Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0907

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/907 tal-1 ta’ Ġunju 2022 dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bl-isem “Ħwejjeġ Tajbin, Pagi Ġusti”, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    C/2022/3631

    ĠU L 157, 10.6.2022, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/907/oj

    10.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 157/13


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/907

    tal-1 ta’ Ġunju 2022

    dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bl-isem “Ħwejjeġ Tajbin, Pagi Ġusti”, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-4 ta’ April 2022 tressqet talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bl-isem ta’ “Ħwejjeġ Tajbin, Pagi Ġusti”.

    (2)

    L-objettiv tal-inizjattiva kif espress mill-organizzaturi huwa li tistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tirrikjedi li l-impriżi attivi fis-settur tal-ħwejjeġ u ż-żraben iwettqu d-diliġenza dovuta fir-rigward tal-pagi li jiggarantixxu l-għajxien fil-katina tal-provvista tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin: (a) jiġu kkomplementati u żviluppati l-“Qafas tal-UE tal-Governanza Korporattiva Sostenibbli” u d-“Direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea”; (b) l-impriżi jiġu meħtieġa jidentifikaw, jipprevjenu u jimmitigaw l-impatti negattivi fuq id-dritt tal-bniedem għal paga li tiggarantixxi l-għajxien u l-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-drittijiet ta’ negozjar kollettiv; (c) jitnaqqas il-faqar fl-Unjoni u madwar id-dinja, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari liċ-ċirkostanzi tan-nisa, tal-migranti u tal-ħaddiema b’kuntratti prekarji u l-ħtieġa li jiġi miġġieled it-tħaddim tat-tfal; (d) jiġu pprojbiti prattiki kummerċjali inġusti li jikkawżaw jew li jikkontribwixxu għal ħsara reali u potenzjali, għall-ħaddiema fis-settur tal-ħwejjeġ u taż-żraben u jiġu promossi prattiki ta’ xiri ġusti; (e) jiġi previst dritt għall-informazzjoni għall-konsumaturi rigward impriżi fis-settur tal-ħwejjeġ u taż-żraben; (f) titjieb it-trasparenza u l-akkontabbiltà tal-impriżi fis-settur tal-ħwejjeġ u taż-żraben.

    (3)

    L-inizjattiva tinkludi anness li jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond. L-organizzaturi jsostnu li l-paga minima statutorja f’ħafna Stati Membri tammonta biss għal perċentwal żgħir ta’ paga li tiggarantixxi l-għajxien u li f’pajjiżi ewlenin fil-produzzjoni tal-ħwejjeġ barra mill-Unjoni, il-paga minima statutorja hija bħala medja, inqas minn 50 % ta’ dak li huwa meħtieġ għal għajxien diċenti bażiku. F’dan ir-rigward, huma jirreferu għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u għall-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li jinkludu d-dritt għal remunerazzjoni li tipprovdi lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom, bħala minimu, għajxien deċenti. L-organizzaturi jsostnu li billi jiġu indirizzati l-pagi biex jiggarantixxu l-għajxien fis-settur tal-ħwejjeġ u taż-żraben, jingħata kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (2), jiġifieri l-qerda tal-faqar, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ix-xogħol deċenti u l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli. L-organizzaturi jenfasizzaw ukoll li l-indirizzar tal-pagi baxxi jindirizza wieħed mill-muturi ewlenin tat-tħaddim tat-tfal, f’konformità mal-impenn tal-Kummissjoni lejn l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal, li skont il-Kummissjoni jeħtieġ li jinżamm fuq quddiem nett tal-oqsma ta’ politika rilevanti kollha. Jenħtieġ li l-impriżi kkonċernati jkunu meħtieġa jsegwu u jikkomunikaw il-progress tal-miżuri ta’ mitigazzjoni meħuda fil-proċess ta’ diliġenza dovuta tagħhom. L-organizzaturi jsostnu li l-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda metodoloġiji xierqa u leġittimi għad-determinazzjoni tal-pagi li jiggarantixxu l-għajxien, li mbagħad jistgħu jitqiesu għan-negozjati dwar il-pagi fis-settur. L-organizzaturi jappellaw ukoll għal leġiżlazzjoni biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti f’dan is-settur, li tkun tibni fuq id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    (4)

    Fl-aħħar nett, fl-anness, l-organizzaturi jappellaw għal aktar trasparenza fis-settur b’obbligu għall-impriżi li jippubblikaw ċerta informazzjoni dwar il-produzzjoni mill-ktajjen tal-provvista tagħhom u dritt għall-informazzjoni għall-konsumaturi dwar l-impatti negattivi attwali u potenzjali relatati mal-pagi u mal-arranġamenti kuntrattwali prekarji. L-organizzaturi pprovdew abbozz ta’ proposta għal Direttiva li tkopri għadd ta’ elementi biex jintlaħqu dawk l-objettivi b’appoġġ għall-inizjattiva tagħhom.

    (5)

    Fir-rigward tal-objettivi tal-inizjattiva, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposta għal att legali li jirrikjedi li l-impriżi attivi fis-settur tal-ħwejjeġ u taż-żraben iwettqu d-diliġenza dovuta fir-rigward tal-pagi li jiggarantixxu l-għajxien fil-katina tal-provvista tagħhom abbażi tal-Artikoli 50 u 114 tat-Trattat.

    (6)

    Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

    (7)

    Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet fattwali u sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibilità mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

    (8)

    Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament.

    (9)

    L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (10)

    L-inizjattiva bl-isem “Ħwejjeġ Tajbin, Pagi Ġusti” għandha għalhekk tiġi rreġistrata.

    (11)

    Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati bl-ebda mod ma timplika li l-Kummissjoni tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bl-isem “Ħwejjeġ Tajbin, Pagi Ġusti” għandha tiġi rreġistrata.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Ħwejjeġ Tajbin, Pagi Ġusti”, irrappreżentati mis-Sinjura Maeve GALVIN u mis-Sinjura Kirsten KOSSEN li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Věra JOUROVÁ

    Viċi President


    (1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.

    (2)  Ir-riżoluzzjoni 70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development, A/RES/70/1 (il-25 ta’ Settembru 2015).

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59).


    Top