Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1975

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1975 tat-13 ta’ Ottubru 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Annessi 10-A u 10-B għall-Ftehim

    ST/12335/2022/INIT

    ĠU L 271, 19.10.2022, p. 3–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 19/10/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1975/oj

    19.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 271/3


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1975

    tat-13 ta’ Ottubru 2022

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Annessi 10-A u 10-B għall-Ftehim

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) iffirmat fis-6 ta’ Ottubru 2010, ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 (2). Il-Ftehim ġie applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Lulju 2011 u daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2015.

    (2)

    L-Artikolu 15.1 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat għall-Kummerċ li jinkludi r-rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Repubblika tal-Korea.

    (3)

    Skont l-Artikolu 15.3.1(g) tal-Ftehim, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet (“il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ”) hu stabbilit taħt l-awspiċi tal-Kumitat għall-Kummerċ.

    (4)

    Fil-25 ta’ Novembru 2021, fil-qafas tat-8 laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ, il-Partijiet laħqu ftehim biex jestendu l-lista tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (“IĠ”) protetti fl-Annessi 10-A u 10-B għall-Ftehim. L-emenda tal-Annessi 10-A u 10-B tikkonsisti, inter alia, mill-aġġornament tar-referenzi leġiżlattivi, mit-tneħħija ta’ dawk l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li ma għadhomx protetti fl-Unjoni, mill-modifika ta’ ċerti Indikazzjonijiet Ġeografiċi, b’mod partikolari fejn inbidel l-isem, u mit-tkabbir tal-għadd ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi protetti mill-Annessi għall-Ftehim biż-żieda ta’ 43 IĠ tal-Unjoni Ewropea u 41 IĠ tal-Korea.

    (5)

    Skont l-Artikolu 15.3.5 tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jwettaq il-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ.

    (6)

    Skont l-Artikolu 12.2 tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ adottati bid-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat għall-Kummerċ (3), il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta d-deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub, jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk, fil-perjodu ta’ bejn il-laqgħat tiegħu.

    (7)

    F’waħda mil-laqgħat tiegħu li jmiss, jew permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-Kumitat għall-Kummerċ jrid jadotta l-ftehim milħuq fil-25 ta’ Novembru 2021.

    (8)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ, billi d-deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

    (9)

    Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-protezzjoni tal-IĠ skont il-Ftehim, jenħtieġ li l-Kumitat għall-Kummerċ jaġġorna l-Annessi 10-A u 10-B għall-Ftehim. Jenħtieġ għaldaqstant li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bl-Artikolu 15.1 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda għall-Annessi 10-A u 10-B għall-Ftehim għandha tissejjes fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. BLAŽEK


    (1)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u tar-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 307, 25.11.2015, p. 2).

    (3)  Id-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat Kummerċjali tal-UE u l-Korea tat-23 ta’ Diċembru 2011 dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ (ĠU L 58, 1.3.2013, p. 9).


    ABBOZZ

    ID-DEĊIŻJONI NRU …. TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ UE-KOREA

    ta'…

    dwarl-emenda tal-Annessi 10-A u 10-B tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

    IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikoli 10.24.1, 10.25.1, 10.25.3, 15.1.4(c) u 15.5.2 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 15.1.4(c) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jikkunsidra emendi għall-Ftehim jew jemenda dispożizzjonijiet tal-Ftehim fil-każijiet li jkun hemm provvediment speċifiku għalihom fil-Ftehim.

    (2)

    L-Artikolu 15.5.2 tal-Ftehim jipprevedi li deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ biex jiġu emendati l-Annessi, l-Appendiċijiet, il-Protokolli u n-Noti għall-Ftehim tista’ tiġi adottata mill-Partijiet, suġġett għar-rekwiżiti u l-proċeduri legali applikabbli rispettivi tagħhom.

    (3)

    L-Artikolu 10.24.1 tal-Ftehim jippermetti lill-Partijiet iżidu indikazzjonijiet ġeografiċi li jridu jiġu protetti għall-Annessi 10-A u 10-B f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10.25.

    (4)

    Skont l-Artikolu 10.25.1 tal-Ftehim, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (“Grupp ta’ Ħidma IĠ”) jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet b’kunsens.

