Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2109

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2109 tal-24 ta’ Ottubru 2022 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li għandu jittieħed vot dwarhom fl-20 Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid, li ser issir fl-4 ta’ Novembru 2022

    ST/13105/2022/INIT

    ĠU L 284, 4.11.2022, p. 65–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2109/oj

    4.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 284/65


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2109

    tal-24 ta’ Ottubru 2022

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li għandu jittieħed vot dwarhom fl-20 Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid, li ser issir fl-4 ta’ Novembru 2022

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fl-Assemblea Ġenerali li jmiss tagħha tal-4 ta’ Novembru 2022, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) ser teżamina u possibbilment tadotta riżoluzzjonijiet (“abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV”). Dawk ir-riżoluzzjonijiet ser ikollhom effetti legali għall-finijiet tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat.

    (2)

    L-Unjoni mhijiex membru tal-OIV. Madankollu, fl-20 ta’ Ottubru 2017 l-OIV tat lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV.

    (3)

    20 Stat Membru huma membri tal-OIV. Dawk l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipproponu emendi għall-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV u ser jintalbu jadottaw dawk ir-riżoluzzjonijiet fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV li jmiss fl-4 ta’ Novembru 2022.

    (4)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt il-laqgħat tal-OIV fir-rigward tal-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV b’rabta mal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha. Dik il-pożizzjoni jenħtieġ li tiġi espressa fil-laqgħat tal-OIV mill-Istati Membri li huma membri tal-OIV, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

    (5)

    Skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 (2), ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV ser ikollhom effetti legali.

    (6)

    L-Artikolu 80(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li, meta tawtorizza l-prattiki enoloġiċi, il-Kummissjoni trid tqis il-prattiki enoloġiċi u l-metodi ta’ analiżi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

    (7)

    L-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li, meta tistabbilixxi l-metodi ta’ analiżi sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid, il-Kummissjoni trid tibbaża dawk il-metodi fuq kwalunkwe metodu rilevanti rakkomandat u ppubblikat mill-OIV, sakemm dawn il-metodi ma jkunux ineffikaċi jew mhux xierqa fid-dawl tal-objettiv persegwit mill-Unjoni.

    (8)

    L-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li l-prodotti tas-settur tal-inbid importati fl-Unjoni jridu jiġu prodotti f’konformità mal-prattiki enoloġiċi awtorizzati mill-Unjoni skont dak ir-Regolament jew, qabel dik l-awtorizzazzjoni, magħmulin f’konformità ma’ prattiki enoloġiċi rakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

    (9)

    L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934 jistipula li, meta ma jkunux stabbiliti mill-Kummissjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tal-purità u tal-identifikazzjoni ta’ sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi għandhom ikunu dawk imsemmija fil-kolonna 4 tat-Tabella 2 tal-Parti A tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, li jirreferu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OIV.

    (10)

    L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-TECHNO 14–567B2, 14-567B4 u 14-567C1 jistabbilixxu d-distinzjoni bejn l-addittivi u l-għajnuniet għall-ipproċessar għal ċerti komposti enoloġiċi. L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-TECHNO 20-684 A, 21-689 u 21-708 jaġġornaw ċerti prattiki enoloġiċi eżistenti. L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 20-684B jistabbilixxi prattika enoloġika ġdida. L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 21-707 jirtira prattika enoloġika eżistenti. F’konformità mal-Artikolu 80(3)(a) u mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawk ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effetti legali.

    (11)

    L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SPECIF 17-624 u 20-674 jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet ta’ identifikazzjoni għal ċerti sustanzi użati fil-produzzjoni tal-inbid. L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SPECIF 20-675 A, 20-675B, 20-675C, 20-675D u 20-681 jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet ta’ identifikazzjoni ġodda għal ċerti sustanzi użati fil-produzzjoni tal-inbid. F’konformità mal-Artikolu 80(3)(a) u mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934, dawk ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effetti legali.

    (12)

    L-abbozz tar-Riżoluzzjoni CST-SCMA 20–668 jipprovdi l-opinjoni tal-OIV dwar l-estratt niexef totali tal-inbid użat biex tiġi identifikata l-frodi fl-inbid. L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SCMA 19-665 u 20-667 jistabbilixxu metodi ġodda ta’ analiżi. L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-SCMA 20–683 jaġġorna l-metodu tal-analiżi li jikkwantifika n-nitroġenu totali fil-most u fl-inbejjed u l-abbozz tar-Riżoluzzjoni SECSAN-SECUAL 21–709 li jaġġorna l-kriterji għall-kwantifikazzjoni tal-allerġeni. F’konformità mal-Artikolu 80(3)(a) u mal-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawk ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effetti legali.

    (13)

    Dawk l-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV ġew diskussi estensivament mal-esperti xjentifiċi u tekniċi tas-settur tal-inbid. Dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-inbid u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fin-negozjar tal-prodotti tas-settur tal-inbid. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu appoġġati.

