EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2575

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2575 tad-19 ta’ Diċembru 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ tribunal tal-arbitraġġ skont dak il-Ftehim

ST/15401/2022/INIT

ĠU L 334, 28.12.2022, p. 99–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2575/oj

28.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 334/99


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2575

tad-19 ta’ Diċembru 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ tribunal tal-arbitraġġ skont dak il-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

(2)

Skont l-Artikolu 752(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kunsill ta’ Sħubija, stabbilita mill-Artikolu 7(1) ta’ dak il-Ftehim, għandu jistabbilixxi lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ tribunal tal-arbitraġġ. Il-lista għandha tkun magħmula minn tliet sublisti: sublista waħda ta’ individwi stabbilita fuq il-bażi ta’ proposti mill-Unjoni; sublista waħda ta’ individwi stabbilita fuq il-bażi ta’ proposti mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”); u sublista waħda ta’ individwi li ma jkunu ċittadini tal-ebda Parti li għandhom iservu bħala president tat-tribunal tal-arbitraġġ.

(3)

Kull sublista għandha tinkludi mill-anqas ħames individwi.

(4)

Skont l-Artikolu 741(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-arbitri kollha għandhom ikunu persuni li ma jkunx hemm dubju dwar l-indipendenza tagħhom, li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għall-ħatra fl-ogħla uffiċċju ġudizzjarju fil-pajjiżi rispettivi tagħhom jew li jkunu ġurikonsulti ta’ kompetenza rikonoxxuta. Huma għandhom ikunu wrew għarfien espert fil-liġi u l-kummerċ internazzjonali, inkluż dwar kwistjonijiet speċifiċi koperti mit-Titoli I sa VII, il-Kapitolu 4 tat-Titolu VIII, it-Titoli minn IX sa XII tal-Intestatura Wieħed jew tas-Sitt Intestatura tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jew fil-liġi u kwalunkwe kwistjoni oħra koperta minn dak il-Ftehim jew minn kwalunkwe ftehim supplimentari u, fil-każ ta’ president, ikollhom ukoll esperjenza fi proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 752(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-lista ma għandhiex tinkludi persuni li jkunu membri, uffiċjali jew aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-gvern ta’ xi Stat Membru, jew tal-gvern tar-Renju Unit.

(6)

Abbażi tal-proposti tal-Unjoni u tar-Renju Unit, il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jaqbel dwar sublista ta’ tmien persuni għall-pożizzjoni ta’ president tat-tribunal tal-arbitraġġ, u dwar żewġ sublisti ta’ sitt persuni għall-pożizzjoni ta’ membri tat-tribunal tal-arbitraġġ.

(7)

L-istabbiliment tal-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-Kunsill ta’ Sħubija fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika huwa soġġett għal proċedura separata.

(8)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tas-Sħubija,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit bl-Artikolu 7(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra hija stabbilita fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sħubija għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SÍKELA


(1)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).


ABBOZZ TA’

DEĊIŻJONI NRU … TAL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MIN-NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA

TA’ …

LI TISTABBILIXXI LISTA TA’ INDIVIDWI LI HUMA LESTI U KAPAĊI JSERVU BĦALA MEMBRI TA’ TRIBUNAL TAL-ARBITRAĠĠ SKONT IL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI

IL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u b’mod partikolari l-Artikolu 752(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 752(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jistabbilixxi lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ tribunal tal-arbitraġġ. Il-lista għandha tinkludi ta’ mill-anqas 15-il persuna u tkun magħmula minn tliet sublisti: (a) sublista waħda ta’ individwi stabbilita fuq il-bażi ta’ proposti mill-Unjoni; (b) sublista waħda ta’ individwi stabbilita fuq il-bażi ta’ proposti mir-Renju Unit; u (c) sublista waħda ta’ individwi li ma jkunu ċittadini tal-ebda Parti li għandhom iservu bħala president tat-tribunal tal-arbitraġġ.

(2)

Kull lista sekondarja għandha tinkludi mill-inqas ħames individwi.

(3)

Skont l-Artikolu 741 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-arbitri kollha għandhom ikunu persuni li ma jkunx hemm dubju dwar l-indipendenza tagħhom, li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għall-ħatra fl-ogħla uffiċċju ġudizzjarju fil-pajjiżi rispettivi tagħhom jew li jkunu ġurikonsulti ta’ kompetenza rikonoxxuta. Huma għandhom ikunu wrew għarfien espert fil-liġi u l-kummerċ internazzjonali, inkluż dwar kwistjonijiet speċifiċi koperti mit-Titoli I sa VII, il-Kapitolu 4 tat-Titolu VIII, it-Titoli minn IX sa XII tal-Intestatura Wieħed jew tas-Sitt Intestatura tat-Tieni Parti, jew fil-liġi u kwalunkwe kwistjoni oħra koperta mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jew minn kwalunkwe ftehim supplimentari u, fil-każ ta’ president, ikollhom ukoll esperjenza fi proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 752(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-lista ma għandhiex tinkludi persuni li jkunu membri, uffiċjali jew aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-Gvern ta’ xi Stat Membru, jew tal-Gvern tar-Renju Unit.

(5)

Abbażi tal-proposti tal-Unjoni u tar-Renju Unit, huwa xieraq li l-Kunsill ta’ Sħubija jaqbel dwar iż-żewġ sublisti ta’ sitt persuni għall-pożizzjoni ta’ membri tat-tribunal tal-arbitraġġ, u dwar is-sublista ta’ tmien persuni għall-pożizzjoni ta’ president tat-tribunal tal-arbitraġġ,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu ta’ arbitri skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Kunsill tas-Sħubija

Il-Kopresidenti


(1)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.


ANNESS

(a)

Sublista ta’ individwi stabbilita fuq il-bażi ta’ proposti mill-Unjoni:

 

Laurence BOISSON DE CHAZOURNES

 

Irina BUGA

 

Hélène RUIZ FABRI

 

Michael HAHN

 

Crenguța LEAUA

 

Peter Leo Henri VAN DEN BOSSCHE

(b)

Sublista ta’ individwi stabbilita fuq il-bażi ta’ proposti mir-Renju Unit:

 

Lorand Alexander BARTELS

 

Lawrence COLLINS

 

Jean E. KALICKI

 

Surya P. SUBEDI

 

David UNTERHALTER

 

Janet M. WHITTAKER

(c)

Sublista ta’ individwi li għandhom iservu bħala president tat-tribunal tal-arbitraġġ:

 

Leora BLUMBERG

 

Thomas COTTIER

 

William J. DAVEY

 

Gavan GRIFFITH

 

Valerie HUGHES

 

Campbell MCLACHLAN

 

Penelope Jane RIDINGS

 

J. Christopher THOMAS


Top