Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022H1213(01)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2022 dwar it-tisħiħ tal-prevenzjoni permezz tad-detezzjoni bikrija: Approċċ ġdid tal-UE għall-iskrinjar tal-kanċer li jissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/878/KE 2022/C 473/01

    ST/14770/2022/INIT

    ĠU C 473, 13.12.2022, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 473/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tad-9 ta' Diċembru 2022

    dwar it-tisħiħ tal-prevenzjoni permezz tad-detezzjoni bikrija: Approċċ ġdid tal-UE għall-iskrinjar tal-kanċer li jissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/878/KE

    (2022/C 473/01)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 168(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fit-tifsira u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-azzjoni tal-Unjoni, li ser tikkomplementa l-politiki nazzjonali, tindirizza t-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard fiżiku u mentali, u l-evitar ta’ sorsi ta’ periklu għas-saħħa fiżika u mentali. Din l-azzjoni għandha tkopri l-ġlieda kontra l-flaġelli kbar tas-saħħa, billi tinkoraġġixxi riċerka fuq il-kawża tagħhom, it-tixrid tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll informazzjoni, edukazzjoni u monitoraġġ dwar is-saħħa.

    (2)

    Jenħtieġ li jiġi implimentat aktar żvilupp tal-programmi tal-iskrinjar tal-kanċer f’konformità mal-liġi nazzjonali u r-responsabbiltajiet nazzjonali u reġjonali għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u kura medika skont l-Artikolu 168(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (3)

    Il-kanċer huwa marda u kawża ta’ mewt ewlenija madwar l-Ewropa. Fl-2020, madwar 2,7 miljun persuna fl-Unjoni ingħatatilhom dijanjosi ta’ kanċer. Estrapolazzjoni miċ-ċifri għall-2020 tistma li wieħed minn kull żewġ ċittadini tal-Unjoni ser jiżviluppa kanċer f’xi ħin f’ħajtu, b’konsegwenzi dejjiema fuq il-kwalità tal-ħajja tiegħu, u nofs il-pazjenti tal-kanċer biss jibqgħu ħajjin.

    (4)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/878/KE (1) tistipula r-rakkomandazzjonijiet għall-iskrinjar tal-kanċer fl-Unjoni. Din tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jimplimentaw programmi ta’ skrinjar ibbażati fuq il-popolazzjoni u bil-kwalità assigurata, u kienet strumentali biex ittejjeb l-iskrinjar tal-kanċer u biex tiżgura li l-maġġoranza l-kbira tan-nies fil-meded ta’ età fil-mira, mill-gruppi soċjoekonomiċi kollha u fit-territorju kollu, ikollhom aċċess għal skrinjar organizzat.

    (5)

    Barra minn hekk, ġew diskussi l-governanza, ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-evalwazzjoni tal-iskrinjar tal-kanċer u l-informazzjoni ġiet maqsuma fil-livell tal-Unjoni, flimkien mal-esperjenza miksuba mill-azzjonijiet dwar l-iskrinjar tal-kanċer appoġġati taħt il-Programm tas-Saħħa tal-UE (2).

    (6)

    Bl-iskrinjar huwa possibbli li jiġu identifikati l-kanċers fi stadju bikri, jew possibbilment anki qabel ma jsiru invażivi. B’hekk ikunu jistgħu jiġu ttrattati b’mod aktar effettiv xi leżjonijiet u jkun hemm aktar ċans li l-pazjenti jfiequ. L-indikatur ewlieni tal-effettività tal-iskrinjar huwa tnaqqis fil-mortalità speċifika għall-mard jew fl-inċidenza ta’ kanċers invażivi.

    (7)

    L-evidenza turi l-effikaċja tal-iskrinjar għall-kanċers tas-sider, tal-musrana, tal-għonq tal-utru, (sa ċertu punt limitat) tal-pulmun u tal-prostata, u għall-kanċer tal-istonku f’ċerti ċirkostanzi. Il-kriterji kollha ta’ Wilson u Jungner (3) għal skrinjar responsabbli, kif ukoll il-kriterji addizzjonali stabbiliti mid-WHO (4), għandhom jintużaw biex tiġi vvalutata l-fattibbiltà ta’ programm tal-iskrinjar.

    (8)

    L-iskrinjar huwa l-proċess tal-ittestjar għall-mard ta’ persuni li fihom ma jkun instab l-ebda sintomu. Minbarra l-effett ta’ benefiċċju tiegħu fuq il-mortalità speċifika għall-marda u fuq l-inċidenza tal-kanċers invażivi, il-proċess ta’ skrinjar għandu limitazzjonijiet inerenti, li jista’ jkollhom effetti negattivi għall-popolazzjoni skrinjata. Dawn jinkludu riżultati pożittivi foloz, li jistgħu jikkawżaw ansjetà u jistgħu jirrikjedu testjar addizzjonali li jista’ joħloq riskji potenzjali, riżultati negattivi foloz, li jipprovdu riassigurazzjoni falza li twassal għal dewmien fid-dijanjożi, dijanjożi eċċessiva (jiġifieri sejbien ta’ kanċer li mhux mistenni li jikkawża sintomi matul il-ħajja tal-pazjent) u trattament eċċessiv sussegwenti. Il-fornituri tal-kura tas-saħħa jenħtieġ li jkunu konxji tal-benefiċċji u tar-riskji potenzjali kollha tal-iskrinjar għal tip partikolari ta’ kanċer qabel ma jibdew programmi organizzati ġodda tal-iskrinjar tal-kanċer. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawn il-benefiċċji u r-riskji jiġu ppreżentati b’mod li jinftiehem li jippermetti liċ-ċittadini individwali jagħtu kunsens infurmat biex jipparteċipaw fil-programmi tal-iskrinjar.