    (5)

    Skont l-Artikolu 10.25.3 tal-Ftehim, il-Grupp ta’ Ħidma IĠ jista’ jiddeċiedi li jimmodifika l-Annessi 10-A u 10-B biex iżid indikazzjonijiet ġeografiċi individwali tal-UE jew tal-Korea, jew biex ineħħi indikazzjonijiet ġeografiċi individwali li ma jkunux aktar protetti mill-Parti tal-oriġini, jew li ma jissodisfawx aktar il-kundizzjonijiet biex jitqiesu bħala indikazzjoni ġeografika fil-Parti l-oħra. Huwa jista’ jiddeċiedi wkoll li jkun jenħtieġ li referenza għal-leġiżlazzjoni fil-Ftehim titqies li hija referenza għal dik il-leġiżlazzjoni kif emendata u sostitwita u fis-seħħ f’data partikolari wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

    (6)

    Skont l-Artikolu 5.2 tad-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Grupp ta’ Ħidma UE-Korea dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tas-17 ta’ Settembru 2019 dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu (“regoli ta’ proċedura”), il-Grupp ta’ Ħidma IĠ jista’ jiddeċiedi, b’kunsens, li jirrakkomanda ż-żieda jew it-tneħħija ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal deċiżjoni finali fil-Kumitat għall-Kummerċ f’konformità mal-Artikolu 10.21.4, l-Artikolu 10.24 u l-Artikolu 10.25 tal-Ftehim.

    (7)

    Skont l-Artikolu 5.3 tar-regoli ta’ proċedura li jirreferu għall-Artikoli 15.3.5 u 15.5.2 tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jwettaq il-kompitu assenjat lill-Grupp ta’ Ħidma IĠ u jista’ jiddeċiedi li jimmodifika l-Annessi 10-A u 10-B, u l-Partijiet jistgħu jadottaw id-deċiżjoni soġġett għar-rekwiżiti u l-proċeduri legali applikabbli rispettivi tagħhom.

    (8)

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 10.25.3(c) tal-Ftehim, il-Partijiet ikkonfermaw il-kwistjonijiet li ġejjin relatati ma’ referenzi għal leġiżlazzjoni fil-Ftehim:

    (a)

    Fis-17 ta’ April 2019, ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (2) imsemmi fis-Subtaqsima C “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tal-Ftehim tħassar bir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (3). Għalhekk, jenħtieġ li referenza għar-Regolament (KE) Nru 110/2008 fil-Ftehim titqies bħala referenza għar-Regolament (UE) 2019/787.

    (b)

    Fil-21 ta’ Novembru 2012, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (4) imsemmi fis-Subtaqsima C “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (5). Għalhekk, jenħtieġ li referenza għar-Regolament (KE) Nru 510/2006 fil-Ftehim titqies bħala referenza għar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (c)

    Fis-26 ta’ Frar 2014, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 tal-10 ta’ Ġunju 1991 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ nbejjed aromatizzati, xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid (6) imsemmi fis-Subtaqsima C “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tħassar bir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (7). Għalhekk, jenħtieġ li referenza għar-Regolament (KE) Nru 1601/91 fil-Ftehim titqies bħala referenza għar-Regolament (UE) Nru 251/2014.

    (d)

    Fid-29 ta’ April 2008, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (8) imsemmi fis-Subtaqsima C “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad-29 ta’ April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999. Dan ir-Regolament tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (9) u d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew integrati fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (10). Għalhekk, jenħtieġ li referenza għar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 fil-Ftehim titqies bħala referenza għar-Regolament (UE) Nru 491/2009.

    (e)

    Fis-17 ta’ Diċembru 2013, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) imsemmi fis-Subtaqsima C “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (11). Għalhekk, jenħtieġ li referenza għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 fil-Ftehim titqies bħala referenza għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (f)

    L-Att dwar il-Kontroll tal-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli (l-Att Nru 9759, id-9 ta’ Ġunju 2009) tal-Korea msemmi fis-Subtaqsima C “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” ġie emendat. Fil-21 ta’ Diċembru 2021, ġie infurzat l-Att dwar il-Kontroll tal-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli u tas-Sajd (l-Att Nru 18599, il-21 ta’ Diċembru 2021) (12). Għalhekk, jenħtieġ li referenza għall-Att dwar il-Kontroll tal-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli (l-Att Nru 9759, id-9 ta’ Ġunju 2009) fil-Ftehim titqies bħala referenza għall-Att dwar il-Kontroll tal-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli u tas-Sajd (l-Att Nru 18599, il-21 ta’ Diċembru 2021).

