Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2517

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2517 tat-12 ta’ Diċembru 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim

    ST/15347/2022/INIT

    ĠU L 326, 21.12.2022, p. 15–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2517/oj

    21.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 326/15


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2517

    tat-12 ta’ Diċembru 2022

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat mill-Unjoni f’konformità mad- Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1165 (2) u ġie applikat b’mod provviżorju mid-29 ta’ Ġunju 2022.

    (2)

    L-Artikolu 6(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt biex jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim u jirrieżamina perjodikament il-funzjonament tiegħu fid-dawl tal-objettivi tiegħu.

    (3)

    L-Artikolu 6(6) tal-Ftehim jipprovdi li l-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati.

    (4)

    Kif stabbilit fl-Artikolu 5 tal-Ftehim, il-Ftehim għandu japplika sal-31 ta’ Marzu 2023. Madankollu, il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim sabiex jivvaluta u jiddeċiedi dwar il-ħtieġa għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    (5)

    Sabiex kemm l-Unjoni kif ukoll ir-Repubblika tal-Moldova jkomplu jibbenefikaw mill-Ftehim, jenħtieġ li dan jittawwal sat-30 ta’ Ġunju 2024.

    (6)

    Matul il-laqgħa tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjonijiet li jadottaw ir-regoli ta’ proċedura tiegħu u dwar il-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu.

    (7)

    Għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim, peress li d-deċiżjonijiet tiegħu ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

    (8)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitati Konġunti għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozzi tad-deċiżjonijiet mehmuża,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (“il-Ftehim”), fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (3).

    Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu fuq tibdiliet minuri fl-abbozz tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. NEKULA


    (1)  ĠU L 181, 7.7.2022, p. 4.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1165 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 181, 7.7.2022, p. 1).

    (3)  Ara d-dokumenti ST 15347/22 ADD 1 u ST 15347/22 ADD 2 fuq http://register.consilium.europa.eu


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI NRU 1/2022 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHEM BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA DWAR IT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA BIT-TRIQ,

    ta'…

    fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu

    IL-KUMITAT KONĠUNT,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(6) tiegħu,

    Billi:

    Kif stabbilit fl-Artikolu 6(6) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Għalhekk, ir-regoli ta’ proċedura kif stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jiġu adottati,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Regoli ta’ proċedura

    Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, huma b’dan adottati.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi …,

    Għall-Kumitat Konġunt

    Il-Kopresidenti


    (1)  ĠU UE L 181, 7.7.2022, p. 4.


    ANNESS

    Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt

    Artikolu 1

    Kapijiet tad-delegazzjoni

    1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Kull parti għandha taħtar il-Kap u, fejn neċessarju, Viċi Kap tad-delegazzjoni tagħha. Il-Kap tad-Delegazzjoni jista’ jiġi sostitwit mill-Viċi Kap jew minn persuna ddeżinjata għal laqgħa partikolari.

    2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut b’rotazzjoni minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tar-Repubblika tal-Moldova. Il-Kap tad-delegazzjoni rilevanti, jew fin-nuqqas tiegħu, il-Viċi Kap jew il-persuna ddeżinjata biex tissostitwixxuhom għandhom jaġixxu bħala president.

    Artikolu 2

    Laqgħat

    1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ kif u meta jkun neċessarju. Kwalunkwe Parti tista’ titlob li tissejjaħ laqgħa. Il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ wkoll sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, sabiex jivvaluta l-ħtieġa u jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni tal-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 5(2) tiegħu.

    2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jorganizza laqgħat wiċċ imb wiċċ jew permezz ta’ mezzi oħra (eż. telekonferenzi jew vidjokonferenzi).

    3.   Il-laqgħat għandhom isiru, kemm jista’ jkun, b’mod alternat bejn post fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.

    4.   Il-lingwa ta’ ħidma għandha tkun l-Ingliż.

    5.   Ladarba l-Partijiet ikunu qablu dwar id-data u l-post tal-laqgħat, il-laqgħat għandhom jissejħu mill-Kummissjoni Ewropea għall-Unjoni Ewropea u mill-Ministeru inkarigat mit-trasport bit-triq għar-Repubblika tal-Moldova.

    6.   Għajr jekk ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi. Jekk ikun neċessarju, tista’ tiġi abbozzata stqarrija għall-istampa bi qbil reċiproku fi tmiem il-laqgħa.

    Artikolu 3

    Delegazzjonijiet

    1.   Qabel kull laqgħa, il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jinformaw lil xulxin dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tagħhom għall-laqgħa.

    2.   Ir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija tat-trasport bit-triq jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat jew partijiet mil-laqgħat bħala osservaturi, jekk il-Kumitat Konġunt ikun jaqbel b’konsensus li jsir hekk.

    3.   Jekk ikun hemm qbil dwar dan b’konsensus, il-Kumitat Konġunt jista’ jistieden lil partijiet interessati jew lil esperti oħra biex jattendu l-laqgħat jew partijiet minnhom sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

    4.   L-osservaturi ma għandhomx jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt.

    Artikolu 4

    Segretarjat

    Uffiċjal tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Ministeru inkarigat mit-trasport bit-triq tar-Repubblika tal-Moldova għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tal-Kumitat Konġunt.

    Artikolu 5

    Aġenda tal-laqgħat

    1.   Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jistabbilixxu l-aġenda proviżorja ta’ kull laqgħa bi ftehim reċiproku. L-aġenda proviżorja għandha tintbagħat mis-segretarji lill-membri tad-delegazzjonijiet mhux iktar tard minn ħmistax-il jum qabel id-data tal-laqgħa.