    (9)

    L-aspetti etiċi, legali, soċjali, mediċi, organizzattivi, soċjoekonomiċi, tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u l-kapaċità tal-kura tas-saħħa u tar-riżorsi jridu jitqiesu qabel ma jkunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-programmi tal-iskrinjar tal-kanċer.

    (10)

    Jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq il-ħtiġijiet speċifiċi tal-irġiel u n-nisa, l-anzjani, persuni b’diżabbiltajiet, gruppi żvantaġġati jew marġinalizzati, bħal nies minn minoritajiet razzjali jew etniċi, persuni li diffiċli jintlaħqu u dawk li ma jweġbux għal stediniet għall-iskrinjar, gruppi bi dħul baxx, superstiti tal-kanċer u individwi li jistgħu jkollhom riskju ogħla li jiżviluppaw kanċer jew forom aktar ħorox tiegħu għal raġunijiet partikolari, pereżempju, persuni bi predispożizzjoni ġenetika jew familjari, persuni b’kundizzjonijiet tal-fwied kroniċi jew persuni b’riskji ambjentali, okkupazzjonali, jew relatati mal-istil ta’ ħajja tagħhom.

    (11)

    Barra minn hekk, jenħtieġ li jitqiesu l-ħtiġijiet individwali ta’ persuni b’diżabbiltajiet rigward l-appoġġ jew l-għajnuna speċjali sabiex jaċċessaw l-iskrinjar tal-kanċer jew rigward faċilitajiet kliniċi addattati, kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ nies f’żoni remoti li jsibu diffikultajiet kbar biex jaslu għas-servizzi tal-iskrinjar fir-reġjuni tagħhom.

    (12)

    Il-benefiċċji għas-saħħa pubblika u l-kosteffettività ta’ programm tal-iskrinjar, inkluż l-impatt potenzjali fuq l-iffrankar ta’ spejjeż fuq is-sistemi tas-saħħa u tal-kura fit-tul, jinkisbu jekk il-programm jiġi implimentat b’approċċ pass pass, b’mod organizzat u sistematiku, li jkopri l-popolazzjoni fil-mira u li jsegwi l-linji gwida Ewropej ibbażati fuq l-evidenza u aġġornati, b’assigurazzjoni tal-kwalità li għandha tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-kwalità tal-programmi tal-iskrinjar.

    (13)

    Il-kosteffettività tal-iskrinjar tal-kanċer tiddependi minn diversi fatturi, bħall-epidemjoloġija, l-ispejjeż imġarrba u l-organizzazzjoni u l-għoti tal-kura tas-saħħa u parteċipazzjoni għolja biżżejjed tal-grupp fil-mira.

    (14)

    L-implimentazzjoni sistematika teħtieġ governanza, organizzazzjoni b’sistema ta’ sejħa/sejħa lura u b’assigurazzjoni tal-kwalità fil-livelli kollha, u servizz effettiv, xieraq, aċċessibbli u disponibbli dijanjostiku, ta’ trattament u ta’ wara l-kura skont linji gwida bbażati fuq l-evidenza.

    (15)

    Hemm bżonn ta’ sistemi tad-data xierqa biex jitmexxew programmi tal-skrinjar organizzati. Jenħtieġ li dawk is-sistemi jinkludu lista tal-kategoriji kollha tal-persuni li għandhom ikunu fil-mira mill-programmi tal-iskrinjar u data dwar it-testijiet kollha tal-iskrinjar, u dwar valutazzjonijiet u dijanjożi finali, inkluż data relatata mal-istadju tal-kanċer meta dan jinstab permezz tal-programm tal-iskrinjar.

    (16)

    Il-proċeduri kollha għall-ġbir, għall-ħżin, għat-trażmissjoni u għall-analiżi tad-data f’reġistri mediċi u strumenti uffiċjali nazzjonali u reġjonali oħra involuti jridu jkunu f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (5). Barra minn hekk, dawn il-proċeduri jenħtieġ li jfittxu allinjament u interoperabbiltà, kif xieraq, ma’ dawk il-proċeduri għall-ġbir, għall-ħżin u għat-trażmissjoni tad-data diġà żviluppati f’inizjattivi oħrajn, inkluż fin-Networks ta’ Referenza Ewropej ddedikati għall-kanċer.

    (17)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u tal-kura fis-Suq Uniku Diġitali, l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta’ soċjetà aktar f’saħħitha stipulat prinċipji biex tgħin biex ikunu żgurati l-interoperabbiltà b’sistemi għall-ġbir, il-ħżin u t-trażmissjoni tad-data diġà żviluppati taħt inizjattivi oħrajn (6), f’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

    (18)

    L-iskrinjar ta’ kwalità jinkludi analiżi tal-proċess u tal-eżitu tal-iskrinjar u r-rapportar rapidu ta’ dawn ir-riżultati lill-popolazzjoni u lill-fornituri tal-iskrinjar.

    (19)

    Din l-analiżi tiġi ffaċilitata jekk id-data tal-iskrinjar u l-informazzjoni x-xierqa jkunu marbuta u interoperabbli mar-reġistri tal-kanċer u d-data dwar l-inċidenza u l-mortalità. L-użu sekondarju tad-data mill-programmi tal-iskrinjar huwa riżorsa siewja għar-riċerka dwar il-kanċer u għall-avvanz teknoloġiku fil-kura tal-kanċer, b’mod partikolari meta din id-data tkun ikkombinata ma’ sorsi oħra ta’ data bħad-data ġenomika. Tali data sekondarja tista’ tinkiseb taħt l-infrastrutturi diġitali Ewropej u f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679.