    (g)

    L-Att dwar it-Taxxa tal-Likuri (l-Att Nru 8852, id-29 ta’ Frar 2008) tal-Korea msemmi fis-Subtaqsima C “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” ġie emendat. Fl-1 ta’ Jannar 2021, dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi relatati mal-produzzjoni u l-bejgħ, eċċ. tal-likuri stipulat fl-Att dwar it-Taxxa tal-Likuri ġew inkorporati fl-Att dwar il-Liċenzji tal-Likuri (traduzzjoni mhux uffiċjali / l-Att Nru 17761, id-29 ta’ Diċembru 2020) u ġew infurzati (13). Minn Jannar 2022, ġew infurzati kemm l-Att dwar it-Taxxa tal-Likuri (l-Att Nru 18593, il-21 ta’ Diċembru 2021) (14) kif ukoll l-Att dwar il-Liċenzji tal-Likuri (l-Att Nru 18723, is-6 ta’ Jannar 2022) (15). Għalhekk, jenħtieġ li referenza għall-Att dwar it-Taxxa tal-Likuri (l-Att Nru 8852, id-29 ta’ Frar 2008) fil-Ftehim titqies bħala referenza għall-Att dwar it-Taxxa tal-Likuri (l-Att Nru 18593, il-21 ta’ Diċembru 2021) u l-Att dwar il-Liċenzji tal-Likuri (l-Att Nru 18723, is-6 ta’ Jannar 2022).

    (9)

    Il-Partijiet qablu li jżidu 44 indikazzjoni ġeografika tal-UE u 41 indikazzjoni ġeografika tal-Korea mal-Annessi 10-A u 10-B permezz tal-proċess li ġej:

    (a)

    Matul is-seba’ laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma IĠ, li saret f’Seoul fis-6 ta’ Novembru 2019, il-Partijiet iddiskutew il-modalitajiet biex jemendaw l-Annessi 10-A u 10-B tal-Ftehim skont l-Artikoli 10.24 u 10.25.3, u qablu li jkomplu d-diskussjonijiet fix-xhur ta’ wara bl-għan li jilħqu ftehim relatat maż-żieda ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda fil-Grupp ta’ Ħidma IĠ segwenti.

    (b)

    Wara t-talba tal-Partijiet u skont l-Artikoli 10.18.3 u 10.18.4, kif ukoll l-Artikoli 10.24 u 10.25 tal-Ftehim, l-UE lestiet il-proċedura ta’ oppożizzjoni u l-eżaminazzjoni ta’ 41 indikazzjoni ġeografika tal-Korea. Il-Korea lestiet il-proċedura ta’ oppożizzjoni u l-eżaminazzjoni ta’ 44 indikazzjoni ġeografika tal-UE.

    (10)

    Il-Partijiet qablu li jneħħu tliet indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE u erba’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Korea mill-Annessi 10-A u 10-B permezz tal-proċess li ġej:

    (a)

    Fil-25 ta’ Ottubru 2016, l-UE nnotifikat lill-Korea dwar il-waqfien tal-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika Spanjola u talbet it-tneħħija tal-isem “Pacharán” mill-Anness 10-B tal-Ftehim, f’konformità mal-Artikolu 10.25.3(b), peress li ma baqax protett fl-UE.

    (b)

    Wara li rrieżaminat l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE protetti fil-Ftehim u fid-dawl tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/674 tad-29 ta’ April 2019 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż (16), f’Novembru 2020, l-UE talbet it-tneħħija tal-isem “Polish Cherry” mill-Anness 10-B tal-Ftehim, f’konformità mal-Artikolu 10.25.3(b), peress li ma baqax protett fl-UE.

