EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1978

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1978 tal-25 ta’ Lulju 2022 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.54817 (2020/C) (ex 2019/N) li l-Belġju qed jippjana li jimplimenta biex jappoġġa l-produzzjoni tal-logħob vidjo (notifikata bid-dokument C(2022) 5130) (Il-Franċiż u l-Olandiż biss huma awtentiċi) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/5130

ĠU L 272, 20.10.2022, p. 4–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1978/oj

20.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 272/4


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1978

tal-25 ta’ Lulju 2022

dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.54817 (2020/C) (ex 2019/N) li l-Belġju qed jippjana li jimplimenta biex jappoġġa l-produzzjoni tal-logħob vidjo

(notifikata bid-dokument C(2022) 5130)

(Il-Franċiż u l-Olandiż biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont dawk l-artikoli, (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tal-1 ta’ Lulju 2019, il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni bl-iskema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-logħob vidjo. Intbagħtet aktar informazzjoni lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri datati t-3 ta’ Jannar u t-2 ta’ Frar 2020.

(2)

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2020, il-Kummissjoni informat lill-Belġju li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (li ssir referenza għalih hawn taħt bħala “TFUE”) fir-rigward tal-għajnuna.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-iskema ta’ għajnuna.

(4)

Fl-ittra tiegħu tad-29 ta’ Mejju 2020, il-Belġju ppreżenta l-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura.

(5)

Fis-16 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni rċeviet għadd ta’ osservazzjonijiet dwar il-kwistjoni minn parti interessata. Hija bagħtithom lill-Belġju, li ngħata l-opportunità li jirrispondi. Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-Belġju permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2020.

(6)

Fl-ittra tiegħu tad-29 ta’ Mejju 2020, il-Belġju informa lill-Kummissjoni li huwa xtaq jemenda l-leġiżlazzjoni li fuqha kienet ibbażata l-għajnuna, u f’dik tat-30 ta’ Novembru 2021, li tressaq abbozz ta’ liġi li kien fih l-emendi rilevanti quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti Belġjana (3).

(7)

Il-Belġju pprovda informazzjoni addizzjonali fl-10 ta’ Ġunju 2021 u fit-8 ta’ Diċembru 2021, kif ukoll fl-10 ta’ Frar 2022 u fid-29 ta’ Marzu 2022.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-ISKEMA TA’ GĦAJNUNA

2.1.   Titolu tal-iskema, bażi ġuridika u durata

(8)

Din hija skema ta’ kenn mit-taxxa biex tinkoraġġixxi l-produzzjoni tal-logħob vidjo. Hija mfassla bħala estensjoni tal-kenn mit-taxxa inizjali, li l-għan tiegħu kien li jappoġġa l-produzzjoni awdjoviżiva, u li kien awtorizzat mill-Kummissjoni fl-2003 (4). L-estensjonijiet ta’ din l-iskema inizjali ġew approvati fl-2004 (5), fl-2007 (6), fl-2009 (7), fl-2013 (8), u fl-2014 (9). L-iskema tal-kenn mit-taxxa li ġiet approvata fl-2014 ġiet estiża, mingħajr tibdil, fl-2020 (10). Il-verżjoni attwali ta’ din l-iskema se tibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2026.

(9)

Il-bażi ġuridika hija l-Kodiċi Belġjan dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu (Code des impôts sur les revenus/Wetboek van Inkomstenbelastingen(11) u l-Liġi tad-29 ta’ Marzu 2019 li testendi l-kenn mit-taxxa għall-industrija tal-logħob vidjo, ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Belġjana (Moniteur belge/Belgisch Staatsblad) tas-16 ta’ April 2019 (12), u l-emenda għal dik il-liġi, li bħalissa qiegħda taħt skrutinju mill-Kamra tar-Rappreżentanti Belġjana (13). Huwa mistenni li l-emenda tiġi adottata ladarba l-Kummissjoni tkun approvat din l-emenda.

(10)

Id-durata tal-miżura ta’ għajnuna se tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2027 (14).

2.2.   Baġit

(11)

Il-baġit stmat huwa ta’ EUR 36 000 000 (EUR 6 000 000 kull sena). Is-sors tiegħu huwa l-baġit federali tal-Istat Belġjan.

2.3.   L-iskop tal-miżura ta’ għajnuna u x-xogħlijiet eliġibbli

(12)

L-għan ta’ din l-iskema huwa li tappoġġa u li tħeġġeġ l-investiment minn kumpaniji fil-produzzjoni tal-logħob vidjo, billi tagħti vantaġġi tat-taxxa lil tali kumpaniji. Kumpaniji soġġetti għat-taxxa korporattiva fil-Belġju li jissodisfaw il-kriterji meħtieġa jistgħu jagħmlu użu mill-kenn mit-taxxa li għalih tipprovdi din l-iskema ta’ għajnuna.

(13)

Biex jibbenefikaw minn tnaqqis fit-taxxa taħt l-iskema, iridu jinvestu f’xogħlijiet prodotti minn kumpaniji li jipproduċu logħob vidjo approvati bħala logħob vidjo Ewropej mis-servizzi kompetenti tal-komunità kkonċernata, li jfisser li l-logħob irid ikun ġie prodott prinċipalment bl-għajnuna ta’ awturi u ħaddiema kreattivi residenti fil-Belġju jew f’pajjiż ieħor li jappartjeni għaż-ŻEE jew taħt superviżjoni u kkontrollati fil-prattika minn produttur wieħed jew aktar u koprodutturi stabbiliti f’pajjiż wieħed jew aktar taż-ŻEE.