    (20)

    Taħriġ adegwat tal-persunal huwa prerekwiżit għal skrinjar ta’ kwalità għolja.

    (21)

    Ġew stabbiliti indikaturi speċifiċi tal-prestazzjoni għat-testijiet tal-iskrinjar tal-kanċer. Dawn jenħtieġ li jiġu mmonitorjati regolarment.

    (22)

    Riżorsi umani u finanzjarji adegwati huma ferm importanti sabiex jiġu żgurati l-organizzazzjoni u kontroll tal-kwalità xierqa fl-Istati Membri kollha. Fondi Ewropej allokati għall-politika ta’ koeżjoni, partikolarment il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew Plus, kif ukoll il-Programmi l-UE għas-Saħħa u Orizzont Ewropa jistgħu jiġu mmobilizzati biex jikkofinanzjaw parti mill-investimenti u n-nefqa meħtieġa, anki tar-riċerka.

    (23)

    Jenħtieġ li tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-iskrinjar ta’ kwalità, filwaqt li titqies kif xieraq il-ħtieġa possibbli li jiġu mmirati gruppi soċjoekonomiċi partikolari, jew żoni fejn l-aċċess għall-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa huwa diffiċli.

    (24)

    Huwa prerekwiżit etiku, legali u soċjali li l-iskrinjar tal-kanċer jenħtieġ li jiġi offrut biss lil persuni kompletament infurmati mingħajr ebda sintomu, jekk il-benefiċċji u r-riskji tal-parteċipazzjoni fil-programm tal-iskrinjar ikunu magħrufa sew u l-benefiċċji jkunu akbar mir-riskji, u jekk il-kosteffettività tal-iskrinjar tkun aċċettabbli. Din il-valutazzjoni għandha tkun parti inerenti mill-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali.

    (25)

    Il-metodi ta’ skrinjar li bħalissa jissodisfaw dawn il-prerekwiżiti stretti huma elenkati fl-Anness.

    (26)

    It-testijiet tal-iskrinjar elenkati fl-Anness għandhom jiġu offruti biss fuq bażi tal-popolazzjoni jekk programm tal-iskrinjar jissodisfa l-kriterji għal skrinjar responsabbli minn Wilson & Jungner, kif ukoll il-kriterji addizzjonali stipulati mid-WHO. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-testijiet tal-iskrinjar jiġu offruti biss fi programmi tal-iskrinjar b’assigurazzjoni tal-kwalità fil-livelli kollha, u jekk ikunu disponibbli informazzjoni affidabbli dwar il-benefiċċji u r-riskji, riżorsi adegwati għall-iskrinjar, segwitu bi proċeduri dijanjostiċi komplementari u, jekk meħtieġ, trattament għal dawk b’test tal-iskrinjar pożittiv.

    (27)

    Barra minn hekk, it-testijiet tal-iskrinjar elenkati fl-Anness, u b’mod partikolari l-iskrinjar tal-kanċer tal-pulmun, tal-prostata u tal-istonku, jistgħu jiġu implimentati b’approċċ pass pass biex jiġi żgurat l-ippjanar, il-pilotaġġ, u l-introduzzjoni gradwali u xierqa tal-programmi ta’ skrinjar fi ħdan il-prijoritajiet nazzjonali. L-iskrinjar ser jiġi implimentat bl-appoġġ ta’ linji gwida Ewropej ibbażati fuq l-evidenza u skemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, biex jgħinu jiżguraw l-introduzzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi ta’ skrinjar. Ta’ min jinnota li l-kuntesti nazzjonali, jiġifieri r-riżorsi umani u finanzjarji, l-affordabbiltà, kif ukoll il-kapaċità tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri, għandhom jitqiesu fl-implimentazzjoni ta’ programmi ġodda ta’ skrinjar.

    (28)

    It-testijiet tal-iskrinjar rakkomandati fl-Anness jenħtieġ li jiġu kkunsidrati bir-reqqa, filwaqt li d-deċiżjoni mill-Istati Membri li jintroduċu t-testijiet tal-iskrinjar rakkomandati tkun ibbażata fuq l-għarfien espert professjonali disponibbli, fuq l-iffissar ta’ prijoritajiet għar-riżorsi umani u finanzjarji kif ukoll għall-kapaċità tal-kura tas-saħħa f’kull Stat Membru, u fuq id-disponibbiltà ta’ linji gwida Ewropej u skemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità biex tiġi mmonitorjata l-kwalità tal-programmi ta’ skrinjar.

    (29)

    L-introduzzjoni ta’ programmi jew tekniki ġodda għall-iskrinjar tal-kanċer li jinvolvu r-radjazzjoni jonizzanti trid tkun f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (7), inkluż fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw li l-professjonisti kkonċernati jirċievu taħriġ adegwat dwar aspetti ta’ protezzjoni mir-radjazzjoni tat-teknika; l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità tat-tagħmir radjoloġiku; l-evalwazzjoni tad-dożi ta’ radjazzjoni u l-istabbiliment ta’ livelli dijanjostiċi ta’ referenza; u l-iżgurar tal-involviment tal-espert tal-fiżika medika fl-ottimizzazzjoni tal-proċeduri tal-immaġni.

    (30)

    Il-metodoloġiji tal-iskrinjar qegħdin fi żvilupp kontinwu. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-metodoloġiji ta’ skrinjar rakkomandati jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn valutazzjonijiet sistematiċi simultanji tal-kwalità, l-applikabbiltà u l-kosteffettività ta’ metodi ġodda jekk id-data disponibbli tiġġustifika dan. Il-ħidma li għaddejja u li ġejja, inkluż l-iżvilupp ta’ linji gwida Ewropej u skemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, tista’ twassal għall-identifikazzjoni ta’ approċċi ġodda ta’ skrinjar u tmetodi ġodda, li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jissostitwixxu jew jikkomplementaw it-testijiet elenkati fl-Anness jew ikunu applikabbli għal tipi oħra ta’ kanċer.