    (c)

    Fil-15 ta’ Marzu 2021, il-Korea nnotifikat u talbet it-tneħħija tal-indikazzjonijiet ġeografiċi “Muan White Lotus Tea (무안백련차)” u “Cheongyang Powdered Hot Pepper (청양고춧가루)” mil-lista tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Korea fil-Parti B tal-Anness 10-A tal-Ftehim, f’konformità mal-Artikolu 10.25.3(b), peress li dawn ma baqgħux protetti fil-Korea.

    (d)

    Wara l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2021, il-Partijiet ikkonfermaw, matul il-laqgħa teknika virtwali li saret fis-16 ta’ Marzu 2021, li l-indikazzjoni ġeografika “Scotch Whisky” jenħtieġ li titneħħa mill-ismijiet elenkati fl-Anness 10-B tal-Ftehim.

    (e)

    Matul id-disa’ laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma IĠ li saret fit-8 ta’ Diċembru 2021, il-Korea nnotifikat u talbet it-tneħħija tal-indikazzjonijiet ġeografiċi “Seosan Garlic (서산마늘)” u “Yeoju Sweet Potato (여주고구마)” mil-lista tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Korea fil-Parti B tal-Anness 10-A tal-Ftehim, f’konformità mal-Artikolu 10.25.3(b), peress li dawn ma baqgħux protetti fil-Korea.

    (11)

    Il-Partijiet qablu li jissostitwixxu erba’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE fl-Anness 10-A tal-Ftehim li kellhom bidliet fl-isem bl-indikazzjonijiet ġeografiċi korrispondenti aġġornati permezz tal-proċess li ġej:

    (a)

    Fit-13 ta’ Lulju 2017, l-UE nnotifikat lill-Korea li erba’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fil-Ftehim kellhom bidliet fl-isem (17). L-UE pproponiet li taġġorna l-ismijiet u t-traskrizzjonijiet korrispondenti fil-lista tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE li bħalissa huma protetti fil-Korea.

    (b)

    Fl-istess notifika, l-UE talbet li l-indikazzjoni ġeografika “Originali lietuviška degtinė/vodka lituanienne originale”, proposta biex tiġi inkluża mal-Anness 10-B, tinbidel għal “Originali lietuviška degtinė/Original Lithuanian vodka” (traskrizzjoni 오리지널 리투아니아 보드카).

    (12)

    Skont l-Artikolu 12.2 tal-Anness tad-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat għall-Kummerċ UE-Korea (18), il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta deċiżjonijiet bi proċedura bil-miktub, jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu, fil-perjodu bejn il-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ. Il-proċedura bil-miktub tkun tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn il-Presidenti tal-Kumitat għall-Kummerċ.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Referenzi għal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Korea fil-Kapitolu 10, it-Taqsima B, is-Subtaqsima C “Indikazzjonijiet Ġeografiċi”, in-noti f’qiegħ il-paġna (51), (53) – (55) fil-verżjoni tal-Ftehim ippubblikata fl-UE jew l-istess noti f’qiegħ il-paġna nnumerati bħala (2), (4)-(6) fil-verżjoni tal-Ftehim ippubblikat fil-Korea (19), għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dik il-leġiżlazzjoni kif emendata jew sostitwita f’konformità mal-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-Annessi 10-A u 10-B tal-Ftehim huma emendati kif ġej:

    (1)

    iż-żieda tal-indikazzjonijiet ġeografiċi elenkati fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni taħt il-lista korrispondenti ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Istat Membru rispettiv fil-Parti A tal-Anness 10-A tal-Ftehim;

    (2)

    iż-żieda tal-indikazzjonijiet ġeografiċi elenkati fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni taħt il-lista korrispondenti ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Korea fil-Parti B tal-Anness 10-A tal-Ftehim;

    (3)

    iż-żieda tal-indikazzjonijiet ġeografiċi elenkati fl-Anness IV ta’ din id-Deċiżjoni taħt il-lista korrispondenti ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Istat Membru rispettiv fit-Taqsima 1 u fit-Taqsima 2 tal-Parti A tal-Anness 10-B tal-Ftehim;