(14)

Din l-akkreditazzjoni tal-logħob vidjo tiddependi fuq it-testijiet kulturali stabbiliti mill-Komunità Fjamminga u mir-Reġjun ta’ Wallonia għall-iskemi ta’ għajnuna tagħhom stess u approvati mill-Kummissjoni (fl-2018 għall-Komunità Fjamminga (15), estiżi u emendati fl-2022 (16), u fl-2020 għar-Reġjun ta’ Wallonia (17)). Il-kriterji tat-test huma li l-logħba jrid ikollha kwalitajiet kulturali u artistiċi, li l-attivitajiet ta’ produzzjoni u l-partijiet ikkonċernati jrid ikollhom rabtiet mal-Fjandri jew mar-reġjun tal-Wallonia, u li l-logħba kkonċernata trid tkun innovattiva u kreattiva. Sabiex dan jiġi żgurat, il-Belġju impenja ruħu li jiżgura li l-Istat federali Belġjan jikkonkludi ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Komunità Fjamminga, mal-Komunità li titkellem bil-Franċiż u mal-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż dwar il-kompetenzi rispettivi ta’ dawn il-komunitajiet u tal-Istat federali fir-rigward tal-iskema tal-kenn mit-taxxa. Il-Belġju jinnota li, għad-durata tal-iskema tal-kenn mit-taxxa, l-approvazzjoni mill-komunitajiet ta’ logħob vidjo f’dan il-kuntest se tkun soġġetta għall-istess kriterji bħal dawk applikati mill-Komunità Fjamminga u mir-Reġjun ta’ Wallonia għall-iskemi ta’ għajnuna tagħhom stess għal-logħob vidjo.

2.4.   Il-forma tal-għajnuna, l-organizzazzjoni tas-sistema, l-intensità tal-għajnuna u l-akkumulazzjoni

(15)

Taħt is-sistema attwali tal-kenn mit-taxxa, kumpanija (“l-investitur”) tista’ tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja, abbażi ta’ kuntratt qafas, lill-produttur ta’ xogħol awdjoviżiv partikolari. L-investitur jirċievi kumpens għal dan l-investiment fil-forma ta’ “ċertifikat tal-kenn mit-taxxa” li jippermetti lill-investitur jibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa permezz ta’ tnaqqis fil-profitti taxxabbli tiegħu. Il-prinċipju li jirfed it-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji huwa li l-kumpaniji jkunu responsabbli għat-taxxa fuq il-profitti globali tagħhom (l-Artikolu 185 tal-Kodiċi Belġjan dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu). Il-bażi għat-taxxa hija aċċertata billi jitnaqqsu l-ispejjeż deduċibbli mill-profitti (l-Artikolu 6 tal-Kodiċi dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu). Bħala regola, il-kumpaniji jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż professjonali li jkunu ġarrbu matul il-perjodu taxxabbli (l-Artikolu 49 tal-Kodiċi dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu). Fir-rigward tal-valur tal-investimenti, jista’ jitnaqqas ammont li jiddependi fuq il-valur tal-kontribuzzjoni (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Kodiċi dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu). Skont l-iskema tal-kenn mit-taxxa, il-kumpanija responsabbli għat-taxxa tista’ tnaqqas minnufih 421 % tal-ammonti investiti, somma li taqbeż il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha. Skont in-natura tal-proġett notifikat, dan japplika wkoll għall-kontribuzzjonijiet għall-produzzjoni ta’ video game.

(16)

Skont l-iskema notifikata mill-Belġju, il-valur tat-taxxa taċ-ċertifikat tal-kenn mit-taxxa ġie stabbilit għal 70 % tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-operat imġarrba fiż-ŻEE jew, jekk il-kostijiet tal-produzzjoni u tal-operat imġarrba fil-Belġju jammontaw għal anqas minn 63 % tal-baġit totali, tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-operat imġarrba fil-Belġju. L-ammont ta’ għajnuna għal investiment possibbli fi produzzjoni huwa stabbilit għal 48 % tal-valur tat-taxxa taċ-ċertifikat tal-kenn mit-taxxa. Dan ifisser li f’xenarju massimalista li fih jintnefaq mill-inqas 63 % tal-baġit totali fil-Belġju, l-intensità tal-għajnuna tista’ tilħaq 48 % ta’ 70 %, li tammonta għal 33,6 % tal-baġit għall-produzzjoni, iżda dan ikun aktar baxx f’każijiet meta n-nefqa fuq il-produzzjoni mġarrba fil-Belġju tkun anqas minn 63 % tal-baġit ġenerali. Jekk tali għajnuna tiġi pprovduta flimkien ma’ forom oħra ta’ għajnuna għall-produzzjoni, l-intensità tal-għajnuna tkun limitata għal 50 %.

(17)

Għaldaqstant, fil-verżjoni inizjali tal-iskema, il-valur tat-taxxa taċ-ċertifikat tal-kenn mit-taxxa ġie stabbilit abbażi tal-infiq territorjali. L-ammont ta’ investiment (u għalhekk l-ammont ta’ għajnuna) jiddependi mill-perċentwal tal-infiq territorjali, li jfisser li jvarja skont l-ammont ippjanat tan-nefqa fil-Belġju.

2.5.   Akkreditazzjoni tal-benefiċjarji

(18)

Skont l-iskema tal-kenn mit-taxxa, il-kumpaniji tal-produzzjoni li jibbenefikaw mill-iskema jridu jkunu akkreditati sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem. Il-punt ta’ dan, skont il-Belġju, huwa li l-akkreditazzjoni tista’ tiġi rtirata minn kwalunkwe kumpanija jew individwu li jonqos milli jirrispetta l-liġi (18).

(19)

Il-Belġju spjega li l-akkreditazzjoni se tingħata malajr wara applikazzjoni mill-kumpaniji tal-produzzjoni kkonċernati. Applikazzjoni bħal din tinkludi sempliċiment: informazzjoni li tidentifika lill-kumpanija kkonċernata, dokument li juri li l-applikant ma għandux pagamenti li għad iridu jitħallsu lill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, u impenn li jkun hemm konformità mal-liġi dwar l-iskema tal-kenn mit-taxxa. Speċifikament, dan ifisser li l-kumpanija tal-produzzjoni timpenja ruħha li tagħmel l-offerta tagħha ta’ ċertifikat tal-kenn mit-taxxa skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-11 ta’ Lulju 2018 dwar l-offerti pubbliċi ta’ veikoli ta’ investiment u l-ammissjoni ta’ veikoli ta’ investiment għan-negozjar fi swieq regolati (19) u dawk tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

(20)

Il-Belġju spjega li l-proċess ta’ akkreditazzjoni mhux se jintroduċi kundizzjonijiet relatati mal-istabbiliment fil-Belġju tal-kumpaniji kkonċernati fiż-żmien tal-applikazzjoni tagħhom għall-akkreditazzjoni.