    (31)

    Il-kooperazzjoni teknika internazzjonali, partikolarment fil-qafas tal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tad-WHO, tista’ tgħin direttament biex jittejbu l-programmi ta’ skrinjar u l-linji gwida fl-UE u fid-dinja kollha.

    (32)

    Permezz tar-Regolament 2021/2282 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa (HTA), l-Unjoni Ewropea tista’ tappoġġa l-kooperazzjoni volontarja bejn l-Istati Membri bl-għan li tipprovdi evidenza tad-dinja reali relatata mad-dijanjostika wżata biex tissupplimenta programmi ta’ prevenzjoni jew skrinjar.

    (33)

    Fit-28 ta’ Mejju 2008, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “It-tnaqqis tal-piż tal-kanċer” stiednu lill-Kummissjoni teżamina l-ostakli għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ metodi ta’ skrinjar mixhuda bi prova u biex tiżgura appoġġ xjentifiku u professjonali ta’ terminu medju u fit-tul għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/878/KE.

    (34)

    F’Mejju tal-2017, it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/878/KE irrakkomanda li tiġi aġġornata r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, peress li mill-2003 ’l hawn ġew ivvalidati u introdotti testijiet u protokolli ġodda tal-iskrinjar fl-Istati Membri tal-UE, u li jiġu inklużi politiki għall-aġġornamenti regolari tal-linji gwida dwar l-iskrinjar tal-kanċer u tar-rapporti ta’ implimentazzjoni.

    (35)

    Fit-22 ta’ April 2021, il-Kummissjoni tat mandat, permezz tal-Mekkaniżmu għall-Parir Xjentifiku tagħha, lill-Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin biex iħejji parir xjentifiku dwar it-titjib tal-iskrinjar tal-kanċer madwar l-Unjoni, li jikkonċentra b’mod partikolari fuq: (i) kif għandu jiġi żgurat li l-programmi ta’ skrinjar eżistenti għall-kanċers ċervikali, kolorettali u tas-sider jintegraw għarfien xjentifiku tal-ogħla livell; (ii) il-bażi xjentifika għall-estensjoni tal-programmi ta’ skrinjar għal kanċers oħra, pereżempju l-kanċers tal-pulmun, tal-prostata u tal-istonku, u l-fattibbiltà tagħhom fl-UE kollha; u (iii) l-elementi xjentifiċi ewlenin li għandhom jitqiesu għall-ottimizzazzjoni tal-iskrinjar tal-kanċer ibbażat fuq ir-riskju u d-dijanjożi bikrija madwar l-Unjoni.

    (36)

    Fit-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni nediet il-linji gwida u l-iskema ta’ assigurazzjoni tal-kwalità Ewropej ġodda bbażati fuq l-evidenza għall-kanċer tas-sider (9) u ppreżentat is-sistema Ewropea ta’ informazzjoni dwar il-kanċer (10) bħala sistema ewlenija għall-monitoraġġ u l-projezzjoni tal-piż tal-kanċer.

    (37)

    Fl-10 ta’ Diċembru 2021, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa fakkru li l-insigurtajiet dwar is-saħħa, l-ekonomija u soċjali minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kienu xekklu l-programmi tas-saħħa ta’ promozzjoni u ta’ prevenzjoni, u ħallew impatt negattiv fuq l-aċċess għad-dijanjożi bikrija u t-trattament tal-kanċer fi żminijiet ta’ pressjoni kbira fuq il-faċilitajiet tal-isptarijiet, u li dan jista’ jkollu effetti detrimentali fuq l-inċidenza tal-kanċer u r-rati ta’ sopravivenza.

    (38)

    Barra minn hekk, dawk il-Konklużjonijiet tal-Kunsill stiednu lill-Kummissjoni biex tiżgura, kif xieraq, implimentazzjoni effettiva tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, u tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet effettivi ta’ kontroll tal-kanċer, permezz ta’ strumenti u għodod xierqa, inkluż billi tikkunsidra s-sottomissjoni ta’ proposta għall-aġġornament tar-Rakkomandazzjoni 2003/878/KE.

    (39)

    Fit-3 ta’ Frar 2021, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer” COM(2021) 44 final, ħabbret l-iżvilupp ta’ Skema ġdida għall-Iskrinjar tal-Kanċer appoġġata mill-UE biex tgħin lill-Istati Membri jiżguraw li d-90 % tal-popolazzjoni tal-UE li tikkwalifika għal skrinjar tal-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali tiġi offruta skrinjar sal-2025. L-iskema ser tkun appoġġata minn fondi mill-Unjoni u ser tiffoka fuq it-titjib fi tliet oqsma ewlenin: l-aċċess, il-kwalità u d-dijanjożi.

    (40)

    L-Iskema l-ġdida għall-Iskrinjar tal-Kanċer appoġġata mill-UE skont il-“Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer” tipprevedi wkoll reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/878/KE, inkluż aġġornament tat-testijiet li jintużaw għall-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali, u l-possibbiltà li jiġu estiżi l-programmi tal-iskrinjar organizzati għal tipi addizzjonali ta’ kanċers, jiġifieri kanċers tal-pulmun, tal-prostata u tal-istonku, filwaqt li jitqies għarfien ġdid ibbażat fuq l-evidenza.

