finanzi pubbliċi.

    21.

    Hu rrakkomandat li, fejn ikun rilevanti, l-Istati Membri jiżviluppaw jew itejbu l-ġbir ta’ data dwar:

    (a)

    il-parteċipazzjoni tat-tfal fl-ECEC, fuq bażi regolari u, fejn jintuża stħarriġ, b'daqs adegwat tal-kampjuni, diżaggregati skont l-età u, fejn possibbli, skont is-sess, inkluż b'referenza għat-tfal f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minn ambjenti żvantaġġati;

    (b)

    id-differenzi fl-użu tal-ħin f'xogħol bi ħlas u mhux bi ħlas bejn in-nisa u l-irġiel b'responsabbiltajiet ta' kura, idealment billi jintużaw stħarriġiet dwar l-użu tal-ħin fuq il-bażi tal-istandard stabbilit mill-Istħarriġiet Ewropej Armonizzati dwar l-Użu tal-Ħin;

    (c)

    it-teħid tal-liv tal-ġenituri diżaggregat skont is-sess, minn data amministrattiva b'mod armonizzat għall-Unjoni kollha bl-użu tal-qafas tal-indikaturi tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata żviluppat mis-sottogrupp konġunt tal-EMCO u l-KPS;

    (d)

    il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal fl-ECEC, li jkopri b'mod partikolari l-aspetti msemmija fir-Rakkomandazzjonijiet 17 u 18; u

    (e)

    in-nuqqasijiet, l-aċċessibilità, l-affordabbiltà u l-kwalità tal-ECEC fuq bażi regolari, u dwar id-distribuzzjoni territorjali tal-ECEC, b'mod partikolari għall-valutazzjoni ta' disparitajiet territorjali, inkluż f'żoni remoti u rurali.

    22.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jżidu l-isforzi biex jiżguraw li d-data tkun komparabbli fuq il-livell tal-Unjoni u jkollha livell suffiċjenti ta’ granularità.

    IMPLIMENTAZZJONI, MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

    23.

    Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-ġabra ta’ miżuri meħuda jew ippjanati għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni tagħha, mibnija, fejn ikun rilevanti, fuq strateġiji jew pjanijiet nazzjonali eżistenti. Fejn ikun xieraq, tista’ ssir referenza għal rapporti mibgħuta fl-ambitu ta’ mekkaniżmi ta’ rappurtar eżistenti, bħall-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, is-Semestru Ewropew u mekkaniżmi ta’ programmar u rappurtar rilevanti oħra tal-Unjoni.

    B'DAN JILQA' B'SODISFAZZJON L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

    24

    (a)

    ittejjeb il-forniment regolari tad-data, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, billi tagħmel disponibbli fuq is-sit web tal-Eurostat, kif ukoll fuq il-Portal ta’ Monitoraġġ tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, dan li ġej:

    (i)

    diżaggregazzjoni ulterjuri skont l-età, u, fejn ikun xieraq, skont il-kwintil tal-introjtu tal-unitajiet domestiċi, tal-parteċipazzjoni tat-tfal fl-ECEC, kif ukoll tal-intensità taż-żmien tal-parteċipazzjoni u r-rata ta' parteċipazzjoni għat-tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali;

    (ii)

    intervalli ta' kunfidenza għall-indikatur ewlieni tal-UE-SILC “Tfal fl-indukrar formali tat-tfal jew fl-edukazzjoni” u indikaturi rilevanti oħrajn flimkien mar-rati ta' parteċipazzjoni sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà bejn is-snin u l-pajjiżi; u

    (iii)

    informazzjoni ta' spjegazzjoni aktar komprensiva dwar id-data miġbura, b'mod partikolari fir-rigward tal-programmi tal-ECEC koperti mid-definizzjoni tal-indikaturi;

    (b)

    timmobilizza l-finanzjament tal-Unjoni b’appoġġ tar-riformi u tal-investimenti nazzjonali fl-ECEC;

    (c)

    tesplora l-possibbiltà tal-iżvilupp ta’ aktar indikaturi f’kooperazzjoni mal-EMCO u l-KPS u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-Edukazzjoni u l-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Kriterji ta’ Evalwazzjoni fl-Edukazzjoni, u tipprova tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba u tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri, kif ukoll attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità teknika, u tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex ifasslu u jimplimentaw riformi fil-qasam tal-ECEC, b’mod partikolari permezz tal-Qafas ta’ Kooperazzjoni Strateġika fl-edukazzjoni u t-taħriġ u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku;

    (d)

    tħeġġeġ lill-aġenziji tal-Unjoni bħall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Eurofound biex jiġbru d-data regolarment, jiżviluppaw indikaturi u jwettqu analiżijiet dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-kura, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, u l-użu tal-ħin f’xogħol bi ħlas u mhux bi ħlas, dwar attivitajiet individwali u soċjali min-nisa u mill-irġiel b’responsabbiltajiet ta’ kura u dwar l-arranġamenti tax-xogħol matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom;

    (e)

    tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-kuntest tar-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni, u ta’ arranġamenti eżistenti tas-Semestru Ewropew, bl-appoġġ tal-EMCO u l-KPS, u – għat-tfal ta’ iktar minn 3 snin – il-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

    25.

    Tirrapporta lill-Kunsill fi żmien 5 snin dwar il-progress magħmul fir-rigward ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. JUREČKA


    (1)  Il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 (2002), SN 100/1/02 REV1.

    (2)  It-tabella tal-bażi tad-data tal-Eurostat LFSA_IGAR, “Care of adults with disabilities or children and other family or personal reasons” (Il-kura ta' adulti b'diżabilità, jew tfal jew raġunijiet familjari jew personali oħra), il-perċentwal tal-popolazzjoni barra mill-forza tax-xogħol u li jixtiequ jaħdmu, grupp ta' etajiet 15-64.

    (3)  Rapport mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE): “Gender inequalities in care and consequences on the labour market” (Differenzi bejn il-ġeneri fil-kura u l-konsegwenzi fuq is-suq tax-xogħol), 12953/20 ADD 1.

    (4)  Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).

    (5)  ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1.

    (6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019 dwar Sistemi ta' Edukazzjoni u Kura Bikrija ta' Kwalità Għolja tat-Tfal (ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4).

    (7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal, COM(2021) 142 final, 24 ta’ Marzu 2021, p. 1.

    (8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta' Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14).

    (9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom, (ĠU C 93, 19.3.2021, p. 1).

    (10)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

    (11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/554 tal-5 ta' April 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għan-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna (ĠU L 107, 6.4.2022, p. 1).

    (12)  Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, “Meeting of Experts on Policy Guidelines on the promotion of decent work for early childhood education personnel”, disponibbli fuq: https://www.ilo.org/sector/Resources/codes-of-practice-and-guidelines/WCMS_236528/lang--en/index.htm

    (13)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar L-Indirizzar tad-Differenza bejn il-Ġeneri fil-Pagi: Valutazzjoni u Distribuzzjoni tax-Xogħol Imħallas u x-Xogħol ta' Kura Mingħajr Ħlas, 13584/20.

    (14)  ĠU C 66, 26.2. 2021, p. 1.


    Top