    (4)

    iż-żieda tal-indikazzjonijiet ġeografiċi elenkati fl-Anness V ta’ din id-Deċiżjoni taħt il-lista korrispondenti ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Korea fil-Parti B tal-Anness 10-B tal-Ftehim;

    (5)

    it-tneħħija tal-indikazzjonijiet ġeografiċi “Pacharán” (Spanja), “Polska Wiśniówka/Polish Cherry” (il-Polonja) u “Scotch Whisky” (ir-Renju Unit) mil-lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi fit-Taqsima 2 tal-Parti A tal-Anness 10-B tal-Ftehim;

    (6)

    it-tneħħija tal-indikazzjonijiet ġeografiċi “Seosan Garlic (서산마늘)”, “Muan White Lotus Tea (무안백련차)” u “Cheongyang Powdered Hot Pepper (청양고춧가루)”, “Yeoju Sweet Potato (여주고구마)” mil-lista tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Korea fil-Parti B tal-Anness 10-A tal-Ftehim; u

    (7)

    sostituzzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li kellhom bidliet fl-isem fil-lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Istat Membru rispettiv fil-Parti A tal-Anness 10-A tal-Ftehim bl-ismijiet korrispondenti tal-indikazzjonijiet ġeografiċi elenkati fl-Anness VI ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jiskambjaw notifiki bil-miktub permezz ta’ kanali diplomatiċi li jiċċertifikaw li huma lestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri legali applikabbli rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħha.

    Magħmul fi …,

    Għall-Kumitat tal-Kummerċ


    (1)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.

    (2)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

    (3)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.

    (4)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

    (5)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (6)  ĠU L 149, 14.6.1991, p. 1.

    (7)  ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14.

    (8)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1.

    (9)  ĠU L 154, 17.6.2009, p. 1.

    (10)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (11)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (12)  대한민국정부 관보 제20151호(gazzetta uffiċjali 20151), 21.12.2021, p.47.

    (13)  대한민국정부 관보 제19907호(gazzetta uffiċjali 19907), 29.12.2020, p.110.

    (14)  대한민국정부 관보 제20151호(gazzetta uffiċjali 20151), 21.12.2021, p.39.

    (15)  대한민국정부 관보 제20163호 별권1(gazzetta uffiċjali 20163, volum separat 1), 6.1.2021, p.4

    (16)  ĠU L 114, 30.4.2019, p. 7.

    (17)  “Huile essentielle de lavande de Haute-Provence” sar “Huile essentielle de lavande de Haute-Provence/Essence de lavande Haute-Provence” (traskrizzjoni: 윌 에썽씨엘 드 라벙드 드 오뜨 프로방스 / 에썽스 드 라벙드 드 오뜨 프로방스 (오뜨 프로방스 라벙드 에센스 오일) – “Prosciutto di S. Daniele” sar “Prosciutto di San Daniele” (it-traskrizzjoni tibqa’ l-istess) – “Jamon de Teruel” sar “Jamón de Teruel/Paleta de Teruel” (traskrizzjoni: 하몬 데 떼루엘 / 빨레따 데 떼루엘) – “Jamón de Huelva” sar “Jabugo” (traskrizzjoni: 하부고).

    (18)  Id-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat Kummerċjali tal-UE u l-Korea tat- 23 ta’ Diċembru 2011 dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ (ĠU L 58, 1.3.2013, p. 9).

    (19)  대한민국 관보 제17538호(그2) (gazzetta uffiċjali 17538, volum separat 2), 28.6.2011, p.800.


    ANNESS I

    Referenzi għal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Korea fil-Kapitolu 10, it-Taqsima B, is-Subtaqsima C “Indikazzjonijiet Ġeografiċi”, in-noti f’qiegħ il-paġna (51), (53) – (55) fil-verżjoni tal-Ftehim ippubblikata fl-UE jew l-istess noti f’qiegħ il-paġna nnumerati bħala (2), (4)-(6) fil-verżjoni tal-Ftehim ippubblikat fil-Korea, għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dik il-leġiżlazzjoni kif emendata jew sostitwita bil-modi li ġejjin:

    (1)

    Għar-referenzi għal-leġiżlazzjoni tal-UE:

    (a)