    (41)

    Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin tal-Kummissjoni ta l-opinjoni xjentifika tiegħu “Cancer screening in the European Union” dwar it-titjib tal-iskrinjar tal-kanċer madwar l-Unjoni. Din l-opinjoni rrakkomandat li jiġu aġġornati l-metodoloġija u t-testijiet għall-iskrinjar tal-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali, u li l-programmi organizzati tal-iskrinjar tal-kanċer jiġu estiżi għall-kanċer tal-pulmun, tal-prostata, u, f’ċerti ċirkustanzi, għall-kanċer tal-istonku, kif indikat fl-Anness. L-opinjoni kienet ibbażata fuq ir-rapport ta’ rieżami tal-evidenza “Improving cancer screening in the European Union” mill-konsorzju Science Advice for Policy by European Academies (SAPEA) (Parir Xjentifiku għall-Politika mill-Akkademji Ewropej).

    (42)

    Il-Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin tal-Kummissjoni wkoll ta l-parir li għandu jittieħed vantaġġ mill-possibbiltajiet teknoloġiċi u mill-għarfien xjentifiku li qegħdin jiżviluppaw b’mod rapidu biex jiġu ottimizzati d-dijanjożi bikrija u l-iskrinjar tal-kanċer ibbażat fuq ir-riskju madwar l-Unjoni.

    (43)

    Fis-16 ta’ Frar 2022, il-Parlament Ewropew adotta r-“Riżoluzzjoni dwar it-tisħiħ tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-kanċer – lejn strateġija komprensiva u kkoordinata”, li kkunsidrat ukoll id-dokument ta’ ħidma mill-Kumitat Speċjali tiegħu għall-Ġlieda kontra l-Kanċer tas-27 ta’ Ottubru 2020 intitolat “Inputs of the Special Committee on Beating Cancer to influence the future Europe’s Beating Cancer Plan”. Ir-Riżoluzzjoni appoġġat it-tnedija ta’ Skema ġdida għall-Iskrinjar tal-Kanċer appoġġata mill-UE, kif imħabbar fil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer.

    (44)

    Ir-Riżoluzzjoni talbet ukoll lill-Kummissjoni tinkludi kanċers oħra fl-iskema, abbażi tal-aħħar evidenza xjentifika, b’miri ċari għal kull tip ta’ kanċer, u biex kull sentejn jiġu evalwati r-riżultati tal-Iskema għall-Iskrinjar tal-Kanċer f’termini ta’ aċċess ugwali għall-popolazzjoni fil-mira, sabiex jinżamm rendikont tal-inugwaljanzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, biex jiġu proposti miżuri ġodda xierqa u programmi tal-iskrinjar li jikkorrelataw mal-aħħar riżultati tar-riċerka dwar l-iskrinjar tal-kanċer.

    B'DAN JIRRAKKOMANDA LILL-ISTATI MEMBRI:

     

    L-implimentazzjoni ta' programmi għall-iskrinjar tal-kanċer

    (1)

    li joffru skrinjar tal-kanċer ibbażat fuq l-evidenza u ċċentrat fuq il-persuna fi ħdan il-prijoritajiet nazzjonali, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji bażiċi tas-sikurezza, tal-etika, tal-involviment pubbliku u tal-ekwità, permezz ta' programmi sistematiċi bbażati fuq il-popolazzjoni u, fejn xieraq u rilevanti, joffru “skrinjar tal-kanċer stratifikat skont ir-riskju”; it-tipi ta' kanċer u l-popolazzjonijiet fil-mira rispettivi li jenħtieġ li jitqiesu huma elenkati fl-Anness;

    (2)

    li jimplimentaw programmi tal-iskrinjar aċċessibbli f'konformità mal-linji gwida Ewropej u l-iskemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità, fejn dawn jeżistu, permezz ta' approċċ gradwali li jqis ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli kif ukoll ir-riżorsi tal-kura tas-saħħa għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-iskrinjar, fi ħdan il-prijoritajiet nazzjonali.

    (3)

    li jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-pilotaġġ ta' protokolli, linji gwida, u indikaturi dwar “skrinjar tal-kanċer stratifikat skont ir-riskju” għal programmi tal-iskrinjar tal-kanċer ta' kwalità għolja u aċċessibbli fuq livell nazzjonali u, fejn xieraq, f'livell reġjonali li jkopri t-territorju sew, u jinkludi ż-żoni rurali u remoti;

    (4)

    li jiżguraw li l-benefiċċji u r-riskji, inkluż id-dijanjożi żejda u t-trattament żejjed potenzjali, jiġu ppreżentati lin-nies li jipparteċipaw fl-iskrinjar b'mod li jinftiehem, potenzjalment fosthom fuq bażi ta' professjonist tas-saħħa lill-parteċipant, li jippermetti lill-individwi jesprimu kunsens infurmat meta jiddeċiedu li jipparteċipaw fil-programmi tal-iskrinjar, u li jitqiesu l-prinċipji tal-litteriżmu fis-saħħa u t-teħid ta' deċiżjonijiet infurmati biex tiżdied il-parteċipazzjoni u l-ekwità;

    (5)

    li jiżguraw proċeduri dijanjostiċi u trattamenti adegwati, f'waqthom u komplementari għal dawk l-individwi b'test tal-iskrinjar pożittiv; li joffru kura ta' segwitu u kura psikoloġika fejn ikun meħtieġ, possibbli u rilevanti, jiġifieri għandhom jitqiesu r-riżorsi umani u finanzjarji kif ukoll il-kapaċità tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri;

    (6)

    li jagħmlu disponibbli r-riżorsi umani u finanzjarji sabiex jiżguraw organizzazzjoni xierqa u kontroll tal-kwalità, imfassal apposta għall-ħtiġijiet fil-livell nazzjonali;