    2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħra minbarra dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiġu inklużi fl-aġenda jekk il-Kumitat Konġunt jaqbel li jsir hekk.

    3.   Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limitu ta’ żmien speċifikat fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu r-rekwiżiti jew l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.

    Artikolu 6

    Minuti

    1.   Wara kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt għandhom jitfasslu abbozzi tal-Minuti ta’ kull laqgħa. Dawn għandhom jindikaw il-punti diskussi u d-deċiżjonijiet adottati.

    2.   Fi żmien xahar wara l-laqgħa, l-abbozz tal-Minuti għandu jintbagħat mill-Kap tad-Delegazzjoni ospitanti lill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor, permezz tas-segretarji tal-Kumitat Konġunt, għall-approvazzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub.

    3.   Meta jiġu approvati, il-Minuti għandhom jiġu ffirmati f’duplikati mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni u għandha tiġi ppreżentata kopja oriġinali waħda minn kull waħda mill-Partijiet. Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jiddeċiedu li l-iffirmar u l-iskambju ta’ kopji elettroniċi jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

    4.   Il-Minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu pubbliċi sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor minn waħda mill-Partijiet.

    Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limitu ta’ żmien speċifikat fil-paragrafu 2 u jaqblu dwar data fir-rigward tal-approvazzjoni speċifikata fil-paragrafu 3 sabiex jitqiesu r-rekwiżiti jew l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.

    Artikolu 7

    Proċedura bil-miktub

    Fejn ikun neċessarju u debitament motivat, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub. Għal dak l-għan, il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jiskambjaw l-abbozzi tal-miżuri li dwarhom tintalab l-opinjoni tal-Kumitat Konġunt, li mbagħad jistgħu jiġu kkonfermati permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza. Madankollu, kwalunkwe Parti tista’ jttlob li l-Kumitat Konġunt jitlaqqa’ biex tiġi diskussa l-kwistjoni.

    Artikolu 8

    Deliberazzjonijiet

    1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ konsensus tal-Partijiet.

    2.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandu jkollhom it-titolu “Deċiżjoni” segwit b’numru tas-serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

    3.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ffirmati mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni u għandhom jiġu mehmuża mal-Minuti.

    4.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt għandhom jiġu implimentati mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom stess.

    5.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu ppubblikati mill-Partijiet fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali rispettivi tagħhom. Kopja oriġinali waħda tad-deċiżjonijiet għandha tintbagħat minn kull waħda mill-Partijiet.

    Artikolu 9

    Gruppi ta’ Ħidma

    1.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma biex jassistu lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq ta’ dmirijietu. It-termini ta’ referenza għal grupp ta’ ħidma għandhom jiġu approvati mill-Kumitat Konġunt f’konformità mal-Artikolu 6(5) tal-Ftehim u għandhom jiġu inklużi f’Anness għad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-grupp ta’ ħidma.

    2.   Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-Partijiet.

    3.   Il-gruppi ta’ ħidma għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt u għandhom jipprovdulu rapport wara kull laqgħa li jkollhom. Dawn ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet iżda jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.

    4.   Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jabolixxi gruppi ta’ ħidma eżistenti, li jimmodifika t-termini ta’ referenza tagħhom jew li jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma ġodda biex jgħinuh fit-twettiq ta’ dmirijietu.

    Artikolu 10

    Spejjeż

    1.   Il-Partijiet għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta’ ħidma, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u n-nefqa ta’ sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-kostijiet tal-posta u tat-telekomunikazzjoni.

    2.   Kwalunkwe nefqa oħra relatata mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

    Artikolu 11

    Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

    Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jemenda dawn ir-Regoli ta’ Proċedura permezz ta’ deċiżjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI NRU 2/2022 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHEM BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA DWAR IT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA BIT-TRIQ

    ta’…

    fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-Ftehim

    IL-KUMITAT KONĠUNT,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Kumitat Konġunt adotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu skont id-Deċiżjoni Nru 1/2022 tal-[15 ta' Diċembru 2022].

    (2)

    Kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), il-Ftehim għandu japplika sal-31 ta’ Marzu 2023.

    (3)

    Kif stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ mhux iktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim sabiex jivvaluta u jiddeċiedi dwar il-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu.

    (4)

    Il-monitoraġġ tal-Ftehim wera li pprovda benefiċċji f’termini ta’ kummerċ kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għar-Repubblika tal-Moldova, u li ż-żieda fis-servizzi tat-trasport bit-triq kienet ta’ benefiċċju wkoll għall-operaturi tat-trasport bit-triq taż-żewġ partijiet.

    (5)

    Il-Ftehim ippermetta lir-Repubblika tal-Moldova tibda tidderieġi mill-ġdid il-kummerċ tagħha lejn l-Unjoni Ewropea u għalhekk ikkontribwixxa għall-integrazzjoni progressiva tal-ekonomija tal-Moldova fl-ekonomija tal-Punent. Flimkien ma’ ftehim komparabbli dwar it-trasport bit-triq iffirmat mal-Ukrajna, dan iffaċilita wkoll l-esportazzjoni ta’ merkanzija Ukrena, u kkontribwixxa għall-Korsiji ta’ Solidarjetà.

    (6)

    L-estensjoni tal-Ftehim jenħtieġ li tinftiehem bħala kontribut ukoll għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

    (7)

    Għalhekk huwa xieraq li l-Ftehim jiġi estiż sat-30 ta' Ġunju 2024,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Kontinwazzjoni tal-Ftehim

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq huwa b’dan estiż sat-30 ta’ Ġunju 2024.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi …,

    Għall-Kumitat Konġunt

    Il-Kopresidenti


    (1)  ĠU UE L 181, 7.7.2022, p. 4.


    Top