    Ir-referenzi għar-“Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89” għandhom jiġu sostitwiti b’referenzi għar-“Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008”;

    (b)

    Ir-referenzi għar-“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel” għandhom jiġu sostitwiti b’referenzi għar-“Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel”;

    (c)

    Ir-referenzi għar-“Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 tal-10 ta’ Ġunju 1991 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ nbejjed aromatizzati, xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid” għandhom jiġu sostitwiti b’referenzi għar-“Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91”;

    (d)

    Ir-referenzi għar-“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid”, li tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad-29 ta’ April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999”, għandhom jiġu sostitwiti b’referenzi għar-“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS)”; u

    (e)

    Ir-referenzi għar-“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika)” għandhom jiġu sostitwiti b’referenzi għar-“Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007”.

    (2)

    Għar-referenzi għal-leġiżlazzjoni Koreana:

    (a)

    Ir-referenzi għall-Att dwar il-Kontroll tal-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli (l-Att Nru 9759, id-9 ta’ Ġunju 2009) għandhom jiġu sostitwiti b’referenzi għall-Att dwar il-Kontroll tal-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli u tas-Sajd (l-Att Nru 18599, il-21 ta’ Diċembru 2021); u

    (b)

    Ir-referenzi għall-Att dwar it-Taxxa tal-Likuri (l-Att Nru 8852, id-29 ta’ Frar 2008) għandhom jiġu sostitwiti b’referenzi għall-Att dwar it-Taxxa tal-Likuri (l-Att Nru 18593, il-21 ta’ Diċembru 2021) u l-Att dwar il-Liċenzji tal-Likuri (l-Att Nru 18723, is-6 ta’ Jannar 2022).


    ANNESS II

    Kodiċi tal-Pajjiż

    Isem li għandu jkun protett

    Prodott

    Traskrizzjoni għall-alfabett Korean

    AT

    Steirisches Kürbiskernöl

    Żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar

    슈타이리쉐스 퀴르비스케른욀

    CY

    Λουκούμι Γεροσκήπου / Loukoumi Geroskipou

    Ħelu

    루꾸미 게로스끼뿌

    DE

    Hopfen aus der Hallertau

    Ħops

    할러타우 홉펜

    DE

    Lübecker Marzipan

    Ħelu

    뤼베커 마르지판

    DE

    Nürnberger Lebkuchen

    Ħelu

    뉘른베르거 렙쿠헨

    DE

    Schwarzwälder Schinken

    Perżut

    슈바르츠벨더 쉰켄

    DK

    Danablu

    Ġobon

    다나블루

    ES

    Aceite de Terra Alta/Oli de Terra Alta

    Żejt taż-żebbuġa

    아쎄이떼 데 떼라 알따; 올리 데 떼라 알따

    ES

    Aceite Monterrubio

    Żejt taż-żebbuġa

    아쎄이떼 몬떼루비오

    ES

    Estepa

    Żejt taż-żebbuġa

    에스떼빠

    ES

    Les Garrigues

    Żejt taż-żebbuġa

    레스 가리게스

    ES

    Sierra de Cazorla

    Żejt taż-żebbuġa

    씨에라 데 까쏘를라

    ES

    Siurana

    Żejt taż-żebbuġa

    씨우라나

    EL

    Καλαμάτα / Kalamata (1)