    (7)

    li jivvalutaw u jieħdu deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni nazzjonali jew reġjonali ta' programm tal-iskrinjar tal-kanċer skont il-piż tal-mard u r-riżorsi tal-kura tas-saħħa disponibbli, l-effetti sekondarji u l-effetti tal-kost tal-iskrinjar tal-kanċer, u l-esperjenza minn provi xjentifiċi u proġetti pilota;

    (8)

    li jkollhom l-għan li jistabbilixxu sistema sistematika ta' sejħiet/sejħiet lura u assigurazzjoni tal-kwalità fil-livelli xierqa kollha, flimkien ma' servizz dijanjostiku, ta' trattament u ta' servizz ta' segwitu effettiv u xieraq skont linji gwida bbażati fuq l-evidenza;

    (9)

    li jiżguraw li tingħata attenzjoni xierqa lil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

     

    Ir-reġistrazzjoni u l-ġestjoni tad-data tal-iskrinjar

    (10)

    li jużaw sistemi tad-data adattati għat-tmexxija ta' programmi organizzati tal-iskrinjar tal-kanċer;

    (11)

    li jiżguraw b'mezzi xierqa li l-persuni kollha fil-mira tal-programm tal-iskrinjar tal-kanċer jiġu mistiedna biex jieħdu sehem fil-programm;

    (12)

    li jkollhom l-għan li jiġbru, jimmaniġġaw u jevalwaw id-data dwar it-testijiet kollha tal-iskrinjar, dwar il-valutazzjonijiet u d-dijanjożijiet finali, inkluż id-data relatata mal-istadju tal-kanċer meta dan jiġi identifikat fil-kuntest tal-programmi tal-iskrinjar tal-kanċer;

    (13)

    li jiġbru, jimmaniġġaw u jevalwaw id-data, u jqisu, fejn xieraq, li jagħmlu d-data disponibbli għar-riċerka dwar il-kanċer, inkluż ir-riċerka dwar l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' possibbiltajiet teknoloġiċi mtejba għad-dijanjożi u l-prevenzjoni bikrija tal-kanċer, f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data;

     

    Monitoraġġ

    (14)

    li jimmonitorjaw regolarment il-proċess u l-eżitu tal-iskrinjar organizzat tal-kanċer u jirrappurtaw dawn ir-riżultati malajr lill-pubbliku u lill-persunal li jipprovdi l-iskrinjar;

    (15)

    li jkollhom l-għan li jiżguraw l-ipproċessar xieraq tad-data u tal-informazzjoni fis-sistema Ewropea ta' informazzjoni dwar il-kanċer, li tippermetti l-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-iskrinjar tal-kanċer u tal-indikaturi tal-impatt, u informazzjoni addizzjonali oħra, f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Il-monitoraġġ jenħtieġ li jsir b'kont meħud tal-kapaċità u r-riżorsi fl-Istati Membri u ma għandux jimponi piż ta' reġistrazzjoni bla bżonn fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa.

     

    Taħriġ

    (16)

    li jħarrġu b'mod adegwat lill-persunal fil-livelli kollha biex jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jwasslu skrinjar ta' kwalità għolja;

     

    Parteċipazzjoni

    (17)

    li jfittxu li jilħqu livell għoli ta' parteċipazzjoni, abbażi ta' kunsens infurmat bis-sħiħ, meta jiġi offrut skrinjar organizzat tal-kanċer;

    (18)

    li jieħdu azzjoni biex jiżguraw aċċess ekwu għall-iskrinjar filwaqt li jqisu kif xieraq il-ħtieġa possibbli li jiġu mmirati gruppi jew reġjuni soċjoekonomiċi u marġinalizzati partikolari fil-pajjiż;

    (19)

    li jiżguraw bil-mezzi x-xierqa li l-persuni b'diżabbiltajiet, u n-nies li jgħixu f'żoni rurali jew remoti jkunu jistgħu jaslu għas-servizzi tal-iskrinjar tal-kanċer, u li l-faċilitajiet tal-kliniċi għall-iskrinjar tal-kanċer ikunu addattati għan-nies li jkollhom diżabbiltà;

     

    L-introduzzjoni ta' testijiet ġodda tal-iskrinjar filwaqt li jitqiesu r-riżultati tar-riċerka internazzjonali

    (20)

    li jimplimentaw testijiet ġodda tal-iskrinjar tal-kanċer fil-kura tas-saħħa ta' rutina biss wara li dawn ikunu ġew evalwati fi provi kkontrollati aleatorji u jekk ikollhom evidenza xjentifika ta' effikaċja;

    (21)

    li jwettqu l-provi, minbarra dawk dwar parametri speċifiċi għall-iskrinjar u l-mortalità, dwar dijanjożi u proċeduri ta' trattament sussegwenti, l-eżiti kliniċi, l-effetti sekondarji, il-morbidità u l-kwalità tal-ħajja;

    (22)

    li jivvalutaw il-livell ta' evidenza dwar l-effetti ta' metodi ġodda billi jiġbru flimkien ir-riżultati tal-provi minn ambjenti rappreżentattivi;

    (23)

    li jikkunsidraw l-introduzzjoni fil-kura tas-saħħa ta' rutina ta' testijiet ġodda tal-iskrinjar potenzjalment promettenti, ladarba l-evidenza tkun konklużiva u jkunu tqiesu aspetti rilevanti oħra, bħall-kosteffettività u aspetti organizzattivi fis-sistemi differenti tal-kura tas-saħħa;

    (24)

    li jikkunsidraw l-introduzzjoni fil-kura tas-saħħa ta' rutina ta' modifiki ġodda potenzjalment promettenti ta' testijiet tal-iskrinjar stabbiliti ladarba l-effettività tal-modifika tkun ġiet evalwata b'suċċess, possibbilment bl-użu ta' punti ta' tmiem surrogati vvalidati b'mod epidemjoloġiku ieħor;

     

    Rapport ta' implimentazzjoni u segwitu

    (25)

    li jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tagħha u, sussegwentement, kull erba' snin biex jgħinu fis-segwitu ta' din ir-Rakkomandazzjoni fl-Unjoni. Ir-rappurtar jenħtieġ li jsir mingħajr ma jiġi impost piż bla bżonn ta' rappurtar/reġistrazzjoni fuq l-Istati Membri u s-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom.