2.6.   Ir-raġuni għall-għajnuna

(21)

Il-Belġju spjega fin-notifika tiegħu li s-settur tal-logħob vidjo fil-Belġju kien jammonta għal EUR 100 000 000 fl-2018, jew 0,08 % tas-suq dinji (madwar EUR 124 000 000 000 fl-2018).

(22)

Minn dak iż-żmien, il-Belġju aġġorna dawn iċ-ċifri. Fl-2020, is-settur tal-logħob vidjo ġġenera USD 159 800 000 000 fi dħul madwar id-dinja (21). It-EUR 82 000 000 li l-Belġju rrapporta bħala d-dħul totali tas-suq Belġjan għal dik is-sena kienu jirrappreżentaw biss 0,05 % tad-dħul dinji. Is-suq fil-kontinent Ewropew jammonta għal 19 % tas-suq dinji, li jikkorrispondi għal USD 29 600 000 000, jew aktar minn EUR 27 600 000 000. Dan ifisser li fl-2020, is-suq Belġjan tal-logħob vidjo kien jammonta għal 0,3 % tas-suq rilevanti fil-kontinent Ewropew. Skont id-data tal-2019, is-settur Belġjan kien jimpjega 1 000 persuna, minn total ta’ 87 628 madwar l-Ewropa. Kien hemm 63 studio għall-iżvilupp tal-logħob vidjo fil-Belġju, minn total ta’ 4 913 madwar l-Ewropa (22). Għalhekk, dawn iċ-ċifri juru li s-settur Belġjan tal-logħob vidjo għandu post modest fis-suq Ewropew ġenerali. Fil-Belġju, ħafna mill-kumpaniji attivi fis-settur tal-logħob vidjo huma kumpaniji żgħar. Ħafna minnhom huma relattivament ġodda, li jfisser li ilhom jeżistu għal inqas minn sitt snin. Minħabba d-daqs tal-kumpaniji f’dan is-settur u ż-żmien qasir li ilhom jeżistu għalih, dawn jiffaċċjaw diffikultajiet fl-iżvilupp. Dan qiegħed iżomm lura l-produzzjoni ta’ għadd akbar ta’ logħob vidjo kulturali, li jinvolvi diversità akbar.

(23)

Il-Belġju jixtieq jagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin: minkejja t-tkabbir li esperjenza dan is-settur, l-industrija ma għandhiex l-impetu finanzjarju meħtieġ biex tikseb żvilupp tas-suq. L-iżvilupp ta’ logħba li tintlagħab fuq kompjuter, konsol, tablet jew smartphone huwa simili għall-produzzjoni ta’ film fis-sens li jieħu diversi xhur jew saħansitra snin. Il-proċess jeħtieġ ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet. Bħal fl-industrija tal-films, l-ebda riżultat kummerċjabbli ma jkun disponibbli sa tmiem il-proċess. Minħabba dawn il-karatteristiċi, is-settur tal-logħob vidjo huwa relattivament riskjuż. Barra minn hekk, bħal fl-industrija tal-films, huwa impossibbli li jiġi żgurat li logħba partikolari tkun attraenti għal biżżejjed nies biex tipprovdi redditu fuq l-investiment. Barra minn hekk, il-proġetti li jinvolvu l-logħob vidjo b’komponent edukattiv, kulturali u artistiku sinifikanti jitqiesu li huma aktar riskjużi. Dan minħabba li jinvolvu l-istess kostijiet tal-produzzjoni bħal-logħob vidjo li jgawdi popolarità madwar id-dinja, iżda li għandu aċċess għal suq aktar limitat.

(24)

Il-limitazzjonijiet finanzjarji jimpedixxu t-tnedija ta’ proġetti ewlenin b’potenzjal kreattiv sinifikanti iżda li jeħtieġu baġit korrispondenti ogħla. Għalhekk, il-produzzjoni tal-logħob tal-kompjuter tiffoka fuq logħob li jista’ jintlagħab fuq kompjuters personali u logħob li jista’ jiġi prodott b’baġit aktar baxx. Id-diffikultajiet ta’ finanzjament jinsabu fil-mod kif jiġi ppreservat u żviluppat l-għarfien kulturali fil-livell lokali. Il-fatt huwa li huwa fl-interess tal-produtturi li jaħdmu bħala sottokuntratturi għal kumpaniji barranin, aktar milli jiżviluppaw il-logħob vidjo tagħhom stess.

(25)

B’riżultat ta’ dan, il-kumpaniji tal-logħob vidjo Belġjani spiss ikollhom diffikultajiet serji biex jiksbu finanzjament għal proġetti ġodda. Huma jiffaċċjaw ukoll ħafna kompetizzjoni internazzjonali.

(26)

Il-kenn mit-taxxa se jgħin biex jiżdied in-numru ta’ investimenti privati fis-settur tal-produzzjoni tal-logħob vidjo, bl-istess mod bħall-kenn mit-taxxa għall-produzzjoni tal-films u għall-produzzjoni awdjoviżiva.

2.7.   Deskrizzjoni tar-raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

(27)

L-iskema, kif inizjalment innotifikata lill-Kummissjoni, qajmet dubji dwar il-legalità ġenerali tagħha. Il-valur tat-taxxa taċ-ċertifikat tal-kenn mit-taxxa huwa stabbilit fuq il-bażi tal-infiq territorjali. Seta’ kien hemm kunflitt bejn dawn il-kundizzjonijiet ta’ territorjalità u l-prinċipji ta’ legalità ġenerali, speċifikament il-prinċipji tat-TFUE li jiggarantixxu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikoli 34 u 56 tat-TFUE).

