Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1661

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1661 tas-26 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/12089/2022/INIT

    ĠU L 250, 28.9.2022, p. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1661/oj

    28.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 250/14


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1661

    tas-26 ta’ Settembru 2022

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri li m’għamlux użu minn din l-għażla skont l-Artikolu 14 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE (2) jistgħu jagħtu eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 5 000 jew l-ekwivalenti f’munita nazzjonali.

    (2)

    Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/677/UE (3), il-Lussemburgu kien awtorizzat jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE biex jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar minn EUR 25 000 sal-31 ta’ Diċembru 2016 (“il-miżura speċjali”).

    (3)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE ġiet emendata inizjalment bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/319 (4), li awtorizzat lil-Lussemburgu jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar minn EUR 30 000 sal-31 ta’ Diċembru 2019. Sussegwentement ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2210 (5), li tawtorizza lil-Lussemburgu jżid il-livell limitu għal EUR 35 000 u jestendi l-applikazzjonital-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2022.

    (4)

    Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-11 ta’ Marzu 2022, il-Lussemburgu talab għal awtorizzazzjoni biex ikompli japplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-data sa meta l-Istati Membri jeħtieġ jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (6) li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. Minn dik id-Direttiva jirriżulta li, mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri ser jitħallew jeżentaw mill-VAT il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi magħmula minn persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom fi Stat Membru partikolari ma jaqbiżx livell limitu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti f’munita nazzjonali.

    (5)

    Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba li għamlet il-Lussemburgu lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta’ ittra ddatata s-7 ta’ April 2022. Permezz ta’ ittra ddatata t-8 ta’ April 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Lussemburgu li kellha l-informazzjoni kollha neċessarja għall-valutazzjoni tat-talba.

    (6)

    Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285, li għandha l-għan li tnaqqas il-piż tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar u tevita tnaqqas id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Tfittex ukoll li tiffaċilita l-konformità mill-impriżi ż-żgħar kif ukoll il-monitoraġġ mill-awtoritajiet tat-taxxa. Il-livell limitu ta’ EUR 35 000 huwa konsistenti mal-livell limitu l-ġdid għall-eżenzjoni kif stabbilit bid-Direttiva (UE) 2020/285.

    (7)

    Il-miżura speċjali ser tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (8)

    Skont l-informazzjoni pprovduta mil-Lussemburgu, il-miżura speċjali ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa li l-Lussemburgu jiġbor fl-istadju tal-konsum finali.

    (9)

    Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 (7), ma jrid isir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mil-Lussemburgu fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT għas-sena finanzjarja 2022 ’il quddiem.

    (10)

    Minħabba l-fatt li l-miżura speċjali kellha impatt pożittiv fuq is-simplifikazzjoni tal-obbligi relatati mal-VAT, peress li naqqset il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità kemm għall-impriżi żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u peress li ma jistax ikollha impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li l-Lussemburgu jkun awtorizzat ikompli japplika l-miżura speċjali.

    (11)

    Jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex jippermetti li l-Kummissjoni tevalwata l-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu attwali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri jridu jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u jridu japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Lussemburgu jiġi awtorizzat japplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    (12)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. NEKULA


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta’ April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat minn negozju – L-istruttura u l-proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/677/UE tal-15 ta’ Novembru 2013 li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 33).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/319 tal-21 ta’ Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 47, 24.2.2017, p. 7).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2210 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 332, 23.12.2019, p. 155).

    (6)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).


    Top