    B'DAN JILQA' L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI:

    (1)

    li tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' programmi tal-iskrinjar tal-kanċer, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, mhux aktar tard minn tmiem ir-raba' sena wara d-data tal-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni; li tikkunsidra, f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri kif xieraq, il-punt sa fejn il-miżuri proposti qed jaħdmu b'mod effettiv; u f'kooperazzjoni mal-Istati Membri biex tiġi kkunsidrata l-ħtieġa għal aktar azzjoni;

    (2)

    li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-riċerka u fl-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-iskrinjar tal-kanċer bil-għan li jiġu żviluppati u evalwati metodi ġodda ta' skrinjar jew li jittejbu dawk eżistenti, b'mod partikolari, dwar fatturi ta' tbassir/testijiet bikrija, punteġġi jew algoritmi u bl-għan li jitnaqqsu d-dijanjożi żejda u t-trattament żejjed;

    (3)

    li tappoġġa r-riċerka Ewropea dwar l-iskrinjar tal-kanċer, inkluż l-iżvilupp rapidu ta' linji gwida Ewropej u skemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità biex jgħinu biex jiġi żgurat li l-iskrinjar tal-kanċers indikati fl-Anness ikun f'waqtu, ibbażat fuq l-evidenza, kosteffettiv u kompletament operazzjonali u ta' kwalità tajba. Barra minn hekk, li tgħin tippreżenta l-evidenza tal-benefiċċji u r-riskji soċjali u ekonomiċi ta' programmi bħal dawn;

    (4)

    li taħdem b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri biex jingħelbu l-ostakli legali u tekniċi sabiex tittejjeb l-interoperabbiltà fost ir-reġistri tal-kanċer u tal-iskrinjar, is-sistemi ta' informazzjoni nazzjonali u reġjonali oħra dwar il-kanċer, is-sistema Ewropea ta' informazzjoni dwar il-kanċer, in-networks ta' referenza Ewropej iddedikati għall-kanċer, l-infrastrutturi diġitali Ewropej, u sorsi u infrastrutturi rilevanti oħra tad-data, f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u billi tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet u tal-informazzjoni trażmessa;

    (5)

    li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali, jekk mitlub, billi tipprovdi appoġġ tekniku b'attivitajiet ta' informazzjoni, fejn rilevanti, għall-pubbliku ġenerali u għall-partijiet ikkonċernati dwar il-benefiċċji u r-riskji tal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-iskrinjar, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tal-litteriżmu fis-saħħa u t-teħid ta' deċiżjonijiet infurmati, biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-ekwità.

    Il-miżuri inklużi f'din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li jiġu riveduti regolarment mill-Kummissjoni f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri. Minbarra r-rappurtar dwar l-implimentazzjoni ta' programmi tal-iskrinjar tal-kanċer (ara (1) hawn fuq), il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta dwarhom regolarment lill-Kunsill.

    Ir-Rakkomandazzjoni (2003/878/KE) hija sostitwita b'din ir-Rakkomandazzjoni.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Diċembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. VÁLEK


    (1)  ĠU L 327, 16.12.2003, p. 34.

    (2)  https://www.ipaac.eu/

    (3)  Wilson JMG, Jungner G; Principles and Practice of Screening for Disease (Prinċipji u Prattika tal-Iskrinjar għall-Mard), Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 1968

    (4)  https://apps.who.int/iris/bitstream/handle/10665/270163/PMC2647421.pdf

    (5)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

    (6)  Pereżempju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-Komunikazzjoni: ir-reġistri tal-kanċer, sistemi ta' informazzjoni nazzjonali u reġjonali oħrajn, is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Kanċer u sorsi u infrastrutturi tad-data rilevanti oħra.

    (7)  ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1.

    (8)  ĠU L 458, 22.12.2021, p. 1.

    (9)  https://healthcare-quality.jrc.ec.europa.eu/ecibc

    (10)  https://ecis.jrc.ec.europa.eu/


    ANNESS

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskrinjar tal-kanċer elenkati hawn taħt, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Rakkomandazzjoni, ser jiġu speċifikati aktar fil-linji gwida Ewropej bi skemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità. L-Istati Membri huma mistiedna jivvalutaw l-arranġamenti nazzjonali u reġjonali tagħhom dwar il-governanza tal-iskrinjar tal-kanċer biex jippermettu l-implimentazzjoni f'waqtha u effettiva ta' kwalunkwe linja gwida Ewropea ġdida jew aġġornata.

    L-Anness iqis l-opinjoni xjentifika (1) tal-Grupp ta' Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin dwar it-titjib tal-iskrinjar tal-kanċer madwar l-UE. L-opinjoni xjentifika tipproponi l-estensjoni tal-programmi tal-iskrinjar tal-kanċer għall-kanċer tal-pulmun u tal-prostata, u għall-kanċer tal-istonku f'dawk il-pajjiżi bl-ogħla inċidenza ta' kanċer tal-istonku u rati ta' mewt. Madankollu, hija meħtieġa aktar evidenza dwar l-effettività reali, il-kosteffettività u l-fattibbiltà ta' strateġiji partikolari tal-iskrinjar.