(28)

Il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk kienx legali u kompatibbli mas-suq intern għall-għajnuna għal-logħob vidjo li l-ammont ta’ investiment jiġi definit u b’hekk l-ammont ta’ għajnuna bħala perċentwal tal-infiq territorjali fil-Belġju, u jekk kienx meħtieġ jew proporzjonat li jkun hemm kundizzjonijiet territorjali marbuta ma’ tali għajnuna.

3.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(29)

F’ittra datata s-16 ta’ Lulju 2020, l-organizzazzjoni tal-produtturi Fjammingi indipendenti tal-films u tat-televiżjoni (Vlaamse Onafhankelijke Film & Televisie Producenten, li ssir referenza għaliha minn hawn ’il quddiem bħala VOFTP), għamlet għadd ta’ kummenti dwar l-iskema ta’ għajnuna notifikata. Il-VOFTP temmen li hija affettwata minn din l-iskema, u tibża’ li l-estensjoni tas-sistema tal-kenn mit-taxxa għal-logħob vidjo se tnaqqas il-fluss tal-investiment għall-produzzjonijiet awdjoviżivi tal-membri tagħha. Skont il-VOFTP, l-estensjoni tal-kenn mit-taxxa inizjali ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kompatibbiltà mas-suq intern u, għalhekk, jenħtieġ li ma tiġix approvata mill-Kummissjoni.

(30)

Fis-sottomissjoni tagħha, il-VOFTP tenfasizza l-importanza ta’ eżami bir-reqqa biex jiġi aċċertat jekk il-logħob vidjo li għandu jirċievi għajnuna skont din l-iskema għandux rabta ġenwina mal-Belġju u jikkontribwix għall-objettiv tal-promozzjoni tal-kultura skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE, u d-diversità kulturali. Il-VOFTP tibża’ li l-iskema ma fiha l-ebda garanzija li l-għajnuna se tingħata biss għal-logħob vidjo b’objettiv kulturali.

(31)

Skont il-VOFTP, il-kriterji applikati taħt l-iskema ta’ għajnuna għal-logħob vidjo biex jiġi vvalutat l-aspett kulturali ta’ tali logħob jenħtieġ li jiggarantixxu li kwalunkwe logħba li tibbenefika mill-għajnuna tkun ta’ valur kulturali. Tali kriterji jenħtieġ li jiġu definiti mill-komunità jew mir-reġjun responsabbli, li jkollu l-iskemi ta’ għajnuna tiegħu stess għas-settur tal-logħob vidjo. F’kull każ, organizzazzjoni speċifika għall-Komunità Fjamminga (il-Fond Awdjoviżiv Fjamming) jew għar-Reġjun ta’ Wallonia rispettivament tiddefinixxi l-kriterji għall-valutazzjoni tal-aspett kulturali ta’ logħba vidjo. Il-VOFTP tiddubita jekk l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji hijiex garantita. Hemm bżonn ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Istat Belġjan u l-komunitajiet rispettivi, iżda ma jeżisti l-ebda ftehim bħal dan.

4.   KUMMENTI MILL-BELĠJU

(32)

Fl-ittra tiegħu tad-29 ta’ Mejju 2020, il-Belġju nnota li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura kkonfermat li l-kundizzjonijiet biex l-għajnuna kkonċernata tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-promozzjoni tal-kultura u għalhekk kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE, huma ssodisfati.

(33)

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-infiq territorjali u l-legalità ġenerali ta’ tali nefqa (inklużi l-ħtieġa u l-proporzjonalità tagħha) u, b’mod speċifiku, il-prinċipji tat-TFUE li jiggarantixxu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikoli 34 u 56 tat-TFUE), il-Belġju beda jeżamina l-possibbiltà li jestendi l-infiq eliġibbli għat-territorju kollu taż-ŻEE. Fis-16 ta’ Lulju 2021, il-Kumitat għall-Finanzi u l-Baġit tal-Kamra tar-Rappreżentanti Belġjana ppropona li l-leġiżlazzjoni applikabbli tiġi emendata biex tissostitwixxi l-frażi “nefqa fuq il-produzzjoni u l-kostijiet operatorji fil-Belġju” b’“nefqa fuq il-produzzjoni u l-kostijiet operatorji fiż-Żona Ekonomika Ewropea”. Fl-abbozz ta’ emenda, il-valur għall-finijiet tat-taxxa taċ-ċertifikat tal-kenn mit-taxxa huwa stabbilit għal 70 % tan-nefqa fuq il-produzzjoni u l-kostijiet operazzjonali mġarrba fiż-ŻEE jew, jekk in-nefqa fuq il-kostijiet tal-produzzjoni u tal-operat li tikkostitwixxi introjtu professjonali soġġett għat-tassazzjoni fiż-ŻEE tammonta għal anqas minn 63 % tal-baġit totali, tan-nefqa fuq il-kostijiet tal-produzzjoni u tal-operat li tikkostitwixxi introjtu professjonali soġġett għat-tassazzjoni fiż-ŻEE. Il-Kamra tar-Rappreżentanti hija lesta li tadotta l-emenda hekk kif il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni affermattiva.

(34)

Fir-rigward tal-kummenti tal-VOFTP dwar in-natura kulturali tal-logħob vidjo li huma potenzjalment eliġibbli għall-għajnuna u l-applikazzjoni tat-testijiet kulturali tal-komunitajiet rispettivi għal-logħob vidjo kopert mill-kenn mit-taxxa, il-Belġju ddikjara li l-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Istat federali u l-komunitajiet dwar il-kenn mit-taxxa eżistenti għall-produzzjonijiet awdjoviżivi jenħtieġ li jiġi adattat biex jinkludi l-applikazzjoni tat-testijiet kulturali tal-komunitajiet jew tar-reġjuni għal-logħob vidjo. Dan se jsir qabel ma tiġi implimentata l-iskema notifikata, hekk kif il-Kamra tar-Rappreżentanti tadotta l-emenda leġiżlattiva proposta, u hekk kif il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni dwar il-kenn mit-taxxa għall-produzzjoni tal-logħob vidjo. Il-Belġju jikkonferma li dan il-ftehim ta’ kooperazzjoni mhux se jbiddel il-kontenut ta’ dawn it-testijiet.