    Żejt taż-żebbuġa

    칼라마타

    EL

    Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis

    Żejt taż-żebbuġa

    시티아 라시티우 크리티스

    EL

    Λακωνία / Lakonia

    Żejt taż-żebbuġa

    라코니아

    EL

    Γραβιέρα Κρήτης / Graviera Kritis

    Ġobon

    그라비에라 크리티스

    EL

    Κασέρι / Kasseri

    Ġobon

    카세리

    IT

    Aceto Balsamico di Modena

    Ħall

    아체토 발사미코 디 모데나

    IT

    Bresaola della Valtellina

    Perżut

    브레사올라 델라 발텔리나

    IT

    Kiwi Latina

    Kiwi

    키위 라티나

    IT

    Mela Alto Adige / Südtiroler Apfel

    Tuffieħ

    멜라 알토 아디제; 수드티롤레르 아펠

    IT

    Toscano

    Żejt taż-żebbuġa

    토스카노

    IT

    Pecorino Toscano

    Ġobon

    페코리노 토스카노

    IT

    Salamini italiani alla cacciatora

    Salami

    살라미니 이탈리아니 알라 카차토라

    NL

    Edam Holland

    Ġobon

    에담 홀란드

    NL

    Gouda Holland

    Ġobon

    고다 홀란드


    (1)  Il-protezzjoni tal-IĠ “Kalamata” ma għandhiex tipprevjeni l-użu tal-isem ta’ varjetà ta’ pjanti fir-rigward taż-żebbuġ fit-territorju tal-Korea. Dik il-formulazzjoni ma tbiddilx jew ma tnaqqasx il-protezzjoni diġà mogħtija mill-Ftehim lill-IĠ protetta “Elia Kalamatas”.


    ANNESS III

    Isem li għandu jkun protett

    Prodott

    Traskrizzjoni għall-alfabett Latin

    천안배(Cheonan Bae (Pear))

    Lanġas

    Cheonan Bae

    나주배(Naju Bae (Pear))

    Lanġas

    Naju Bae

    안성배(Anseong Bae (Pear))

    Lanġas

    Anseong Bae

    고려흑삼제품(Korean Black Ginseng Product)

    Prodotti tal-Ġinseng Iswed

    Goryeo Heuksamjepum

    예산사과(Yesan Apple)

    Tuffieħ

    Yesan Sagwa

    안성쌀(Anseong Ssal (Rice))

    Ross

    Anseong Ssal

    영월고춧가루(Yeongwol Red Pepper Powder)

    Trab tal-Bżar Aħmar

    Yeongwol Gochutgaru

    고려흑삼(Korean Black Ginseng)

    Ġinseng iswed

    Goryeo Heuksam

    보성웅치올벼쌀(Boseong Ungchi Olbyeossal)

    Ross

    Boseong Ungchi Olbyeossal

    김포쌀(Gimpo Ssal (Rice))

    Ross

    Gimpo Ssal

    진도검정쌀(Jindo Black Rice)

    Ross

    Jindo Geomjeong Ssal

    군산쌀(Gunsan Ssal (Rice))

    Ross

    Gunsan Ssal

    영월고추(Yeongwol Red Pepper)

    Bżar Aħmar

    Yeongwol Gochu

    영천포도(Yeongcheon Grapes)

    Għeneb

    Yeongcheon Podo

    무주사과(Muju Apple)

    Tuffieħ

    Muju Sagwa

    삼척마늘(Samcheok Garlic)

    Tewm

    Samcheok Maneul

    김천자두(Gimcheon Jadu (Plum))

    Għanbaqar

    Gimcheon Jadu

    영동포도(Yeongdong Grapes)

    Għeneb

    Yeongdong Podo

    문경오미자(Mungyeong Omija)

    Omija

    Mungyeong Omija

    청도반시(Cheongdo Seedless Flat Persimmon)

    Kaki

    Cheongdo Bansi

    평창산양삼(PyeongChang Wild-cultivated Ginseng)

    Ġinseng ikkultivat fis-selvaġġ

    PyeongChang Sanyangsam

    보은대추(Boeun Jujube)

    Jujube

    Boeun Daechu

    충주밤(Chungju Bam (Chestnut))

    Qastan

    Chungju Bam

    가평잣(Gapyeong Korean Pine nuts)

    Ġewż tal-Arżnu

    Gapyeong Jat

    정선곤드레(Jeongseon Gondre)

    Gondre (Xewk Korean)

    Jeongseon Gondre

    영동곶감(Yeongdong Persimmon Dried)

    Kaki

    Yeongdong Gotgam

    부여표고(Buyeo Pyogo (Oak mushroom))

    Faqqiegħ tal-Ballut

    Buyeo Pyogo

    완도미역(Wando Sea mustard)

    Mustarda tal-Baħar

    Wando Miyeok

    완도다시마(Wando Sea tangle)

    Laminarja tas-Swaba’

    Wando Dasima

    기장미역(Gijang sea mustard)