    L-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw l-implimentazzjoni tal-iskrinjar tal-kanċer li ġejjin, abbażi ta' evidenza xjentifika konklużiva, filwaqt li jivvalutaw u jieħdu deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali jew reġjonali skont il-piż tal-mard u r-riżorsi tal-kura tas-saħħa disponibbli, il-bilanċ bejn il-ħsara u l-benefiċċju u l-kosteffettività tal-iskrinjar tal-kanċer, u l-esperjenza minn provi xjentifiċi u proġetti pilota. Għall-individwi b'riskju akbar ta' kanċer partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu programmi speċifiċi b'popolazzjonijiet u intensità fil-mira estiżi, filwaqt li jqisu l-evidenza xjentifika u l-kuntest lokali.

    Kanċer tas-sider:

    Meta titqies l-evidenza ppreżentata fil-linji gwida Ewropej (2), l-iskrinjar tal-kanċer tas-sider huwa rrakkomandat għan-nisa ta' bejn il-50 u d-69 sena b'mammografija. Huwa ssuġġerit limitu ta' età aktar baxx ta' 45 sena u limitu massimu ta' età ta' 74 sena. Huwa ssuġġerit l-użu jew ta' tomosinteżi diġitali tas-sider jew ta' mammografija diġitali. L-użu ta' immaġni b'reżonanza manjetika (MRI) għandu jiġi kkunsidrat meta jkun medikament xieraq.

    Kanċer ċervikali:

    Ittestjar għall-virus tal-papilloma uman (HPV) bl-użu ta' assaġġi klinikament validati biss bħala t-testijiet tal-iskrinjar preferuti għal nisa li għandhom bejn it-30 u l-65 sena b'intervall ta' ħames snin jew aktar. Għandu jiġi kkunsidrat l-adattament tal-etajiet u l-intervalli għar-riskju individwali abbażi tal-istorja tat-tilqim tal-individwi kontra l-HPV u titqies ukoll il-possibbiltà li jiġu offruti kits li jippermettu lin-nisa jieħdu awtokampjun, speċjalment għal dawk li ma jirrispondux għal stediniet ta' skrinjar.

    Kanċer kolorettali:

    L-ittestjar kwantitattiv immunokimiku fekali (FIT) jitqies bħala t-test tal-iskrinjar preferut għar-riferiment ta' individwi għal kolonoskopija ta' segwitu ta' bejn l-50 u l-74 sena. Informazzjoni kwantitattiva mir-riżultati tal-FIT tista' tintuża abbażi ta' aktar riċerka bil-ħsieb li jiġu implimentati strateġiji mfassla apposta skont ir-riskju, bl-introduzzjoni ta' limiti definiti għal kull sess, età u riżultati ta' testijiet preċedenti. Tista' tintuża l-endoskopija bħala l-għodda ewlenija, biex jiġu implimentati strateġiji kkombinati.

    Kanċer tal-pulmun:

    Meta titqies l-evidenza preliminari għall-iskrinjar bl-użu ta' tomografija komputata b'doża baxxa, u l-ħtieġa għal approċċ gradwali, jenħtieġ li l-pajjiżi jesploraw il-fattibbiltà u l-effettività ta' dan il-programm, pereżempju billi jużaw studji ta' implimentazzjoni. Il-programm għandu jintegra approċċi ta' prevenzjoni primarja u sekondarja, billi jibda b'individwi b'riskju għoli. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-identifikazzjoni u l-immirar ta' profili ta' riskju għoli, b'bidu minn persuni li jpejpu ħafna u dawk li kienu jpejpu ħafna, u l-Istati Membri għandhom ikomplu jirriċerkaw kif jilħqu u jistiednu l-grupp fil-mira, peress li ma hemm l-ebda data sistematika (dokumentazzjoni) dwar l-imġiba tat-tipjip. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni lill-identifikazzjoni u l-immirar ta' profili oħra ta' riskju għoli.

    Kanċer tal-prostata:

    Meta titqies l-evidenza preliminari u l-ammont sinifikanti ta' skrinjar opportunistiku li qed isir, jenħtieġ li l-pajjiżi jikkunsidraw approċċ pass pass li jinkludi testijiet pilota u aktar riċerka, biex tiġi evalwata l-fattibbiltà u l-effettività tal-implimentazzjoni ta' programmi (3) organizzati bil-għan li jiġu żgurati ġestjoni u kwalità xierqa abbażi tal-ittestjar tal-antiġeni speċifiku għall-prostata (PSA) għall-irġiel, flimkien ma' test ta' segwitu addizzjonali ta' skannjar bl-immaġni b'riżonanza manjetika (MRI).

    Kanċer tal-istonku:

    Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati strateġiji ta' kura għall-Helicobacter pylori, inkluż studji ta' implimentazzjoni, f'dawk il-pajjiżi jew reġjuni f'pajjiżi b'inċidenza għolja ta' kanċer tal-istonku u rati għolja ta' mwiet. Jenħtieġ li l-iskrinjar jindirizza wkoll strateġiji għall-identifikazzjoni u s-sorveljanza tal-pazjenti li jkollhom leżjonijiet fl-istonku prekanċerużi li ma għandhomx x'jaqsmu ma' infezzjonijiet bil-Helicobacter pylori.


    (1)  Opinjoni xjentifika tal-Grupp ta' Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin dwar it-titjib tal-iskrinjar tal-kanċer madwar l-UE: https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/519a9bf4-9f5b-11ec-83e1-01aa75ed71a1

    (2)  European guidelines on breast cancer screening and diagnosis | ECIBC (europa.eu)

    (3)  cancer-screening-workshop-report-01.pdf (sapea.info)


    Top