5.   VALUTAZZJONI TAL-ISKEMA

5.1.   Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(35)

l-Artikolu 107(1) tat-TFUE jipprovdi: “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

5.1.1.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat

(36)

L-investituri jistgħu jnaqqsu mill-profitti taxxabbli tagħhom, fondi użati fil-kuntest tal-iskema li qiegħda tiġi eżaminata. Dan it-tnaqqis, previst mil-liġi, inaqqas l-ammont ta’ taxxa miġbura mill-Istat. Il-liġi tiddikjara wkoll li dawn il-fondi jridu jiġu allokati lil kumpaniji approvati mill-Istat għal din l-operazzjoni u li jridu jikkontribwixxu għal produzzjonijiet speċifiċi li jkunu ġew akkreditati b’mod espliċitu bħala logħob vidjo Ewropej mis-servizzi kompetenti tal-komunità kkonċernata. Konsegwentement, l-investimenti inkwistjoni jagħmlu użu mir-riżorsi tal-Istat u huma imputabbli lill-Istat.

5.1.2.   Vantaġġ

(37)

L-għan tal-iskema huwa li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni mġarrba mill-produtturi tal-logħob vidjo. Tali nefqa hija parti mill-kostijiet li normalment jitħallsu mill-produtturi kollha tal-logħob vidjo. Fi kliem ieħor, hija kost li normalment jiġi assenjat lill-baġit tal-benefiċjarju.

(38)

L-għajnuna pprovduta lill-produttur tiġi mill-kontribuzzjoni tal-investitur, li minnha nnifisha tirriżulta mit-tnaqqis tat-taxxa ta’ din l-operazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li l-vantaġġ li jirriżulta mit-tnaqqis tat-taxxa, fil-fatt jiġi ttrasferit lill-produttur permezz tal-kuntratt qafas.

(39)

Konsegwentement, l-iskema tagħti vantaġġ lill-produttur li għalih dak il-produttur ma jkollux aċċess f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk, il-miżura tikkostitwixxi vantaġġ li jiffavorixxi lill-produtturi tal-logħob vidjo.

5.1.3.   Selettività

(40)

L-iskema hija selettiva minħabba li l-benefiċjarji li l-proġetti tagħhom ikunu għaddew mit-test tal-għażla biss jistgħu jirċievu għajnuna. Barra minn hekk, l-iskema ta’ għajnuna tkopri biss is-settur tal-logħob vidjo. Barra minn hekk, it-tnaqqis fit-taxxa ta’ 421 % tal-valur tal-investiment ifisser li l-investimenti kkonċernati (u għalhekk il-benefiċjarji) jiġu ttrattati b’mod aktar favorevoli minn investimenti oħrajn fir-rigward tal-objettiv tas-sistema tat-taxxa, peress li investimenti oħrajn ma jistgħux jitnaqqsu b’rata li taqbeż il-valur nominali tagħhom. Dan huwa l-każ anki jekk is-sitwazzjoni tagħhom, kemm de jure kif ukoll de facto, hija komparabbli fir-rigward tal-objettiv tas-sistema tat-taxxa, li huwa li jiġi intaxxat id-dħul tal-kumpaniji wara t-tnaqqis tal-investimenti. Dan it-trattament ma jistax jiġi ġġustifikat min-natura u mil-loġika tas-sistema. Skont is-sistema tat-taxxa korporattiva, tnaqqis standard ma jistax jaqbeż il-valur nominali ta’ investiment.

5.1.4.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(41)

Peress li l-logħob vidjo huma parti mill-kummerċ internazzjonali u dan is-suq huwa miftuħ għall-kompetizzjoni, il-vantaġġ finanzjarju mogħti lill-benefiċjarji jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.2.   Il-legalità tal-għajnuna

(42)

Fin-notifika tal-iskema qabel ma daħlet fis-seħħ, il-Belġju kkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

5.3.   Bażi legali għall-valutazzjoni

(43)

Il-punt sa fejn l-iskema hija kompatibbli mas-suq intern se jiġi analizzat abbażi tal-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE, fid-dawl tal-objettiv tal-promozzjoni tal-kultura permezz ta’ appoġġ għal proġetti kulturali.

(44)

Sabiex tkun aktar preċiża, il-kompatibbiltà tal-iskema mas-suq intern se tiġi analizzata fid-dawl tal-punt 24 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra (23) (issir referenza għaliha hawn taħt bħala l-“Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema”). Il-punt 24, li jittratta speċifikament l-għajnuna mill-Istat għall-produzzjoni ta’ logħob vidjo, jiddikjara li fejn skema ta’ għajnuna mmirata lejn logħob bi skop kulturali u edukattiv tista’ tintwera li hija meħtieġa, il-Kummissjoni se tapplika, mutatis mutandis, il-kriterji tal-intensità tal-għajnuna ddefiniti għall-films fil-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema.

5.4.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern

(45)

Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura, il-Kummissjoni nnotat li l-iskema tidher li tissodisfa l-biċċa l-kbira tal-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala għajnuna għall-promozzjoni tal-kultura u għalhekk bħala għajnuna kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE.

5.4.1.   Legalità ġenerali

(46)

Sabiex ikunu kompatibbli, l-iskemi ta’ għajnuna jridu l-ewwel jissodisfaw il-kriterju ta’ “legalità ġenerali”. Il-kunċett ta’ “legalità ġenerali” jibbaża fuq is-suppożizzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u l-kriterji għall-għoti tal-għajnuna ma fihom l-ebda klawżola marbuta b’mod li ma tistax tinfired mill-għoti tal-għajnuna li tikkontradixxi d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-TFUE f’oqsma għajr l-għajnuna mill-Istat (24).

