Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2355

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2355 tal-1 ta’ Diċembru 2022 dwar miżura ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-forzi armati tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania

    ST/14362/2022/INIT

    ĠU L 311, 2.12.2022, p. 157–160 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2355/oj

    2.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 311/157


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/2355

    tal-1 ta’ Diċembru 2022

    dwar miżura ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-forzi armati tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1), u 41(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta' azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta' sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B'mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-iffinanzjar ta’ miżuri ta' assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma' kwistjonijiet militari u ta' difiża.

    (2)

    Il-Mauritania taqdi rwol ewlieni f'inizjattivi reġjonali, Ewropej u internazzjonali ewlenin bil-għan li jsaħħu l-paċi u l-iżvilupp fis-Saħel inkluż l-"Istrateġija Integrata tal-Unjoni Ewropea fis-Saħel", il-"Koalizzjoni tas-Saħel" u s-"Sħubija għas-Sigurtà u l-Istabbiltà fis-Saħel" , kif ukoll l-"Alleanza tas-Saħel". Il-Mauritania hija waħda mill-akbar kontributuri dinjija Afrikani għall-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana . Il-komunità internazzjonali, inkluż l-Unjoni, għamlet sforzi konsiderevoli biex tappoġġa lill-Mauritania fil-ġlieda tagħha kontra t-terroriżmu matul il-perjodu reċenti. L-Unjoni hija kommessa lejn relazzjoni mill-qrib mal-Mauritania b’appoġġ fil-ġlieda tagħha kontra t-terroriżmu.

    (3)

    Fir-reġjun tas-Saħel, il-Mauritania hija pajjiż ewlieni għall-Unjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-Unjoni għandha sħubija b'saħħitha mal-gvern tal-Mauritania, bl-għan li tikseb żvilupp fit-tul permezz ta' approċċ komprensiv u integrat.

    (4)

    Fl-4 ta' Ottubru 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ("ir-Rappreżentant Għoli") rċieva talba biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati tal-Mauritania bl-akkwist ta' tagħmir ewlieni għall-Bataillon des fusiliers marins ta' Rosso, il-Bataillon des fusiliers de l'air u ċ-ċentri mediċi militari fir-Reġjuni Militari 2 u 3.

    (5)

    Il-miżuri ta' assistenza għandhom jiġu implimentati b'kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b'mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fl-ambitu tal-EPF.

    (6)

    Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Stabbiliment, objettivi, kamp ta' applikazzjoni u t-tul ta' żmien

    1.   Miżura ta' assistenza għall-benefiċċju tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (il-"benefiċjarju"), li għandha tiġi ffinanzjata mill-EPF (il-"miżura ta' assistenza"), hija b'dan stabbilita.

    2.   L-għan tal-miżura ta' assistenza huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Bataillon des fusiliers marins ta' Rosso, il-Bataillon des fusiliers de l'air u ċ-ċentri mediċi militari fir-Reġjuni Militari 2 u 3. Billi jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta' dawn l-unitajiet, din il- miżura ta’ assistenza ser tikkontribwixxi wkoll għal protezzjoni aħjar tal-popolazzjoni ċivili.

    3.   Biex jinkiseb l-għan stipulat fil-paragrafu 2, il-miżura ta' assistenza ser tiffinanzja wkoll it-tipi ta' tagħmir li ġejjin mhux imfassla biex jipprovdu forza letali: tagħmir tekniku u tax-xmajjar għall-Bataillon des fusiliers marins; kits ta' tagħmir protettiv inkluż uniformijiet militari għall-Bataillon des fusiliers de l'air; tagħmir ta' kura intensiva u tagħmir kirurġiku għaċ-ċentri mediċi fir-Reġjuni Militari 2 u 3.

    4.   It-tul ta' żmien tal-miżura ta' assistenza għandu jkun ta' 36 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-ewwel kuntratt iffirmat mill-amministratur għall-miżuri ta' assistenza, li jaġixxi bħala uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 32(2), punt (a), inkluż fil-kuntest tal-arranġamenti amministrattivi f'konformità mal-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

    5.   Il-kuntratt għall-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza ma għandux jiġi konkluż qabel ma tkun ġiet adottata emenda tar-Regoli ta' Implimentazzjoni tal-EPF mill-Kumitat tal-Faċilità.

    Artikolu 2

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta' assistenza għandu jkun ta' EUR 12 000 000.

    2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.

    Artikolu 3

    Arranġamenti mal-benefiċjarju

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni bħala kondizzjoni għall-għoti ta' appoġġ taħt il-miżura ta' assistenza.

    2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

    (a)

    il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tal-Mauritania appoġġati taħt il-miżura ta' assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

    (b)

    użu xieraq u effiċjenti ta' kwalunkwe ass pprovdut taħt il-miżura ta' assistenza għall-iskopijiet li għalihom ikun ġie pprovdut;

    (c)

    manutenzjoni suffiċjenti ta' kwalunkwe ass pprovdut taħt il-miżura ta' assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tiegħuu d-disponibbiltà operazzjonali tiegħu matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu;

    (d)

    li kwalunkwe ass pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza ma jintilifx, jew jiġi ttrasferit mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f'dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu.

    3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta' assistenza f'każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta' assistenza taħt l-EPF.

    2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-Deċiżjoni għandha titwettaq mill-amministratur għall-miżuri ta' assistenza, inkluż permezz ta' arranġamenti amministrattivi f’konformità mal-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

    Artikolu 5

    Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jissorvelja l-ħarsien mill-benefiċjarju tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3. Dan il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet appoġġati mill-miżura ta' assistenza.

    2.   Il-kontroll ta' wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

    (a)

    verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF iridu jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

    (b)

    rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-inventarju tal-oġġetti deżinjati sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies li huwa meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS);

    (c)

    spezzjoni fuq il-post, fejn il-benefiċjarju għandu jippermetti aċċess lir-Rappreżentant Għoli, fuq talba, biex iwettaq kontroll fuq il-post.

    3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni, fl-għamla tal-ewwel valutazzjoni strutturata tal-miżura ta' assistenza, sitt xhur wara l-ewwel konsenja tat-tagħmir. Din tista' tinvolvi żjarat fuq il-post biex jiġi spezzjonati t-tagħmir, il-provvisti u s-servizzi kkonsenjati taħt il-miżura ta' assistenza, jew kwalunkwe forma effettiva oħra ta' informazzjoni pprovduta b'mod indipendenti. Għandha titwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-kunsinna ta' tagħmir, provvisti u servizz taħt il-miżura ta' assistenza biex jiġi vvalutat jekk il-miżura ta' assistenza tkunx ikkontribwiet biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 6

    Rappurtar

    Matul il-perjodu ta' implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta' kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza, f'konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa, f'konformità mal-Artikolu 38 ta' dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-subkuntratturi involuti.

    Artikolu 7

    Sospensjoni u terminazzjoni

    1.   Il-KPS jista' jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

    2.   Il-KPS jista' jirrakkomanda wkoll li l-Kunsill itemm il-miżura ta' assistenza.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. SÍKELA


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

    (2)  Il-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).


    Top