    Mustarda tal-Baħar

    Gijang Miyeok

    기장다시마(Gijang sea tangle)

    Laminarja tas-Swaba’

    Gijang Dasima

    완도김(Wando Laver)

    Laver

    Wando Gim

    장흥김(Jangheung Laver)

    Laver

    Jangheung Gim

    여수굴(Yeosu Gul (Yeosu Oyster))

    Gajdri

    Yeosu Gul

    고흥미역(Goheung Dried Sea mustard)

    Mustarda tal-Baħar

    Goheung Miyeok

    고흥다시마(Goheung Dried Sea tangle)

    Laminarja tas-Swaba’

    Goheung Dasima

    신안김(Sinan Gim (Laver))

    Laver

    Sinan Gim

    해남김(Haenam Gim (Laver))

    Laver

    Haenam Gim

    고흥김(Goheung Laver)

    Laver

    Goheung Gim

    고흥굴(Goheung Gul (Oyster))

    Gajdri

    Goheung Gul


    ANNESS IV

    TAQSIMA 1

    INBEJJED LI JORIĠINAW FL-UNJONI EWROPEA

    Kodiċi tal-Pajjiż

    Isem tad-Denominazzjoni

    Traskrizzjoni għall-alfabett Korean

    CY

    Κουμανδαρία (traskrizzjoni għall-alfabett Latin: Commandaria )

    꼬만다리아

    DE

    Franken

    프랑켄

    ES

    Utiel-Requena

    우띠엘 레께나

    FR

    Pays d'Oc

    패이 독 / 뻬이 독

    FR

    Romanée-Conti

    로마네 콘티 / 로마네 꽁띠

    FR

    Pauillac

    포이약 / 뽀이약

    FR

    Saint-Estèphe

    세인트 에스테브 / 쎙 에스테프

    IT

    Prosecco

    프로세코

    RO

    Cotnari

    코트나리

    SI

    Vipavska dolina

    비파브스카 돌리나

    SK

    Vinohradnícka oblasť Tokaj

    비노흐라드니스카 오블라스트 토카이

    TAQSIMA 2

    SPIRTI LI JORIĠINAW MILL-UNJONI EWROPEA

    Kodiċi tal-Pajjiż

    Isem tad-Denominazzjoni

    Traskrizzjoni għall-alfabett Korean

    CY

    Ζιβανία/Τζιβανία/Ζιβάνα/Zivania

    지바니아

    ES

    Brandy del Penedés

    브란디 델 뻬네데스

    EL

    Τσίπουρο/Tsipouro

    치푸로

    IE

    Irish Cream

    아이리쉬 크림

    LT

    Originali lietuviška degtinė/Original Lithuanian vodka

    오리지널 리투아니아 보드카

    BE+NL+FR+DE

    Genièvre/Jenever/Genever

    예네이버/제니버


    ANNESS V

    Isem li għandu jkun protett

    Traskrizzjoni għall-alfabett Latin

    무주머루와인 (Muju Wild Grape Wine)

    Inbid Muju Meoru


    ANNESS VI

    FRANZA

    Huile essentielle de lavande de Haute-Provence/Essence de lavande de Haute-Provence (1)

    Żejt essenzjali tal-lavanda

    윌 에썽씨엘 드 라벙드 드 오뜨 프로방스 / 에썽스 드 라벙드 드 오뜨 프로방스 (오뜨 프로방스 라벙드 에센스 오일)

    L-ITALJA

    Prosciutto di San Daniele (2)

    Perżut

    프로슈토 디 산 다니엘레(생햄)

    SPANJA

    Jamón de Teruel/Paleta de Teruel (3)

    Perżut

    하몬 데 떼루엘 / 빨레따 데 떼루엘

    Jabugo (4)

    Perżut

    하부고


    (1)  “Huile essentielle de lavande de Haute-Provence” sar “Huile essentielle de lavande de Haute-Provence/Essence de lavande Haute-Provence”.

    (2)  “Prosciutto di S. Daniele” sar “Prosciutto di San Daniele”.

    (3)  “Jamon de Teruel” sar “Jamón de Teruel/Paleta de Teruel”.

    (4)  “Jamón de Huelva” became “Jabugo”.


    Top