(47)

L-iskema ma timponi l-ebda kundizzjoni relatata man-nazzjonalità Belġjana jew kwalunkwe rekwiżit biex il-kumpanija li tirċievi l-għajnuna tkun ibbażata prinċipalment fit-territorju Belġjan. Il-benefiċjarji jistgħu jkunu bbażati f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

(48)

Il-proċedura ta’ akkreditazzjoni għall-kumpaniji tal-produzzjoni u għall-intermedjarji ma għandha l-ebda effett fuq il-legalità ġenerali tal-iskema. Skont l-iskema eżistenti tal-kenn mit-taxxa, il-kumpaniji tal-produzzjoni li jibbenefikaw mill-iskema jrid ikollhom aġenzija stabbilita fil-Belġju fiż-żmien meta titħallas l-għajnuna. Il-proċess ta’ akkreditazzjoni ma jinkludi l-ebda kundizzjoni rigward l-istabbiliment jew ir-residenza fil-Belġju tal-kumpaniji kkonċernati fiż-żmien meta japplikaw għall-akkreditazzjoni.

(49)

Fir-rigward tal-intensità tal-għajnuna, il-Belġju introduċa emenda, permezz ta’ abbozz ta’ liġi, għad-dispożizzjonijiet territorjali restrittivi tal-iskema ta’ għajnuna inizjalment notifikata. Skont dan l-abbozz ta’ liġi, l-ammont ta’ għajnuna huwa stabbilit skont l-ammont ta’ nefqa fuq il-produzzjoni u l-kostijiet operazzjonali mġarrba fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Konsegwentement, l-iskema ma għadhiex suxxettibbli li tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà tal-moviment tal-oġġetti jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan is-suq intern (l-Artikoli 34 u 56 tat-TFUE).

5.4.2.   Il-promozzjoni tal-kultura, skont l-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE

(50)

Skont l-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE, l-għajnuna għall-promozzjoni tal-kultura u tal-konservazzjoni tal-wirt tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern jekk tali għajnuna ma taffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-UE sa punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

(51)

Il-Kummissjoni ma fasslet l-ebda linja gwida dwar kif tapplika din id-dispożizzjoni għal għajnuna għal-logħob vidjo. Il-punt 24 tal-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema jikkonferma li l-għajnuna maħsuba biex tappoġġa l-logħob vidjo hija analizzata fuq bażi ta’ każ b’każ.

(52)

Il-valutazzjoni tal-għajnuna għal-logħob vidjo skont l-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE ssegwi l-prattika tal-Kummissjoni, li bdiet bid-deċiżjoni dwar il-kreditu tat-taxxa Franċiż b’appoġġ għal-logħob vidjo, li fiha l-Kummissjoni rrikonoxxiet li ċerti logħob vidjo jistgħu jiġu kklassifikat bħala prodotti kulturali (25).

(53)

Il-Komunità Fjamminga u r-Reġjun ta’ Wallonia żviluppaw – għall-iskemi ta’ għajnuna tagħhom għal-logħob vidjo – għadd ta’ kriterji kulturali għal-logħob eliġibbli għal għajnuna, li huma applikabbli wkoll għall-iskema tal-kenn mit-taxxa (26). Huma stabbilew skala għall-għażla ta’ proġetti sabiex jiżguraw li l-logħob li jirċievi appoġġ jissodisfa b’mod ġenwin il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent bħala xogħol kulturali. Il-Kummissjoni analizzat dawn il-kriterji (27) u approvat dawn l-iskemi.

(54)

Għall-kuntrarju tat-talba magħmula mill-parti interessata VOFPT, il-Belġju impenja ruħu li jistabbilixxi ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Istat federali u l-komunitajiet qabel ma jimplimenta l-iskema tal-kenn mit-taxxa għal-logħob vidjo (ara l-premessi (14) u (34)). Din it-tip ta’ kooperazzjoni diġà hija fis-seħħ għall-appoġġ għax-xogħlijiet awdjoviżivi.

(55)

Bħala konklużjoni, l-iskema tappoġġa proġetti kulturali u tissodisfa l-objettiv tal-promozzjoni tal-kultura, skont l-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE.

5.4.3.   Adegwatezza tal-miżura tal-għajnuna

(56)

L-għan tal-iskema huwa li tappoġġa proġetti kulturali li jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu finanzjament fis-suq, minħabba n-natura tal-proġett (xogħlijiet kulturali) u r-riskji involuti (filwaqt li żgur se jkun hemm spejjeż tal-produzzjoni, ma hemm l-ebda garanzija ta’ udjenza). Għalhekk, l-iskema tgħin biex tiġi ffinanzjata parti mill-kostijiet tal-produzzjoni tal-logħob vidjo magħżula għall-kontribut tagħhom għall-promozzjoni tal-kultura. Il-mekkaniżmu ta’ appoġġ huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ logħob minn investituri privati. Il-Belġju spjega li sistema ta’ appoġġ dirett tkun tinvolvi kostijiet amministrattivi u finanzjarji ogħla mill-miżura tal-kenn mit-taxxa. Barra minn hekk, il-ħlas ta’ għotja diretta jsir aktar kmieni fil-proċess minn kwalunkwe eżenzjoni mit-taxxa (kemm provviżorja kif ukoll finali). Barra minn hekk, peress li r-responsabbiltà għall-kwistjonijiet kulturali hija devoluta għall-komunitajiet tal-Belġju, il-politika awdjoviżiva fil-livell federali Belġjan hija limitata għall-istabbiliment tas-sistema tal-kenn mit-taxxa bħala parti mill-politika soċjoekonomika tal-Belġju. Bl-involviment ta’ investituri privati, il-Belġju jixtieq jinkoraġġixxi kuntatti reċiproċi u aċċess għas-settur kulturali għad-diversi sorsi potenzjali ta’ finanzjament.

