Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1236

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1236 tat-18 ta’ Lulju 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tan-Niġer

    ST/9531/2022/INIT

    ĠU L 190, 19.7.2022, p. 121–124 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/07/2024; Imħassar b' 32024D1978

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1236/oj

    19.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 190/121


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1236

    tat-18 ta’ Lulju 2022

    dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tan-Niġer

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1), ġiet stabbilita Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, f’konformità mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF tista’ tiffinanzja azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b’rabta ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

    (2)

    In-Niġer għandu rwol ewlieni f’inizjattivi reġjonali, Ewropej u internazzjonali ewlenin immirati lejn it-tisħiħ tal-paċi u l-iżvilupp fis-Saħel, inkluż l-Istrateġija Integrata tal-Unjoni fis-Saħel, il-Koalizzjoni tas-Saħel u s-Sħubija għas-Sigurtà u l-Istabbiltà fis-Saħel (P3S), kif ukoll l-Alleanza tas-Saħel. Il-komunità internazzjonali, inkluż l-Unjoni, investiet sforzi konsiderevoli biex tappoġġa lir-Repubblika tan-Niġer fil-ġlieda tagħha kontra t-terroriżmu matul dawn l-aħħar snin. L-Unjoni hija impenjata għal relazzjoni mill-qrib b’appoġġ għall-militar u d-difiża fin-Niġer.

    (3)

    Fir-reġjun tas-Saħel, in-Niġer huwa pajjiż ewlieni għall-Unjoni f’termini tal-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà u migrazzjoni. L-Unjoni għandha sħubija b’saħħitha mal-gvern tan-Niġer, bil-għan li jinkiseb żvilupp fit-tul permezz ta’ approċċ komprensiv u integrat.

    (4)

    Fl-ittra tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2022 indirizzata lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”), il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tan-Niġer talab lill-Unjoni biex tipprovdi appoġġ lill-Forzi Armati tan-Niġer (Forces armées nigeriennes – FAN), f’żona ta’ prijorità u possibbilment flimkien ma’ missjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) tal-Unjoni b’mandat li taħdem fin-Niġer.

    (5)

    Miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u b’mod partikolari f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

    (6)

    L-implimentazzjoni ser tkun soġġetta għal valutazzjoni regolari tal-iżviluppi politiċi fin-Niġer, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għal miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-implimentazzjoni ma tmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

    (7)

    Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u biex isaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

    1.   Miżura ta’ assistenza li tibbenifika minnha r-Repubblika tan-Niġer (“il-benefiċjarju”), li għandha tiġi ffinanzjata fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (“il-Miżura ta’ Assistenza”) hija b’dan stabbilita.

    2.   L-objettiv tal-Miżura ta’ Assistenza huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-FAN sabiex ikunu jistgħu jiddefendu l-integrità territorjali u s-sovranità tan-Niġer u biex tiġi protetta aħjar il-popolazzjoni ċivili kontra, b’mod partikolari, it-theddida terroristika li qed tiżdied.

    3.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 2, il-Miżura ta’ Assistenza għandha tiffinanzja ż-żewġ komponenti li ġejjin:

    (a)

    l-istabbiliment ta’ Ċentru ta’ Taħriġ tal-Persunal Tekniku tal-Forzi Armati (Centre de Formation des Techniciens des Armées CFTA) biex jiċċentralizza, isaħħaħ u jistruttura aħjar il-kapaċitajiet tal-FAN fil-qasam tal-appoġġ loġistiku; u

    (b)

    il-kostruzzjoni ta’ bażi operattiva avvanzata (base opérationelle avancée BOA) biex titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-FAN fir-reġjun ta’ Tillabéri.

    4.   Il-Miżura ta’ Assistenza għandha ddum 36 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt bejn l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, li jaġixxi bħala uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni, u l-entità msemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 32(2), punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

    Artikolu 2

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-Miżura ta’ Assistenza għandu jkun ta’ EUR 25 000 000.

    2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u r-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.

    Artikolu 3

    Arranġamenti mal-benefiċjarju

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u l-Artikolu 62(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ fl-ambitu tal-Miżura ta’ Assistenza.

    2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

    (a)

    il-konformità tal-unitajiet tal-FAN mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali kif ukoll l-impenn tal-gvern tan-Niġer li jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

    (b)

    l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

    (c)

    il-manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

    (d)

    li l-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza mhux ser jintilfu, jew jiġu ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

    3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa taħt l-EPF, b’mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

    2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq minn Expertise France.

    Artikolu 5

    Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura li l-konformità tal-benefiċjarju mal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3 jiġu mmonitorjati. Dak il-monitoraġġ għandu jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-FAN, li jkun jinvolvi l-użu tat-tagħmir ipprovdut bil-Miżura ta’ Assistenza.

    2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

    (a)

    il-verifika tal-kunsinna, fejn iċ-ċertifikati tal-kunsinna għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

    (b)

    ir-rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-inventarju ta’ oġġetti deżinjati sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);

    (c)

    il-kontroll fuq il-post, li permezz tiegħu il-benefiċjarju jrid jagħti lir-Rappreżentant Għoli aċċess biex iwettaq kontroll fuq il-post meta mitlub.

    3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni, fil-forma tal-ewwel valutazzjoni strutturata tal-Miżura ta’ Assistenza, sitt xhur wara t-tlestija tal-kostruzzjoni tas-CFTA u tal-BOA. Fejn meħtieġ, dan jista’ jinvolvi żjarat fuq il-post biex jiġu spezzjonati l-infrastruttura, it-tagħmir u l-provvisti kkonsenjati taħt il-Miżura ta’ Assistenza, jew kwalunkwe forma effettiva oħra ta’ informazzjoni pprovduta b’mod indipendenti. Għandha ssir evalwazzjoni finali hekk kif titlesta l-Miżura ta’ Assistenza biex jiġi vvalutat jekk il-Miżura ta’ Assistenza kkontribwietx għall-ilħuq tal-objettivi ddikjarati.

    Artikolu 6

    Rappurtar

    Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.

    Artikolu 7

    Sospensjoni u terminazzjoni

    1.   Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

    2.   Il-KPS jista’ jirrakkomanda lill-Kunsill itemm il-Miżura ta’ Assistenza.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

    (2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari, (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).


    Top