    (14)

    Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa matul in-negozjati qabel l-Assemblea Ġenerali tal-OIV fl-4 ta’ Novembru 2022, jenħtieġ li l-Istati Membri li huma membri tal-OIV jkunu awtorizzati li jaqblu mal-bidliet f’dawn l-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV sakemm dawn il-bidliet ma jbiddlux is-sustanza tagħhom,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-20 Assemblea Ġenerali tal-OIV li ser issir fl-4 ta’ Novembru 2022 hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

    Artikolu 3

    1.   Meta x’aktarx li l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tkun ippreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-OIV, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV għandhom jitolbu biex il-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni tkun stabbilita abbażi tal-informazzjoni l-ġdida.

    2.   Wara laqgħat ta’ koordinazzjoni u mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, jistgħu jaqblu ma’ bidliet tekniċi fl-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV imsemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li ma jbiddlux is-sustanza tagħhom.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ottubru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. HUBÁČKOVÁ


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda ż-żoni ta’ vitikultura li fihom tista’ tiżdied il-qawwa alkoħolika, il-prattiki enoloġiċi awtorizzati u r-restrizzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni u l-konservazzjoni tal-prodotti tad-dielja, il-persentaġġ minimu tal-alkoħol għall-prodotti sekondarji u r-rimi tagħhom, u l-pubblikazzjoni tal-fajls tal-OIV, (ĠU L 149, 7.6.2019, p. 1).


    ANNESS

    L-Istati Membri tal-Unjoni li huma Membri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV), filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom jappoġġaw l-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet li ġejjin fl-istadju 7 waqt l-Assemblea Ġenerali tal-OIV ippjanata għall-4 ta’ Novembru 2022:

    OENO-TECHNO 14-567B2: Distinzjoni bejn l-addittivi u l-għajnuniet għall-ipproċessar - il-Parti 2: Diossidu tal-karbonju;

    OENO-TECHNO 14-567B4: Distinzjoni bejn l-addittivi u l-għajnuniet għall-ipproċessar - Dikarbonat tad-dimetil;

    OENO-TECHNO 14-567C1: Distinzjoni bejn l-addittivi u l-għajnuniet għall-ipproċessar - il-Parti 3: Ħalib xkumat;

    OENO-TECHNO 20-684 A: Użu tal-fibri tal-pjanti selettivi fl-inbid — aġġornament tar-Riżoluzzjoni OIV-OENO 582–2017;

    OENO-TECHNO 20-684B: Użu tal-fibri tal-pjanti selettivi fil-most;

    OENO-TECHNO 21-689: Limitu massimu tal-OIV għall-gomma arabika — aġġornament;

    OENO-TECHNO 21-707: Inbejjed — trattament bil-klorur tal-fidda;

    OENO-TECHNO 21-708: Aġġornament tal-file 2.1.14 - tagħwim;

    OENO-SPECIF 17-624: Aġġornament tal-monografija dwar it-tannini enoloġiċi;

    OENO-SPECIF 20-674: Aġġornament tal-monografija dwar il-mannoproteini tal-ħmira;

    OENO-SPECIF 20-675 A: Monografiji speċifiċi għal proċjanidini/prodelfinidini;

    OENO-SPECIF 20-675B: Monografiji speċifiċi għall-ellagitannini;

    OENO-SPECIF 20-675C: Monografiji speċifiċi għall-gallotannini;

    OENO-SPECIF 20-675D: Monografiji speċifiċi għall-profisetinidini/prorobitenidini;

    OENO-SPECIF 20-681: Ċelluloża tal-ikel;

    CST-SCMA 20-668: Opinjoni tal-OIV dwar l-estratt niexef totali (estratt niexef totali, estratt niexef totali mingħajr zokkor, estratt residwu);

    OENO-SCMA 19-665: Determinazzjoni ta’ sustanzi li jagħtu l-ħlewwa fl-inbid permezz ta’ kromatografija likwida ta’ prestazzjoni għolja flimkien ma’ detettur b’arranġament dijodu u detettur tal-aerosol iċċarġjat;

    OENO-SCMA 20-667: Struzzjonijiet/linji gwida operattivi għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi kromatiċi għall-klassifikazzjoni u/jew it-tqabbil tal-mosti miksuba minn varjetajiet ta’ għeneb ikkaratterizzati minn konċentrazzjonijiet għoljin ta’ pigmenti koloranti;

    OENO-SCMA 20-683: Aġġornament għall-metodu OIV-MA-AS323–02B — Kwantifikazzjoni tan-nitroġenu totali skont il-metodu Dumas (mosti u nbejjed);

    SECSAN-SECUAL 21-709: Aġġornament għar-riżoluzzjoni OIV-OENO 427–2010 - Kriterji għall-kwantifikazzjoni tal-allerġeni.


    Top