(57)

Għalhekk, l-iskema hija mezz xieraq biex jintlaħaq l-objettiv intenzjonat.

5.4.4.   Jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa

(58)

Logħob vidjo li jibbenefikaw mill-għajnuna huma xogħlijiet kulturali li jippromwovu l-kultura lokali u Ewropea. Il-potenzjal tal-kummerċjalizzazzjoni internazzjonali tagħhom jipprovdi ingranaġġ għall-promozzjoni tal-kultura fuq skala kbira.

(59)

Madankollu, il-proġetti li jinvolvu l-logħob vidjo jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu finanzjament skont il-kundizzjonijiet tas-suq (ara l-premessi (22) sa (24) hawn fuq). Ir-riskji finanzjarji inerenti fi proġetti li jinvolvu logħob vidjo, li neċessarjament iġarrbu spejjeż tal-produzzjoni, filwaqt li kwalunkwe qligħ jibqa’ inċert, jikkostitwixxu ostakli għall-investiment privat. Dan ifisser li huwa meħtieġ l-intervent pubbliku biex jinkiseb sehem akbar u aktar varjat ta’ proġetti.

5.4.5.   Proporzjonalità tal-għajnuna

(60)

Il-punt 24 tal-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema jiddikjara li, sakemm skema ta’ għajnuna għal-logħob bi skop kulturali u edukattiv tista’ tintwera li hija meħtieġa, il-Kummissjoni se tapplika, b’analoġija, l-istess kriterji ta’ intensità tal-għajnuna bħal dawk stabbiliti għal skemi ta’ għajnuna favur xogħlijiet awdjoviżivi.

(61)

L-iskema tappoġġa l-ħolqien ta’ logħob vidjo fi proporzjonijiet limitati. L-intensità massima tal-għajnuna hija ta’ 33,6 %, u, fejn hemm aktar minn sors wieħed ta’ għajnuna, hija limitata għal 50 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ logħba vidjo, f’konformità mal-limitu ta’ 50 % stabbilit mill-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema. L-għan tar-rati massimi ta’ intensità huwa li jippreservaw l-inizjattiva privata billi l-benefiċjarji tal-għajnuna jiġu obbligati jiksbu fondi minn sorsi oħra, minbarra l-Istat.

(62)

Bħala konklużjoni, l-iskema hija proporzjonali għall-objettiv segwit.

5.4.6.   Distorsjoni limitata tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ

(63)

Madwar id-dinja, is-settur tal-logħob vidjo ġġenera dħul li jammonta għal USD 159 800 000 000 fl-2020. Is-suq fil-kontinent Ewropew jammonta għal 19 % ta’ dan is-suq, li jikkorrispondi għal USD 29 600 000 000 (aktar minn EUR 27 600 000 000). Fl-2020, id-dħul fis-suq Belġjan tal-logħob vidjo kien ta’ EUR 82 000 000, li jikkorrispondi għal 0,3 % tas-suq Ewropew ġenerali u 0,05 % tas-suq dinji (28).

(64)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa ċar, l-ewwel nett, li l-baġit għall-iskema għall-appoġġ tas-settur Belġjan tal-logħob vidjo huwa relattivament limitat (ara l-premessa (11)) meta mqabbel mal-fatturat globali tas-settur fil-Belġju. It-tieni, kwalunkwe distorsjoni kkawżata minn din l-għajnuna tista’ titqies bħala minuri, peress li l-logħob vidjo Belġjani għandu sehem limitat kemm tas-suq Ewropew kif ukoll tas-suq dinji.

(65)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li din l-għajnuna mhux se żżid bla bżonn is-saħħa tas-suq tal-kumpaniji benefiċjarji, filwaqt li se tespandi l-firxa ta’ logħob bi kwalitajiet kulturali fis-suq. Il-valutazzjoni ġenerali ta’ din l-għajnuna fir-rigward tas-suq intern hija pożittiva, peress li kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni u impatt fuq il-kummerċ li jistgħu jirriżultaw se jkunu limitati.

6.   KONKLUŻJONI

(66)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li din l-għajnuna mhux se żżid bla bżonn is-saħħa tas-suq tal-kumpaniji benefiċjarji, filwaqt li, min-naħa l-oħra, se ttejjeb il-varjetà tal-firxa ta’ logħob bi kwalitajiet kulturali fis-suq. Għalhekk jenħtieġ li jiġi konkluż li kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ li jirriżultaw mill-iskema huma limitati, u li l-valutazzjoni ġenerali tal-għajnuna mfassla biex tippromwovi l-kultura hija waħda pożittiva. Il-kenn mit-taxxa għall-ħolqien ta’ logħob vidjo huwa kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li l-Belġju qed jippjana li jimplimenta favur il-produzzjoni tal-logħob vidjo billi japplika skema tal-kenn mit-taxxa għall-produzzjoni tal-logħob vidjo hija kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-implimentazzjoni tal-għajnuna hija awtorizzata bix-xieraq.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni C(2020) 2648 final tat-30 ta’ April 2020 (ĠU C 206 tad-19.6.2020, p. 11).

(2)  ĠU C 206, 19.6.2020, p. 11.

(3)  https://www.lachambre.be/FLWB/PDF/55/1590/55K1590001.pdf

(4)  N 410/02 (ex-CP 77/2002), Il-Belġju – Għajnuna mill-Istat għall-produzzjoni tal-films u għall-produzzjoni awdjoviżiva Belġjana – skema ta’ kenn mit-taxxa taċ-ċinema, https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/137343/137343_455458_39_2.pdf

(5)  N 224/04, Il-Belġju – Għajnuna mill-Istat għall-produzzjoni taċ-ċinematika u dik awdjoviżiva Belġjana – bidliet fl-iskema federali magħrufa bħala l-kenn mit-taxxa taċ-ċinema, https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/140619/140619_503601_23_2.pdf

(6)  N 121/2007, Il-Belġju – Miżuri tat-taxxa biex jinkoraġġixxu l-produzzjoni awdjoviżiva – il-kenn mit-taxxa – estensjoni tal-miżura ta’ għajnuna Nru N 224/2004, https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/219141/219141_703682_36_2.pdf

(7)  N 516/2009, Il-Belġju – Kenn mit-taxxa biex tiġi mħeġġa l-produzzjoni awdjoviżiva – estensjoni tal-miżura ta’ għajnuna Nru N 121/2007, https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/233078/233078_1210789_29_2.pdf

(8)  SA.35643 (2012/N), Il-Belġju – Estensjoni tal-kenn mit-taxxa b’appoġġ għall-produzzjonijiet awdjoviżivi, https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/246468/246468_1451339_61_2.pdf, u SA.36655 (2013/N), Il-Belġju – Bidliet fil-kenn mit-taxxa b’appoġġ għall-produzzjonijiet awdjoviżivi, https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/248603/248603_1525887_174_2.pdf

(9)  SA.38370 (2014/N), Il-Belġju – Bidliet fil-kenn mit-taxxa b’appoġġ għall-produzzjonijiet awdjoviżivi, https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/253328/253328_1646431_87_2.pdf

(10)  SA.59274 (2020/N), Il-Belġju – Estensjoni tal-kenn mit-taxxa b’appoġġ għall-produzzjonijiet awdjoviżivi SA.38370 (2014/N), https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases1/20215/289138_2239389_113_2.pdf

(11)  https://eservices.minfin.fgov.be/myminfin-web/pages/public/fisconet/document/6c0aa338-3dad-4e4b-960f-8e01564d20d0

(12)  http://www.ejustice.just.fgov.be/eli/loi/2019/03/29/2019040875/moniteur

(13)  Ara n-nota Nru 3 f’qiegħ il-paġna.

(14)  Fin-notifika tiegħu datata l-1 ta’ Lulju 2019, il-Belġju ppropona li l-miżura tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2025. Fid-dawl tat-tul ta’ żmien li għadda minn din in-notifika, il-Belġju ddeċieda li xtaq jestendi d-durata tal-miżura sal-31 ta’ Diċembru 2027.

(15)  SA.49947, Il-Belġju – Għajnuna għal-logħob vidjo (VAF Gamefonds), https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_49947

(16)  SA.101526, Il-Belġju – VAF Gamefonds, il-premessa (23), https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_101526

(17)  SA.55046, il-Belġju – Soutien aux jeux vidéo culturels, artistiques et éducatifs (Wallimage), il-premessa (14) https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_55046; ir-Reġjun ta’ Wallonia jinkludi lir-reġjun li jitkellem bil-Ġermaniż.

(18)  L-Artikolu 194 b(1)(2) tal-Kodiċi dwar it-taxxa fuq l-introjtu jiddikjara li l-kundizzjonijiet għall-akkreditazzjoni huma stabbiliti b’digriet irjali.

(19)  http://www.ejustice.just.fgov.be/mopdf/2018/07/20_2.pdf#Page18, p. 58312.

(20)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE, (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

(21)  Newzoo – Global Games Market Report 2020, li jista’ jitniżżel minn newzoo.

(22)  Rapport tal-2019, mill-Federazzjoni Ewropea tal-Iżviluppaturi tal-Logħob f’kooperazzjoni mal-Federazzjoni tas-Software Interattiv tal-Ewropa. Data miġbura fuq maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u għadd ta’ Stati mhux Membri.

https://www.egdf.eu/wp-content/uploads/2021/08/EGDF_report2021.pdf

(23)  ĠU C 332, 15.11.2013, p. 1.

(24)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra, C-225/91, ECLI:EU:C:1993:239, il-paragrafu 41.

(25)  Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa għal appoġġ għal-logħob vidjo fid-deċiżjonijiet li ġejjin:

C47/2006 (ex N 648/2005), Franza – Kreditu ta’ taxxa għall-produzzjoni tal-logħob vidjo, https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_20324;

SA 33943 (2011/N), Franza – Estensjoni tal-iskema ta’ għajnuna C 47/2006 – Kreditu ta’ taxxa għall-produzzjoni tal-logħob vidjo, https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_33943;

SA.36139 (2013/C), Ir-Renju Unit – Eżenzjoni mit-taxxa fuq il-logħob vidjo, https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_36139;

SA.39299 (2014/N), Franza – Kreditu ta’ taxxa għall-produzzjoni tal-logħob vidjo – emendi, https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_39299;

SA.47892 (2017/N), Franza – Kreditu ta’ taxxa għall-produzzjoni tal-logħob vidjo – emendi u estensjoni, https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_47892;

SA.45735 (2017/N), Id-Danimarka – Skema għall-iżvilupp, il-produzzjoni u l-promozzjoni ta’ logħob diġitali kulturali u edukattiv,

https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_45735;

SA.46572 (2017/N), Il-Ġermanja – Miżura Bavarjana ta’ appoġġ għal-logħob, https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_46572;

SA.49947 (2017/N), Il-Belġju – Għajnuna għal-logħob vidjo (VAF Gamefonds), https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_49947;

SA.50512 (2018/N), Franza – Fond għall-għajnuna għal-logħob vidjo – kitba, ħolqien ta’ proprjetà intellettwali u operazzjonijiet kollettivi, https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_50512;

SA.51820 (2018/N), Il-Ġermanja – Miżura tan-Nordrhein-Westfalen ta’ appoġġ għal-logħob, https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_51820;

SA.101526, Il-Belġju - VAF Gamefonds, https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=3_SA_101526.

(26)  SA.55046, Il-Belġju – Appoġġ għal-logħob vidjo kulturali, edukattivi u artistiċi (Wallimage);

SA.101526, il-Belġju - VAF Gamefonds.

(27)  Il-premessi (52) sa (54) tad-deċiżjoni dwar il-fond ta’ Wallimage u (38) u (39) tad-deċiżjoni dwar il-VAF Gamefonds.

(28)  Premessa (22).


Top